EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997D1336

Id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar serje ta’ linji gwida għan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej

ĠU L 183, 11.7.1997, p. 12–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0283

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1997/1336/oj

31997D1336



Official Journal L 183 , 11/07/1997 P. 0012 - 0020


Id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-17 ta’ Ġunju 1997

dwar serje ta’ linji gwida għan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxu il-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 129d tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 189b tat-Trattat [4] fid-dawl tat-test konġunt approvat fis-16 ta’April 1997 mil-Kumitat tal-Konċiljazzjoni,

(1) Billi t-twaqqif u l-iżvilupp tan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej għandhom l-għan li jassiguraw iċ-ċirkolazzjoni u l-iskambju ta’ l-informazzjoni mal-Komunità kollha; billi dan l-investiment fit-tagħmir huwa prekondizzjoni biex iċ-ċittadini u l-industrija ― b’mod speċjali l-SME’s ― fil-Komunità jkunu jistgħu jgawdu benefiċċju sħiħ mill-potenzjal tat-telekomunikazzjoni biex tkun tista’ titwaqqaf ‘is-soċjeta ta’ l-informatika’, li fiha l-iżvilupp ta’ l-applikazzjonijiet, is-servizzi u n-networks tat-telekomunikazzjoni ser ikunu ta’ importanza kruċjali bil-għan li tiġi assigurata d-disponibilità għal kull ċittandin, kumpanija jew awtorità pubblika, inkluż fir-reġjuni anqas żviluppati jew dawk periferalli, ta’ kull tip jew kwantità ta’ informazzjoni li jistgħu jeħtieġu;

(2) Billi, f’din il-White Paper dwar ‘It-Tkabbir, il-Kompetittività u l-Impjieg’, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li tkun stabbilita is-soċjeta ta’ l-informatika, li, billi tintroduċi forom ġodda ta’ relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali, għandha tgħin lill-Unjoni biex tiffaċċja l-isfidi l-ġodda tas-seklu li jmiss, inkluża l-isfida tal-ħolqien ta’ l-impjiegi; billi dan kien ġie rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ Diċembru 1993;

(3) Billi s-suq intern jikkostitwixxi żona bla fruntieri, li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, il-kapital u s-servizzi għandu jiġi assigurat, u fejn il-miżuri tal-Komunità li huma diġa adottati jew li huma fil-proċess li jiġu adottati jeħtieġu skambju sinjifikanti ta’ informazzjoni bejn l-individwi, l-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet; billi l-fatt li wieħed ikollu l-mezzi effijċenti għall-iskambju ta’ l-informazzjoni huwa ta’ importanza vitali biex tittejjeb il-kompetittività ta’ l-impriżi; billi dawn l-iskambji ta’ l-informazzjoni jistgħu jiġu assigurati minn networks trans-Ewropej tat-telekomunikazzjoni; billi d-disponibilità ta’ networks trans-Ewropej għandha ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u ekonomika fil-Komunità;

(4) Billi l-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej tat-telekomunikazzjoni għandhom jippermettu li l-informazzjoni tkun tista’ tiġi skambjata bejn l-individwi, l-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet, filwaqt li jiġu rrispetati d-drittijiet ta’ l-individwi għall-privatezza u d-drittijiet tal-propjetà intelletwali u industrijali;

(5) Billi f’Ġunju ta’ l-1994, fir-rapport tagħhom ‘L-Ewropa u soċjetà globali ta’ l-informatika’, li kienu ħejjew għall-Kunsill Ewropew ta’ Korfu ta’ l-24 u l-25 ta’ Ġunju 1994, il-membri ta’ grupp ta’ rappresentanti prominenti ta’ l-industrija rrakkomandaw l-implimentazzjoni tan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej u l-garanzija ta’ l-interkonnettività tagħhom man-networks kollha Ewropej; billi r-rapport identifika l-komunikazzjoni mobbli bħala pilastru tas-soċjetà ta’ l-informatika li l-potenzjal tiegħu għandu jissaħħaħ; billi l-Kunsill Ewropew ta’ Korfu ta l-approvazzjoni ġenerali tiegħu għal dik ir-rakkomandazzjoni;

(6) Billi dawk ir-rakkomandazzjonijiet ġew segwiti mill-Kumissjoni fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jġib it-titolu ‘Il-triq Ewropea lejn is-soċjetà ta’ l-informatika: pjan ta’ azzjoni’; billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 1994 dwar dan il-pjan ta’ azzjoni enfasizzaw il-fatt li l-iżvilupp mgħaġġel ta’ l-infrastrutturi ta’ l-informazzjoni ta’ prestazzjoni għolja huwa essenzjali għall-Komunità fuq il-bażi ta’ strateġija globali, koerenti u bbilanċjata;

(7) Billi l-Artikolu 129c tat-Trattat jeħtieġ li l-Komunità għandha tistabbilixxi serje ta’ linji ġwida li jkopru l-miri, l-prijoritajiet u l-punti prinċipali tal-miżuri maħsuba fil-qasam tan-networks trans-Ewropej; billi dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw il-proġetti ta’ interess komuni; billi n-networks trans-Ewropej fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni jkopru it-tliet saffi li jikkostitwixxu dawn in-networks: l-applikazzjonijiet, is-servizzi ġeneriċi u n-networks bażiċi;

