Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995R1935

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1935/95 tat-22 ta' Ġunju 1995 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel

ĠU L 186, 5.8.1995, p. 1–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/1935/oj

31995R1935



Official Journal L 186 , 05/08/1995 P. 0001 - 0007


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1935/95

tat-22 ta' Ġunju 1995

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tieghu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Kummissjoni rċeviet mandat speċifiku fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 [4] biex tirrevedi numru ta' dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament sa l-1 ta' Lulju 1994 biex tibgħat kull proposta adattata għar-reviżjoni ta' dak ir-Regolament;

Billi issa jidher li d-dispożizzjonijiet, li jagħlqu fl-1 ta' Lulju 1995 dwar l-ittikkettjar ta' prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel li jkun fihom ingredjent ta' oriġini agrikola li kien prodott minn produtturi li qalbu għall-biedja organika, għandhom jiġu mtawwla biex ikunu jippermettu lil dawk il-produtturi li jivvalorizzaw in-nefqa addizzjonali tal-produzzjoni tagħhom b'tikkettjar addattat tal-prodotti tagħhom;

Billi r-reviżjoni ta' l-Artikoli 5, 10 u 11 mitluba mill-Kunsill sal-1 ta' Lulju 1994 wriet li numru ta' emendi tekniċi u l-abbozzar f' dawk l-Artikoli kif ukoll f'ċerti dispożizzjonijiet oħra huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni kif imiss u l-implimentazzjoni tar-Regolament; billi għalhekk għandha tingħata prijorità għall-istabbiliment ta' dawk ir-regoli emendati u li b'konsegwenza l-istabbiliment tar-regoli dwar il-produzzjoni ta' l-annimali għandha tiġi posposta għal żmien limitat;

Billi mir-reviżjoni jidher li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-ittikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel preparati parzjalment biss minn ingredjenti ta' oriġini agrikola li kienu prodotti skond metodi ta' produzzjoni organika, għandu jittejjeb biex jipprovdi li titqiegħed enfasi akbar fuq il-komponent prodott organikament f'dak l-oġġett ta' l-ikel;

Billi jidher ukoll li l-indikazzjoni li għaliha jipprovdi l-Anness V għandha tibqa' mhux obbligatorja, iżda għandha wkoll, biex jiġi evitat l-użu mhux xieraq ta' dik l-indikazzjoni, tkun ristretta għall-bejgħ ta' oġġetti ta' l-ikel ippakkjati minn qabel jew bejgħ dirett mill-produttur jew minn min jippreparhom lill-konsumatur finali, b'dan illi n-natura tal-prodott tista' tiġi identifikata b'mod ċar;

Billi b'żieda ma' dan jidher ukoll li materjal ta' propagazzjoni għandu jinkiseb minn pjanti mkabbra organikament iżda li sistemi ta' derogi hija meħtieġa biex tkun tippermetti li l-produtturi jużaw, maul il-perijodu transitorju, materjal ta' propagazzjoni prodott b'mod konvenzjonali, fejn ebda materjal ta' propagazzjoni adattat prodott organikament ma' jkun disponibbli;

Billi, għall-istess raġunijiet, għandu jkun permissibbli li pjanti żgħar miksuba b'mod konvenzjonali u maħsuba għaż-żriegħ ta' produzzjoni ta' pjanti, li jintużaw għal perijodu interim;

Billi jidher ukoll li numru ta' prodotti li kienu jintużaw qabel l-addozzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 skond il-kodiċi ta' prattika ta' biedja organika segwita fil-Komunità, ma ġewx inklużi f'L-Anness II tar-Regolament; billi l-użu ta' dawk il-prodotti għandu jkun permess sal-limitu li l-użu tagħhom ikun permess fl-agrikoltura konvenzjonali;

Billi jidher xieraq li għandu jiġi ċċarat li s-sistema ta' spezzjonijiet provduta għandha tkun tapplika wkoll għall-importaturi ta' prodotti minn pajjiżi terzi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għalhekk jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 qiegħed b'dan jiġi emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1(2), id-data ta' "l-1 ta' Lulju 1992" għandhom jinbidlu bi "30 ta' Ġunju 1995".

