EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993R0339

Ir-Regolament tal-Kunsil L (KEE) Nru. 339/93 tat-8 ta' Frar 1993 dwar kontrolli għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti fil-każ ta' prodotti importati minn pajjiżi terzi

ĠU L 40, 17.2.1993, p. 1–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Imħassar b' 32008R0765

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/339/oj

31993R0339



Official Journal L 040 , 17/02/1993 P. 0001 - 0004
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0081
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0081


Ir-Regolament tal-Kunsil L (KEE) Nru. 339/93

tat-8 ta' Frar 1993

dwar kontrolli għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti fil-każ ta' prodotti importati minn pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b' mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Billi l-prodotti ma jistgħux jitpoġġew fuq is-suq Komunitarju sakemm ma jikkonformawx mar-regoli applikabbli; billi l-Istati Membri huma għalhekk responsabbli biex jagħmlu kontrolli fuq il-konformità tagħhom;

Billi, minħabba t-tneħħija ta' kontrolli fuq il-fruntieri interni tal-Komunità skond l-Artikolu 8a tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom, meta jwettqu kontrolli fuq il-fruntieri esterni, jaġixxu skond regoli dettaljati komparabbli sabiex jevitaw kwalunkwe distorsjoni li tista' teffettwa b'mod negattiv is-sigurtà u s-saħħa;

Billi, b'attenzjoni xierqa għall-poteri ta' u l-mezzi disponibbli għall-amministrazzjonijiet nazzjonali kkonċernati, l-awtoritajiet doganali għandhom, fil-każ ta' prodotti minn pajjiżi terzi, jkunu involuti mill-viċin fl-operazzjonijiet ta' sorveljanza tas-suq u fis-sistemi ta' informazzjoni pprovduti taħt ir-regoli kemm tal-Komunità kif ukoll dawk nazzjonali;

Billi, b'mod partikolari, jekk l-awtoritajiet doganali jsibu, meta jwettqu kontrolli marbuta mal-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera li l-merkanzija turi ċertu karatteristiċi li jqajmu dubju serju dwar l-eżistenza ta' riskju serju u immedjat għas-saħħa u s-sigurtà, dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu f'pożizzjoni li jissospendu r-rilaxx ta' din il-merkanzija u li jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tas-suq sabiex dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jieħdu azzjoni xierqa;

Billi l-istess għandu japplika meta, fl-istess ċirkostanzi, l-awtoritajiet doganali jsibu li xi dokument li suppost jakkumpanja l-prodotti hu nieqes u/jew li l-prodotti li m'humiex immarkati kif speċifikat fir-regoli tal-Komunità jew dawk nazzjonali dwar is-sigurtà tal-prodotti li huma fis-seħħ fl-Istat Membru fejn hija mfittxija li ssir iċ-ċirkolazzjoni libera;

Billi, fl-interess ta' l-effikaċja u l-koordinazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali responsabbli sabiex jissorveljaw is-suq li għandhom jiġu nnotifikati mill-awtoritajiet doganali fil-każijiet imsemmija hawn fuq;

Billi, meta tiġi nnotifikata b'dan il-mod, l-awtorità responsabbli għandha tkun f'pożizzjoni li tivverifika jekk il-prodotti inkwistjoni jħarsux ir-regoli tal-Komunità jew dawk nazzjonali dwar is-sigurtà tal-prodotti;

Billi, madanakollu, din l-awtorità għandha taġixxi f'perjodu qasir biżżejjed fid-dawl tad-dubju serju msemmi hawn fuq u l-obbligi internazzjonali li jorbtu lill-Komunità, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu ma' kontrolli dwar il-ħarsien ta' standards tekniċi;

Billi, għalhekk, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tas-suq ma jeħdux azzjoni, inkluża l-adozzjoni ta' miżuri protettivi interim, f'dak l-istess perjodu, ir-rilaxx tal-prodotti inkwistjoni għal ċirkolazzjoni libera għandu jiġi awtorizzat sakemm il-formalitajiet l-oħra kollha ta' l-importazzjoni ikunu ġew issodisfati;

Billi, madanakollu, dan ir-Regolament għandu, fl-interess tal-konsistenza, japplika biss sakemm ir-regoli tal-Komunità dwar saħħa u sigurtà ma jkunx fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom x'jaqsmu ma l-organizzazzjoni ta' kontrolli fuq il-fruntiera fuq prodotti speċifiċi;

Billi dawn il-kontrolli għandhom iħarsu, min-naħa waħda, il-prinċipju tal-proporzjonalità u għandhom għanlhekk iħarsu strettament ir-rekwiżiti u, min-naħa l-oħra, l-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Armonizzazzjoni tal-Kontrolli fuq il-Fruntiera ta' Merkanzija, li ġiet approvata f'isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1262/84 [2];

Billi, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' importazzjoni, il-Kummissjoni u kull Stat Membru għandhom ifittxu li jiżguraw it-trasparenza tal-miżuri meħuda sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament, filwaqt li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu lil xulxin bl-assistenza kollha meħtieġa;