(8) Billi s-soċjeta ta’ l-informatika ma tistax tiżviluppa mingħajr l-eżistenza ta’ applikazzjonijiet aċċessibbli, u speċjalment applikazzjonijiet ta’ interess kollettiv, li jlaħħqu mal-ħtiġiet ta’ l-utenti mill-aħjar li jistgħu, waqt li jqisu, fejn xieraq, il-ħtiġiet ta’ l-anzjani u ta’ dawk b’diżabilità; billi l-applikazzjonijiet b’hekk jiffurmaw parti importanti mill-proġetti ta’ interess komuni; billi l-applikazzjonijiet relevanti max-xogħol konness mat-telekomunikazjoni għandu jieħu kont b’mod partikolari tad-disposizzjonijiet legali fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema li japplikaw fl-Istati Membri konċernati;

(9) Billi l-proġetti ta’ interess komuni jistgħu, f’bosta każi, jiġu mplimentatati diġà fin-networks preżenti tat-telekomunikazzjoni, speċjalment fl-Euro-ISDN, u b’hekk joffru applikazzjonijiet trans-Ewropej; billi linji gwida għandhom jiġu stabbiliti biex jiġu identifikati dawn il-proġetti ta’ interess komuni;

(10) Billi għandu jkun hemm koordinazzjoni bejn l-implimentazzjoni tal-proposti magħżula u l-inizjattivi simili adottati fil-livell nazzjonali jew reġjonali fil-Komunità;

(11) Billi fil-għażla u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti għandu jittieħed kont ta’ l-infrastrutturi kollha offruti minn fornituri eżistenti jew ġodda;

(12) Billi fid-9 ta’ Novembru 1995 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni Nru 2717/95/KE dwar sett ta’ linji gwida għall-iżvilupp ta’ l-EURO-ISDN (Sistema Diġitali ta’ Sevizzi Integrati) bħala network trans-Ewropew [5];

(13) Billi n-networks preżenti, li jinkludu l-ISDN eżistenti, qed jevolvu lejn biex isiru networks avvanzati li joffru kurrent ta’ rata varjabbli ta’ data sal-kapaċitajiet b’firxiet ta’ frekwenzi wiesgħa, li tista’ tiġi adattata għall-ħtiġiet differenti, b’mod partikolari għall-provvista tas-servizzi tal-multimedia u applikazzjonijiet; billi l-implimentazzjoni tan-Networks tal-Komunikazzjoni ta’ Firxa Wiesgħa (networks IBC) ser tkun ir-riżultat ta’ din l-evoluzzjoni; billi n-networks ta’ l-IBC għandhom jikkostitwixxu l-aħjar pjattaforma għall-applikazzjonijiet tas-soċjetà ta’ l-informatika;

(14) Billi x-xogħol fuq il-Programm RACE (programm ta’ riċerka speċifika u żvilupp teknoloġiku fil-qasam tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni (1990 sa’ l-1994)) stipulat bid-Deċiżjoni 91/352/KEE [6] ħejja t-triq u pprovda l-bażi teknoloġika għall introduzzjoni tan-networksIBC fl-Ewropa’;

(15) Billi x-xogħol fuq il-Programm Esprit (programm speċifiku ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku, inkluż id-dimostrazzjoni, fil-qasam tat-teknoloġiji ta’ l-informatika (1994 sa 1998)), stabbilit mid-Deċiżjoni 94/802/KE [7], ħejja t-triq u pprovda l-bażi tenoloġika għall-introduzzjoni ta’ l-applikazzjonijiet tat-teknoloġija ta’ l-informatika;

(16) Billi r-riżultati tax-xogħol tal-programmi speċifiċi tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tas-sistemi telematiċi ta’ interess ġenerali (1991 sa 1994) stabbiliti mid-Deċiżjoni 91/353/KEE [8] u tal-programm speċifiku għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, inkluż id-dimostrazzjoni, fil-qasam ta’ l-applikazzjonijiet telematiċi ta’ interess komuni (1994 sa 1998) kif stabbilit mid-Deċiżjoni 94/801/KEE [9] ħejjew it-triq għall-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet interoperabbli ta’ interess komuni ma’ l-Ewropa kollha;

(17) Billi huwa meħtieġ li tiġi assigurata l-koordinazzjoni effettiva bejn l-iżvilupp tan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej, li għandhom jittrattaw il-problemi reali tad-dinja, mingħajr ma jippruvaw iwettqu proġetti purament esperimentali, u l-programmi differenti tal-Komunità, b’mod partikolari l-programmi speċifiċi tar-raba’ programm qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni, il-programmi favur l-SME’s, il-programmi b’kontenut orjentat lejn l-informatika (bħall-INFO 2000 u l-MEDIA II) u attivitajiet oħra tas-soċjeta ta’ l-informatika; billi din il-koordinazzjoni għandha tiġi wkoll assigurata mill-proġetti provduti mid-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplikaw għan-networks trans-Ewropej;

(18) Billi l-miżuri mmirati lejn l-assigurazzjoni ta’ l-inter-operabilità tan-networks telematiċi bejn l-amministrazzjonijiet jaqgħu fil-qafas tal-prijoritajiet adottati b’relazzjoni mal-linji gwida presenti għan-networks trans-Ewropej tat-telekomunikazzjoni;

(19) Billi fil-komunikazzjoni tagħha ta’ l-24 ta’ Lulju 1993 dwar l-azzjonijiet bi tħejjija fil-qasam tan-networks trans-Ewopej fir-rigward tal-komunikazzjonijiet integrati permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ frekwenzi, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jitwettqu azzjonijiet bi tħejjija ma’ l-atturi fis-settur biex isiru linji gwida xierqa; billi r-riżultat ta’ dawn l-azzjonijiet jifforma l-bażi tal-linji gwida relatati man-networks ta’ l-IBC f’din id-Deċiżjoni;

