EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R2707

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2707/2000; tal-11 ta’ Diċembru 2000 li jipprovdi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola f’ċerti stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni

ĠU L 311, 12.12.2000, p. 37–42 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2008; Imħassar b' 32008R0657

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/2707/oj

32000R2707



Official Journal L 311 , 12/12/2000 P. 0037 - 0042


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2707/2000;

tal-11 ta’ Diċembru 2000

li jipprovdi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola f’ċerti stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u l-prodotti mill-ħalib [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1670/2000 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1255/1999, ħa l-post tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1587/96 [4], u, inter alia, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1842/83 [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1958/97 [6], dwar il-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola. L-iskema l-ġdida ta’ l-għajununa Komunitarja u l-esperjenza miksuba jitolbu għall-emenda u s-simplifikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 3392/93 ta’ l-10 ta’ Diċembru 1993 dwar regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1842/83 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-provvista tal-ħalib u ta’ ċerti prodotti mill-ħalib bi prezzijiet imnaqqsa lit-tfal ta’ l-iskola [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2235/97 [8]. F’ġieħ iċ-ċarezza, dan ir-Regolament għandu jiġi abbozzat mill-ġdid.

(2) L-għajnuna għandha tkun immirata lejn l-iskejjel tat-tfal iż-żgħar ħafna (tan-nuna) u l-iskejjel primarji, bl-Istati Membri mħollija jiddeċiedu għalihom infushom jekk jinkludux jew le l-iskejjel sekondarji. Sabiex jiġi ssimplifikat l-immaniġġjar, għandu jiġi eskluż il-konsum minn tfal ta’ l-iskola residenti f’kampijiet tal-vakanzi.

(3) Jeżistu diffikultajiet ta’ kontroll rigward l-użu tal-prodotti mill-ħalib issussidjati fit-tħejjija ta’ l-ikel servut lit-tfal ta’ l-iskola u, barra minn hekk, dan jidher li mhux il-mod effettiv kif jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna. L-għajnuna għandha għalhekk tkun ristretta għall-prodotti mqassma lit-tfal ta’ l-iskola.

(4) Il-lista tal-prodotti li jikkwalifikaw għall-għajnuna trid tagħti l-prijorità lil uħud mill-prodotti bażiċi tal-ħalib li l-konsum tagħhom huwa essenzjali għall-bilanċ tas-suq. Sabiex jitqiesu d-drawwiet varji tal-konsum fil-Komunità, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jinkludu ċerti prodotti b’ammont baxx tal-grass u ċerti iġbna.

(5) L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1670/2000, jispeċifika rata ġdida għall-għajnuna għall-ħalib mhux xkumat ta’ 75 % tal-prezz iffissat u għall-prodotti l-oħra rata ffissata skond il-komponenti tal-ħalib fil-prodott. L-għajnuna għall-prodotti varji skond dawn ir-regoli għandha tiġi speċifikata.

(6) Rigward il-ħlas ta’ l-għajnuna, il-ħtiġiet li jridu jintlaħqu mill-applikanti għandhom jiġu speċifikati u għandhom jiġu stabbiliti r-regoli għad-depożitu ta’ l-applikazzjonijiet, il-verifiki li jridu jsiru mill-awtoritajiet kompetenti u l-proċedura tal-ħlas. Għall-għanijiet ta’ l-immaniġġjar u l-kontroll ta’ l-għajnuna għandu jkun hemm proċedura ta’ approvazzjoni għall-applikanti. Sabiex jiġi ssimplifikat l-immaniġġjar ta’ l-iskema, għandu jiġi inkoraġġit l-użu ta’ l-organizzazzjonijiet li japplikaw f’isem numru ta’ skejjel.

(7) Skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, il-kwantità massima ta’ kuljum għal kull tifel jew tifla ta’ l-iskola li dwarhom tista’ tingħata l-għajnuna għandha tkun ekwivalenti għal 0,25 ta’ litru ta’ ħalib. L-ekwivalenzi bejn il-ħalib u l-prodotti l-oħra varji għandhom jiġu speċifikati.

