Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R2529

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/2001 tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż

    ĠU L 341, 22.12.2001, p. 3–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008; Imħassar b' 32007R1234

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/2529/oj

    32001R2529



    Official Journal L 341 , 22/12/2001 P. 0003 - 0014


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/2001

    tad-19 ta’ Diċembru 2001

    dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż

    IL-KUNSILL TA’L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Kumitat Soċjali [3],

    Billi:

    (1) Id-dispożizzjonijiet dwar l-organizazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż twaqqfu f’għadd ta’ regolamenti. Minħabba raġunijiet ta’ ċarezza dawn ir-regolamenti għandhom jitħassru u jinbidlu b’Regolament ġdid. Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2644/80 ta’l-14 ta’ Ottubru 1980 li jistabbilixxu regoli ġenerali għall-interventi fir-rigward tal-qasam tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż [4], (KEE) Nru 3901/89 tat-12 ta’ Diċembru 1989 li jiddefinixxi l-ħrief imsemmna bħala karkassi tqal [5], (KEE) Nru 1323/90 ta’l-14 ta’ Mejju1990 li jdaħħal għajnuna speċifika għat-tkabbir tan-nagħaġ u tal-mogħoż f’arei anqas favoriti tal-Komunità [6], (KEE) Nru 3493/90 tas-27 ta’ Novembru 1990 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ benefiċċji lill-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż [7], (KEE) Nru 338/91 tal-5 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi n-norma Komunitarja dwa il-kwalità tal-karkassi tan-nagħaġ friski jew imkessħa [8] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2467/98 tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar l-organizazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż [9] qed jinbidlu b’arranġamenti ġodda f’dan ir-Regolament u għalhekk għandhom jiġu rrevokati.

    (2) Organizzazzjoni komuni għas-swieq agrarji tista’ tassumi diversi forom skond il-prodott.

    (3) Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 33 tat-Trattat, b’mod partikolari l-istabblità tas-suq u livell ta’għajxien ġust għall-komunità agrikola involuta, huwa neċessarju li jkun hemm ċerti arranġamenti li jiffaċilitaw l-aġġustament tal-provvista għall-ħtiġiet tas-suq. Għandu jkun hemm dispożizzjoni għal miżuri kummerċjali interni li jkun fihom, b’mod partikolari, benefiċċju għall-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż u skema ta’ magazzinaġġ privat.

    (4) L-ammont tal-benefiċċju li jingħata lill-produtturi għandu jikkunsidra l-ispeċjalizzazzjonijiet differenti tas-sistemi tal-produzzjoni fil-Komunità. Il-benefiċċju għall-mogħoż feminili għandu jingħata lill-produtturi f’arei speċifiċi fejn it-tkabbir tal-mogħoż ikun l-aktar immirat lejn il-produzzjoni tal-laħam tal-mogħoż u t-tekniċi tat-trobbija tal-mogħoż u tan-nagħaġ ikunu simili fin-natura tagħhom.

    (5) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet għall-ħlas ta’ benefiċċju supplimentari lil produttui f’arei fejn il-produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż tkun attività tradizzjonali jew fejn din tkun tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija rurali. L-għoti tal-benefiċċju supplimentari għandu jkun limitat għal produtturi li l-impriżi tagħhom ikollhom talanqas 50 % ta’ l-area tagħhom li tkun tintuża għall-agrikoltura f’arei anqas favoriti, kif definit skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-27 ta’ Mejju1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija Agrarji (FAEGG) u li jemenda u jappella minn ċerti regolamenti [10].

    (6) Huwa f’waqtu għal skopijiet amministrattivi li l-eqreb data għall-ħlas tal-benefiċċji għandha tkun tikkoinċidi mal-bidu ta’ sena tal-budget. Sabiex jinkiseb l-impatt ekonomiku mixtieq, il-benefiċċji għandhom jingħataw f’ ċerti limiti ta’ żmien.

    (7) Huwa neċessarju li jkun hemm dispożizzjoni għall-possibbiltà li jitbiddlu l-ammonti tal-benefiċċji fid-dawl ta’l-iżviluppi fil-produzzjoni, il-produttività u s-swieq.

    (8) Sabiex jiġi evitat li l-produzzjoni u ż-żieda fl-infiq jiġu inkoraġġiti huwa approprjat li jinżammu livelli massimi individwali għall-produtturi. L-għadd totali tad-drittijiet għall-benefiċċji ta’ kull Stat Membru għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ livelli diġà stabbiliti.

    (9) Produtturi ġodda u produtturi eżistenti li l-livelli massimi tagħhom ma jkunux, għal diversi raġunijiet, jikkorrispondu maċ-ċirkustanzi tal-merħliet tagħhom m’għandhomx jiġu esklużi mid-dritt għall-benefiċċju. Għalhekk irid ikun hemm dispożizzjoni biex jitħaddmu riservi nazzjonali li jiġu stokkjati u amministrati skond il-kriterji Komunitarji. Għall-istess raġuni, it-trasferiment tad-drittijiet għall-benefiċċju mingħajr it-trasferiment ta’l-azjenda assoċjata miegħu għandhom ikunu soġġetti għal regoli li permezz tagħhom parti mid-drittijiet trasferiti tiġi rtirata mingħajr il-ħlas tal-kumpens u tiġi allokata lil dik ir-riserva nazzjonali.

    (10) Sabiex il-produtturi jitħallew inaqqsu l-produzzjoni tagħhom għal żmien limitat, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu l-għażla ta’ trasferiment temporanju tad-drittijiet għall-benefiċċju.

    (11) Għandha tiġi stabbilità rabta bejn iż-żoni jew il-lokalitajiet sensittivi u l-produzzjoni tan-nagħaġ jew tal-mogħoż sabiex din il-produzzjoni tinżamm, speċjalment f’arei fejn din il-produzzjoni tkun importanti għall-ekonomija lokali.