(20) Billi s-settur tat-telekomunikazzjoni qed jiġi progressivament liberalizzat; billi l-iżvilupp ta’ l-applikazzjonijiet trans-Ewropej, is-servizzi ġeneriċi u n-networks bażiċi kull ma jmorru aktar qed jiddependu mill-inizjattiva privata; billi dawn l-iżviluppi trans-Ewropej għandhom jirrispondu fuq skala Ewropea għall-ħtiġiet tas-suq jew għall-ħtiġiet attwali u kbar tas-soċjetà li ma jkunux koperti mill-forzi tas-suq biss; billi, meta wieħed iqis dan, l-atturi interessati tas-settur għandhom jiġu mitluba biex jibgħatu, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’proċeduri xierqa li jagħtu lil kulħadd opportunitajiet indaqs, proposti speċifiċi; billi dawn il-proċeduri għandhom jiġu definiti; billi Kumitat ser jgħin lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-proġetti ta’ interess komuni;

(21) Billi modus vivendi bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ implimentazzjoni għall-atti adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat kien konkluż fl-20 ta’ Diċembru 1994 [10];

(22) Billi proġetti ta’ interess komuni li għandhom x’jaqsmu mat-territorju ta’ Stat Membru jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ l-Istat Membru konċernat.;

(23) Billi l-Kumissjoni u l-Istati Membri ser ikollhom jaġixxu biex jassiguraw l-inter-operabilità tan-networks u jikkoordinaw, min-naħa l-waħda, l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri li l-għan tagħhom huwa l-implimentazzjoni tan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej u, min-naħa l-oħra, il-proġetti nazzjonali komparabbli, biss sal-punt meħtieġ biex tiġi assigurata l-koerenza totali;

(24) Billi huwa importanti għall-aqwa żvilupp tas-soċjetà ta’ l-informatika, li jiġi assigurat skambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew pajjiżi li jkunu kkonkludew Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Komunità;

(25) Billi, iżda, l-attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ dawn il-linji gwida huma suġġetti għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat u l-leġislazzjoni ta’ implimentazzjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabilixxi l-linji gwida li jkopru dawn il-miri, il-prijoritajiet u l-punti wiesgħa tal-miżuri maħsuba fis-settur tan-networks trans-Ewropej fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni. Dawn il-linji gwida jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni billi jelenkaw dawk il-proġetti fl-Anness 1 u billi jistabilixxu l-proċedura u l-kriterji għall-ispeċifkazzjoni tagħhom.

Artikolu 2

Il-Komunità għandha tappoġġa l-inter-konnessjoni tan-networks fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, l-istabbiliment u l-iżvilupp tas-servizzi interoperabbli u l-applikazzjonijiet kif ukoll l-aċċess għalihom, bil-mira li:

- tiffaċilità t-transizzjoni lejn soċjetà ta’ l-informatika, kif ukoll tipprovdi l-esperjenza fuq l-effetti tat-tqassim ta’ networks ġodda u l-applikazzjonijiet fuq l-attivitajiet soċjali u l-promozzjoni tas-sodisfazzjon tal-ħtiġiet soċjali u kulturali u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja.

- ittejjeb il-kompetittività tad-ditti tal-Komunità, b’mod partikolari l-SME’s, u ssaħħaħ is-suq intern,

- issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali, billi jittieħed kont b’mod partikolari tal-ħtieġa li tgħaqqad ir-reġjuni gżejjer u dawk imdawrin bl-art u dawk periferali mar-reġjuni ċentrali tal-Komunità.

- tħaffef l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet f’setturi ġodda li qed jespandu li jwassal għall-ħolqien ta’ l-impjiegi.

Artikolu 3

Il-prijoritajiet biex jitwettqu l-miri msemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu:

- l-istudju u l-konvalidazzjoni tal-fattibilità teknika u kummerċjali, segwiti bit-tqassim ta’ l-applikazzjonijiet li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ soċjetà ta’ l-informatika Ewropea, b’mod partikolari l-applikazzjonijiet ta’ interess kollettiv,

- l-istudju u l-konvalidazzjoni tal-fattibilità, segwiti mit-tqassim ta’ l-applikazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, billi ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni fil-Komunità kollha u billi tibni fuq id-diversità kulturali Ewropea,

- l-istimolu ta’ inizjattivi inter-reġjonali minn pajjiż għal ieħor u ta’ inizjattivi li jinvolvu r-reġjuni, b’mod partikolari dawk l-anqas favorevoli, biex jiġu imnedija s-servizzi u l-applikazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej,

- l-istudju u l-konvalidazzjoni tal-fattibilità, segwiti minn tqassim ta’ l-applikazzjonijiet u servizzi li jikkontribwixxu favur it-tisħiħ tas-suq intern u l-ħolqien ta’ impjiegi, b’mod partikolari dawk li joffru lill-SME’s il-mezzi biex dawn itejbu l-kompetittività tagħhom fil-Komunità u fil-livell mondjali,

- l-identitifikazzjoni, l-istudju u l-konvalidazzjoni tal-fattibilità tenika u kummerċjali, segwiti mit-tqassim tas-servizi ġeneriċi trans-Ewopej li jipprovdu aċċess kontinwu għall-kull tip ta’ iformazzjoni, inkluż fir-reġjuni rurali u periferali, u li jkunu inter-operabbli mas-servzzi ekwivalenti fil-livell mondjali,

- l-istudju u l-konvalidazzjoni tal-fattibilità ta’ networks ġodda tal-komunikazzjoni integrata fuq strixxa wiesgħa ta’ frekwenzi (IBC) fejn din tkun meħtieġa għal dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi, u l-promozzjoni ta’ l-inter-konnettività ta’ dawn is-sistemi,

- l-identitifkazzjoni u t-tneħħija ta’ lakuni u nuqqasijiet fil-kontinwità ta’ l-inter-konnessjoni effettiva u l-inter-operabilità tal-komponenti kollha tan-networks tat-telekomunikazzjoni fil-Komunità, b’enfasi partikolari fuq networks bażiċi tat-telekomunikazzjoni kif definiti fl-Anness I.

