Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0079

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE tas-27 Novembru 2000 dwar il-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta' Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji ta' l-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji ta' l-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Arju (IACA)Test b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 302, 1.12.2000, p. 57–60 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/79/oj

    32000L0079



    Official Journal L 302 , 01/12/2000 P. 0057 - 0060


    Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE

    tas-27 Novembru 2000

    dwar il-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta' Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji ta' l-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji ta' l-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Arju (IACA)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 139(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) L-amministrazzjoni u l-ħaddiema, b'mod konformi ma' l-Artikolu 139(2) tat-Trattat, jitolbu flimkien li kull ftehim konkluż fuq livell Komunitarju jiġi implimentat b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (2) Il-Kunsill adotta d-Direttiva 93/104/KE [1] dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħinijet tax-xogħol. L-Avjazzjoni Ċivili kienet wieħed mis-setturi u attivitajiet esklużi mill-għanijiet tad-Direttiva. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2000/34/KE li temenda d-Direttiva 93/104/KE sabiex ikopru s-setturi u l-attivitajiet li kienu esklużi.

    (3) Il-Kummissjoni, b'mod konformi ma' l-Artikolu 138(2) tat-Trattat, ikkonsultat ma' l-amministrazzjoni u mal-ħaddiema dwar id-direzzjoni li jista' jkollha l-azzjoni tal-Komunità fir-rigward tas-setturi u l-attivitajiet esklużi mid-Direttiva 93/104/KE.

    (4) Il-Kummissjoni, li kkunsidrat wara konsultazzjoni bħal din, li azzjoni Komunitarji kienet mixtieqa, ikkonsultat għal darba oħra ma' l-amministrazzjoni u mal-ħaddiema fuq livell tal-Komunità dwar is-sustanza tal-proposta maħsuba bi qbil ma' l-Artikolu 138(3) tat-Trattat.

    (5) L-Assoċjazzjoni tal-Linji ta' l-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji ta' l-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Arju (IACA) infurmaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jidħlu f'negozjati skond l-Artikolu 138(4) tat-Trattat.

    (6) L-organizzazzjonijiet imsemmija kkonkludew, fit-22 ta' Marzu 2000, Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħin ta' Xogħol tal-Persunal Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili.

    (7) Dan il-Ftehim fih talba konġunta lill-Kummissjoni biex timplimenta il-Ftehim b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 139(2) tat-Trattat.

    (8) Din id-Direttiva u dan il-Ftehim jistabbilixxu ħtiġiet iżjed speċifiċi fit-tifsira ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva 93/104/KE fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-ħin ta' xogħol ta' persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili.

    (9) L-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 93/104/KE jiddefinixxi ħaddiema mobbli bħala kwalunkwe ħaddiem impjegat bħala membru ta' persunal li jivjaġġa jew li jtir minn intrapriża li tħaddem servizzi ta' trasport bit-triq, bl-arju jew b'passaġġi interni fuq l-ilma għal passiġġiera jew għal oġġetti.

    (10) L-istrument addatt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim huwa Direttiva fit-tifsira ta' l-Artikolu 249 tat-Trattat.

    (11) Minħabba n-natura integrata ħafna tas-settur ta' l-avjazzjoni ċivili u l-kondizzjonijet ta' kompetizzjoni li hemm fih, l-għanijiet ta' din id-Direttiva sabiex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisafaċjenti mill-Istati Membri u għalhekk hemm il-ħtieġa ta' azzjoni tal-Komunità skond il-prinċipju ta' sussidjarjità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Din id-Direttiva ma tmurx' l hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (12) Fir-rigward tat-termini wżati fil-Ftehim, li mhumiex definiti b'mod speċifiku fih, id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri ħielsa milli jiddefinixxu dawk it-termini b'mod konformi mal-liġi u l-prattika nazzjonali, kif fil-każ ta' Direttivi ta' politika soċjali oħra li jużaw l-istess termini, sakemm id-definizzjonijiet imsemmija jkunu konformi mal-Ftehim.

    (13) Il-Kummissjoni abbozzat proposta għal Direttiva, skond il-Komunikazzjoni ta' l-20 ta' Mejju 1998 "Addattament u promozzjoni tad-djalogu soċjali fuq livell tal-Komunità", wara li kkunsidrat l-istat rapreżentattiv tal-partijiet firmatarji u l-legalità ta' kull klawsola tal-Ftehim. Il-partijiet firmatarji flimkien għandhom stat rappreżentattiv biżżejjed għal persunal li jtir impjegat ma' intrapriża li tħaddem servizzi ta' trasport għal passiġiera jew oġġetti fl-avjazzjoni ċivili.

    (14) Il-Kummissjoni abbozzat proposta għal Direttiva b'konformità ma' l-Artikolu 137(2) tat-Trattat li tgħid li d-direttivi fl-ambjent politiku soċjali "għandhom jevitaw li jimponu limitazzjonijiet amministrattivi, finanzjarji jew legali b'mod li jistgħu jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi ta' daqs medju u żgħar".