(8) Iridu jiġu stabbiliti r-regoli tal-kontroll ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna, sabiex jiġi ggarantit illi l-għajununa tiġi riflessa kif xieraq fil-prezz imħallas mir-riċevituri u li l-prodotti ssussidjati ma jiddevjawx mill-użu maħsub tagħhom.

(9) Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2001, billi din hija d-data li fiha jidħol fis-seħħ l-ammont il-ġdid ta’ l-għajnuna u dan għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti ż-żmien biex iħejju l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

(10) Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Maniġerjali tal-Ħalib u l-Prodotti mill-Ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Għan

Dan ir-Regolament jipprovdi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1255/1999 rigward l-għajnuna Komunitarja skond l-Artikolu 14 tiegħu sabiex tforni ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola fi stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni.

Artikolu 2

Il-Benefiċjarji

1. Il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna għandhom ikunu t-tfal ta’ l-iskola li jattendu regolarment f’wieħed mit-tipi ta’ l-istabbilimenti ta’ l-edukazzjoni li ġejjin:

(a) l-iskejjel tat-tfal żgħar ħafna (tan-nuna)/stabbilimenti oħra ta’ qabel l-iskola formali amministrati jew li huma konoxxuti mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru;

(b) l-iskejjel primarji;

(ċ) l-iskejjel sekondarji (jekk l-Istat Membru jagħżel dan).

2. It-tfal ta’ l-iskola ma għandhomx jibbenefikaw mill-għajnuna waqt li jkunu f’kampijiet tal-vakanzi organizzati mill-istabbiliment jew mill-awtorità ta’ l-edukazzjoni ta’ dan l-istabbiliment.

3. L-għajnuna għandha tkun bil-kondizzjoni ta’ impenn bil-miktub lill-awtorità kompetenti, mill-istabbiliment jew, meta approprjat, mill-awtorità tiegħu ta’ l-edukazzjoni, illi l-prodotti mill-ħalib issussidjat ma jintużawx fit-tħejjija ta’ l-ikel.

Meta Stat Membru jagħti raġunijiet xierqa, madankollu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizzah li ma japplikax l-ewwel subparagrafu.

Artikolu 3

Il-Prodotti eliġibbli

1. L-Istati Membri għandhom iħallsu l-għajnuna għall-prodotti fil-kategoriji I u III elenkati fl-Anness.

2. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2596/97 [9], l-Istati Membri jistgħu jħallsu l-għajnuna fuq il-prodotti tal-kategoriji II u IV sa IX elenkati fl-Anness.

3. Fid-dipartimenti Franċiżi lil hemm mill-baħar, il-ħalib imħawwar biċ-ċikkulata jew xorta oħra jista’ jkun ħalib ikkostitwit mill-ġdid.

4. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw iż-żieda ta’ massimu ta’ 5 mg ta’ fluorin f’kull kilogramma għall-prodotti tal-kategoriji I sa V.

5. Il-prodotti elenkati fl-Artikolu 3(2)(b) u (ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2597/97 [10] għandhom jitqiesu, kif approprjat, bħala ħalib mhux xkumat, nofsu xkumat jew xkumat.

Artikolu 4

Ir-Rata ta’ l-għajnuna

1. Ir-rati ta’ l-għajnuna għandhom ikunu:

(a) Euro 23,24/100 kg għall-prodotti tal-kategorija I;

(b) Euro 21,82/100 kg għall-prodotti tal-kategorija II;

(ċ) Euro 17,58/100 kg għall-prodotti tal-kategorija III;

(d) Euro 16,17/100 kg għall-prodotti tal-kategorija IV;

(e) Euro 13,34/100 kg għall-prodotti tal-kategorija V;

(f) Euro 69,72/100 kg għall-prodotti tal-kategorija VI;

(g) Euro 177,79/100 kg għall-prodotti tal-kategorija VII;

(h) Euro 197,54/100 kg għall-prodotti tal-kategorija VIII;

(i) Euro 217,29/100 kg għall-prodotti tal-kategorija IX;

2. Minkejja l-paragrafu 1, fejn l-għajnuna tkun akbar mill-prezz tal-bejgħ tal-fornitur qabel il-tnaqqis ta’ l-għajnuna, din għandha tiġi mnaqqsa biex ma taqbiżx dan il-prezz.