2. L-Artikolu 4(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"2. "produzzjoni"; għandha tfisser it-tħaddim ta' raba’ agrikolu involut fil-produzzjoni, l-ippakkeġġjar u t-tikkettjar inizjali bħala produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli prodotti f'dak ir-raba’;";

3. L-Artikolu 4(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"3. "preparazzjoni"; għandha tfisser l-operazzjonijiet ta' ppriservar u/jew ipproċesar ta' prodotti agrikoli, u wkoll pakkeġġjar u/jew alterazzjonijiet magħmula fl-ittikkettjar li jikkonċerna il-preżentazzjoni tal-metodu ta' produzzjoni organika ta' prodotti friski, priżervati u/jew proċessati;";

4. L-Artikolu 4(6) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"6. "ingredjenti"; għandha tfisser is-sustanzi, inklużi addittivi, użati fit-tħejjija tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 1(1)(b), kif definiti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 79/112/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' oġġetti ta' l-ikel għall-bejgħ lill-konsumatur finali";

5. Fl-Artikolu 4, il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu:

"9. "oġetti ta' l-ikel ippakkeġġjati minn qabel" għandha tfisser kull oġġett uniku kif definit fl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 79/112/KEE;

10. "lista ta' ingredjenti" għandha tfisser il-lista ta' ingredjenti riferita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 79/112/KEE."

6. Fl-Artikolu 2, l-Artikolu 5(1)(b), l-Artikolu 9(9)(a), l-Artikolu 11(1)(b), l-Artikolu 11(2)(a) u l-Artikolu 11(6)(a), "L-Artikoli 6 u 7" għandha tinbidel b' "L-Artikolu 6";

7. Fl-Artikolu 5(1), għandu jiżdied il-punt li ġej:

"(d) fil-każ ta' prodotti mħejjija wara l-1 ta' Jannar 1997, l-ittikkettjar jirreferi għall-isem u/jew in-numru tal-kodifika ta' l-awtorita ta' spezzjoni jew korp li għalih huwa suġġett l-operatur. L-Istati Membri għandhom jiddeċidu jekk jeħtiġux referenza għall-isem u/jew in-numru tal-kodifika u għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Kummissjoni;";

8. L-Artikolu 5(2) għandu jitħassar;

9. L-Artikolu 5(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"3. L-ittikkettjar u r-reklamar ta' prodott speċifikat fl-Artikolu 1(1)(b) jista' jġorr indikazzjonijiet li jkunu jirreferu għall-metodi ta' produzzjoni organika fid-deskrizzjoni tal-bejgħ tal-prodott biss fejn:

(a) ta' l-anqas 95 % ta' l-ingredjenti ta' oriġini agrikola tal-prodott huma, jew huma ġejjin minn, prodotti miksuba skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 6 jew importati minn pajjiżi terzi taħt l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 11;

(b) l-ingredjenti l-oħra kollha ta' oriġini agrikola tal-prodott huma inklużi f'L-Anness VI, Sezzjoni Ċ jew ikunu ġew awtorizzati proviżorjament minn Stat Membru skond xi miżuri ta' implimentazzjoni adattati fejn xieraq skond paragrafu 7;

(ċ) il-prodott ikun fih biss sustanzi elenkati f'L-Anness VI, Sezzjoni A, bħala ingredjenti ta' oriġini mhux agrikola;

(d) il-prodotti jew l-ingredjenti tagħhom ta' oriġini mhux agrikola, riferiti fis-subparagrafu (a), ma jkunux ġew suġġetti għal trattament li jinvolvi l-użu ta' sustanzi mhux elenkati f'L-Anness VI, sezzjoni B;

(e) il-prodott jew l-ingredjenti tiegħu ma jkunux ġew suġġetti għal trattamenti li jinvolvu l-użu ta' radjazzjoni li tijonizza;