    (12) Il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż u l-qagħda ta’l-introjtu tal-produtturi jvarjaw b’mod sinifikanti fid-diversi arei tal-produzzjoni tal-Komunità. Għalhekk, huwa approprjat li jkun hemm qafas flessibli ta’ ħlasijiet Komunitarji addizzjonali li jiġu stabbiliti u mħallsa mill-Istati Membri f’ammonti globali u b’mod konformi ma’ ċerti kriterji komuni sabiex ikun hemm reazzjoni approprjata għad-differenzi naturali u strutturali u għad-diversi bżonnijiet tas-settur. L-ammonti globali għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri fuq il-bażi tas-sehem imħallas tagħhom tal-benefiċċji. Il-kriterji komuni huma maħsuba, inter alia, sabiex jipprjevenu li ħlasijiet żejda jipproduċu effetti diskriminatorji u sabiex ikun hemm konsiderazzjoni sħiħa ta’l-obbligazzjonijiet multilaterali rilevanti tal-Komunità. B’mod partikolari, huwa essenzjali li l-Istati Membri jiġu obbligati li jaġixxu esklussivament fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, sabiex ikun hemm konsiderazzjoni approprjata għall-kunċett tat-trattament ekwu u sabiex jiġi evitat perversjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni.

    (13) Il-miżuri ta’l-intervent jieħdu l-forma ta’ għajnuna għall-magazzinaġġ privat, li jeffettwa mil-lanqas il-bejgħ normali tal-prodotti. Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ din l-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tiġi avżata b’kollox dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet fuq is-suq komuni tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

    (14) Bħala regola ġenerali, kull meta jintlaħqu xi kriterji tal-prezz tas-suq id-deċiżjoni biex tingħata l-għajnuna għall-magazzinaġġ privat għandha tittieħed fil-kuntest tal-proċedura ta’l-appalt. Iżda, l-għajnuna għall-magazzinaġġ privat tista’ ssir aktar effettiva jekk l-ammont ta’l-għajnuna jiġi stabbilit minn qabel, fejn ikun neċessarju li wieħed jirrikorri b’urġenza għall-magazzinaġġ privat fid-dawl ta’ sitwazzjoni tas-suq partikolarment diffiċli f’area jew f’arei tal-kwota. Huwa għalhekk neċessarju li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata biex tistabbilixxi minn qabel l-għajnuna fejn titqanqal din is-sitwazzjoni tas-suq, anke jekk il-kriterji tal-prezz tas-suq involut ma’ jkunux intlaħqu.

    (15) Arranġamenti kummerċjali, flimkien ma’ arranġamenti dwar il-prezzijiet, il-benefiċċji u l-arranġamenti dwar l-interventi u li jkun fihom sistema ta’ dazji fuq l-importazzjoni, għandhom jistabbilizzaw is-suq Komunitarju.

    (16) L-awtoritajiet kompetenti għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jsegwu l-iżviluppi kummerċjali l-ħin kollu sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw l-iżviluppi tas-suq u, fejn ikun neċessarju, l-applikazzjoni possibbli tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet għall-ħruġ ta’liċenzji ta’l-importazzjoni u, fejn ikun approprjat, il-liċenzji għall-esportazzjoni korrispondenti li jagħtu garanzija biex jiżguraw li jkunu jistgħu jsiru l-għemejjel li għalihom il-liċenzji jkunu ntalbu.

    (17) Sabiex jiġu evitati jew sabiex jitwaqqfu l-effetti negattivi fis-suq tal-Komunità minħabba l-importazzjoni ta’ xi prodotti agrikoli, l-importazzjoni ta’ wieħed jew aktar minn dawn il-prodotti għandha tkun soġġetta għal dazjji addizzjonali fuq l-importazzjoni jekk jintlaħqu ċerti kondizzjonijiet.

    (18) Huwa approprjat, taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tiftaħ u li tamministra kwoti tat-tariffi li jkunu ħerġin minn ftehim internazzjonali konkluż b’mod konformi mat-Trattat jew ħerġin minn xi atti oħra tal-Kunsill.

    (19) Flimkien mas-sistema hawn fuq deskritta, għandha ssir dispożizzjoni biex, safejn ikun neċessarju, din taħdem sewwa, biex tipprojbixxi, fl-intier tiegħu jew f’parti minnu, l-użu ta’l-arranġamenti ta’l-ipproċessar lejn l-intern jew lejn l-estern, meta s-sitwazzjoni tas-suq tkun hekk teħtieġ.

    (20) L-arranġamenti tad-dazji doganali jippermettu li jitwarrbu l-miżuri protettivi kollha l-oħra fil-fruntieri esterni tal-Komunità. Iżda l-mekkaniżmu tal-prezzijet u d-dazji doganali komuni jista’, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, juri li ma jkunx approprjat. F’każijiet bħal dawn, sabiex jiġi evitat il-ħruġ mis-suq Komunitarji mingħajr ħarsien kontra t-tfixkil li jirriżulta wara t-tneħħija tax-xkiel għall-importazzjoni, il-Komunità għandha tkun tista’ tieħu l-miżuri kollha neċessarji mingħajr dewmien. Dawn il-miżuri għandhom ikunu konformi ma’l-obbligazzjonijiet tal-Komunità, inklużi l-obbligazzjonijiet internazzjonali.

    (21) Jistgħu jittieħdu wkoll miżuri meta żieda jew waqgħa kbira fil-prezz tkun tfikxel jew thedded li tfixkel is-suq tal-Komunità.

    (22) Restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq ħieles li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżuri maħsubin biex jipprevjenu mard ta’l-annimali jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fuq is-suq fi Stat Membru jew f’aktar minn wieħed. Jista’ jkun li jkollhom jiddaħħlu miżuri ta’ għajnuna eċċezzjonali fis-suq biex jirremedjaw dawn is-sitwazzjonijiet.

    (23) L-operat tajjeb ta’ suq wieħed ibbażat fuq il-prezzijiet komuni jiġi mhedded minħabba l-għoti ta’ xi għajnuna. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregola l-għajnuna mill-Istat għandhom japplikaw għal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

    (24) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu addotti bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [11].

    (25) In-nefqa mħallsa mill-Istati Membri fit-twettiq ta’l-obbligazzjonijiet ta’ dan ir-Regolament taqa’ fl-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrarja komuni [12].

    (26) Hemm tħassib dwar l-impatt ambjentali tal-produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż f’xi reġjuni tal-Komunità. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dan is-suġġett fuq il-bażi ta’l-esperjenza miksuba flimkien ma’ proposti, jekk dan ikun neċessarji.

