Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998L0056

    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali

    ĠU L 226, 13.8.1998, p. 16–23 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/06/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/56/oj

    31998L0056



    Official Journal L 226 , 13/08/1998 P. 0016 - 0023


    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE

    ta’ l-20 ta’ Lulju 1998

    dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    (1) Billi l-produzzjoni tal-pjanti ornamentali tokkupa post importanti fl-agrikoltura tal-Komunità.

    (2) Billi riżultati sodisfaċenti fil-kultivazzjoni tal-pjanti ornamentali jiddependu ħafna fuq il-kwalità u s-saħħa tal-materjal użat għall-propagazzjoni tagħhom.

    (3) Billi l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet armonizzati fil-livell Komunitarju għandu jassigura li x-xerrejja fil-Komunità kollha jirċievu materjal tal-propagazzjoni li huwa b’saħħtu u ta’ kwalità tajba.

    (4) Billi, sa fejn dawn ikollhom x’jaqsmu mas-saħħa tal-pjanti, dawn il-kondizzjonijiet armonizzati għandhom ikunu konsistenti mad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 rigward il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ organiżmi li huma ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti mill-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità [4].

    (5) Billi huwa xieraq li jkunu stabbiliti regoli Komunitarji għall-ġeneri u għall-ispeċji kollha tal-pjanti ornamentali fill-Komunità, bl-eċċezzjoni ta’ dawk koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 rigward il-protezzjoni ta' speċji tal-fawna u l-flora ferjali billi jiġi rregolat il-kummerċ fihom [5].

    (6) Billi, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar is-saħħa tal-pjanti tad-Direttiva 77/93/KEE, mhux xieraq li jkunu applikati r-regoli Komunitarji dwar il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni meta jkun muri li dan il-materjal u dawn il-pjanti huma intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, billi r-regoli applikabbli hemmhekk jistgħu jkunu differenti minn dawk li jinsabu f’din id-Direttiva.

    (7) Billi l-eżami tas-saħħa ta’l-pjanta u ta' l-istandards tal-kwalità għal ċerti ġenji u speċi partikolari ta’ pjanti ornamentali teħtieġ l-eżaminazzjoni teknika u xjentifika twila u ddettaljata; billi għalhekk għandha tiġi stabbilita proċedura sabiex jiġu ddeterminati dawn l-istandards.

    (8) Billi fl-ewwel lok hija r-responsabbiltà tal-fornituri tal-materjal tal-propagazzjoni li jagħmlu ċert li l-prodott tagħhom iwettaq il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.

    (9) Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, meta jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet, għandhom jassiguraw li l-fornituri jwettqu dawk il-kondizzjonijiet.

    (10) Billi għandhom ikunu introdotti miżuri ta’ kontrolli Komunitarji li jassiguraw l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.

    (11) Billi huwa fl-interessi tax-xerrejja tal-materjal tal-propagazzjoni li l-ismijiet tal-varjetajiet jew tal-gruppi ta’ pjanti jkunu magħrufa u li l-identità tagħhom tkun imħarsa.

    (12) Billi l-karatteristiċi speċifiċi għall-industrija li topera fis-settur tal-pjanti ornamentali huma fattur li joħloq kumplikazzjonijiet; billi, għalhekk, l-aħjar mod kif jista’ jinkiseb l-għan iddikjarat hawn fuq hu jew permezz ta’ konoxxenza komuni tal-varjetà jew, fil-kas ta’ varjetajiet jew gruppi ta’ pjanti, permezz tad-disponibbiltà ta’ deskrizzjoni mħejjija u miżmuma mill-fornituri.

    (13) Billi, sabiex tkun assigurata l-identità u l-marketing b’mod ordinat tal-materjal tal-propagazzjoni, għandhom isiru regoli Komunitarji dwar is-separazzjoni tal-pakketti u dwar l-immarkar; billi t-tikketti għandhom jagħtu d-dettalji meħtieġa kemm għall-kontroll uffiċjali kif ukoll għall-informazzjoni ta’ min ikabbar.

    (14) Billi għandhom jiġu stabbiliti regoli li jippermettu, fil-kas ta’ diffikultajiet temporanji tal-provvista, il-marketing ta’ materjal tal-propagazzjoni bla ħsara għal ħtiġiet anqas stretti minn dawk li jinsabu f’din id-Direttiva.