    (15) Din id-Direttiva u dan il-Ftehim jistabbilixxu l-istandardsminimi. L-Istati Membri u/jew l-amministrazzjoni u l-ħaddiema jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jkunu iżjed favorevoli.

    (16) L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandiex isservi biex tiġġustifika kwalunkwe rigressjoni f'dak li għandu x'jaqsam mas-sitwazzjoni li diġà teżisti llum f'kull Stat Membru.

    (17) Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni billi bagħtitilhom it-test tal-proposta tagħha għad-Direttiva li tinkorpora l-Ftehim.

    (18) Il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni fuq il-ftehim ta' l-istruttura ta' l-imsieħba soċjali fit-3 ta' Ottubru 2000.

    (19) L-implimentazzjoni tal-Ftehim jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet taħt l-Artikolu 136a tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    L-għan ta' din id-Direttiva huwa li timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta' xogħol tal-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili konkluża fit-22 ta' Marzu 2000 bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-amministrazzjoni u lill-ħaddiema fis-settur ta' l-avjazzjoni ċivili: l-Assoċjazzjoni tal-Linji ta' l-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji ta' l-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Arju (IACA).

    It-test tal-Ftehim jidher fl-Anness.

    L-Artikolu 2

    1. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iżjed favorevoli minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

    2. L-implimentazzjoni tad-Direttiva taħt ebda ċirkustanza m'għandha tiġġustifika t-tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti b'din id-Direttiva. Din għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijet ta' l-Istati Membri u/jew ta' l-amministrazzjoni u tal-ħaddiema għal li jistabbilixxu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kuntratwali differenti għal dawk li jkunu fis-seħħ meta tiġi adottata din id-Direttiva, dejjem sakemm ikun hemm konformità mal-ħtiġijiet minimi stabbiliti f'din id-Direttiva.

    L-Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta' Diċembru 2003 jew għandhom jiżguraw li, l-aktar tard sa dik id-data, l-amministrazzjoni u l-ħaddiema jkunu introduċew il-miżuri meġtieġa bil-ftehim. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex, ikunu jistgħu fi kull ħin, ikunu fil-pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b'din id-Direttiva. Għandhom jinfomaw mal-ewwel lill-Kummissjoni bihom.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'riferenza bħal din fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    L-Artikolu 4

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 5

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Novembru 2000.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    É. Guigou

    [1] ĠU L 307, tat-13.12.1993, p. 18. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE (ĠU L 195, ta' l-1.8.2000, p. 41).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    Il-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħin ta' Xogħol ta' Persunal Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji ta' l-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji ta' l-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Arju (IACA)

    Wara li kkunsidraw t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 138 u 139 fih,

    Wara li kkunsidraw li l-Artikolu 139(2) tat-Trattat jipprovdi li l-ftehim konklużi fuq livell Ewropew jistgħu jiġu implimentati b'talba konġunta tal-partijiet firmatarji b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw li l-partijiet firmatarji b'dan il-mezz qegħdin jagħmlu talba bħal din,

    Wara li kkunsidraw li l-partijiet firmatarji jqisu li d-dispożizzjonijiet ta' din il-Ftehim huma "ħtiġiet iżjed speċifiċi" fit-tifsira ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, u li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva m'għandhomx jgħoddu,

    IL-PARTIJIET FIRMATARJI FTEHMU FUQ DAK LI ĠEJ:

    Il-Klawsola 1

    1. Il-Ftehim jgħodd għall-ħinijet ta' xogħol tal-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili.

    2. Jistabbilixxi ħtiġiet iżjed speċifiċi fit-tifsira ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-ħin ta' xogħol ta' persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili.

    Il-Klawsola 2

    1. "Ħin ta' xogħol" tfisser kull perjodu li fih il-ħaddiem ikun qiegħed jaħdem, għad-dispożizzjoni ta' dak li jħaddem u jkun qiegħed iwettaq l-attività u d-dmirijiet tiegħu, b'mod konformi mal-liġijiet u l-prattika nazzjonali.

    2. "Il-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili" jfisser membri ta' l-ekwipaġġfuq inġenji ta' l-ajru ċivili, impjegati ma' intrapriża stabbilita fi Stat Membru.

    3. "Ħin block ta' titjir" ifisser il-ħin minn meta l-inġenju ta' l-ajru jitlaq mill-post tal-parkeġġtiegħu għat-take-off sakemm jieqaf fil-pożizzjoni ta' parkeġġ tiegħu u sakemm jieqfu l-magni kollha.

    Il-Klawsola 3

    1. Il-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili huwa intitolat għal mill-inqas erba' ġimgħat ta' leave bi ħlas, skond il-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u għoti ta', leave bħal dan stabbilit permezz ta' leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali.