    (27) Il-bidla mill-arranġamenti skond ir-Regolament (KE) Nru 2467/98 għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament tista’ tqanqal diffikultajiet, li ma jkunux ittrattati f’dan ir-Regolament. Sabiex dawn id-diffikultajiet jiġu ttrattati, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li taddotta miżuri transitorji. Il-Kummissjoni għandha wkoll tiġi awtorizzata biex tirrisolvi problemi speċifiċi

    ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-organizazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż għandu jkun fiha sistema ta’ suq intern u sistema kummerċjali u għandha tkun tkopri l-prodotti li ġejjin:

    | Il-Kodiċi tan-Nm | Id-deskrizzjoni |

    (a) | 01041030 | Ħrief (sa' meta jkollhom sena) |

    01041080 | Nagħaġ ħajjin ħlief annimali tar-razza għat-tagħmir u ħrief |

    01042090 | Mogħoż ħajjin ħlief annimali tar-razza għat-tagħmir |

    0204 | Laħam tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, frisk, imkessaħ jew iffriżat |

    02109921 | Laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, bl-għadma, immellaħ, fis-salmura imnixxef jew iffumigat |

    02109929 | Laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, mingħajr għadma, immellaħ, fis-salmura imnixxef jew iffumigat |

    (b) | 01041010 | Nagħaġ ħajjin tar-razza għat-tagħmir |

    01042010 | Mogħoż ħajjin tar-razza għat-tagħmir |

    02068099 | Il-ġewwieni li jittiekel tan-nagħaġ u tal-mogħoż, frisk jew imkessaħ, ħlief dak għall-fabbrikazzjoni ta' prodottifarmaċewtiċi |

    02069099 | Il-ġewwieni li jittiekel tan-nagħaġ u tal-mogħoż,iffriżat, ħlief dak għall-fabbrikazzjoni ta' prodotti |

    02109960 | Il-ġewwieni li jittiekel tan-nagħaġ u tal-mogħoż, immellaħ, fis-salmura imnixxef jew iffumigat |

    ex15020090 | Xaħmijiet tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, ħlief dawk ta' 1503 |

    (ċ) | 16029072 | Laħam jew fdalijiet oħra tal-laħam tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, mhux imsajrin; taħlit ta' laħam jew ġewwieni li jittieklu msajrin jew mhux imsarjin |

    16029074 |

    (d) | 16029076 | Laħam jew fdalijiet tal-laħam oħra tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, ħlief dawk mhux imsarjin jew taħlit |

    16029078 |

    IT-TITOLU I IS-SUQ INTERN

    Artikolu 2

    Sabiex tiġi mħajra l-azzjoni mill-organizazzjonijiet kummerċjali u mill-għaqdiet kummerċjali konġunti biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament tal-provvista għall-ħtiġiet tas-suq, il-miżuri Komunitarji li ġejjin jistgħu jittieħdu fir-rigward tal-prodotti fl-Artikolu 1:

    (a) miżuri biex isir titjib fit-trobbija tan- nagħaġ u tal-mogħoż;

    (b) miżuri biex jippromwovu l-organizzazzjoni aħjar tal-produzzjoni, ta’l-ipproċessar u tal-bejgħ;

    (ċ) miżuri biex itejbu l-kwalità;

    (d) miżuri biex jippermettu t-twaqqif ta’ tbassir għal żmien qasir u għal żmien twil fuq il-bażi tal-mezzi ta’ produzzjoni wżati;

    (e) miżuri biex jiffaċilitaw l-irrekordjar tax-xejriet tal-prezz tas-suq.

    Regoli ġenerali dwar dawn il-miżuri għandhom jiġu addottati bi qbil mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 37(2) tat-Trattat.

    Il-KAPITOLU I IL-ĦLASIJIET DIRETTI

    Artikolu 3

    Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) "produttur" tfisser bidwi individwali, kemm jekk ikun persuna naturali jew legali kif ukoll grupp ta’ persuni naturali jew legali, irrispettivament mill-istatus legali mogħti mil-liġi nazzjonali lil grupp ta’ din ix-xorta jew lill-membri tiegħu, li l-azjenda tagħhom tkun f’territorju Komunitarju u li jkunu involuti fit-trobbija ta’ l-annimali ovini jew kaprini;

    (b) "azjenda" tfisser l-unitajiet kollha tal-produzzjoni taħt il-ġestjoni tal-produttur u fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed;

    (ċ) "nagħġa" tfisser kull femminil ta’l-ispeċi ovina li kellha l-frieħ talanqas darba jew li jkollha talanqas sena;

    (d) "mogħża" tfisser kull femminil ta’l-ispeċji kaprina li kellha l-frieħ talanqas darba jew li jkollha talanqas sena;

    IT-TAQSIMA 1 Il-benefiċċju għan-nagħaġ u għall-mogħoż

    Artikolu 4

    1. Produttur li jrabbi n-nagħaġ fl-azjenda tiegħu jista’ jikkwalifika, meta japplika għal benefiċċju tat-trobbija tan-nagħaġ (il-benefiċċju tan-nagħaġ).

    2. Produttur li jrabbi l-mogħoż jista’ jikkwalifika, meta japplika għal benefiċċju għat-trobbija tal-mogħoż (benefiċċju tal-mogħoż). Dan il-benefiċċju għandu jingħata lil produtturi f’arei speċifiċi fejn il-produzzjoni tilħaq iż-żewġ kriterji li ġejjin:

    1. it-trobbija tal-mogħoż tkun l-aktar immirata lejn il-produzzjoni tal-laħam tal-mogħoż;

    2. it-tekniċi għat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż huma simili fin-natura tagħhom.

    Lista ta’ dawn l-arei għandha tiġi stabbilità skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    3. Il-benefiċċju tan-nagħaġ u l-benefiċċju tal-mogħoż għandhom jingħataw fil-forma ta’ ħlas ta’ kull sena għal kull annimal eliġibbli għal kull sena kalendarja għal kull produttur fil-limiti ta’l-ogħla livelli individwali. L-anqas għadd ta’ annimali li għalihom titressaq applikazzjoni għal benefiċċju għandha tiġi stabbilità mill-Istat Membru. Dan il-minimu m’għandux ikun anqas minn 10 jew aktar minn 50.

    4. Għal kull nagħġa, l-ammont tal-benefiċċju għandu jkun ta’ EUR 21. Iżda fil-każ tal-produtturi li jbiegħu l-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib tan-nagħaġ il-benefiċċju għandu jkun ta’ EUR 16,8.