Artikolu 4

Il-linji wiesgħa tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati biex jitwettqu l-miri definiti fl-Artikolu 2 għandhom ikopru:

- l-ispeċifikazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni bl-istabbiliment ta’ programm ta’ xogħol,

- l-azzjonijiet immirati biex ikattru l-għarfien mill-individwi, l-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet tal-benefiċċji li huma jistgħu jiksbu mis-servizzi u l-applikazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej ġodda u avvanzati,

- l-azzjonijiet immirati għall-istimolu ta’ inizjattivi kombinati mill-utenti u l-fornituri biex iniedu proġetti fil-qasam tan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej, b’mod partikolari n-networks ta’ l-IBC,

- l-appoġġ, fil-qafas tal-metodi stabbiliti mit-Trattat, għall-azzjonijiet biex tiġi studjata u konvalidata l-fattibilità, segwita mit-tqassim, ta’ applikazzjonijiet, b’mod partikolari l-applikazzjonijiet ta’ interess kollettiv, u l-inkoraġġiment tat-twaqqif ta’ kollaborazzjoni pubblika/privata, b’mod partikolari permezz ta’ sħubija,

- l-istimolu tal-provvista u l-użu tas-servizzi u l-applikazzjonijiet għall-SME’s u l-utenti professjonali, li jikkostitwixxu sors ta’ impjiegi u tkabbir,

- il-promozzjoni ta’ l-inter-konnettività tan-networks, ta’ l-inter-operabilità tas-servizzi ta’ firxa wiesgħa ta’ frekwenzi u ta’ l-applikazzjonijiet u ta’ l-infrastruttura li dawn jeħtieġu, b’mod partikolari għall-applikazzjonijiet tal-multimedia, u ta’ l-inter-operablità bejn is-servizzi u l-applikazzjonijiet eżistenti u dawk ta’ firxa wiesgħa ta’ frekwenzi.

Artikolu 5

L-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej fis-settur ta’ l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni għandu jitwettaq taħt din id-Deċiżjoni permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni. Il-proġetti ta’ interess komuni huma elenkati fl-Anness1.

Artikolu 6

Skond l-Artikoli 7,8 u 9, il-proġetti ta’ interess komuni elenkati fl-Anness 1 għandhom ikunu speċifikati, billi jintużaw il-kriterji elenkati fl-Anness II. Il-proġetti identifikati huma eliġibbli għall-appoġġ tal-Komunità b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95 tat-18 ta’ Settembru 1995 li jistipula regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-networks tal-komunikazzjoni trans-Ewropej [11].

Artikolu 7

1. Fuq il-bażi ta’ l-Anness I il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-operturi fis-settur u waqt li tqis kull politika oħra dwar networks Trans-Ewropej, għandha tħejji programm ta’ xogħol, adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8, u wara tipproċedi b’sejħiet għall-proposti.

2. Il-Kumissjoni għandha tivverifika li l-proġetti relatati mat-territotorju ta’ xi Stat Membru jkunu approvati mill-Istat Membru konċernat.

Artikolu 8

1. Il-Kumissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2. Għall-każi speċifikati fl-Artikolu 9(1), il-Kumissjoni għandha tkun mgħejuna minn kumitat kompost mir-rappresentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kumissjoni.

Ir-rappresentant tal-Kumissjoni għandu jibgħat lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f’limitu ta’ żmien li l-President għandu jistabilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza kif provduta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mil-Kumissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stipulat f’dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

Il-Kumissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kumissjoni għandha bla dewmien tissottometti lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, meta jiskadi perjodu ta’ tliet xhur minn meta kwistjoni tiġi mressqa quddiem il-Kunsill, dan ta’ l-aħħar ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

1. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 għandha tgħodd għal:

- l-preparazzjoni u l-aġġornament tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 7

- id-determinazzjoni tal-kontenut tas-sejħiet għall-proposti,

- l-ispeċifikazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni billi jintużaw il-kriterji stipulati fl-Anness II,

- id-determinazzjoni ta’ appoġġ supplimentari u azzjonijiet ta’ koordinazzjoni,

- il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-programm tax-xogħol fuq livell finanazjarju u tekniku.

2. Il-Kumissjoni għandha tinforma lill-kumitat, f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu, dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ xogħol.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd għan-Network Diġitali għal Servizzi Integrati (ISDN) bla preġudizzju għad-Deċiżjoni Nru 2717/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni b’konformità mar-regoli Komunitarji. Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa għandhom jiġu mitmuma malajr kemm jista’ jkun b’konformità mal-leġislazzjoni tal-Komunità.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji ta’ Stat Membru jew tal-Komunità.

Artikolu 13

Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi li jkunu parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew li jkunu kkonkludew Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Komunità, jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kunsill, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 228 tat-Trattat, biex jippermettulhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni, u biex jippromwovu l-inter-konnessjoni u l-inter-operabilità tan-networks tat-telekomunikazjoni, basta illi ma ġġibx magħha żieda fl-għajnuna Komunitarja.