    (15) Billi għandhom isiru disposizzjonijiet li jawtorizzaw il-marketing, ġewwa l-Komunità, tal-prodotti tal-materjali tal-propagazzjoni f’pajjiżi terzi, dejjem sakemm jingħataw garanziji ekwivalenti f’kull aspett fir-rigward tal-prodotti tal-materjal tal-propagazzjoni fil-Komunità u jkunu mħarsa r-regoli Komunitarji.

    (16) Billi, sabiex ikunu armonizzati l-metodi rekniċi ta’ l-eżaminazzjoni użati fl-Istati Membri u biex ikunu mqabbla l-materjali tal-propagazzjoni prodotti fil-Komunità ma’ dawk il-prodotti f’pajjiżi terzi, provi komparattivi għandhom ikunu mwettqa dwar il-konformità tal-materjal tal-propagazzjoni mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

    (17) Billi, sabiex jitħaffef l-operat effettiv ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tiġi fdata bir-responsabbiltà li tadotta miżuri għall-implimentazzjoni tagħha; billi dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati permezz ta’ proċedura li tinvolvi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi ħdan Kumitat Permanenti għal Materjali tal-Propagazzjoni tal-Pjanti Ornamentali.

    (18) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/682/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni u tal-pjanti ornamentali [6] stabbiliet kondizzjonijiet armonizzati fuq livell Komunitarju sabiex tassigura li xerrejja fil-Komunità kollha jirċievu materjal tal-propagazzjoni u pjanti ornamentali li huma b’saħħithom u ta’ kwalità tajba.

    (19) Billi l-Istati Membri ffaċċjaw diffikultajiet fl-interpretazzjoni u fit-transpożizzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva.

    (20) Billi l-imsemmija Direttiva kienet meqjusa bħala addatta għal inklużjoni fl-Inizjattiva LASSI (SLIM) (Leġislazzjoni aktar Sempliċi għas-Suq Intern) li kienet imnedija mill-Kummissjoni f’Mejju 1996.

    (21) Billi l-grupp SLIM dwar il-Pjanti Ornamentali għamel diversi rakkomandazzjonijiet immirati biex jissimplifikaw l-imsemmija Direttiva; billi dawk ir-rakkomandazzjonijiet jinsabu fil-Komunikattiva mill-Kummissjoni lejn il-Kunsill u lejn il-Parlament Ewropew dwar l-inizjattiva SLIM.

    (22) Billi dawk ir-rakkomandazzjonijiet kienu relatati mal-persunal li jrid jiġi kkontrollat mill-imsemmija Direttiva, l-ispeċji koperti b’dik id-Direttiva, l-awtentiċità varjetali, l-interrelazzjoni mad-Direttiva 77/93/KEE u l-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi.

    (23) Billi, wara li ġew meqjusa dawk ir-rakkomandazzjonijiet huwa mixtieq li jiġu emendati ċerti disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/682/KEE; billi minħabba n-numru ta’ dawn l-emendi, l-imsemmija Direttiva għandha tkun formulata mill-ġdid fl-interessi tal-kjarezza,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    TITOLU I SKOP

    Artikolu 1

    1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali fi ħdan il-Komunità. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ħarsien tal-flora ferjali stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 338/97, ir-regoli dwar l-ippakkjar u dwar l-ippakkjar ta’ l-iskart stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [7], jew, ħlief jekk previst mod ieħor f’din id-Direttiva jew fuq il-bażi tagħha, ir-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE.

    2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

    - il-materjal li jintwera li huwa intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, li huwa identifikat bħala tali u li jinżamm iżolat b’mod suffiċjenti,

    - il-materjal li l-prodotti tiegħu mhumiex intiżi għal skopijiet ornamentali, jekk huwa kopert b’leġislazzjoni Komunitarja oħra dwar il-marketing ta’ materjal ta’ din ix-xorta.