    5. Għal kull mogħża l-ammont tal-benefiċċju għandu jkun ta’ EUR 16,8.

    6. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    IT-TAQSIMA 2 Il-benefiċċju supplimentari

    Artikolu 5

    1. Għandu jitħallas benefiċċju supplimentari lil produtturi f’arei fejn il-produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż tkun attività tradizzjonali jew fejn tkun tikkontribwixxi b’mod sinifikanti lill-ekonomija rurali. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dawn il-areat. F’kull każ il-benefiċċju supplimentari għandu jingħata biss lil produttur li l-azjenda tiegħu jkollha talanqas il-50 % ta’l-area tagħha wżata għall-agrikultura f’arei anqas favoriti kif definiti skond ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999.

    2. Il-benefiċċju supplimentari għandu jingħata wkoll lil produttur li qed jipprattika t-trasumanza sakemm:

    (a) talanqas id-90 % ta’l-annimali li għalihom jiġi applikat il-benefiċċju jirgħu talanqas għal 90 jum wara xulxin f’area eliġibbli stabbilità b’mod konformi mal-paragrafu 1, u

    (b) il-lokalità ta’l-azjenda tkun f’area ġeografika definita sewwa li għaliha jkun ġie stabbilit mill-Istat Membru li t-trasumanza tkun prattika tradizzjonali tat-trobbija tan-nagħaġ jew/u tal-mogħoż u li dan il-moviment ta’l-annimali jkun neċessarju minħabba n-nuqqas ta’ għalf biżżejjed waqt iż-żmien tat-trasumanza.

    3. L-ammont tal-benefiċċju supplimentari għandu jiġi stabblit għal EUR 7 għal kull nagħġa u għal kull mogħża. Il-benefiċċju supplimentari għandu jingħata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk stabbiliti għall-għotja tal-benefiċċju għan-nagħaġ u tal-mogħoż.

    4. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    IT-TAQSIMA 3 Dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 6

    1. Il-benefiċċji għandhom jitħallsu lil produtturi riċevituri fuq il-bażi ta’l-għadd tan-nagħaġ u/jew tal-mogħoż li jitrabbew fl-azjenda tagħhom matul minimu ta’żmien stabbilit b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    Il-ħlasijiet għandhom isiru malli jsiru l-ispezzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992 li jistabbilixxi sistema integrata ta’l-amministrazzjoni u tal-kontroll għal ċerti skemi Komunitarji ta’l-għajnuna [13] iżda mhux aktar qabel mis-16 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja li fir-rigward tagħha jkunu saru l-applikazzjonijiet, u mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja ta’ wara.

    2. Ladarba Regolament li jipprovdi regoli ġodda dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż jibda jgħodd, biex jikkwalifika għall-benefiċċju annimal għandu jiġi identifikat u rreġistrat skond dawn ir-regoli.

    Artikolu 7

    L-ammonti tal-benefiċċji jistgħu jinbidlu fid-dawl ta’l-iżviluppi fil-produzzjoni, fil-produttività u fis-swieq, bi qbil mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 37(2) tat-Trattat.

    IT-TAQSIMA 4 Il-limiti individwali

    Artikolu 8

    1. Fl-1 ta’ Jannar 2002 l-ogħla livell għal kull produttur, bla ħsara għall-paragrafi 2 u 3, għandu jkun egwali għall-għadd tad-drittijiet għall-benefiċċju li kellu fil-31 ta’ Diċembru 2001 b’mod konformi mar-regoli Komunitarji rilevanti.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2002, l-għadd tad-drittijiet għall-benefiċċju fuq it-territorju tagħhom ma jkunx jaqbeż l-ogħla livelli nazzjonali stabbiliti fl-Anness I u li r-riservi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 10 jkunu jistgħu jinżammu.

    3. Meta l-miżuri meħuda skond il-paragrafu 2 ikunu jirrekjedu tnaqqis fl-ogħla livelli individwali li jkollhom il-produtturi, dak it-tnaqqis għandu jitwettaq mingħajr ħlas ta’ kumpens u jiġi deċiż fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi.

    Dawk il-kriterji għandhom jinkludu:

    (a) ir-rata li biha l-produtturi jkunu wżaw l-ogħla livelli tagħhom waqt it-tliet snin ta’ referenza ta’ qabel is-sena 2001;

    (b) iċ-ċirkostanzi naturali partikolari jew l-applikazzjoni tal-pieni, li jwasslu għal nuqqas ta’ ħlas jew għal ħlas imnaqqas tal-benefiċċju talanqas għal sena waħda ta’ referenza;

    (ċ) iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali addizzjonali li jkollhom l-effett li l-ħlasijiet li jkunu saru talanqas għal sena waħda ta’ referenza ma jkunux jikkorrispondu għas-sitwazzjoni attwali kif stabbilità matul is-snin ta’ qabel.

    4. Id-drittijiet għall-benefiċċju, li jkunu ġew irtirati skond il-miżura li ttieħdet skond il-paragrafu 2 għandhom jitħassru.

    5. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    Artikolu 9

    1. Meta produttur ibigħ jew jittrasferixxi b’xi mod ieħor l-azjenda, dan jista’ jittrasferixxi d-drittijiet kollha tiegħu għall-benefiċċju lill-persuna li tieħu l-azjenda mingħandu.

    2. Produttur jista’ jittrasferixxi wkoll, fl-intier jew parti minnhom, id-drittiijiet tiegħu lil produtturi l-oħra mingħajr ma jittrasferixxi l-azjenda tiegħu.

    Fil-każ ta’ trasferiment tad-drittijiet mingħajr it-trasferiment ta’l-azjenda, parti mid-drittijiet għall-benefiċċju hekk ittrasferiti, mhux aktar mill-15 %, għandha tiġi ċeduta, mingħajr kumpens lir-riserva nazzjonali ta’l-Istat Membru fejn tkun tinstab l-azjenda tiegħu biex din tarġa’ titqassam mingħajr ħlas.

    L-Istati Membri jistgħu jiksbu drittijiuet għall-benefiċċju min produtturi li jaqblu, fuq bażi volontarja, li jċedu d-drittijiet tagħhom, fl-intier jew parti minnhom. F’dan il-każ il-ħlasijiet għall-kisba ta’ dawn id-drittijiet jistgħu jsiru lil dawn il-produtturi jew mill-estimi nazzjonali jew kif previst mill-Artikolu 11(2), fil-ħames inċiż.