Artikolu 14

Kull tliet snin il-Kumissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Ir-rapport għandu jkun fih evalwazzjoni tar-riżultati miksuba bl-appoġġ tal-Komunità fid-diversi oqsma ta’ proġetti kif relatati mal-miri globali u għandu jkun fih stima dwar l-impatt soċjali u fuq is-soċjetà ta’ l-introduzzjoni ta’ l-applikazzjonijiet wara li dawn jitqassmu.

Flimkien ma’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa għar-reviżjoni ta’ l-Anness I li jinsab ma’ din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-iżviluppi tekniċi u l-esperjenza miksuba.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni sal-31 ta’ Diċembru tar-raba’ sena, l-Anness I għandu jitiqes bħala li jkun skada minbarra fir-rigward tas-sejħiet għall-proposti li jkunu diġà ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew qabel dik id-data.

Artikolu 15

Din id-Deċizjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta’ Ġunju 1997.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J.M. Gil-Robles

Għall-Kunsill

Il-President

A. Jorritsma Lebbink

[1] ĠU Nru ċ 302, ta’ l- 14.11.1995, p. 23 uĠU Nru C 175, tat-18.6.1996, p. 4.

[2] ĠU Nru C 39, tat-12.2.1996, p. 20.

[3] ĠU Nru C 129, tat-2.5.1996, p. 32.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-1 ta’Frar 1996 (ĠU Nru C 47, tad-19.2.1996, p. 15), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 1996 (ĠU Nru C 134, tas-6.5.1996, p. 18) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Lulju 1996 (ĠU Nru C 261, tad-9.9.1996, p. 59). Id-Deċiżjoni tal- Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Mejju 1997 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 1997.

[5] ĠU Nru L 282, ta’ l-24.11.1995, p. 16.

[6] ĠU Nru L 192, tas-16.7.1991, p. 8.

[7] ĠU Nru L 334, tat-22.12.1994, p. 24.

[8] ĠU Nru L 192, tas-16.7.1991, p. 18.

[9] ĠU Nru L 334, tat-22.12.1994, p. 1.

[10] ĠU Nru C 102, ta’ l-4.4.1996, p. 1.

[11] ĠU Nru L 228, tat-23.9.1995, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI

In-networks tal-telekomunikazzjoni trans-Ewropej għandhom jiftħu s-suq tal-Komunità għall-applikazzjonijiet u s-servizzi l-ġodda li għandhom jifformaw il-bażi għall-iżvilupp tas-soċjeta ta’ l-informatika. Dawn huma essenzjali biex jappoġġaw l-prosperità tal-Komunità, joħolqu l-impjiegi, u jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali.

Mudell bi tliet saffi ġie ġeneralment aċċettat bħala l-qafas l-akar adattat biex jiddeskrivi n-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej. Is-saffi huma:

- is-saff ta’ l-Applikazzjonijiet, li permezz tiegħu l-utenti jintegraw mas-servizzi ġeneriċi u n-networks bażiċi biex ilaħħqu mal-ħtiġiet professjonali, edukattivi u soċjali tagħhom,

- is-saff tas-Servizzi Ġeneriċi, li huwa magħmul minn servizzi ġeneriċi kompatibbli u l-amministrazzjoni tagħhom. Permezz ta’ l-appoġġ tal-ħtiġiet komuni ta’ l-applikazzjonijiet, u billi jipprovdu għodod komuni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet ġodda, dawn is-servizzi jissupplimentaw l-applikazzjonijiet filwaqt li jgħinu fl-interoperabilità tagħhom,

- is-saff tan-Networks Bażiċi, li jipprovdi aċċess fiżiku, trasport u l-bdil minn element għall-ieħor tan-networks, inkluż l-amministrazzjoni u s-senjalar tagħhom. Dawn l-elementi jassiguraw l-interkonnettività tan-networks tran-Ewropej.

Dawn it-tliet saffi jifformaw struttura koerenti, fejn l-applikazzjonijiet jiġu appoġġjati miż-żewġ safef ta’ taħt: is-servizzi ġeneriċi u n-networks bażiċi. B’mod partikolari, l-applikazzjonijiet ma jistgħux jiġu offruti fin-nuqqas ta’ wieħed miż-żewġ safef l-oħra; iżda kull saff għandu jkun biżżejjed miftuħ biex jappoġġa kull element tas-saff li jiġi eżatt fuqu. F’dan il-kuntest, il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu identifikati fuq il-bażi tal-kapaċità operattiva tagħhom biex jappoġġaw il-miri stabbiliti b’din id-Deċiżjoni.

It-taqsimiet li ġejjin jidentifikaw f’kull saff tan-networks trans-Ewropej il-proġetti ta’ interess komuni li għandhom jiġu speċifikati skond l-Artikolu 9 u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8

1. Applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet jeħtiġilhom li jieħdu kont tal-ħtiġiet lingwistiċi u għandhom ikunu interoperabbli biex iġibu l-aqwa benefiċċju lill-utenti mal-Komunità kollha. Fejn dan jista’ jkun applikabbli, dawn għandhom iqisu l-ħtiġiet speċifiċi ta’ reġjuni anqas żviluppati jew anqas popolati. Dawn għandhom jimmiraw għall-akbar għadd ta’ utenti possibbli u juru l-possibiltajiet ta’ aċċess miċ-ċittadini għal servizzi ta’ interess kollettiv. Għall-benefiċċju tan-nies b’diżabilità, irid jittieħed kont tal-ħtiġiet speċjali fl-istadju bikri ta’ l-ippjanar tal-proġetti u għar-rigward ta’ l-aċċess għas-servizzi.