3. Jekk tinbidel ir-rata ta’ l-euro fl-għajnuna, ir-rata fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar għandha tapplika għall-kwantitajiet kollha pprovduti matul dan ix-xahar.

4. Jekk il-kwantitajiet forniti jkunu espressi f’litri, għandu jiġi użat il-koeffiċjent ta’ 1,03 użat għall-konverżjoni f’kilogrammi.

Artikolu 5

Il-Kwantità massima li tista’ tiġi ssussidjata

1. Sabiex tiġi mħarsa l-kwantità massima ta’ 0,25 ta’ litru riferita fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, il-kwantità totali tal-prodotti mill-ħalib li għaliha jkun hemm intitolament għall-għajnuna matul perjodu taż-żmien kopert b’applikazzjoni għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tan-numru tat-tfal ta’ l-iskola mniżżla fir-reġistri ta’ l-istabbiliment.

2. Għall-prodotti fil-kategoriji VI sa IX elenkati fl-Anness, il-kalkolu għandu juża l-ekwivalenzi li ġejjin:

(a) il-kategorija VI: 100 kg = 300 kg ta’ ħalib mhux xkumat;

(b) il-kategorija VII: 100 kg = 765 kg ta’ ħalib mhux xkumat;

(ċ) il-kategorija VIII: 100 kg = 850 kg ta’ ħalib mhux xkumat;

(d) il-kategorija IX: 100 kg = 935 kg ta’ ħalib mhux xkumat.

Artikolu 6

Il-Kondizzjonijiet ġenerali għall-konċessjoni ta’ l-għajnuna

1. L-għajnuna għandha tingħata lill-applikanti approvati skond l-Artikoli 7, 8 u 9 għall-provvista tal-prodotti Komunitarji mixtrija fl-Istat Membru fejn ikun lokat l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni.

2. Tista’ ssir applikazzjoni għall-għajnuna minn:

(a) l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni;

(b) awtorità ta’ l-edukazzjoni rigward il-prodotti mqassma lit-tfal ta’ l-iskola fiż-żona tagħha;

(ċ) jekk l-Istat Membru hekk jipprovdi, lill-fornitur tal-prodotti;

(d) jekk l-Istat Membru hekk jipprovdi, organizzazzjoni li taġixxi f’isem skola jew awtorità ta’ l-edukazzjoni jew aktar, u speċifikament stabbilita għal dan il-għan.

Artikolu 7

L-Approvazzjoni ta’ l-applikanti

L-applikanti għall-għajnuna għandhom ikunu approvati għal dan il-għan mill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun lokat l-istabbiliment edukattiv li lilu jiġu forniti l-prodotti.

Artikolu 8

Il-Kondizzjonijiet ġenerali għall-approvazzjoni

L-approvazzjoni hija bil-kondizzjoni ta’ l-impenji bil-miktub li ġejjin mill-applikant lill-awtorità kompetenti:

(a) li ma jużax il-prodotti għajr għall-konsum mit-tfal ta’ l-iskola ta’ l-istabbiliment tiegħu jew ta’ l-istabbilimenti li rigward tagħhom japplika għall-għajnuna;

(b) li jħallas lura kull għajnuna rċevuta mhux kif mistħoqq, għall-kwantitajiet interessati, jekk jinstab illi l-prodotti ma jkunux ġew imqassam lir-riċevituri indikati fl-Artikolu 2 jew li tkun tħallset għal kwantitajiet akbar minn dawk mogħtija meta jiġi applikat l-Artikolu 5;

(ċ) li jagħmel disponibbli d-dokumenti ta’ appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom;

(d) li jippermetti spezzjonijiet fiżiċi.