    Bħala deroga mill-paragrafu 1 u f’ċirkostanzi ġġustifikati kif imiss, Stati Membri jistgħu jistipulaw li fil-każ ta’ bejgħ jew ta’ trasferiment xorta oħra ta’ azjendi, it-trasferiment ta’ drittijiet jitwettaq permezz ta’ intermedjarju tar-riserva nazzjonali.

    3. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw li drittijiet għall-benefiċċju jitressqu ‘l barra minn arei jew reġjuni sensittivi fejn il-produzzjoni tan-nagħaġ tkun partikolarmnet importanti għall-ekonomija lokali.

    4. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, qabel data li għandhom jistabbilixxu, trasferimenti temporanji ta’ dik il-parti tad-drittijiet għall-benefiċċju, li ma jkunux maħsuba li sa jintużaw mill-produttur li jkunu f’idejh.

    5. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    Dawn ir-regoli dettaljati jistgħu jikkonċernaw, b’mod partiklari:

    (a) lid-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri biex jirrisolvu problemi speċifiċi dwar it-trasferiment tad-drittijiet tal-benefiċċju minn produtturi fejn l-art li fuqha l-azjenda tagħhom tkun qiegħda ma tkunx propjetà tagħhom, u

    (b) regoli speċifiċi dwar l-għadd minimu, li jista’ jkun is-suġġett ta’ trasferiment parzjali.

    Artikolu 10

    1. Kull Stat Membr għandu jżomm riserva nazzjonali tad-drittijiet tal-benefiċċju..

    2. Kwalunke dritt tal-benefiċċju rtirat skond l-Artikolu 9(2) jew skond dispożizzjonijiet Komunitarji oħra għandu jiżdied mar-riserva nazzjonali.

    3. L-Istati Membri għandhom jallokaw id-drittijiet tal-benefiċċju lill-produtturi, fil-limiti tar-riservi nazzjonali tagħhom. Meta tkun qed issir l-allokazzjoni dawn għandhom jagħtu preċedenza b’mod partikolari lil persuni ġodda, bdiewa żgħażagħ jew produtturi oħra ta’ prijorità.

    4. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, regoli dwar l-irtirar u t-tqassim għal darb’oħra tad-drittijiet tal-benefiċċju mhux użati, b’konformità mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 25(2).

    IL-KAPITOLU II IL-ĦLASIJIET ADDIZZJONALI

    Artikolu 11

    1. L-Istati Membri għandhom, ta’ kull sena, jagħmlu ħlasijiet addizzjonali li jġibu t-total ta’l-ammonti kollha stabbiliti fl-Anness II.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċideu li jissupplimentaw l-ammonti globali stabbiliti fl-Anness II billi jnaqqsu l-ammonti tal-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 4. It-tnaqqis fl-ammonti, li jista’ jiġi applikat fuq bażi reġjonali, m’għandux jaqbeż euro.

    Il-ħlasijiet għandhom isiru, ta’ kull sena, skond il-kriterji oġġettivi inklużi, b’mod partikolari, l-istrutturi u l-kondizzjonijiet tal-produzzjoni rilevanti, u b’tali mod li jiżguraw it-trattament indaqs bejn il-produtturi u jevitaw perversjoni fis-suq u fil-kompetizzjoni. Ħlasijiet għandhom isiru fit-terminu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 6. Barra minn hekk, dawn il-ħlasijiet m’għandhomx jintrabtu ma’ ċaqliq fil-prezzijiet tas-suq. Dawn jistgħu jsiru fuq bażi reġjonali.

    2. Il-ħlasijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, dan li ġej:

    - il-ħlasijiet lil produtturi li jkunu qed iwettqu tipi speċifiċi ta’ produzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità, li jkunu importanti għall-ekonomija lokali jew għall-ħarsien ta’l-ambjent.

    - żieda fil-benefiċċju stipulat fl-Artikolu 4. L-ammonti żejda jistgħu jkunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-ħtiġiet tad-densità fl-istokkjar, li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri skond il-kondizzjonijiet lokali;

    - appoġġ għar-ristrutturar ta’l-azjendi tal-produtturi jew l-iżvilupp ta’l-organizazzjonijiet tal-produtturi;

    - ħlasijiet skond l-area lil produtturi, għandhom jingħataw għal kull ettaru ta’ area ta’ għalf, li tkun disponibbli għal produttur matul is-sena kalendarja u li għaliha ma jintalbu ebda ħlasijiet għall-istess sena taħt is-sistema ta’l-appoġġ għal produtturi ta’ xi prodotti li jitkabbru, taħt is-sistema ta’ għajnuna għall-għalf niexef u taħt l-iskemi Komunitarji ta’ għajnuna għal prodotti permanenti jew ortikulturali oħra;

    - ħlasijiet lil produtturi li jċedu d-drittijiet tagħhom fuq bażi volontarja skond l-Artikolu 9(2);

    - appoġġ għat-titjib u r-razzjonalizzazzjoni ta’l-ipproċessar u l-bejgħ tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

    3. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    IL-KAPITOLU III IL-MAGAZZINAĠĠ PRIVAT

    Artikolu 12

    1. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħti għajnuna għall-magazzinaġġ privat meta jkun hemm sitwazzjoni partikolarment diffiċli f’area jew f’arei ta’ kwotazzjoni. Area ta’ kwotazzjoni tfisser:

    (a) Il-Gran Britannja;

    (b) L-Irlanda ta’ Fuq;

    (ċ) kull Stat Membru ieħor meħud għalih waħdu.

    L-għajnuna għandha tiġi introdotta fil-qafas tal-proċedura ta’ appalt pubbliku.

    Iżda, jista’ jiġi deċiż li tingħata l-għajnuna fil-qafas ta’ proċedura ta’ ffissar bil-quddiem fejn ikun neċessarju li wieħed jirrikorri b’urġenza għall-magazzinaġġ privat.

    2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati u l-għoti ta’l-għajnuna għall-magazzinaġġ privat għandha tiġi deċiża b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    IT-TITOLU II IL-KUMMERĊ MA’ PAJJIŻI TERZI

    Artikolu 13

    1. L-importazzjoni fil-Komunità, jew l-esportazzjoni ’l barra minnha, ta’ xi prodotti elenkati fl-Artikolu 1 tista’ tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’liċenzja ta’ l-importazzjoni jew ta’ l-esportazzjoni.