Il-proġetti ta’ interess komuni għall-applikazzjonijiet huma:

- Network għall-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka: għandu jitwaqqaf network trans-Ewropew avvanzat li jkun kapaċi li jġorr l-applikazzjonijiet tal-multimedja u dan għandu jgħaqqad l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka fl-Ewropa kollha, b’aċċess miftuħ għal-libreriji tagħhom.

- L-edukazzjoni u t-taħriġ mill-bogħod: is-servizzi avvanzati ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ f’ċertu distanza għandhom ikunu aċċessibli għall-iskejjel, il-kulleġġi, n-negozji u l-individwi. Għandhom jitwaqqfu ċentri u magħmula remotament aċċessibbli fil-Komunità kollha biex jipprovdu s-servizzi ta’ materjal għall-korsijiet u t-taħriġ għall-SME’s, il-kumpaniji l-kbar, is-sistemi edukattivi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Approċċi ġodda għall-aspetti relevanti kollha ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom jiġu żviluppati u promossi biex tiġi faċilitata t-transizzjoni lejn is-soċjetà ta’ l-informatika.

- It-telematiċi tas-saħħa: networks u applikazzjonijiet trans-Ewropej ibbażati fuq standards komuni għandhom jitqassmu, li jgħaqqdu flimkien fuq skala Komunitarja lill-imsieħba kollha fis-settur tas-saħħa, b’mod partikolari t-tobba tal-familja, l-isptarijiet u ċ-ċentri pubbliċi tas-saħħa.

- It-telematiċi tat-trasport: għandu jittieħed vantaġġ sħiħ minn-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej biex jipprovdu servizzi orjentati lejn l-utenti, fil-qasam ta’ l-appoġġ loġistiku għall-industriji tat-trasport u għall-iżvilupp ta’ servizzi b’valur miżjud bħalma huma s-servizzi ta’ l-informazzjoni, is-servizzi ta’ ħlas integrat u r-riżerva, l-ippjanar ta’ vjaġġi u l-gwida waqt ir-rotta, u l-immaniġġjar tal-merkanzija u l-flotot. Barra minn hekk, is-servizzi telematiċi tat-trasport fiż-żoni urbani għandhom ikunu koperti, waqt li jittieħed kont tal-ħtiġiet ta’ li-standardisation u l-interoperabilità. It-tqassim ta’ dawn is-servizzi, ibbażati fuq networks avvanzati fissi u mobbli tat-telekomunikazzjoni, għandhom jipprovdu, kull fejn possibbli, il-komplimentarjetà u l-ineroperabilità meħtieġa man-networks tat-trasport trans-Ewropew.

- It-telematiċi għall-ambjent: in-networks trans-Ewropej jistgħu jagħtu kontribut importanti għas-sorveljanza u l-immanniġġjar ta’ l-ambjent, inkluża l-immaniġġjar ta’ l-emerġenzi. Dan il-kontribut jista jseħħ bl-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ informatika li jkunu jiġbru data dwar l-ambjent u jintgħamel disponibbli għall-awtoritajiet responsabbli, u t-twaqqif ta’ sistemi ta’ komunikazzjonijiet affiddabbli li jappoġġaw l-interventi f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

- Teleworking: l-iżvilupp tat-teleworking (f’uffiċċji satellita u jekk ikun possibbli fid-djar) appoġġat minn sistemi avvanzati tat-telekomunikazzjoni għandu jgħin biex jiġu provduti forom ġodda ta’ flessibiltà fejn għandu x’jaqsam il-post tax-xogħol u l-mod li bih ix-xogħol jiġi organizzat. Permezz tad-diċentralizzazzjoni ta’ l-attivitajiet professjonali, it-teleworking jista’ wkoll jgħin biex tnaqqas il-konsegwenzi ambjentali ta’ l-ivvjaġġar ta’ kuljum lejn ċentri popolati. L-iżvilupp tat-teleworking jista’ jiġi mrawwem billi jiġu mplimentati proġetti li jagħmlu disponibbli l-għodod telematiċi individwali għat-teleworkers, kif ukoll billi joħolqu ċentri ta’ teleworking għall-ħaddiema itineranti.. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu valutati u jitiqiesu l-konseġwenzi soċjali ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

- Servizzi telematiċi għall-SME’s: proġetti ta’ interess komuni ser jappoġġaw l-użu ta’ l-applikazzjonijiet u s-servizzi tan-networks tat-telekomunikazzjoni trans-Ewropej mill-SME’s tal-Komunità, b’rabtiet ma’ l-awtoritajiet pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali, il-konsumaturi, il-klijenti u l-fornituri nklużi s-servizzi ta’ l-informatika u l-kummerċ elettroniku. L-għarfien dwar soluzzjonijiet ibbażati fuq it-telmatika għandu jiġi speċifikat fost l-SME’s.

- L-appalti elettroniċi: għandu jitwaqqaf network trans-Ewropew ta’ appalti elettroniċi, ibbażat fuq proċeduri elettroniċi għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jinvolvu l-amministrazzjonijiet u l-provdituri pubbliċi tal-Komunità.