    3. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, jista’ jkun deċiż li wħud mill-ħtiġiet, jew kollha kemm huma, ta’ din id-Direttiva, m’għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ żerriegħa ta’ speċji jew gruppi partikolari ta’ pjanti, meta dawn ikunu intiżi għall-produzzjoni ta’ aktar materjal tal-propagazzjoni u meta ma jkun hemm ebda konnessjoni sinifikanti bejn il-kwalità ta’ din iż-żerriegħa u l-kwalità tal-materjal li jirriżulta minnha.

    TITOLU II DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    1) "Materjal tal-propagazzjoni": materjal tal-pjanti intiżi għal:

    - propagazzjoni tal-pjanti ornamentali, jew

    - il-produzzjoni tal-pjanti ornamentali; b’danakollu, fil-każ tal-produzzjoni minn pjanti sħaħ, din id-definizzjoni tapplika biss sa fejn il-pjanta ornamentali riżultanti hija intiża għall-marketing.

    "Propagazzjoni": riproduzzjoni permezz tal-mezzi veġetattivi jew mezzi oħrajn.

    2) "Fornitur": kull persuna naturali jew ġuridika involuta professjonalment fil-marketing jew fl-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni.

    3) "Marketing": bejgħ jew konsenja minn fornitur lejn persuna oħra. 'Bejgħ' jinkludi li wieħed iżomm disponibbli jew jaħżen, jesebixxi bl-iskop ta’ bejgħ, jew li joffri għall-bejgħ.

    4) "Korp uffiċjali responsabbli":

    (a) awtorità, stabbilita jew innominata mill-Istat Membru taħt is-superviżjoni tal-gvern nazzjonali u responsabbli għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kwalità;

    (b) kwalunkwe awtorità ta’ l-Istat stabbilita:

    - jew fuq livell nazzjonali, jew

    - fuq il-livell reġjonali, taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, fil-limiti stabbiliti mill-kostituzzjoni ta’ l-Istati Membri kkonċernati.

    Il-korpi riferiti hawn fuq jistgħu, b’mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jiddelegaw id-dmirijiet li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva li għandhom jitwettqu taħt l-awtorità u s-sorveljanza tagħhom lil xi persuna ġuridika, kemm jekk irregolata b’liġi pubblika jew privata, li, taħt il-kostituzzjoni uffiċjalment approvata tagħha, għandha l-inkarigu esklussiv li taqdi l-funzjonijiet pubbliċi speċifiċi, sakemm dik il-persuna, u l-membri tagħha, ma jkollha l-ebda interess personali fl-eżitu tal-miżuri meħuda.

    Aktar minn hekk, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, persuni ġuridiċi oħrajn stabbiliti f’isem il-korp riferit fil-punt (a) u li jaġixxu taħt l-awtorità u s-sorveljanza tal-korp ta’ dik ix-xorta jistgħu jiġu approvati, sakemm din il-persuna ma jkollha l-ebda interess personali fl-eżitu tal-miżuri meħuda.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi uffiċjali responsabbli tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn kollha.

    5) "lott": numru ta’ unitajiet ta’ prodott wieħed, li jistgħu jiġu identifikati mill-omoġenità ta’ l-għamla u ta’ l-oriġini tagħhom.

    TITOLU III ĦTIĠIET LI GĦANDHOM IKUNU MILĦUQA MILL-MATERJALI TAL-PROPAGAZZJONI

    Artikolu 3

    1. Il-fornituri jistgħu jagħmlu l-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni biss jekk dan jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti f’din id-Direttiva.

    2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-materjali tal-propagazzjoni intiżi għal:

    (a) provi jew skopijiet xjentifiċi,

    (b) xogħol ta’ l-għażla, jew

    (ċ) il-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.

    3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

    Artikolu 4

    Il-materjal tal-propagazzjoni għandu, meta applikabbli, ikun konformi mal-kondizzjonijiet relevanti dwar is-saħħa ta’ pjanti stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE.