Billi, b'mod partikolari, l-awtoritajiet doganali għandhom jiġu pprovduti b'informazzjoni, xierqa għall-eżerċizzju tad-doveri tagħhom, miksuba minn tagħrif dwar, min-naħa waħda, l-prodotti jew kategoriji ta' prodotti li huma kkonċernati b'mod iktar speċifiku u, min-naħa l-oħra, l-immarkar ta' prodotti u d-dokumenti li jakkumpanjawhom;

Billi l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tiġi sorveljata sabiex ikunu jistgħu jsiru, fejn meħtieġa, aġġustamenti fl-interess ta' l-effikaċja;

Billi dan ir-Regolament jifforma parti integrali mill-politika komuni kummerċjali; billi huwa limitat għal dak li hu meħtieġ għall-operazzjoni mingħajr xkiel tal-kontrolli mwettqa fuq prodotti impurtati minn pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat li jħarsu r-regoli dwar sigurtà tal-prodott applikabbli fis-suq Komunitarju;

Billi dawn il-kontrolli għandhom iħarsu l-obbligi tal-Komunità taħt GATT li tmexxi l-kummerċ fuq bażi mhix diskriminatorja u taħt il-Kodiċi GATT dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ, li tistabbilixxi li m'għandhomx jiġu applikati standards bħala mezz sabiex jinħolqu ostakoli għall-kummerċ internazzjonali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

- "awtorita nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq" għandha tfisser l-awtorità jew l-awtoritajiet nazzjonali nnominati mill-Istati Membri, u li huma meħtieġa mill-istess Stati Membri sabiex jikkontrollaw il-konformità tal-prodotti mqiegħda fis-suq Komunitarju jew nazzjonali mal-leġislazzjoni Komunitarja jew dik nazzjonali applikabbli,

- "dokument li jakkumpanja" għandu jfisser kull dokument li jrid jakkumpanja prodott fiżikament meta dan jitqiegħed fis-suq, skond il-leġislazzjoni tal-Komunità jew dik nazzjonali fis-seħħ,

- "immarkar" għandu jfisser kwalunkwe marka jew tikketta li l-prodotti għandhom iġibu skond il-leġislazzjoni tal-Komunità jew dik nazzjonali fis-seħħ u li jiċċertifikaw li l-prodott jikkonforma ma' dik il-leġislazzjoni;

- "awtoritajiet doganali" għandha tfisser l-awtoritajiet responsabbli għal, inter alia, l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali.

L-Artikolu 2

Meta, fil-kuntest ta' kontrolli li jwettqu fuq merkanzija dikjarata għar-rilaxx għaċ- ċirkolazzjoni libera, l-awtoritajiet doganali jsibu:

- prodott jew lott ta' prodotti juru ċerti karatteristiċi li jqajmu dubju serju li jagħti lok li wieħed jemmen li jeżisti riskju serju u immedjat għas-saħħa jew sigurtà fil-każ li dak il-prodott jintuża taħt kundizzjonijiet normali u prevedibbli, u/jew

- prodott jew lott ta' prodotti ma jkunux akkumpanjati minn dokument jew m'humiex immarkati skond ir-regoli tal-Komunità jew dawk nazzjonali dwar is-sigurtà tal-prodotti applikabbli fl-Istat Membru fejn ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa hu mfittex, huma għandhom jissospendu r-rilaxx tal-prodott jew tal-lott ta' prodotti inkwistjoni u għandhom jinnotifikaw minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq.

L-Artikolu 3

Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan, dwar l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq li hu jkun innomina biex tiġi infurmata jew jiġu infurmati kull meta jiġi applikat l-Artikolu 2.

L-Artikolu 4

1. L-awtorità nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq għandha tkun f'pożizzjoni li taġixxi fir-rigward ta' kull prodott li r-rilaxx tiegħu jkun ġie sospiż mill-awtoritajiet doganali skond l-Artikolu 2. Fin-nuqqas ta' azzjoni bħal din, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5 għandu japplika.

2. Fil-każ ta' merkanzija li jitħassru, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq u ta' l-awtoritajiet doganali għandhom, sa fejn hu possibbli, jassiguraw li kull rekwiżit li huma jistgħu jimponu fir-rigward tal-ħżin ta' merkanzija jew l-ipparkjar tal-vetturi użati għat-trasport ma jkunux inkompatibbli mal-preservazzjoni ta' dik il-merkanzija.

L-Artikolu 5

Meta, wara li ssir intervenzjoni skond l-Artikolu 4, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq jidhrilhom li l-prodott inkwistjoni ma jippreżentax riskju serju u immedjat għas-saħħa u s-sigurtà u/jew li ma jistax jitqies li jmur kontra l-liġijiet tal-Komunità jew dawk nazzjonali dwar sigurtà tal-prodott, il-prodott inkwistjoni għandu jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa dejjem jekk ir-rekwiżiti u l-formalitajiet l-oħrajn kollha li għandhom x'jaqsmu ma' dan ir-rilaxx ikunu ġew issodisfati.

