EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000D0816

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Diċembru 2000 dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-quintozene fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti tal-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva (notifikata fid-dokument numru Ċ(2000) 4136)Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 332, 28.12.2000, p. 112–113 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/816/oj

32000D0816



Official Journal L 332 , 28/12/2000 P. 0112 - 0113


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-27 ta’ Diċembru 2000

dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-quintozene fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti tal-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva

(notifikata fid-dokument numru Ċ(2000) 4136)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2000/816/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/68/KE(2), u partikolarment ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-program ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 2266/2000 [3], 2000/68/KE [4], u partikolarment l-Artikolu 7(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE pprovda biex il-Kummissjoni twettaq programm ta’ xogħol għall-eżami ta’ sustanzi attivi wżati fi prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li kienu diġà jinsabu fis-suq fil-15 ta’ Lulju 1993. Ġew stabbiliti regoli dettaljati biex jitwettaq dan il-programm ta’ xogħol fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92.

(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 [6] innomina s-sustanzi attivi li għandhom jiġu stmati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92, innomina Stat Membru biex jaġixxi ta’ relatur fir-rigward ta’ stima ta’ kull sustanza u identifika l-produtturi ta’ kull sustanza attiva li ressqu notifika fiż-żmien stipulat b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 3600/92.

(3) Il-quintozene huwa wieħed mid-90 sustanza attiva nominati fir-Regolament (KE) Nru 933/94.

(4) B’konformità ma’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92, il-Greċja, peress li ġiet nominata Stat Membru relatur, ressqet fl-1 ta’ Diċembru 1997 quddiem il-Kummissjoni r-rapport ta’ l-istima tagħha tat-tagħrif mogħti min-notifikaturi skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

(5) Meta ġie riċevut ir-rapport ta' l-Istat Membru relatur, il-Kummissjoni daħlet għal konsultazzjonijiet ma’ esperti ta’ l-Istati Membri kif ukoll man-notifikatur ewlieni (Uniroyal Chemicals) kif previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

(6) Ir-rapport ta’ stima ppreparat mill-Greċja ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. Din ir-reviżjoni ġiet iffinaliżżata fit-13 ta’ Lulju 2000 skond il-format tar-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar il-quintozene, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

(7) Stimi magħmulin fuq il-bażi ta’ taghrif hekk mogħti, ma wrewx sinjali li wieħed jista’ jistenna li, taħt il-kondizzjonijiet proposti għall-użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom il-quintozene jissodisfaw b’mod ġenerali l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikulari rigward il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema kif ukoll tal-konsumaturi li jistgħu jkunu esposti għas-sustanza quintozene u rigward kemm iddum is-sustanza fl-ambjent u l-possibbiltà li jkollha effett fuq organiżmi li ma tkunx diretta kontrihom.

(8) In-notifikatur ewlieni nforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru relatur li n-notifikatur ma xtaqx ikompli jipparteċipa fil-programm ta’ xogħol fuq din is-sustanza attiva, u għaldaqstant ma kienx sa jingħata aktar tagħrif.

(9) Għaldaqstant m’huwiex possibbli li din is-sustanza attiva tiġi nkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(10) Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja għat-tneħħija, il-magażżinaġġ, it-tqeghid fuq is-suq u l-użu ta’ ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien ta’ pjanti li jkun fihom il-quintozene permess mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE għandhom ikunu limitati għal perjodu ta’ żmien ta’ mhux aktar min 18-il xahar biex wieħed jippermetti li ħażniet eżistenti jintużaw f’perjodu ta’ mhux aktar min staġun ieħor ta’ tkabbir.

(11) Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax lill-Kummissjoni biex tieħu xi azzjoni fuq din is-sustanza attiva fi stadju aktar tard fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE [7].

(12) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-quintozene m’huwiex inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

1. awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-quintozene jiġu rtirati fi żmien 6 xhur mid-data ta’ l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni;

2. mid-data ta’ l-adozzjoni ta din id-Deċiżjoni m’għandhomx jinħarġu jew jiġu estiżi taħt id-deroga prevista għal dan l-iskop fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom jinsab il-quintozene.

Artikolu 3

Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti minn xi Stat Membru b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandhom ikunu qosra kemm jista’ jkun u m’għandhomx ikunu itwal minn 18-il xahar mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni qed tiġi ndirizzata lill-Istati Membri.

Meħuda fi Brussel, 27 ta’ Diċembru 2000.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

[2] ĠU L 276, tat-28.10.2000, p. 41.

[3] ĠU L 259, tat-13.10.2000, p. 27

[4] ĠU L 366, tal-15.12.1992, p. 10.

[5] ĠU L 107, tat-28.4.1994, p. 8.

[6] ĠU L 225, tat-22.9.1995, p. 1

[7] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 36.

--------------------------------------------------

Top