    Il-liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni għandhom ikunu validi fil-Komunità kollha.

    Il-liċenzji għandhom jinħarġu mill-Istati Membri lil kull applikant, irrispettivament mill-post fejn hu jkun stabbilit fil-Komunità u mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda għall-applikazzjoni ta’l-Artikolu 16.

    Il-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji jista’ jkun bil-kondizzjoni li tiġi ddepożitata garanzija li tiggarantixxi li l-prodotti jkunu qed jiġu importati jew esportati matul il-perjodu taż-żmien tal-validità tal-liċenzja; ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri, il-garanzija għandha tintilef fl-intier tagħha jew f’parti minnha jekk it-transazzjoni ma titwettaqx, jew titwettaq parzjalment biss, matul dan il-perjodu ta’żmien.

    2. Il-lista tal-prodotti li għalihom huma meħtieġa liċenzji ta’ l-esportazzjoni, iż-żmien tal-validità tal-liċenzji u regoli dettaljati oħra għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    Artikolu 14

    Ir-rati tad-dazju fit-Tariffa Doganali Komuni għandhom jgħoddu għall-Prodotti elenkati fl-Artikolu 1.

    Artikolu 15

    1. Sabiex jiġu evitati jew milqugħa l-effetti negattivi fis-suq tal-Komunità li jistgħu jirriżultaw mill-importazzjoni ta’ xi prodotti elenkati fl-Artikolu 1, l-importazzjoni ta’ wieħed jew aktar minn dawn il-prodotti b’dik ir-rata ta’ dazju stabbilità fit-Tariffa Doganali Komuni għandha tkun soġġetta għal ħlas ta’ dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-paragrafu 4, sakemm l-importazzjoni aktarx li ma tkunx sa tfixkel is-suq Komunitarju, jew fejn l-effetti sa jkunu sproporzjonati għall-għan maħsub.

    2. L-importazzjoni li ssir bi prezz taħt il-livell avżat mill-Komunità lill-Organizazzjoni Dinija tal-Kummerċ ("trigger price") jistgħu jkunu soġġetti għal dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni.

    Jekk il-volum ta’l-importazzjoni f’xi sena li fiha jkun hemm, jew aktarx li sa jkun hemm, l-effetti negattivi msemmmija fil-paragrafu 1 jaqbeż livell ibbażat fuq l-opportunitajiet għad-dħul fis-suq spjegati daqslikieku kienet importazzjoni bħala perċentwal tal-konsum domestiku korrispondenti tul it-tliet snin ta’ qabel ("trigger volume"), dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni jista’ jiġi impost.

    3. Il-prezzijiet ta’l-importazzjoni li għandhom jitqiesu għall-impożizzjoni ta’ dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni b’mod konformi mal-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’l-importazzjoni ċif tal-konsenja li tkun qed tiġi kkunsidrata.

    Il-prezzijiet ta’l-importazzjoni ċif għandhom jiġu ċċekkjati għal dak l-għan mal-prezzijiet rappreżentattivi tal-prodott fuq is-suq dinji jew fuq is-suq Komunitarju ta’l-importazzjoni ta’ dak il-prodott.

    4. Il-Kummissjoni għandha taddotta miżuri dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu bi qbil mal-proċedura stabbilità fl-Artikolu 25(2). Dawn ir-regoli għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari l-prodotti li għalihom jistgħu jiġu applikati dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni.

    Artikolu 16

    1. Kwoti tat-tariffi għall-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 li jirriżultaw minn ftehim konklużi b’mod konformi ma’l-Artikolu 300 tat-Trattat jew minn xi att ieħor tal-Kunsill għandhom jinfetħu u jiġu amministrati b’mod konformi ma’ regoli dettaljati adottati taħt il-proċedura stipulata fl-Artikolu 25(2).

    2. Kwoti għandhom jiġu amministrati bl-applikazzjoni ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin, jew ta’ kombinazzjoni tagħhom:

    (a) metodu bbażat fuq l-ordni kronoloġiku skond meta tressqu l-applikazzjonijiet (il-prinċipju ta’ "min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel");

    (b) metodu ta’ tqassim proporzjonat ma’l-ammonti mitluba meta jkunu tressqu l-applikazzjonijiet (bil-"metodu ta’ eżami simultanju");

    (ċ) metodu bbażat fuq il-konsiderazzjoni tax-xejriet kummerċjali tradizzjonali (bl-użu tal-"metodu ta’ wasla tradizzjonali/ġdida").

    Metodi approprjati oħra jistgħu jiġu addottati. Dawn għandhom jevitaw kwalunkwe diskriminazzjoni bejn l-operaturi involuti.

    3. Il-metodi ta’l-amministrazzjoni addottati għandhom, fejn ikun approprjat, jagħtu l-importanza meħtieġa għall-ħtiġiet tal-provvista tas-suq Komunitarju u għall-bżonn li jitħares l-ekwilibriju ta’ dak is-suq.

    4. Ir-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

    (a) jipprovdu kwoti annwali, imqassma kif approprjat matul is-sena kollha, jekk ikun neċessarju;

    (b) jistabbilixxu l-metodu amministrattiv li għandu jintuża;

    (ċ) jinkludu, fejn ikun approprjat, garanziji li jkopru n-natura, il-provenjenza u l-oriġni tal-prodott u, fejn ikun approprjat, iż-żamma tax-xejriet kummerċjali tradizzjonali;

    (d) jipprovdu għar-rikonnoximent tad-dokument li jintuża għall-verifikazzjoni tal-garanziji msemmija f’ (ċ); u

    (e) jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li taħthom jinħarġu l-liċenzji ta’l-importazzjoni u żżmien tal-validità tagħhom.

    Artikolu 17

    1. Sa fejn ikun neċessarju għall-operat tajjeb ta’l-organizazzjoni komuni tas-suq fil-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, skond il-proċedura tal-votazzjoni stabbilità fl-Artikolu 37(2) tat-Trattat fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’, f’każijiet speċjali, jipprojbixxi fl-intier jew f’parti minnu, l-użu ta’l-arranġamenti ta’ pproċessar lejn l-intern fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-imsemmi fl-Artikolu 1.