(f) il-prodott ikun ġie ppreparat jew importat minn operatur li jkun suġġett għall-miżuri ta' spezzjoni mniżżla f'L-Artikoli 8 u 9;

(g) fil-każ ta' prodotti mħejjija wara l-1 ta' Jannar 1997, l-ittikkettjar jirreferi għall-isem u/jew in-numru tal-kodifika ta' l-awtorità ta' spezzjoni jew korp li għalih huwa suġġett l-operatur li jkun wettaq l-operazzjoni l-aktar riċenti. L-Istati Membri għandhom jiddeċidu jekk jeħtiġux referenza għall-isem u/jew in-numru tal-kodifika u għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Kummissjoni.

L-indikazzjonijiet li jirreferi għall-metodi ta' produzzjoni organika għandhom jagħmluha ċara li jirrelataw ma’ metodu ta' produzzjoni agrikola u għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza għall-ingredjenti ta' oriġini agrikola konċernata, kemm-il darba dik ir-referenza ma tingħatax b'mod ċar fil-lista ta' l-ingredjenti.’"

10. L-Artikolu 5(4) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"4. Ingredjenti ta' oriġini agrikola jistgħu jiġu inklużi f'L-Anness VI, Sezzjoni Ċ biss fejn jintwera li dawk l-ingredjenti huma ta' oriġini agrikola u ma jkunux prodotti fi kwantita biżżejjed fil-Komunità skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 6, jew ma jistgħux jiġi impurtati minn pajjiżi terzi skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 11."

11. L-Artikolu 5(5) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"5. Prodotti ttikkettjati jew irreklamati skond il-paragrafi 1 jew 3 jistgħu jġorru indikazzjonijiet li jirreferu għall-konverżjoni ta' metodi ta' produzzjoni organika, b'dan illi:

(a) il-ħtiġijiet riferiti fil-paragrafu 1 jew il-paragrafu 3 rispettivament ikunu mħarsa kollha kemm huma, bl-eċċezzjoni ta' dik li tikkonċerna t-tul taż-żmien ta' konverżjoni riferit fil-paragrafu 1 ta' l-Anness I;

(b) żmien ta' konverżjoni ta' l-anqas ta' tnax-il xahar qabel il-ħsad għandu jiġi mħares;

(ċ) dawk l-indikazzjonijiet ma jkunux iqarrqu bix-xerrej tal-prodott fir-rigward tad-differenzi tiegħu minn prodotti li jissodisfaw il-ħtiġijiet kollha tal-paragrafi 1 jew 3. Wara l-1 ta' Jannar 1996 dawk l-indikazzjonijiet għandhom jieħdu l-forma tal-kliem "prodott taħt konverżjoni għal biedja organika";, u għandhom jidhru f'kulur, daqs u stil ta' ittri li ma jkunux aktar prominenti mid-deskrizzjoni tal-bejgħ tal-prodott; f'din l-indikazzjoni l-kliem "biedja organika"; m'għandhomx ikunu aktar prominenti mill-kliem "prodott taħt konverżjoni għal";;

(d) il-prodott ikun fih ingredjenti wieħed biss ta' oriġini agrikola;

(e) għal prodotti mħejjija wara l-1 ta' Jannar 1997, l-ittikkettjar jirreferi għall-isem u/jew in-numru tal-kodifika ta' l-awtorità ta' spezzjoni jew korp li għalih huwa suġġett l-operatur. L-Istati Membri għandhom jiddeċidu jekk jeħtiġux referenza għall-isem u/jew in-numru tal-kodifika u għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Kummissjoni;";

12. Fl-Artikolu 5, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied wara l-paragrafu 5:

"5a. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-ittikkettjar u r-reklamar ta' prodott kif irriferit fl-Artikolu 1(1)(b) jista’ jġorr biss indikazzjonijiet li jkunu jirreferu għall-metodi ta' produzzjoni organika fejn:

(a) ta’ l-anqas 70 % ta' l-ingredjenti ta' oriġini agrikola tal-prodott huma, jew huma ġejjin minn, prodotti miksuba skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 6 jew importati minn pajjiżi terzi taħt l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 11;