    Artikolu 5

    1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 u ta’ l-Artikolu 4, il-materjal tal-propagazzjoni għandu jkun marketed meta:

    - irid ikun mill-anqas spezzjonat b’mod viżwali, ikun sostanzjalment ħieles minn kull organiżmi li jagħmlu l-ħsara u li jnaqqsu l-kwalità, jew minn kull sinjali jew sintomi tagħhom, li jnaqqsu l-utilità tiegħu,

    - irid ikun sostanzjalment ħieles minn kull diffetti li x'aktarx jistgħu jnaqqsu l-kwalità tiegħu bħala materjal tal-propagazzjoni,

    - irid ikollu vitalità u qisien sodisfaċenti fir-rigward ta’ l-utilità tiegħu bħala materjal tal-propagazzjoni,

    - fil-każ ta’ żerriegħa, irid ikollha l-kapaċità ta’ ġelbin sodisfaċenti,

    - jekk marketed b’referenza għal xi varjetà permezz ta’ l-Artikolu 9, għandu jkollu identità u purità varjetali sodisfaċenti.

    2. Xi materjal tal-propagazzjoni li, fuq il-bażi tas-sinjali jew tas-sintomi li jidhru, m’huwiex sostanzjalment ħieles minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara, għandu jingħata trattament xieraq jew, meta xieraq, għandu jitneħħa.

    3. Fil-każ ta’ materjal taċ-ċitru l-ħtiġiet li ġejjin għandhom ukoll ikunu sodisfatti:

    (a) irid ikun idderivat minn materjal inizjali li jkun ġie kkontrollat u misjub li m’għandu l-ebda sintomi ta’ mikrobi, organiżmi bħal mikrobi jew mard;

    (b) irid ikun ġie kkontrollat u misjub li huwa sostanzjalment ħieles minn dawn it-tipi ta’ mikrobi, organiżmi bħal mikrobi jew mard sa mill-bidu ta’ l-aħħar ċiklu tal-veġetazzjoni; u

    (ċ) fil-każ ta’ tilqim, irid ikun ġie mlaqqam ma’ xtieli msensla tan-nisel apparti minn dawk suxxettibbli għall-virojdi.

    4. Fil-każ ta’ basal tal-fjuri għandu wkoll jissodisfa l-ħtiġiet li ġejjin:

    - il-materjal tal-propagazzjoni irid ikun ġie dderivat minn materjal li, fl-istadju ta’ meta l-wiċċ tar-raba’ jkun għadu qiegħed jikber, ikun ġie kkontrollat u misjub li huwa sostanzjalment ħieles minn kull organiżmi li jagħmlu l-ħsara u minn mard, is-sinjali jew is-sintomi tagħhom.

    5. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, tista’ tkun stabbilita skeda għal ġenus jew speċi partikolari, li tistipula kondizzjonijiet addizzjonali dwar il-kwalità li trid tintlaħaq mill-materjal tal-propagazzjoni meta dan ikun marketed. Ġenus jew speċi għandha tiġi inkluża fl-iskeda biss jew jintwera li hemm ħtieġa għal dawn ir-regoli addizzjonali. Meta tiġi determinata din il-ħtieġa għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin:

    - l-esistenza ta’ problemi fir-rigward tal-kwalità tal-materjal tal-propagazzjoni tal-ispeċi jew tal-ġenus ikkonċernati, li jistgħu jiġu riżolti b’mod sodisfaċenti biss permezz ta’ mezzi leġislattivi,

    - l-importanza ekonomika tal-materjal tal-propagazzjoni ta’ l-ispeċi jew tal-ġenus ikkonċernati,

    - konsistenza ma’ l-istandards internazzjonali dwar pesti rregolati mhux tal-kwarantina.

    TITOLU IV ĦTIĠIET LI GĦANDHOM IKUNU MILĦUQA MILL-FORNITURI TAL-MATERJAL TAL-PROPAGAZZJONI

    Artikolu 6

    1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-fornituri għandhom ikunu uffiċjalment irreġistrati b’relazzjoni ma’ l-attivitajiet li huma jwettqu taħt din id-Direttiva. Il-korp uffiċjali responsabbli jista’ jqis lill-fornituri, li huma diġà rreġistrati taħt id-Direttiva 77/93/KEE, bħala rreġistrati għall-iskopijiet tad-Direttiva preżenti. Dawn il-fornituri għandhom b’danakollu jħarsu l-ħtiġiet tad-Direttiva preżenti.

    2. Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika għall-fornituri li jbiegħu biss lill-persuni li m’humiex involuti professjonalment fil-produzzjoni jew fil-bejgħ ta’ pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni. Dawn il-fornituri għandhom b’danakollu jħarsu l-ħtiġiet tad-Direttiva preżenti.