    2. Bħala deroga mill-paragrafu 1, jekk titqanqal is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’urġenza eċċezzjonali u s-suq Komunitarju jiġi ddisturbat jew aktarx li jiġi ddisturbat mill-arranġamenti ta’ l-ipproċessar lejn l-intern jew lejn l-estern, il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi dwar il-miżuri neċessarji; il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom jiġu avżati dwar dawn il-miżuri, li għandu jkollhom validità għal mhux aktar minn sitt xhur u għandhom ikunu applikabbli mill-ewwel. Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, din għandha tieħu deċiżjoni fuqha fi żmien ġimgħa mir-riċevuta tat-talba.

    3. Il-miżuri deċiżi mill-Kummissjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Kumsill minn kull Stat Membru fi żmien ġimgħa mill-jum li fihom ikunu ġew ikkomunikati. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġornaza kkwalifikata, jista’ jikkonferma, jemenda jew iħassar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    Jekk il-Kunsill ma jkunx aġixxa fi żmien tliet xhur, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha titqies bħala revokata.

    Artikolu 18

    1. Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Kombinata u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tagħha għandhom jgħoddu għall-klassifika tat-tariffa tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1. In-nomenklatura tat-tariffa li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi inkorporata fit-Tariffa Doganali Komuni.

    2. Ħlief meta jkun previst mod ieħor skond dan ir-Regolament jew fid-dispożizzjonijiet adottati b’mod konformi miegħu, dan li ġej għandu jiġi pprojbit fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi:

    (a) l-imposizzjoni ta’ kwalunkwe taxxa li jkollha effett ekwivalenti għad-dazju doganali;

    (b) l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni kwantitattiva jew miżura li jkollha effett ekwivalenti.

    Artikolu 19

    1. Fejn, minħabba żieda fl-importazzjoni jew fl-esportazzjoni, is-suq Komunitarju fi prodott jew prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jiġi effettwat jew mhedded b’ċaqliq serju li x’aktarx jipperikola l-kisba ta’l-għanijiet spjegati fl-Artikolu 33 tat-Trattat, jistgħu jiġu applikati miżuri approprjati fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi sakemm jieqaf dan iċ-ċaqliq jew it-theddida.

    Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jaddotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu u għandu jiddefinixxi ċ-ċirkostanzi u l-limiti li fihom, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri protettivi.

    2. Jekk titqanqal is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa. Din għandha tavża lill-Istati Membri dwar dawk il-miżuri, li għandhom jgħoddu mill-ewwel. Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, din għandha tieħu deċiżjoni fuqha fi żmien tlett ijiem mir-riċevuta tat-talba.

    3. Il-miżuri deċiżi mill-Kummissjoni jistgħu jiġu referiti lill-Kunsill minn kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem mill-jum li fihom ikunu ġew avżati. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ mingħajr dewmien. Dan jista’, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jemenda jew iħassar il-miżura involuta.

    4. Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat b’mod konformi ma’ l-obbligazzjonijiet tal-Komunità, inklużi l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħha.

    IT-TITOLU III DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 20

    L-Istati Membri għandhom iżommu rekord tal-prezzijiet ta’l-annimali ovini u tal-laħam ta’l-annimali ovini fuq il-bażi ta’ regoli stabbiliti mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    Artikolu 21

    1. Meta tiġi rreġistrata żieda jew tnaqqis kbir fil-prezzijiet fis-suq Komunitarju u din is-sitwazzjoni aktarx tkun sa tkompli, u b’hekk tiddisturba jew thedded is-suq, jistgħu jittieħdu l-miżuri neċessarji skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    Artikolu 22

    Sabiex jiġu kkunsidrati xi restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq ħieles li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-mard ta’l-annimali, jistgħu jittieħdu miżuri eċċezzjonali għall-appoġġ ta’ xi suq milqut minn dawn ir-restrizzjonijiet meħuda taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), iżda biss safejn u sa dak iż-żmien li jkun strettament meħtieġ għall-appoġġ ta’ dak is-suq.

    Artikolu 23

    Għajr meta jkun previst xorta oħra f’dan ir-Regolament, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għandhom jgħoddu għall-produzzjoni u għall-innegozjar tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 24

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkomunikaw lil xulxin it-tagħrif meħtieġ sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament.

    Għandhom jiġu adotti regoli għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ dan it-tagħrif skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 25.

    Artikolu 25

    1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat ta’l-Amministrazzjoni għan-Nagħaġ u l-Mogħoż kompost mir-rappreżentanti ta’l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu.

    Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stipulat għal xahar.

    3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli tiegħu tal-proċedura.

    Artikolu 26

    Miżuri li jkunu kemm meħtieġa kif ukoll iġġustifikati kif suppost biex iħollu, f’emerġenza, problemi prattiċi u speċifiċi għandhom jiġi addottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    Dawn il-miżuri jistgħu jidderogaw minn ċerti partijiet ta’ dan ir-Regolament, iżda biss safejn u saż-żmien strettament meħtieġ.

    Artikolu 27

    Ir-Regolament (KE) Nru 1258/1999 u d-dispożizzjonijiet addottati għall-implimentazzjoni tiegħu għandhom jgħoddu għall-infiq ta’l-Istati Membri fit-twettiq ta’l-obbligazzjonijiet skond dan ir-Regolament.

    Artikolu 28

    Sa’ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konsegwenzi ambjentali tat-tkabbir tan-nagħaġ u tal-mogħoż f’ċerti reġjuni tal-Komunità kif ukoll dwar l-impatt tas-sistema tal-benefiċċju u dwar l-operat tas-sistema tal-ħlasijiet addizzjonali, b’konsiderazzjoni għall-konsegwenzi tat-titjib fl-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoz. Jekk ikun approprjat ir-rapport għandu jkun akkompanjat minn proposti. Ir-rapport għandu jikkunsidra b’mod partikolari r-rapporti li jsiru mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999.

    Artikolu 29

    Ir-Regolamenti (KEE) Nru 2644/80, (KEE) Nru 3901/89, (KEE) Nru 1323/90 u (KEE) Nru 3493/90, (KEE) Nru 338/91, u (KEE) Nru 2467/98 qegħdin b’hekk jiġu revokati.

    Referenzi għar-Regolamenti revokati għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness III.