(b) l-ingredjenti l-oħra kollha ta' oriġini agrikola tal-prodott huma inklużi f'L-Anness VI, Sezzjoni Ċ jew ikunu ġew awtorizzati provviżorjament minn Stat Membru skond xi miżuri ta' implimentazzjoni adottati fejn xieraq skond il-paragrafu 7;

(ċ) l-indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodi ta' produzzjoni organika ikunu jidhru fil-lista ta' ingredjenti u biss b'relazzjoni ċara għal dawk l-ingredjenti miksuba skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 6 jew impurtati minn pajjiżi terzi taħt l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 11; jidhru bl-istess kulur u daqs identiku u stil ta' ittri bħall-indikazzjonijiet l-oħra fil-lista ta' l-ingredjenti. Dawk l-indikazzjonijiet għandhom jidhru wkoll fi prospett separat imniżżel fl-istess qasam viżwali bħad-deskrizzjoni tal-bejgħ u jindikaw il-perċentwali ta' l-ingredjenti ta' oriġini agrikola jew derivati minn dan li kienu miksuba skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 6 jew kienu impurtati minn pajjiżi terzi taħt l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 11. Il-propspett ma jistax jidher f'kulur, daqs jew stil ta' ittri li jkun aktar prominenti mid-deskrizzjoni tal-bejgħ tal-prodott. Il-prospett għandu jkollu l-forma li ġejja: "X % ta' l-ingredjenti agrikoli kienu prodotti skond ir-regoli tal-produzzjoni organika";;

(d) il-prodott ikun fih biss sustanzi elenkati f'L-Anness VI, sezzjoni A, bħala ingredjenti ta' oriġini mhux agrikola;

(e) il-prodott jew l-ingredjenti tiegħu ta' oriġini agrikola, irriferit fis-subparagrafu (a), ma jkunx ġie ssuġġettat għal trattament li jinvolvi l-użu ta' sustanzi mhux elenkati f'L-Anness VI, sezzjoni B;

(f) il-prodott jew l-ingredjenti tiegħu ma jkunux ġew issuġġettati għal trattamenti li jinvolvu l-użu ta' radjazzjoni li tijonizza;

(g) il-prodott ikun ġie ppreparat jew importat minn operatur li jkun suġġett għall-miżuri ta' spezzjoni mniżżla fl-Artikoli 8 u 9;

(h) għal prodotti mħejjija wara l-1 ta' Jannar 1997, l-ittikkettjar jirreferi għall-isem u/jew in-numru tal-kodifika ta' l-awtorità ta' spezzjoni jew korp li għalih huwa suġġett l-operatur li jkun wettaq il-produzzjoni jew preparazzjoni l-aktar riċenti. L-Istati Membri għandhom jiddeċidu jekk jeħtiġux referenza għall-isem u/jew in-numru ta' kodifika u/jew għandhom jinnotifkaw b'dan lill-Kummissjoni;";

13. L-Artikolu 5(6) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"6. Matul il-perjodu transitorju li jintemm fil-31 ta' Diċembru 1997, l-ittikkettjar u r-reklamar tal-prodott kif riferiti fl-Artikolu 1(1)(b) preparat f'parti minnu minn ingredjenti li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-paragrafu 3 (a) jistgħu jirreferu għall-metodi ta' produzzjoni organika, b'dan illi:

(a) ta' l-anqas 50 % ta' l-ingredjenti ta' oriġini agrikola jkunu jissodisfaw il-ħtiġijiet riferiti fil-paragrafu 3 (a);

(b) il-prodott ikun jissodisfa l-ħtiġijiet riferiti fil-paragrafu 3 (c), (d), (e) u (f);

(ċ) l-indikazzjonijiet ikunu jirreferu għal metodi ta' produzzjoni organika:

- ikunu jidhru biss fil-lista ta' ingredjenti li għalihom tipprovdi d-Direttiva 79/112/KEE, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/395/KEE,