- City information highways: għandu jiġi nkoraġġit il-ħolqien ta’ networks u servizzi li jgħaqqdu d-djar, in-negozji, l-organizzazzjonijiet soċjali u l-amminstrazzjonijiet u jipprovdu aċċess għall-informazzjoni dwar multimediaon line, is-servizzi ta’ l-edukazzjoni, il-kultura, d-divertiment u t-turiżmu fuq bażi lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Komunità. Ir-rabtiet bejn in-networks urbani u regjonali għandhom jiġu inkoraġġiti.

- Is-servizzi ta’ librerija: għandhom jiġu mqassma servizzi avvanzati ta’ networks trans-Ewropej li jkunu jinvolvu t-tipi kollha ta’ libreriji (nazzjonali, universitarji, ta’ riċerka, pubbliċi, eċċ.) biex jipprovdu aċċess effettiv kemm għal-ħażna ta’ tagħrif organizzat kif ukoll għar-rikkezza kulturali li hi konservata fil-libreriji fil-Komunità kollha, bħala għajnuna għall-ħajja ekonomika, soċjali, edukattiva u kulturali tal-Komunità.

- Is-servizzi telematiċi fis-suq ta’ l-impjieġi: għandhom jiġu żviluppati servizzi ta’ networks, bħalma huma databases ta’ l-informazzjoni dwar l-impjiegi biex jappoġġaw is-suq tax-xogħol li qed jinbidel u biex jgħinu fis-soluzzjoni tal-qagħad.

- Il-wirt kulturali u lingwistiku: għandhom jiġu mnedija inizjattivi biex irawmu il-preservazzjoni u l-aċċess għall-wirt kulturali u artisitku Ewropew, u biex juru l-potenzjal ta’ l-infrastruttura ta’ l-informazzjoni biex tistimula sforzi kreattivi u biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-kontenut lokali fl-ilsna lokali u t-tixrid tagħhom.

2. Servizzi Ġeneriċi.

Il-proġetti ta’ interess komuni għal networks ta’ servizzi ġeneriċi huma:

- L-implimentazzjoni tas-servizzi ġeneriċi operattivi trans-Ewropej, li għandhom jinkludu b’mod partikolari l-posta elettronika, is-sistemi tat-trasferiment ta’ files, l-aċċess on-line għad-databases elettroniċi, u s-servizzi tal-video. Billi hemm ħtieġa urġenti għal dawn is-servizzi ġeneriċi trans-Ewropej, dawn għandhom jużaw networks eżistenti jew emerġenti, fissi jew mobbli, u arranġamenti għall-aċċess ta’ l-utenti li diġa qiegħdin jintużaw. Dawn għandhom jinkludu elementi ta’ servizzi li joperaw fl-livell Komunitarju, bħalma huma d-direttorji, it-tneħħija, l-awtentikazzjoni, il-protezjzjoni tad-data u s-sigurtà ta’ l-informazzjoni, il-priservazzjoni u r-rimunerazzjoni tal-propjetà intellettwali, il-‘kjosk’ trans-Ewropew u l-għajnuna għan-naviġazzjoni li tkun aċċessibbli min-networks, is-servizzi li jiffaċilitaw l-aċċess għaċ-ċittadini, is-servizzi tal-ħlas, eċċ.

- L-estensjoni progressiva tas-servizzi ġeneriċi lejn ambjent tal-multimedia. Dawn is-servizzi joffru lill-utenti finali aċċess għas-servizzi tal-multimedia, u jistgħu jkopru inter alia l-posta bil-multimedia, it-trasferiment b’ħeffa kbira ta’ files u s-servizzi bil-video, inkluż il-video fil-pront. L-użu ta’ dawn is-servizzi tal-multimedia min-negozji u l-utenti residenzjali għandu jiġi nkoraġġit, kif għandha tkun ukoll l-integrazzjoni ta’ elementi ġodda ta’ servizz bħalma huma t-traduzzjoni awtomatika, l-għarfien tal-vuċi, l-iskambju grafiku bejn l-utenti, l-aġenti intelliġenti u l-mezzi biex l-utenti jirreaġixxu ma’ xulxin kif ukoll il-personalizzazzjoni.

- L-introduzzjoni tal-firma diġitali non-proprjetarja bħala bażi għall-provvista ta’ servizz miftuħ kif ukoll għall-mobilità fl-użu: is-servizzi ġeneriċi jkunu jiddependu fuq għadd kbir ta’ fornituri ta’ servizzi li jikkomplimentaw u jikkompetu ma’ xulxin. Il-provvista ta’ servizz miftuħ u l-mobilità għandhom ikunu ta’ importanza kruċjali u jkunu jeħtieġu ismijiet elettroniċi (firem diġitali) li jippermettu li l-protezzjoni adegwata tal-privatezza tkun ġeneralment disponibbli u appoġġata.

3. Networks bażiċi

Il-proġetti ta’ interess komuni għan-networks bażiċi huma:

- In-network ta’ Sevizzi Diġitali Ewro-integrati: għal raġunijiet ta’ disponibilità kummerċjali u teknika trans-Ewropea, l-ISDN hija llum l-aħjar network bażiku sswiċċjat diġitali li jiflaħ servizzi u applikazzjonijiet ġodda. L-iżvilupp preżenti tiegħu għamel minnu opportunità għall-Ewropa, u s-suq tagħha kif ukoll il-firxa ġeografika tagħha għad tkun ġustifikata permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn is-servizzi u l-applikazzjonijiet ġodda fuq skala Ewropea. Iżda, wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ISDN hija biss l-ewwel pass u li din sejra tevolvi biex issir sempliċiment mezz ta’ aċċess għall-utent għas-servizzi bażiċi fuq firxa wiesa’ ta’ frekwenzi. It-tneħħija tal-lakuni li baqa’ għall-interoperabilità effettiva tas-servizzi għandha tirċievi attenzjoni speċjali.

