Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0059

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/59/KE tas-17 ta' Ġunju 1999 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward l-arranġamenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni

ĠU L 162, 26.6.1999, p. 63–64 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006L0112

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/59/oj

31999L0059



Official Journal L 162 , 26/06/1999 P. 0063 - 0064


Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/59/KE

tas-17 ta' Ġunju 1999

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward l-arranġamenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) l-Artikolu 14 tat-Trattat jiddefinixxi s-suq intern bħala li jikkomprendi firxa mingħajr fruntieri interni li fiha huma assigurati l-moviment liberu ta' l-oġġetti, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat;

(2) ir-regoli kurrenti applikabbli għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud fuq is-servizzi tat-telekomunikazzjoni skond l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju, 1988 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ – is-sistema Komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: il-bażi uniformi ta' stima [4] ma humiex biżżejjed sabiex jiġu ntaxxati dawn is-servizzi kollha wżati ġewwa l-Komunità u sabiex ma jħallux id-distorsjoni fil-kompetizzjoni f'dan il-qasam;

(3) fl-interess tal-funzjonament xieraq tas-suq intern, din id-distorsjoni għandha tiġi eliminata u għandhom jiġu ntrodotti regoli ġodda ta' armonizzazzjoni għal din it-tip ta' attività;

(4) għandha tittieħed azzjoni sabiex tiżgura, partikolarment, illi s-servizzi tat-telekomunikazzjoni wżati mill-konsumaturi stabbiliti fil-Komunità jiġu ntaxxati fil-Komunità;

(5) għal dan l-iskop is-servizzi tat-telekomunikazzjoni fornuti lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità jew lir-riċipjenti stabbiliti f'pajjiżi terzi għandhom, bħala prinċipju, jiġu ntaxxati fil-lok tar-reċipjent tas-servizzi;

(6) sabiex tiġi assigurata t-tassazzjoni uniformi fis-servizzi tat-telekomunikazzjoni fornuti minn persuni taxxabbli stabbiliti f'pajjiżi terzi lill-persuni mhux taxxabbli stabbiliti fil-Komunità li huma effettivament użati jew imgawdija fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(3)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE meta jibdlu l-post tal-provvista; billi, madankollu, l-Artikolu 9(3) ta' din id-Direttiva jista' jkompli japplika fejn is-servizzi korrispondenti tat-telekomunikazzjoni huma fornuti lir-riċipjenti oħra fil-Komunità;

(7) bil-għan li tiġi stabbilita regola speċjali li tiddeċiedi l-post tal-provvista tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, dawn is-servizzi jeħtieġ li jiġu definiti; din id-definizzjoni għandha tieħu timxi fuq mid-definizzjonijiet diġà adottati fil-livell internazzjonali, li jinkludu s-servizzi għat-trasmissjoni tat-telefon internazzjonali u l-aċċess tan-networks globali tat-tagħrif;

(8) it-tassazzjoni fil-post tar-riċipjent tas-servizzi tfisser ukoll illi l-persuni taxxabbli ma jkollhomx bżonn jagħmlu rikors għall-proċeduri skond id-Direttivi 79/1072/KEE [5] u 86/560/KEE [6]; ir-regoli l-ġodda biex jiddeċiedu l-post tal-provvista ma għandhomx ifissru illi l-persuni taxxabbli barranin iridu jiġu identifikati għall-iskopijiet tat-taxxa fi Stat ieħor; dan jintlaħaq billi jsir obbligatorju li r-reċipjent tas-servizzi jkun suġġett għat-taxxa, basta r-reċipjent ikun persuna taxxabbli;

(9) Id-Direttiva 77/388/KEE għandha tiġi emendata kif jixraq,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. Fl-aħħar ta' l-Artikolu 9(2)(e), il-punt għandu jiġi mibdul b'punt u virgola taħtha u għandu jiżdied dan l-inċiż ġdid li ġej:

"- Telekomunikazzjonijiet. Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni għandhom jitqiesu li huma servizzi li għandhom x'jaqsmu mat-trasmissjoni, il-ħruġ jew id-dħul tas-senjali, kitba, figuri u ħsejjes jew tagħrif ta' kull natura bil-fil, bir-radjo, strumenti tal-vista jew b'sistemi oħra elettro-manjetiċi, nklużi t-trasferiment jew l-assenjazzjoni tad-dritt li tiġi wżata l-kapaċità ta' din it-trasmissjoni bid-dħul jew bil-ħruġ. Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni fis-sens ta' din id-disposizzjoni għandhom jinkludu wkoll id-disposizzjoni ta' l-aċċess għan-networks globali tat-tagħrif."

2. Il-paragrafu 4 li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 9(3):

"4. Fil-każ tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2(e) fornuti minn persuna taxxabbli stabbilita barra mill-Komunità lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti ġewwa l-Komunità, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-paragrafu 3(b)."

3. L-Artikolu 21(1)(b) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(b) il-persuni taxxabbli li lilhom jiġu fornuti s-servizzi koperti bl-Artikolu 9(2)(e) jew il-persuni li huma jdentifikati bil-għan tat-taxxa fuq il-valur miżjud ġewwa t-territorju tal-pajjiż li lihom jiġu fornuti s-servizzi koperti bl-Artikolu 28b(Ċ), (D), (E) u (F), jekk is-servizzi jiġu mwettqa minn persuna taxxabbli stabbilita barra l-pajjiż; madankollu, l-Istati Membri jkunu jistgħu jeħtieġu illi l-fornitur tas-servizzi ikun miżmum flimkien u separatament responsabbli għall-ħlas tat-taxxa;"

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa' l-1 ta' Jannar, 2000. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn il-miżuri għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkompanjati minn din ir-riferenza fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbilititi mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol is-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-17 ta' Ġunju, 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Müntefering

[1] ĠU C 78, tat-12.3.1997, p. 22.

[2] Opinjoni mogħtija fis-6 ta' Mejju, 1999 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 287, tat-22.9.1997, p. 28.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/49/KE (ĠU L 139, tat-2.6.1999, p. 27).

[5] ĠU L 331, tas-27.12.1979, p. 11. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att tal-Għaqda 1994.

[6] ĠU L 326, tal-21.11.1986, p. 40.

--------------------------------------------------

Top