- ikunu jirreferu b'mod ċar biss għal dawk l-ingredjenti miksuba skond ir-regoli riferiti fl-Artikolu 6 jew ikunu impurtati taħt l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 11;

(d) l-ingredjenti u l-livelli relattivi tagħhom ikunu jidhru f'ordni li jinżel l isfel skond il-piż fil-lista ta' l-ingredjenti;

(e) l-indikazzjonijiet fil-lista ta' l-ingredjenti jkunu jidhru fl-istess kulur u daqs identiku u l-istess stil ta' ittri;"

14. L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(8) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"8. Listi limitattivi tas-sustanzi u prodotti rriferiti fil-paragrafu 3 (b), (ċ) u (d) u l-paragrafu 5a (b), (d) u (e) għandhom jiġu stabbiliti f'L-Anness VI, Sezzjonijiet A, B u Ċ, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 14."

15. L-Artikolu 5(9) għandu jinbidel b'dan li ġej u l-paragrafi 10 u 11 għandhom jiżdiedu:

"9. Għall-kalkolazzjoni tal-perċentwali riferiti fil-paragrafi 3 u 6, ir-regoli li għalihom jipprovdu l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 79/112KEE għandhom jiġu applikati.

10. Jekk fi prodott kif riferit fl-Artikolu 1(1), ingredjent miksub skond ir-Regoli mniżżla fl-Artikolu 6 m'għandux ikun preżenti flimkien ma'l-istess ingredjent mhux miksub skond dawk ir-regoli.

11. Qabel l-1 ta' Jannar 1999, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u ta' l-Artikolu 10 u tibgħat kull proposta adattata għar-reviżjoni tagħhom.";

16. L-Artikolu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 6

1. Il-metodu ta' produzzjoni organika jimplika li l-produzzjoni ta' prodotti rriferiti fl-Artikolu 1(1)(a) barra minn żerriegħa u materjal veġetattiv ta' propagazzjoni:

(a) ta' l-anqas li l-ħtiġijiet ta' l-Anness I u, fejn xieraq, ir-regoli dettaljati li għandhom x'jaqsmu miegħu, għandhom jiġu mħarsa;

(b) li prodotti biss magħmula minn sustanzi elenkati f'L-Annessi I u II jistgħu jintużaw bħala prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti, deterġenti, fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija jew għal xi għan ieħor fejn dak l-għan ikun speċifikat f'L-Anness II fir-rigward ta' ċerti sustanzi. Jistgħu jintużaw biss taħt il-kondizzjonijiet speċifiċi mniżżla f'L-Annessi I u II u sal-limitu li l-użu li jikkorrispondi jiġi awtorizzat fl-agrikoltura ġenerali fl-Istat Membru konċernat skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Komunità jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali in konformità mal-liġi tal-Komunità;

(ċ) żerriegħa biss jew materjal veġetattiv ta' propagazzjoni prodott mill-metodu ta' produzzjoni organika rriferita fil-paragrafu 2 jiġu użati.

2. Il-metodu ta' produzzjoni organika jimplika li għal żrieragħ u materjal veġetattiv riproduttiv, il-pjanta mamma fil-każ ta' żrieragħ u l-pjanta/i li minnhom isir it-tnissil fil-każ ta' materjal veġetattiv ta' propagazzjoni ikunu ġew prodotti skond id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi (a) u (b) tal-paragrafu ta' qabel dan għal ta' l-anqas ġenerazzjoni waħda jew, fil-każ ta' uċuh tar-raba' perreni, żewġ staġunijiet ta' tkabbir.

