Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R2139

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2139/98 tas-6 ta’ Ottubru 1998 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar id-dħul ta’ ċerti ismijiet fir-“Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” pprovdut bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 skond il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ismijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti u l-oġġetti ta’ l-ikel agrikoli

    ĠU L 270, 7.10.1998, p. 7–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2139/oj

    31998R2139



    Official Journal L 270 , 07/10/1998 P. 0007 - 0008


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2139/98

    tas-6 ta’ Ottubru 1998

    li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar id-dħul ta’ ċerti ismijiet fir-"Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti" pprovdut bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 skond il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ismijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti u l-oġġetti ta’ l-ikel agrikoli

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijet ġeografiċi u l-ismijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti u l-oġġetti ta’ l-ikel agrikoli [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1068/97 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5)(b) tiegħu,

    Billi, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, Franza bagħtet lill-Kummissjoni applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika;

    Billi, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ hawn fuq, instab illi l-applikazzjoni tilħaq il-ħtiġiet kollha tar-Regolament, b’mod partikolari illi ġie mogħti t-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4;

    Billi ntbagħtu numru ta' dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ hawn fuq lill-Kummissjoni wara l-publikazzjoni ta’ l-isem fl-Anness ma’ dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [3] iżda li waħda biss minn dawn id-dikjarazzjonijiet kienet meqjusa ġġustifikata u għaldaqstant ammissibbli; billi d-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni meqjusa inammissibbli jew naqsu milli juru r-raġunijiet li fuqhom l-oġġezzjoni hija bbażata jew ma kellhomx x'jaqsmu mar-raġunijiet komprensivi għal oġġezzjoni stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu;

    Billi skond l-Artikolu 7(5) ta’ dan ir-Regolament minħabba l-fatt illi l-produtturi Franċiżi ssottomettew dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-Istat Membru interessat sabiex ifittex jilħaq ftehim; billi, madankollu, ma ntlaħaq l-ebda ftehim u għalhekk il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjioni ta’ l-isem fil-kwistjoni;

    Billi, rigward id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni mill-produtturi Daniżi, il-Kummissjoni kellha terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha minħabba fatturi li ma dehrux fiż-żmien li l-oġġezzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni; billi din l-oġġezzjoni għandha wkoll tipi ddikjarata ammissibbli;

    Billi, skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, kif miżjud bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 535/97 [4], tista’ ssir disposizzjoni għal perjodu taż-żmien ta’ transizzjoni għal sa ħames snin skond l-Artikolu 7(5)(b), fejn fost ħwejjeġ oħra jeżistu prodotti (bħal f’dan il-każ) li kien ilhom legalment fis-suq għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni pprovvduta fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92; billi dan il-perjodu taż-żmien ta’ transizzjoni jista’ jkun ippprovdut biss meta l-impriżi jkunu legalment qiegħdu fis-suq il-prodotti interessati bl-użu ta’ l-ismijiet fil-kwistjoni għal mill-inqas ħames snin bla waqfien qabel id-data tal-pubblikazzjoni pprovduta fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament; billi l-Istati Membri fil-kwistjoni jiddikjaraw li ntlaħqu dawn il-kondizzjonijiet;

    Billi fid-dawl ta’ l-argumenti miġjuba mill-partijiet interessati, perjodu taż-żmien ta’ transizzjoni ta’ tliet snin huwa approprjat; billi dan il-perjodu taż-żmien ta’ transizzjoni japplika għall-kumpaniji "Salaisons du Pays d’Oc", "Sør-Wi A/S", "Sørwi A/S", "Suhls Pålæg A/S", "Steff-Houlberg", "Vestjyske Slagterier A.m.b.a." u "Danish Crown"; billi dawn il-kumpaniji jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92;

    Billi, bħala riżultat, dan l-isem għandu jidħol fir-"Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti" u għandu għaldaqstant igawdi l-protezzjoni tal-Komunità bħala indikazzjoni ġeografika;

    Billi l-Anness ma’ dan ir-Regolament jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2400/96 [5] kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2008/98 [6];

    Billi l-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u Denominazzjoni ta’ l-Origini,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L- Artikolu 1

    L-isem fl-Anness ma' hawn huwa hawnhekk miżjud fl-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2400/96 u jiddaħħal fir-"Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti" bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ipprovdut bl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92.

    Il-kumpaniji "Salaisons du Pays d’Oc", "Sør-Wi A/S", "Sørwi A/S", "Suhls Pålæg A/S", "Steff-Houlberg", "Vestjyske Slagterier A.m.b.a." u "Danish Crown" jistgħu jissoktaw iqiegħdu fis-suq il-prodotti tagħhom bl-isem ta' "Jambon de Bayonne" għal perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. It-tikketta għandha turi b’mod ċar l-oriġini vera tal-prodott.

    L- Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament għall-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-6 ta’ Ottubru 1998.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 208, ta' l-24.7.1992, p. 1.

    [2] ĠU L 156, tat-13.6.1997, p. 10.

    [3] ĠU C 22, tat-22.1.1997, p. 3.

    [4] ĠU L 83, tal-25.3.1997, p. 3.

    [5] ĠU L 327, tat-18.12.1996, p. 11.

    [6] ĠU L 266, ta' l-1.10.1998, p. 24.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    IL-PRODOTTI ELENKATI FL-ANNESS II MAT-TRATTAT TAL-KE MAĦSUBA GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM

    Il-prodotti bbażati fuq il-laħam:

    FRANZA

    - Il-Jambon de Bayonne (IĠP)

    --------------------------------------------------

    Top