    Artikolu 7

    1. Il-fornituri involuti fil-produzzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni għandhom:

    - jidentifikaw u jissorveljaw punti kritiċi fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom li jinfluwenzaw il-kwalità tal-materjal,

    - iżommu l-informazzjoni, għall-eżami meta mitluba mill-korp uffiċjali responsabbli għas-sorveljanza stabbilit fl-ewwel inċiż,

    - jieħdu kampjuni meta dawn ikunu meħtieġa għall-analiżi f’laboratorju b’faċilitajiet u b’esperjenza xierqa,

    - jassiguraw li, waqt il-produzzjoni, lottijiet tal-materjal tal-propagazzjoni jibqgħu separatament identifikabbli.

    2. Fil-każ li jitfaċċa, fuq il-fond ta’ fornitur involut fil-produzzjoni ta’ materjal tal-propagazzjoni, xi organiżmu li jagħmel il-ħsara li huwa elenkat fid-Direttiva 77/93/KEE jew f’xi miżura stabbiliti skond l-Artikolu 5(5), il-fornitur għandu jirraporta lejn il-korp uffiċjali responsabbli u għandu jwettaq kull miżura ordnata minn dak il-korp.

    3. Meta l-materjal tal-propagazzjoni jkun marketed, il-fornituri rreġistrati għandhom iżommu reġistri tal-bejgħ jew tax-xiri tagħhom għal ta’ mill-anqas 12-il xahar.

    4. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

    TITOLU V MARKETING U TIKKETTJAR TAL-MATERJAL TAL-PROPAGAZZJONI

    Artikolu 8

    1. Il-materjal tal-propagazzjoni għandu jkun marketed f’lottijiet. B’danakollu, il-materjal tal-propagazzjoni ta’ lottijiet differenti jista’ jkun marketed bħala konsenja waħda, sakemm il-fornitur iżomm ir-reġistri tal-kompożizzjoni u ta’ l-oriġini tal-lottijiet differenti.

    2. Meta l-materjal tal-propagazzjoni ikun marketed, dan irid jiġi akkumpanjat minn tikketta jew minn dokument ieħor magħmul mill-fornitur.

    3. B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikoklu 17, għandhom ikunu stabbiliti l-ħtiġiet fir-rigward tat-tikketta jew tad-dokument riferit fil-paragrafu 2. Fil-każ meta jkun marketed materjal tal-propagazzjoni lejn persuni li m’humiex involuti professjonalment fil-produzzjoni jew fil-bejgħ ta’ pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni, il-ħtiġiet dwar l-ittikkettjar jistgħu jkunu llimitati għall-informazzjoni xierqa dwar il-prodott. Il-ħtiġiet dwar l-ippakkjar tal-materjal tal-propagazzjoni jistgħu jiġu adottati skond l-istess proċedura.

    4. Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika għall-materjal tal-propagazzjoni li jitpoġġa fis-suq biss għal persuni li m’humiex involuti professjonalment fil-produzzjoni jew fil-bejgħ ta’ pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni.

    Artikolu 9

    1. Materjal tal-propagazzjoni jista’ jitpoġġa fis-suq b’referenza għal varjetà, biss jekk il-varjetà kkonċernata tkun:

    - legalment protetta minn dritt tal-varjetà tal-pjanta skond id-disposizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-varjetajiet ġodda, jew

    - uffiċjalment irreġistrata, jew

    - magħrufa b’mod komuni, jew

    - tkun iddaħħlet f’lista miżmuma minn fornitur flimkien mad-deskrizzjoni ddettaljata u d-denominazzjoni tagħha. Dawn il-listi għandhom isiru skond regoli indikattivi li huma aċċettati internazzjonalment, meta dawn ikunu applikabbli. Il-listi għandhom jitpoġġew għad-disposizzjoni, fuq talba, tal-korp uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

    2. Safejn ikun possibbli, kull varjetà għandu jkollha l-istess denominazzjoni fl-Istati Membri kollha, skond il-miżuri implimentattivi li jistgħu jiġu adottati skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17 jew, fin-nuqqas tagħhom, skond ir-regoli indikattivi aċċettati internazzjonalment.