- L-introduzzjoni kummerċjali tal-Modalità Asinkronika ta’ Trasferiment (ATM) u networks oħra ta’ l-IBC: dan il-qasam għandu jitqies bħala li huwa ta’ l-akbar interess komuni.

- L-interoperazzjoni tan-networks eżistenti u dawk IBC: in-networks eżistenti (għas-servizzi fissi u mobbli u bis-satellita) għandhom ikunu interkonnessi u interoperattivi bejniethom u ma’ networks ta’ veloċità għolja bbażati fuq l-ATM, biex joffru s-soluzzjonijiet ekonomiċi l-aktar xierqa lid-diversi sitwazzjonijiet li jinbtu waqt it-twaqqif tas-soċjeta ta’ l-informatika. Din il-kwistjoni qiegħda fil-qalba ta’ l-iżvilupp tan-networkIBC, u hija partikolarment relevanti għall-SME’s, kif ukoll għas-swieq professjonali u residenzjali.

- L-iżvilupp tan-networks fissi, mobbli u bis-satellita bil-għan li dawn jappoġġaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi msemmija hawn fuq.

4. Proġetti ta’ importanza partikolari.

Xi wħud minn dawn il-proġetti ta’ interess komuni huma ta’ importanza partikolari għall-iżvilupp tas-soċjeta ta’ l-informatika. Dawn huma servizzi ġeneriċi, l-applikazzjonijiet ta’ interess kolletiv rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ li jsir f’ċertu distanza, il-wirt kulturali, is-servizzi lill-SME’s u t-telematika għat-trasport, l-ambjent u s-saħħa. Sejħiet għall-proposti rigward dawn il-proġetti ta’ importanza partikolari jew kombinazzjoni tagħhom għandhom jiġu ppubblikati, bħala regola, ta’ l-anqas darba fis-sena. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament f’dan ir-rgward.

5. Appoġġ supplimentari u l-azzjonijiet ta’ koordinament

Barra milli tappoġġa proġetti ta’ interess komuni, il-Komunità għandha tagħti bidu għal azzjonijiet immirati biex jipprovdu l-ambjent xieraq. Dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ konsensus u għal sforzi għalenija fir-rigward ta’ l-attivitajiet nazzjonali u reġjonali għall-istimolu u l-promozzjoni ta’ applikazzjonijiet u servizzi ġodda, b’konformità ma’ l-implimentazzjoni ta’ programmi f’oqsma oħra, kif ukoll l-iżvilupp tan-networks IBC. Dawn ikunu jinvolvu konsultazzjoni ma’ korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni u l-ippjanar strateġiku u kordinazzjoni ma’ l-azzjonijiet finanzjati mid-diversi strumenti finanzjarji tal-Komunità. Din tinkludi:

- l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet immirati, u t-transizzjoni lejn dawn il-miri. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jgħinu lill-atturi fis-settur biex jieħdu deċiżjonijiet ekonomiċi serji meta jinvestu,

- id-definizzjonijiet tal-mezzi biex wieħed ikollu aċċess għan-networks IBC fit-tliet saffi speċifikati,

- l-istabbiliment ta’ speċifikazzjonijiet komuni bbażati fuq in-normi Ewropej u mondjali,

- l-iżvilupp tal-kooperazzjoni fost l-atturi tas-settur, b’mod partikolari l-operaturi emerġenti u frammentarji, bħalma huma operaturi ta’ networks tat-televiżjoni bil-fili, kif ukoll ma’ utenti oħra,

- il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet li jsiru taħt din id-Deċiżjioni ma’ programmi relatati tal-Komunità u nazzjonali.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

IL-KRITERJI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI

Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu speċifkati minn fost il-proġetti mressqa minn atturi fis-settur li jkunu interessati bi tweġiba għal sejħa għall-proposti, kif provdut mill-Artikolu 7, fuq il-bażi tal-konformità tagħhom mal-miri u l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u 3 rispettivament. Dawn il-proġetti għandhom ikunu transnazzjonali fis-sens li dawn għandhom ikunu mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġiet eżistenti f’diversi Stati Membri. Bħala regola ġenerali, dawn għandhom jiġu mplimentati f’diversi Stati Membri iżda l-implimentazzjoni fi Stat Membru wieħed għandha titħalla ssir jekk din tikkontribwixxi favur interess trans-Ewropew aktar wiesgħa.

Barra minn hekk, għandu jittieħed kont tal-kriterji ekonomiiċi u finanzjarji stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 2236/95. Dawn il-kriterji, li jintużaw fil-qafas ta’ l-imsemmi Regolament biex tittieħed deċiżjoni fuq l-għoti ta’ l-appoġġ finanzjarju għal proġett speċiifiku, huma:

- il-potenzjal tal-vijabilità ekonomika tal-proġett, li għandha tkun assigurata,

- il-maturità tal-proġett,

- l-effett ta’ stimolu ta’ l-intervent tal-Komunità fuq il il-finanzjament pubbliku u privat,

- is-sodizza tal-pakkett finanzjarju,

- l-effetti soċjo-ekonomiċi diretti jew indiretti, b’mod partikolari fuq l-impjiegi,

- il-konsegwenzi għall-ambjent,

- fil-każ ta’ proġetti b’mod partikolari mifruxa minn pajjiż għal ieħor, il-koordinazzjoni taż-żmien li fih jiġu attwati d-diversi partijiet tal-proġett.

--------------------------------------------------

Top