    2. Il-perjodu minimu ta' leave annwali bi ħlas ma jistax jiġi sostitwit b'allowance in lieu, għajr meta r-relazzjoni ta' l-impjieg tispiċċa.

    Il-Klawsola 4

    1. (a) Il-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili huwa intitolat għal eżami tas-saħħa bla ħlas qabel jiġi mogħti l-kariga u minn hemm 'il quddiem f'intervalli regolari.

    (b) Il-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili li jsoffri minn problemi ta' saħħa rikonoxxuti bħala li jkunu relatati mal-fatt li dan jaħdem bil-lejl, għandu jiġi trasferit meta jkun possibli għal xogħol mobbli jew mhux mobbli matul il-ġurnata li jkun jista' jagħmel.

    2. L-eżami tas-saħħa bla ħlas li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 1(a) għandu jikkonforma mal-prinċipju ta' konfidenzjalità medika.

    3. L-eżami tas-saħħa bla ħlas li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 1(a) jista' jsir fi ħdan is-sistema tas-saħħa nazzjonali.

    Il-Klawsola 5

    1. Il-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili għandu jkollu protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa addattata għan-natura tax-xogħol tiegħu.

    2. Għandu jkun hemm protezzjoni adekwata u servizzi jew faċilitajiet ta' prevenzjoni għas-sigurtà u għas-saħħa tal-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili f'kull ħin.

    Il-Klawsola 6

    Għandhom jittieħdu il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li wieħed li jħaddem, li jkollu l-intenzjoni li jorganizza xogħol fuq ċertu mudell, iqis il-prinċipju ġenerali li jaddatta ix-xogħol għall-ħaddiem.

    Il-Klawsola 7

    L-informazzjoni li tikkonċerna mudelli speċifiċi ta' xogħol ta' persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili għandha tingħata lil awtoritajiet kompetenti, jekk dawn jitolbu għaliha.

    Il-Klawsola 8

    1. Il-ħin ta' xogħol għandu jitħares mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe leġislazzjoni futura tal-Komunità fuq il-limitazzjonijiet ta' ħin ta' titjir u ta' xogħol u ħtiġiet ta' mistrieħ u flimkien mal-leġislazzjoni nazzjonali fuq dan is-suġġett li għandhom jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe kwistjoni relatata.

    2. Il-ħin massimu annwali ta' xogħol, li jinkludi xi elementi ta' standby għall-għoti ta' xogħol kif stabbilit bil-liġi applikabbli, għandu jkun ta' 2000 siegħa li fih il-ħin ta' titjir għandu jkun illimitat għal 900 siegħa.

    3. L-ħin massimu annwali ta' xogħol għandu jitqassam bl-aktar mod ekwu possibbli matul is-sena.

    Il-Klawsola 9

    Mingħajr preġudizzju għal klawsola 3, il-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili għandu jingħata ġranet mingħajr xogħol u mingħajr standby, li jiġu nnotifikati minn qabel, kif segwit:

    (a) mill-inqas sebat ijem f'kull xahar kalendarju, li jistgħu jinkludu perjodi ta' mistrieħ mitluba mil-liġi; u

    (a) mill-inqas 96 ġurnata lokali f'kull sena kalendarja, li jistgħu jinkludu perjodi ta' mistrieħ mitluba mil-liġi; u

    Il-Klawsola 10

    Il-partijiet għandhom jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta' fuq sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta' implimentazzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li ddaħħal fis-seħħ lil dan il-Ftehim.

    Brussel, 22 ta' Marzu 2000.

    L-Assoċazzjoni tal-Linji ta' l-Ajru Ewropej (AEA)

    Karl-Heinz Neumeister

    ,

    is-Segretarju Ġenerali

    Manfred Merz

    ,

    il-Viċi President tal-Kumitat ta' l-Affarijiet Soċjali ta' l-AEA, il-President tal-Grupp Negozjatur

    Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF)

    Brenda O'Brien

    ,

    l-Assistant Segretarju Ġenerali

    Betty Lecouturier

    ,

    il-President, Kumitat ta' l-Ekwipaġġ ta' Inġenji ta' l-Ajru

    Bent Gehlsen

    ,

    Membru tal-Grupp Negozjatur, Kumitat ta' l-Ekwipaġġ ta' Inġenji ta' l-Ajru

    L-Assoċazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA)

    Captain Francesco Gentile

    ,

    il-President

    Captain Bill Archer

    ,

    il-Viċi President

    Giancarlo Crivellaro

    ,

    is-Segretarju Ġenerali

    L-Assoċazzjoni Ewropea tal-Linji ta' l-Ajru Reġonali (ERA)

    Mike Ambrose

    ,

    id-Direttur Ġenerali

    L-Assoċazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Ajru (IACA)

    Marc Frisque

    ,

    id-Direttur Ġenerali

    Allan Brown

    ,

    id-Direttur, Affarijiet Aeropolitiċi u Industrijali

    --------------------------------------------------

    Top