Artikolu 9

Il-Kondizzjonijiet speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ ċerti applikanti

1. Jekk għall-għajnuna trid issir applikazjoni mill-fornitur, dan irid jagħmel l-impenji bil-miktub li ġejjin b’żieda ma’ dawk speċifikati fl-Artikolu 8:

(a) li jżomm reġistri li juru l-fabbrikanti tal-prodotti, l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-istabbilimenti ta’ l-edukazzjoni jew, meta approprjat, l-awtoritajiet ta’ l-edukazzjoni u l-kwantitajiet mibjugħa jew forniti lil dawn l-istabbilimenti;

(b) li jissottometti ruħu għal kull kontroll li jista’ jiddeċiedi dwaru l-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru, b’mod partikolari l-iskrutinju tar-reġistri.

2. Jekk l-għajnuna tiġi applikata għaliha minn organizzazzjoni riferita fl-Artikolu 6(2)(d), din għandha tagħmel l-impenji bil-miktub li ġejjin b’żieda ma’ dawk speċifikati fl-Artikolu 8:

(a) li żżomm ir-reġistri li juru l-fabbrikanti jew il-fornituri tal-prodotti, l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-istabbilimenti ta’ l-edukazzjoni jew, meta approprjat, l-awtoritajiet ta’ l-edukazzjoni u l-kwantitajiet mibjugħa jew forniti lilhom;

(b) li tissottometti ruħha għal kull kontroll li jista’ jiddeċiedi dwaru l-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru, b’mod partikolari l-iskrutinju tar-reġistri.

Artikolu 10

Is-Sospensjoni jew l-irtirar ta’ l-approvazzjoni

Jekk jinstab illi applikant għall-għajnuna ma’ jisskotax jilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9, jew kull obbligu ieħor skond dan ir-Regolament, l-approvazzjoni tista’ tiġi sospiża minn xahar sa 12-il xahar jew irtirata, skond il-gravità ta’ l-irregolarità.

Din l-azzjoni ma għandhiex tittieħed f’każi ta’ forza maġġuri jew jekk l-Istat Membru jsib illi l-irregolarità ma kenitx imwettqa apposta jew b’negliġenza jew kienet ta’ importanza żgħira.

L-approvazzjoni, ġaladarba irtirata, tista’ tingħata lura fuq it-talba ta’ l-applikant wara perjodu minimu taż-żmien ta’ sitt xhur.

Artikolu 11

L-Applikazzjonijiet għall-ħlas

1. L-applikazzjonijiet għall-ħlas iridu jsiru kif speċifikati mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri u jridu jinkludu mill-inqas it-tagħrif li ġej:

(a) il-kwantitajiet imqassma skond il-kategorija;

(b) l-isem u l-indirizz ta’ l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni jew ta’ l-awtorità ta’ l-edukazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-frekwenza ta’ l-applikazzjonijiet. Dawn jistgħu jkopru perjodu taż-żmien minn wieħed sa seba’ xhur skond l-ammont ta’ l-għajnuna li għalih issir applikazzjoni.

3. Għajr f’każijiet ta’ forza maġġuri, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom, għalbiex ikunu validi, jintbagħtu sa l-aħħar jum tar-raba’ xahar li jiġi wara t-tmiem tal-perjodu taż-żmien li tiegħu għandhom x’jaqsmu.

Jekk dan il-limitu taż-żmien jinqabeż b’inqas minn xaħrejn l-għajnuna għandha titħallas xorta waħda iżda titnaqqas:

(a) b’5 % jekk tinqabeż b’anqas minn xaħar;

(b) b’10 % jekk xorta oħra.

4. L-ammonti murija fl-applikazzjoni jridu ikunu appoġġjati minn xhieda ddokumentata miżmuma disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti. Din trid turi separatament il-prezz ta’ kull wieħed mill-prodotti kkunsinnati u trid iġġorr irċevuta maħruġa jew tkun akkumpanjata bi prova tal-ħlas.