3. (a) B'deroga mill-paragrafu 1 (ċ), żrieragħ u materjal veġetattiv ta' propagazzjoni mhux miksuba minn metodu ta' propagazzjoni organika jistgħu, matul żmien trasitorju li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2000 u bl-approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru, jintuża basta li dawk li jużaw dak il-materjal ta' propagazzjoni jkunu jistgħu juru għas-sodisfazzjon tal-korp ta' spezzjoni jew l-awtorità ta' l-Istat Membru ma kienx possibbli li jakkwistaw fis-suq materjal ta' propagazzjoni tal-varjetà adattata ta' l-ispeċji in kwistjoni u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-paragrafu 2. F'dak il-każ, il-materjal ta' propagazzjoni li mhux ittrattat mal-prodotti mhux elenkati f'L-Anness II, Sezzjoni B għandu jintuża, jekk disponibbli fis-suq tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummisjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija skond dan il-paragrafu.

(b) Il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 14 għandha tiġi applikata biex jiġi deċiż dwar:

- l-introduzzjoni, qabel il-31 ta' Diċembru 2000 ta' restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-miżura transitorja rriferita fis-subparagrafu (a) fir-rigward ta' ċerti speċji u/jew tipi ta' materjal ta' propagazzjoni u/jew in-nuqqas ta' trattament kimiku,

- iż-żamma, wara l-31 ta' Diċembru 2000 tad-deroga li għaliha jipprovdi s-subparagrafu (a) fir-rigward ta' ċerti speċji u/jew tipi ta' materjal ta' propagazzjoni u fir-rigward tal-Komunità kollha jew partijiet minnha,

- l-introduzzjoni ta' regoli proċedurali u kriterji dwar id-deroga rriferita fis-subparagrafu (a) u t-tagħrif dwarha komunikat lill-organizzazzjonijiet professjonali konċernati, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummisjoni.

4. Qabel il-31 ta' Diċembru 1999, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu b'mod partikolari l-paragrafu (1) (ċ) u l-paragrafu 2 u tibgħat kull proposta adattata bil-ħsieb tar-reviżjoni tagħhom.";

17. L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 6:

"L-Artikolu 6a

1. Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, "xtieli żgħar"; għandha tfisser xtieli sħaħ maħsuba biex jinżergħu għall-produzzjoni tal-pjanti.

2. Il-metodu tal-produzzjoni organika jimplika li meta l-produtturi jużaw xtieli żgħar, ikunu ġew prodotti skond l-Artikolu 6.

3. B'deroga mill-paragrafu 2, xtieli żgħar mhux miksuba minn metodi ta' produzzjoni organika jistgħu jintużaw matul żmien transitorju li jintemm fil-31 ta' Diċembru 1997 sakemm jiġu mħarsa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tkun awtorizzat l-użu wara li dak li juża jew dawk li jużaw dak il-materjal ikunu wrew għas-sodisfazzjoni tal-korp ta' spezzjoni jew awtorità ta' l-Istat Membru li ma setgħux jiksbu l-varjetà adattata ta' l-ispeċji in kwistjoni fis-suq tal-Komunità;

(b) ix-xtieli żgħar ma jkunux ġew ittrattati, minn mindu nżergħu b'xi prodotti ħlief għal dawk elenkati f'L-Anness II, Sezzjonijiet A u B;

(ċ) ix-xtieli żgħar ikunu ġejjin minn produttur li jkun aċċetta sistema ta' spezzjoni ekwivalenti għall-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 9 u jkun qabel li japplika r-restrizzjoni tal-paragrafu (b); din id-dispożizzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995;

(d) wara li jinżergħu, ix-xtieli ż-żgħar għandhom ikunu ġew kultivati skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(1)(a) u (b) għal żmien ta' l-anqas ta' sitt ġimgħat qabel il-ħsad;

(e) l-ittikkettjar ta' xi prodott li jkun fih ingredjenti derivati minn dawk ix-xtieli żgħar ma jistgħux jinkludu l-indikazzjoni riferita fl-Artikolu 10;

(f) mingħajr preġudizzju għal xi restrizzjoni li tirriżulta mill-proċedura rriferita fil-paragrafu 4, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu għandha tiġi rtirata malli jintemm in-nuqqas, u għandha tintemm sa l-aktar tard fil-31 ta' Diċembru 1997.