    3. Jekk il-materjal tal-propagazzjoni jitpoġġa fis-suq b’referenza għal grupp ta’ pjanti apparti mill-varjetà riferita fil-paragrafu 1, il-fornitur għandu jindika l-grupp tal-pjanti b’tali mod sabiex jevita konfużjoni ma’ kull denominazzjoni varjetali.

    4. Disposizzjonijiet implimentattivi addizzjonali għar-raba’ inċiż tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 17.

    TITOLU VI MATERJAL TAL-PROPAGAZZJONI LI JISSODISFA ĦTIĠIET ANQAS STRINĠENTI

    Artikolu 10

    Fil-każ li jkun hemm diffikultajiet temporanji fil-provvista tal-materjal tal-propagazzjoni li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u li ma jkunux jistgħux jiġu ssuperati ġewwa l-Komunità, jistgħu jiġu adottati regoli, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, dwar it-marketing ta’ materjal tal-propagazzjoni li jissodisfa ħtiġiet anqas strinġenti.

    TITOLU VII MATERJAL TAL-PROPAGAZZJONI PRODOTT F’PAJJIŻI TERZI

    Artikolu 11

    1. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, għandu jiġi deċiż jekk il-materjal tal-propagazzjoni li jiġi minn pajjiż terz joffrix garanziji ekwivalenti fl-aspetti kollha fir-rigward tal-materjal li jiġi mill-Komunità skond din id-Direttiva.

    2. Waqt li d-deċiżjoni riferita fil-paragrafu 1 tkun għadha pendenti, ma jistax jiġi impurtat materjal tal-propagazzjoni minn pajjiżi terzi ħlief jekk il-fornitur importatur ikun ċert qabel ma jimporta li l-materjal li huwa jrid jimporta joffri garanziji ekwivalenti f’kull aspett fil-konfront tal-materjal tal-propagazzjoni prodott ġewwa l-Komunità skond din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità, l-identifikazzjoni u s-saħħa tal-pjanti.

    3. L-importatur għandu jinnotifika lill-korpi uffiċjali responsabbli dwar il-materjal importat permezz tal-paragrafu 2 u għandu jżomm evidenza dokumentarja tal-kuntratt tiegħu mal-fornitur fil-pajjiż terz.

    4. Jistgħu jiġu stabbiliti miżuri implimentattivi relatati mal-proċedura li trid tiġi segwita u mal-ħtiġiet ulterjuri li jridu jiġu sodisfatti mill-importaturi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

    TITOLU VIII MIŻURI TA’ KONTROLL U DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 12

    1. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornituri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiggarantixxu l-konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-materjali tal-propagazzjoni jkunu spezzjonati uffiċjalment:

    - ta’ mill-anqas permezz ta’ kontrolli bl-addoċċ, u

    - ta’ mill-inqas fir-rigward tal-marketing minn persuni professjonalment involuti fil-produzzjoni jew fil-bejgħ tal-pjanti ornamentali jew tal-materjal tal-propagazzjoni,

    sabiex jivverifikaw jekk ikun hemm konformità mal-ħtiġiet. L-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu kampjuni sabiex jivverifikaw jekk ikunx hemm il-konformità. Waqt li jwettqu s-superviżjoni u s-sorveljanza, il-korpi uffiċjali responsabbli għandu jkollhom aċċess ħieles għall-partijiet kollha ta’ l-istabbilimenti tal-fornituri matul ħinijiet raġonevoli.

    Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2002, tissottometti rapport lill-Kunsill dwar l-andament ta’ l-arranġamenti tal-kontroll previsti minn dan l-Artikolu, flimkien ma’ proposti xierqa li jistgħu, meta jkun xieraq, jinkludu proposti għat-tneħħija tal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva mill-bejgħ bl-imnut.

    2. Proċeduri implimentattivi dettaljati għall-ispezzjonijiet uffiċjali permezz ta’ din id-Direttiva jistgħu jkunu stabbiliti skond il-proċedura kif stabbilita fl-Artikolu 17.