Artikolu 12

Il-Ħlas ta’ l-għajnuna

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(4), l-għajnuna għandha titħallas biss lill-fornituri:

(a) mal-preżentazzjoni ta’ rċevuta għall-kwantitajiet attwalment ikkunsinnati, jew

(b) fuq il-bażi tar-rapport ta’ spezzjoni magħmulha mill-awtorità kompetenti qabel il-ħlas finali ta’ l-għajnuna, li jistabbilixxi illi l-ħtiġiet tal-ħlas ikunu ntlaħqu; jew

(ċ) jekk l-Istat Membru hekk jawtorizza, mal-preżentazzjoni ta’ estratt minn kont tal-fornitur li bil-kreditu tiegħu, u bl-ebda mod ieħor, ikunu mħallsa l-kwantitajiet ikkunsinnati għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

2. L-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien erba’ xhur mill-jum tad-depożitu ta’ l-applikazzjoni kif riferit fl-Artikolu 11(3), għajr jekk ikunu ġew miftuħa inkjesti amministrattivi dwar l-intitolament għaliha.

3. L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw lill-awtoritajiet lokali li jħallsu l-għajnuna u li jimmaniġġaw l-iskema pprovduta f’dan ir-Regolament.

Fil-każijiet li jridu jiġu stabbiliti mill-Istat Membru l-awtorità lokali tista’ tiġi mibdula b’assoċjazzjoni, approvata mill-Istat Membru, li għaliha jappartjenu l-istabbilimenti ta’ l-edukazzjoni.

Artikolu 13

Il-Ħlas ta’ l-avvanzi

1. L-Istati Membri jistgħu jħallsu avvanz ugwali għall-ammont ta’ l-għajnuna applikata għaliha, fuq garanzija ta’ 110 % ta’ l-ammont avvanzat.

2. Jekk fornitur japplika għall-avvanz l-awtorità kompetenti tista’ tħallsu fuq il-bażi tal-kwantitajiet ikkunsinnati mingħajr ma’ teħtieġ ix-xhieda dokumentata indikata fl-Artikolu 12(1). Fi żmien xahar minn mindu jkun tħallas l-avvanz, il-fornitur għandu jibgħat lill-awtorità kompetenti d-dokumenti meħtieġa għall-ħlas finali ta’ l-għajnuna, għajr jekk din ta’ l-aħħar tħejji rapport kif ipprovdut fl-Artikolu 12(1)(b).

3. Il-ħlas finali ta’ l-għajnuna għandu jsir sat-tmiem tas-sitt xahar li jiġi wara t-tmiem tas-sena skolastika interessata.

Artikolu 14

Il-Kontrolli

1. L-Istati Membru għandhom jieħdu kull azzjoni meħtieġa għalbiex jiżguraw illi l-ammont ta’ l-għajnuna jkun rifless kif mistħoqq fil-prezz imħallas mill-benefiċjarju.

Għal dan il-għan għandhom jiffissaw il-prezzijiet massimi li jridu jitħallsu mit-tfal ta’ l-iskola għall-prodotti varji elenkati fl-Anness u li jitqassmu fit-territorju tagħhom. Dawn il-prezzijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni bix-xhieda ta’ appoġġ għalihom.

2. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli meħtieġa sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-azzjoni tagħhom għandha tinkludi li jiċċekkjaw id-dokumenti ta’ appoġġ rigward il-prodotti kkunsinnati u l-konformità mal-kwantitajiet massimi li għalihom tista’ titħallas l-għajnuna.

3. Il-kontrolli speċifikati fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ssupplimentati bi spezzjoni fiżika sabiex jikkontrolla b’mod partikolari:

(a) l-impatt ta’ l-għajnuna rigward il-prezz imħallas mill-benefiċjarju u l-konformità mal-prezzijiet massimi riferiti fil-paragrafu 1;

(b) ir-reġistri riferiti fl-Artikolu 9;

(ċ) l-użu tal-prodotti ssussidjati skond dan ir-Regolament, b’mod partikolari jekk ikunx hemm raġunijiet għal suspetti ta’ tgħawwiġ;

(d) il-prezz imħallas lill-fornitur, sabiex jiżgura illi ma jkunx anqas mill-għajnuna.

Artikolu 15

In-Notifiki

1. Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri tagħhom sabiex japplikawh, b’mod partikolari, dwar l-arranġamenti tal-kontroll adottati.