4. (a) fejn tkun ingħatat awtorizzazzjoni kif irriferita fil-paragrafu 3, l-Istat Membru għandu minnufih jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bit-tagħrif li ġej:

- id-data ta' l-awtorizzazzjoni,

- l-isem tal-varjetà u l-ispeċji kkonċernat,

- il-kwantitajiet li huma meħtieġa u l-ġustifikazzjoni għal dawk il-kwantitajiet,

- iż-żmien mistenni ta' ħażna,

- kull tagħrif mitlub mill-Kummissjoni jew l-Istati Membri.

4. (b) Jekk it-tagħrif mibgħut minn xi Stat Membru tal-Kummissjoni u lill-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni juri li xi varjetà adattata tkun disponibbli matul il-perijodu ta' ħażna, l-Istat Membru għandu jikkonsidra li jirtira l-awtorizzazzjoni jew inaqqas iż-żmien tal-validità tagħha, u għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li jkun ħa, fi żmien għaxart ijiem mid-data li jirċievi t-tagħrif.

4. (ċ) Fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-iniżjattiva tal-Kummissjoni, il-kwistjoni għandha tintbagħat għall-eżami lill-Kumitat riferit fl-Artikolu 14. Jista' jiġi deċiż, skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 14, li l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rtirata jew li ż-żmien tal-validità tagħha jiġi emendat.";

18. Fl-Artikolu 7, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied wara l-paragrafu 1:

"1a. Il-kondizzjonijiet li għalihom jipprovdi l-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw għall-prodotti li kienu f'użu komuni qabel l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament skond il-kodiċi ta' prattika ta' biedja organika segwiti fil-Komunità.";

19. Fl-Artikolu 9(1), l-espressjoni "operaturi li jipproduċi jew iħejju prodotti kif riferit fl-Artikolu 1" għandha tinbidel bl-espressjoni "operaturi li jipproduċu, jħejju jew jimpurtaw minn pajjiżi terzi prodotti kif riferiti fl-Artikolu 1".

20. Fl-Artikolu 9(5)(b), l-espressjoni "irregolaritajiet" għandha tinbidel b’ "irregolaritajiet u/jew ksur tal-liġi".

21. Fl-Artikolu 9(6)(ċ), l-espressjoni "ksur tal-liġi" għandha tinbidel b’ "irregolaritajiet u/jew ksur tal-liġi".

22. Fl-Artikolu 9(6)(d), l-espressjoni "imniżżla fil-paragrafu 7, 8 u 9' għandha tinbidel b""imniżżla fil-paragrafi 7, 8, 9 u 11".

23. Fl-Artikolu 9, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied wara l-paragrafu 6:

"6a. Qabel l-1 ta' Jannar 1996, l-Istati Membri għandhom joħorġu numru ta' kodifika lil kull korp ta' spezzjoni jew awtorità approvata jew nominata skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Għandhom javżaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummisjoni b'dan; il-Kummissjoni għandha tippubblika n-numri ta' kodifika fil-lista rriferita fl-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 15."

24. Fl-Artikolu 9, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

"11. Sa mill-1 ta' Jannar 1998 u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 6, korpi ta' spezzjoni approvati għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet imniżżla fil-kondizzjonijiet ta' l-istandard EN 45011 tas-26 ta' Ġunju 1989."

25. L-Artikolu 10(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. L-indikazzjoni u/jew il-logo muri f'L-Anness V li jindika li l-prodotti huma koperti bl-iskema speċifika ta' spezzjoni, jista’ jidher fuq l-ittikkettjar ta' prodotti kif riferiti fl-Artikolu 1 biss meta dawk il-prodotti:

(a) ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 5(1) jew (3);

(b) ikunu ġew suġġetti għall-arranġamenti ta' spezzjoni rriferiti fl-Artikolu 9 matul il-proċess kollu ta' produzzjoni u tħejjija;