    Artikolu 30

    Il-miżuri meħtieġa biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-arranġamenti stabbiliti fir-Regolamenti msemmija fl-Artikolu 29 għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).

    Artikolu 31

    1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    2. Dan għandu jgħodd mill-ta’ Jannar 2002.

    3. Ir-Regolamenti (KEE) Nru 2644/80, (KEE) Nru 3901/89, (KEE) Nru 1323/90, (KEE) Nru 3493/90, (KEE) Nru 338/91, u (KE) Nru 2467/98 għandhom jibqgħu jgħoddu fir-rigward tas-sena kummerċjali 2001.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fid-19 Diċembru 2001.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. Neyts-Uyttebroeck

    [1] ĠU C 213 E, tal-31.7.2001, p. 275.

    [2] L-opinjoni mogħtija fl-25 ta’ Ottubru 2001 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [3] L-opinjoni mogħtija fis-17 ta’ Ottubru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [4] ĠU L 275, tat-18.10.1980, p. 8.

    [5] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 4. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1266/95 (ĠU L 123, tat-3.6.1995, p. 3).

    [6] ĠU L 132, tat-23.5.1990, p. 17. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 193/98 (ĠU L 20, tas-27.1.1998, p. 18).

    [7] ĠU L 337, ta’ l-4.12.1990, p. 7. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2825/2000 (ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 1).

    [8] ĠU L 41, ta’ l-14.2.1991, p. 1. Ir-Regolamenrt kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2536/97 (ĠU L 347, tat-18.12.1997, p. 6).

    [9] ĠU L 312, ta’ l-20.11.1998, p.1. Ir-Regolament emendat mir-Regolament (KE) Nru 1669/2000 (ĠU L 193, tad-29.7.2000, p. 8).

    [10] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

    [11] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    [12] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.

    [13] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1. Ir-Regolamenrt kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 495/2001 (ĠU L 72, ta’ l-14.3.2001, p. 6).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    ID-DRITTIJIET INDIVIDWALI GĦALL-BENEFIĊĊJU RIGWARD IN-NAGĦAĠ U L-MOGĦOŻ

    L-Istat Membru | Drittijiet (× 1000) |

    Il-Belġju | 70 |

    Id-Danimarka | 104 |

    Il-Ġermanja | 2432 |

    Il-Greċja | 11023 |

    Spanja | 19580 |

    Franza | 7842 |

    L-Irlanda | 4956 |

    L-Italja | 9575 |

    Il-Lussemburgu | 4 |

    L-Olanda | 930 |

    L-Awstrija | 206 |

    Il-Portugall: | 2690 |

    Il-Finlandja | 80 |

    L-Isvezja | 180 |

    Ir-Renju Unit | 19492 |

    It-Total | 79164 |

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    L-AMMONTI GLOBALI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 11

    (f'eluf ta' euro) |

    Il-Belġju | 64 |

    Id-Danimarka | 79 |

    Il-Ġermanja | 1793 |

    Il-Greċja | 8767 |

    Spanja | 18827 |

    Franza | 7083 |

    L-Irlanda | 4875 |

    L-Italja | 6920 |

    Il-Lussemburgu | 4 |

    L-Olanda | 743 |

    L-Awstrija | 185 |

    Il-Portugall | 2275 |

    Il-Finlandja | 61 |

    L-Isvezja | 162 |

    Ir-Renju Unit | 20162 |

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS III

    Ir-Regolament (KEE) No 1323/90 | Dan ir-Regolament |

    Artikolu 1 | L-Artikolu 5 |

    Ir-Regolament (KEE) No 3493/90 | Dan ir-Regolament |

    L-Artikolu 1(1) | – |

    L-Artikolu 1(2) | – |

    L-Artikolu 1(3) | – |

    L-Artikolu 1(4) | L-Artikolu 1(5) |

    L-Artikolu 1(5) | L-Artikolu 2 |

    L-Artikolu 2 | L-Artikolu 3 |

    L-Artikolu 3 | – |

    L-Artikolu 4 | – |

    Ir-Regolament (KEE) No 2467/98 | Dan ir-Regolament |

    L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 |

    L-Artikolu 2 | L-Artikolu 2 |

    L-Artikolu 3 | – |

    L-Artikolu 4 | L-Artikolu 20 |

    L-Artikolu 5(1) | L-Artikolu 4(1) |

    L-Artikolu 5(2), 5(3) | L-Artikolu 4(4) |

    L-Artikolu 5(4) | – |

    L-Artikolu 5(5) | L-Artikolu 4(2) |

    L-Artikolu 5(6) | L-Artikolu 6 |

    L-Artikolu 5(7), 5(8), 5(9), 5(10) | – |

    L-Artikolu 6(1), 6(2), 6(3) | – |

    L-Artikolu 6(4)(a) | – |

    L-Artikolu 6(4)(b) | L-Artikolu 9(1), (2) |

    L-Artikolu 6(4)(c) | L-Artikolu 9(2), 9(3) |

    L-Artikolu 6(4)(d) | L-Artikolu 9(4) |

    L-Artikolu 6(4)(e) | – |

    L-Artikolu 6(4)(f) | L-Artikolu 9(5) |

    L-Artikolu 6(5) | – |

    L-Artikolu 6(6) | – |

    L-Artikolu 7 | L-Artikolu 10 |

    L-Artikolu 8 | – |

    L-Artikolu 9 | – |

    L-Artikolu 10 | L-Artikolu 8(2) |

    L-Artikolu 11 | – |

    L-Artikolu 12 | L-Artikolu 12 |

    L-Artikolu 13 | – |

    L-Artikolu 14 | L-Artikolu 13 |

    L-Artikolu 15 | L-Artikolu 14 |

    L-Artikolu 16 | L-Artikolu 15 |

    L-Artikolu 17 | L-Artikolu 16 |

    L-Artikolu 18 | L-Artikolu 17 |

    L-Artikolu 19 | L-Artikolu 18 |

    L-Artikolu 20 | L-Artikolu 19 |

    L-Artikolu 21 | L-Artikolu 22 |

    L-Artikolu 22 | L-Artikolu 23 |

    L-Artikolu 23 | L-Artikolu 24 |

    L-Artikolu 25 | L-Artikolu 25 |

    L-Artikolu 26 | – |

    L-Artikolu 27 | – |

    L-Artikolu 28 | – |

    --------------------------------------------------

    Top