    Artikolu 13

    1. Jekk, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali riferiti fl-Artikolu 12, jew waqt il-provi riferiti fl-Artikolu 14, jinstab li l-materjal tal-propagazzjoni ma jkunx jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, il-korp uffiċjali responsabbli għandu jassigura li l-fornitur jieħu l-azzjoni korrettiva xierqa jew, jekk din ma tkunx possibbli, għandu jipprojbixxi l-marketing ta’ dak il-materjal tal-propagazzjoni ġewwa l-Komunità.

    2. Jekk jinstab li xi materjal tal-propagazzjoni li jitpoġġa fis-suq minn fornitur partikolari ma jkunx konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li jittieħdu miżuri xierqa fil-konfront ta’ dak il-fornitur.

    3. Xi miżuri meħuda permezz tal-paragrafu 2 għandhom jiġu rtirati malli jkun stabbilit b’ċertezza suffiċjenti li l-materjal tal-propagazzjoni intiż għall-marketing mill-fornitur, ikun fil-ġejjieni, konformi mal-ħtiġiet u mal-kondizzjonijet ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 14

    1. Fejn xieraq, għandhom jitwettqu provi jew testijiet fl-Istati Membri fuq kampjuni sabiex ikun ikkontrollat li l-materjal tal-propagazzjoni jkun konformi mal-ħtiġiet u mal-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ torganizza spezzjonijiet ta’ provi minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

    2. Jista’ jkun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 li jkun meħtieġ li jsiru provi jew testijiet Komunitarji għall-istess skop bħal dak imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista’ torganizza spezzjonijiet ta’ provi Komunitarji minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

    3. Il-provi jew it-testijiet riferiti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintużaw sabiex jarmonizzaw il-metodi tekniċi ta’ l-eżaminazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni. Rapporti dwar il-progress tal-provi jew tat-testijiet għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u għandhom ikunu ppreżentati lill-Kumitat riferit fl-Artikolu 17.

    4. Il-Kummissjoni għandha tassigura li, f’każi xierqa, isiru arranġamenti għall-koordinazzjoni, għat-twettiq u għall-ispezzjoni tal-provi riferiti fil-paragrafi 1 u 2, kif ukoll għall-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom, fi ħdan il-Kumitat riferit fl-Artikolu 17. Meta jinqalgħu problemi fir-rigward ta’ l-organiżmi koperti bid-Direttiva 77/93/KEE, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kumitat Permanenti dwar Saħħa tal-Pjanti, li għandu wkoll ikun ikkonsultat fir-rigward tal-protokolli għal provi Komunitarji meta dawn ikunu jikkonċernaw l-organiżmi koperti bid-Direttiva 77/93/KEE. Il-materjal tal-propagazzjoni prodott f’pajjiżi terzi jista’ jkun inkluż fil-provi.

    Artikolu 15

    Il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni li jkun konformi mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva m’għandux ikun soġġett għall-ebda restrizzjonijiet fir-rigward tal-fornitur, tal-kwalità, tas-saħħa tal-pjanti, ta’ l-ittikkettjar u ta’ l-ippakkjar, apparti milli f’dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

    Artikolu 16

    Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, Stat Membru jista’ taħt ċerti kondizzjonijiet jitlob li jkun meħlus totalment jew parzjalment minn ċerti obbligazzjonijiet taħt din id-Direttiva fir-rigward ta’ tipi ta’ materjal tal-propagazzjoni ta’ ċerti ġeneri jew speċi li l-produzzjoni tagħhom hija ta’ importanza ekonomika minima fit-territorju tiegħu, apparti milli jekk dan imur kontra l-Artikolu 15.

    TITOLU IX IL-PROĊEDURI TAL-KUMITAT

    Artikolu 17

    1. Meta ssir referenza għall-proċedura stabbiliti f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn Kumitat, riferit bħala l-Kumitat Permanenti għall-Materjal tal-propagazzjoni tal-Pjanti Ornamentali, ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta lill-Kumitat Permanenti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat Permanenti għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li l-president jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tkun imwassla mill-maġġoranza kif stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċizjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandu jkollhom piż kif stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

    3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw immedjatament.

    (b) B’danakollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom ikunu kkomunikati minnufih mill-Kummissjoni lejn il-Kunsill.