(ċ) jinbiegħu direttament mill-produttur jew dak li jħejjihom lill-konsumatur finali f'pakkett issiġillat, jew jitqiegħdu fis-suq bħala oġġetti ta' l-ikel ippakkjati minn qabel; fil-każ ta' bejgħ dirett mill-produttur jew dak li jħejjihom lill-konsumatur finali, l-ippakkeġġjar issiġillat mhux meħtieġ meta l-ittikkettjar ikun jippermetti li l-prodott li jeħtieġ din l-indikazzjoni jiġi identifikat b'mod ċar u mhux ambigwu;

(d) juri fuq l-ittikkettjar l-isem u/jew l-isem tal-kummerċ tal-produttur, dak li jħejjihom jew bejjiegħ flimkien ma’ l-isem jew numru tal-kodifika ta' l-awtorità jew korp ta' spezzjoni, u kull indikazzjoni meħtieġa skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti dwar ittikkettjar ta' prodotti ta' l-ikel, skond il-leġislazzjoni tal-Komunità."

26. Fl-Artikolu 10(3)(a), l-espressjoni "L-Artikoli 5, 6 u 7" għandha tinbidel b' "L-Artikolu 5 jew 6".

27. "Miżuri ġenerali ta' infurzar

Artikolu 10a

1. Fejn Stat Membru jikxef irregolaritajiet jew ksur tal-liġi li għandu x'jaqsam ma’ l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fi prodott li jkun ġej minn Stat Membri ieħor u jkun iġorr indikazzjonijiet kif irriferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V għandu javża b'dan lill-Istat Membru li jkun ħatar l-awtorità ta' spezzjoni jew approva l-korp ta' spezzjoni u lill-Kummissjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura u azzjoni neħtieġa biex tipprevjeni l-użu frawdolenti ta' l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V."

;

28. Fl-Artikolu 11(3)(a), l-espressjoni "awtoritajiet ta' spezzjoni" għandha tinbidel b' "korp ta spezzjoni u/jew awtorità ta' spezzjoni";

29. Fl-Artikolu 11(6)(a), id-data ta' "l-31 ta' Lulju 1995" għandha tinbidel b' "31 ta' Diċembru 2002".

30. Fl-Artikolu 11(6)(a) l-aħħar sentenza għandha tinbidel b'dan li ġej:

"Għandha tintemm fiż-żmien li d-deċiżjoni li jiġi inkluż pajjiż terz fil-lista rriferita fil-paragrafu 1 (a), sakemm ma tkunx tikkonċerna prodotti li kien ġie prodott f'reġjun mhux speċifikat fid-deċiżjoni riferita fil-paragrafu 1 (a), u li ma kienx ġiew eżeminat fil-qafas tat-talba mibgħuta mill-pajjiż terz, u biss fejn dak il-pajjiż terz ikun ftiehem għat-tkomplija ta' l-arranġamenti ta' l-awtorizzazzjoni li għalihom jipprovdi dan il-paragrafu."

31. Fl-Artikolu 11, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

"7. Il-Kummissjoni tista' skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 14 fuq it-talba ta' Stat Membru, tapprova l-korp ta' spezzjoni ta' pajjiż terz li kien ġie mgħarbel qabel mill-Istat Membru konċernat u jżidu mal-lista rriferita fil-paragrafu 1 (a). Il-Kummissjoni għandha tibgħat it-talba lill-pajjiż terz konċernat."

32. Fl-Artikolu 13, l-inċiż li ġej għandu jiżdied qabel l-ewwel inċiż:

"— regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;".

33. Fl-Artikolu 13, l-aħħar inċiż għandu jinbidel b'dan li ġej:

"— emendi għal l-Anness V biex jiddefinixxi l-logo tal-Komunità li jakkumpanja jew jibdel l-indikazzjoni li l-prodotti huma koperti bl-iskema ta' spezzjoni."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Ġunju 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

Ph. Vasseur

[1] ĠU C 326, tat-3.12.1993, p. 8.

[2] ĠU C 128, tad-9.5.1994, p. 112.

[3] ĠU C 148, tat-30.5.1994, p. 24.

[4] ĠU L 198, tat-22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

--------------------------------------------------

Top