2. Qabel il-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena għandhom jinnotifikaw:

(a) il-kwantitajiet li dwarhom l-għajnuna kienet imħallasa matul is-sena skolastika ta’ qabel;

(b) rendikont fil-qosor dwar kull tagħrif u miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti mill-ħalib midħula għalihom rigward it-tqassim tal-prodotti ssussidjati fl-iskejjel.

Artikolu 16

Ir-Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 3392/93 huwa hawnhekk imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala magħmula għal dan ir-Regolament.

Id-derogi li joħorġu mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 3392/93 għandhom jibqgħu validi skond dan ir-Regolament.

L-approvazzjonijiet mogħtija skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 3392/93 għandhom jibqgħu validi skond dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta’ Diċembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 48.

[2] ĠU L 193, tad-29.7.2000, p. 10.

[3] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13.

[4] ĠU L 206, tas-16.8.1996, p. 21.

[5] ĠU L 183, tas-7.7.1983, p. 1.

[6] ĠU L 277, ta' l-10.10.1997, p. 1.

[7] ĠU L 306, tal-11.12.1993, p. 27.

[8] ĠU L 306, tal-11.11.1997, p. 11.

[9] ĠU L 351, tat-23.12.1997, p. 12.

[10] ĠU L 351, tat-23.12.1997, p. 12.

--------------------------------------------------

ANNESS

IL-LISTA TAL-PRODOTTI ELIĠIBBLI GĦALL-GĦAJNUNA KOMUNITARJA

Il-Kategorija I

(a) il-ħalib mhux xkumat ittrattat bis-sħana;

(b) il-ħalib mhux xkumat ittrattat bis-sħana u mħawwar biċ-ċikkulata jew xorta oħra, li jkun fih mill-anqas 90 % ta’ ħalib mhux xkumat skond il-piż;

(ċ) il-jogurt (yoghurt) mill-ħalib mhux xkumat.

Il-Kategorija II

(a) il-ħalib ittrattat bis-sħana b’kontenut minimu ta’ 3 % grass;

(b) il-ħalib mhux xkumat ittrattat bis-sħana u mħawwar biċ-ċikkulata jew xorta oħra, li jkun fih mill-anqas 90 % skond il-piż tal-ħalib indikat f’ (a);

(ċ) il-"Piimä/filmjölk" b’kontenut minimu ta’ 3 % grass.

Il-Kategorija III

(a) il-ħalib nofsu xkumat ittrattat bis-sħana;

(b) il-ħalib nofsu xkumat ittrattat bis-sħana u mħawwar biċ-ċikkulata jew xorta oħra, li jkun fih mill-anqas 90 % tal-ħalib nofsu xkumat skond il-piż;

(ċ) il-jogurt (yoghurt) mill-ħalib nofsu xkumat;

(d) il-"Piimä/fil" b’kontenut minimu ta’ 1,5 % grass.

Il-Kategorija IV

(a) il-ħalib ittrattat bis-sħana b’kontenut minimu ta’ 1 % grass;

(b) il-ħalib ittrattat bis-sħana u mħawwar biċ-ċikkulata jew xorta oħra, li jkun fih mill-inqas 90 % skond il-piż tal-ħalib indikat f’ (a).

Il-Kategorija V

(a) il-ħalib mhux xkumata ittrattat bis-sħana;

(b) il-ħalib mhux xkumat ittrattat bis-sħana mħawwar biċ-ċikkulata jew xorta oħra, li jkun fih mill-anqas 90 % ħalib mhux xkumat skond il-piż;

(ċ) il-jogurt (yoghurt) mill-ħalib mhux xkumat;

(d) il-"Piimä/fil" b’kontenut ta’ inqas minn 1,5 % grass.

Il-Kategorija VI

Iġbna friski u pproċessati b’kontenut ta’ grass skond il-piż f’materjal niexef ta’ mill-inqas 40 %.

Il-Kategorija VII

Iġbna oħra għajr dawk friski u pproċessati, b’kontenut ta’ grass skond il-piż f’materjal niexef ta’ mill-inqas 45 %.

Il-Kategorija VIII

Il-ġobon "Grana padano".

Il-Kategorija IX

Il-ġobon "Parmigiano-Reggiano".

--------------------------------------------------

Top