    F’ dak il-każ:

    - il-Kummissjoni tista’ tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li hija tkun iddeċidiet dwarhom għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahar mid-data ta’ dik il-komunikazzjoni;

    - il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fiż-żmien preskritt fl-ewwel inċiż.

    4. Il-Kumitat, fuq talba tal-president jew ta’ wieħed mill-Istati Membri, jista’ jeżamina kull kwistjoni relevanti għas-suġġett ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 18

    1. Meta ssir referenza għall-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Materjali tal-Propagazzjoni u l-Pjanti Ornamentali, ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’terminu ta’ żmien li l-president jista’ jistipula skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandu jkollhom piż kif stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-president m’għandux jivvota.

    3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

    (b) Jekk il-miżuri previsti ma jkunux jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li tirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

    Jekk, malli jiskadi l-perjodu ta’ tliet xhur mid-data ta’ meta tkun saret ir-referenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx għadu aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

    TITOLU X DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 19

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fl-1 ta’ Lulju 1999. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

    2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir din ir-referenza għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri.

    3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni it-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

    Artikolu 20

    1. Id-Direttiva 91/682/KEE għandha tiġi mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 1999 mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-perjodu tat-transposizzjoni u ta’ l-implimentazzjoni riferiti fil-Parti A ta’ l-Anness ta’ hawn isfel.

    2. Referenzi għad-Direttiva 91/682/KEE li ġiet imħassra għandhom jiftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond il-lista tal-korrelazzjoni fil-Parti B ta’ l-Anness ta’ hawn isfel.

    3. Id-dispożizzjonijiet implimentattivi adottati permezz tad-Direttiva 91/682/KEE għandhom ikomplu japplikaw ħlief jekk jiġu emendati jew imħassra minn disposizzjonijiet implimentattivi ġodda.

    Artikolu 21

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, il-20 ta Lulju 1998.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. Molterer

    [1] ĠU C 50, tas-17. 2. 1998, p. 8.

    [2] ĠU C 104, tas-6. 4. 1998, p. 40.

    [3] ĠU C 157, tal-25. 5. 1998, p. 3.

    [4] ĠU L 26, tal-31. 1. 1977, p. 20. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/2/KE (ĠU L 15, tal-21. 1. 1998, p. 34).

    [5] ĠU L 61, tat-3. 3. 1997, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 938/97 (ĠU L 140, tat-30. 5. 1997, p. 1).

    [6] ĠU L 376, tal-31. 12. 1991, p. 21.

    [7] ĠU L 365, tal-31. 12. 1994, p. 10.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    PARTI A

    Limiti taz-zmien ghal transposizzjoni fil-ligi nazzjonali u l-implimentazzjoni

    Direttiva | Limitu taż-żmien għat-transposizzjoni | Limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni |

    91/682/KEE (ĠU L 376, tal-31.12.1991, p. 21.) | il-31 ta' Diċembru 1992 | L-Artikoli 5-11, 14, 15, 17, 19 u 24(għall-ġeneri u għall-ispeċi kollha) il-31 ta' Diċembru 1993 |

    PARTI B

    Lista tal-korrelazzjoni

    Din id-Direttiva | Direttiva 91/682/KEE |

    Artikolu 1 | Artikoli 1 u 2 |

    Artikolu 2 | Artikolu 3 |

    Artikolu 3 | Artikolu 8 |

    Artikolu 4 | – |

    Artikolu 5 | Artikolu 4 |

    Artikolu 6 | Artikolu 6 |

    Artikolu 7 | Artikolu 5 |

    Artikolu 8 | Artikoli 10 u 11 |

    Artikolu 9 | Artikolu 9 |

    Artikolu 10 | Artikolu 13 |

    Artikolu 11 | Artikolu 16 |

    Artikolu 12 | Artikoli 17 u 18 |

    Artikolu 13 | Artikolu 19 |

    Artikolu 14 | Artikolu 20 |

    Artikolu 15 | Artikolu 14 |

    Artikolu 16 | – |

    Artikolu 17 | Artikolu 21 |

    Artikolu 18 | Artikolu 22 |

    Artikolu 19 | – |

    Artikolu 20 | – |

    Artikolu 21 | – |

    --------------------------------------------------

    Top