Dan għandu japplika wkoll jekk, fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mis-sospensjoni tar-rilaxx, l-awtoritajiet doganali, wara li jkunu applikaw l-Artikolu 2, ma jkunux ġew innotifikati dwar xi azzjoni, inklużi miżuri kawtelatorji, meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq.

L-Artikolu 6

1. Meta l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq isibu li l-prodott inkwistjoni jippreżenta riskju serju u immedjat, huma għandhom, skond ir-regoli Komunitarji jew dawk nazzjonali applikabbli, jieħdu mizuri sabiex jipprojbixxu li l-prodott jitqiegħed fis-suq u għandhom jistaqsu lill-awtoritajiet doganali sabiex jinkludu waħda mid-dikjarazzjonijiet segwenti fuq l-irċevuta kummerċjali li takkumpanja l-prodott u fuq kull dokument relevanti ieħor ta' akkumpanjament:

- ,

- ,

- ,

- ,

- ,

- ,

- ,

- ,

- .

2. Meta l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq isibu li l-prodott inkwistjoni ma jikkonformax mar-regoli tal-Komunità jew dawk nazzjonali fis-seħħ dwar sigurtà tal-prodotti, huma għandhom jieħdu azzjoni xierqa li tista', jekk ikun neċessarju, tinkludi l-projbizzjoni tal-prodott milli jitqiegħed fis-suq skond ir-regoli msemmija; f'każijiet meta t-tqegħid fis-suq ikun ipprojbit, huma għandhom jistaqsu lill-awtoritajiet doganali sabiex jinkludu waħda mid-dikjarazzjonijiet segwenti fuq l-irċevuta kummerċjali li takkumpanja l-prodott kif ukoll kwalunkwe dokument relevanti ieħor ta' akkumpanjament:

- "Producto no conforme -no se autoriza su despacho a libre práctica -Reglamento (CEE) nº 339/93"

- ,

- ,

- ,

- ,

- ,

- ,

- ,

- .

3. Għall-iskopijiet ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta' Mejju 1981 dwar assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar kwistjonijiet doganali jew agrikoli [3] għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4. Meta l-prodott inkwistjoni jiġi sussegwentement iddikjarat għal destinazzjoni doganali apparti mir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera u sakemm l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza tas-suq ma joġġezzjonawx, d-dikjarazzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu inklużi wkoll, taħt l-istess kundizzjonijiet, fuq id-dokumenti użati inkonnessjoni ma' dik id-destinazzjoni.

L-Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu japplika biss sakemm ir-regoli tal-Komunità ma jkunx fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta' kontrolli fuq il-fruntiera ta' prodotti speċifiċi.

F'ebda ċirkostanza ma għandu dan ir-Regolament japplika fil-każijiet li jaqgħu taħt ir-regoli tal-Komunità li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa tal-pjanti, kontrolli veterinarji u żootekniċi u l-ħarsien ta' l-annimali.

L-Artikolu 8

Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għall-iskopijiet ta' l-implimentazzjoni tiegħu, għandha tiġi magħmula lista tal-prodotti jew tal-kategoriji ta' prodotti li, fil-kuntest tar-regoli Komunitarji, jaqgħu b'mod iktar speċifiku taħt it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2, skond il-proċedura speċifikata fl-Artikolu 9; il-lista għandha tiġi magħmula abbażi ta' l-esperjenza u/jew tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti. Skond l-istess proċedura, din il-lista għandha tiġi reveduta, kif u meta jkun neċessarju, sabiex tiġi adatata għas-sitwazzjonijiet il-ġodda li jirriżultaw mill-esperjenza u l-iżvilupp tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodotti.

L-Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat il-miżuri abbozzati li jelenkaw- jew jemendaw – lista tal-prodotti jew tal-kategoriji ta' prodotti li jaqgħu b'mod iktar speċifiku taħt it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-president jista' jistabbilxxi skond l-urġenza tal-miżuri li jridu jittieħdu. L-opinjoni għandha tingħata skond il-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill hu meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom jiġu peżati skond kif huwa stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw immedjatament.

(b) Madanakollu, jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ:

- għandha tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li hi tkun iddeċidiet għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet xhur mid-data ta' din il-komunikazzjoni.

- waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien imsemmi fl-ewwel inċiż.

L-Artikolu 10

Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-karatteristiċi tal-marki u dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti kif imsemmi fl-Artikolu 1 u kif meħtieġ taħt ir-regoli Komunitarji jew taħt ir-regoli tiegħu stess, flimkien mar-raġunijiet għall-istruzzjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet doganali bil-għan li jiġi applikat it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni li tkun irċeviet lill-Istati Membri l-oħra minnufih. Dawn il-karatteristiċi għandhom jintbagħtu għall-ewwel darba fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 11

1. Jekk, sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament, Stat Membru jiddeċiedi li hemm bżonn li jiġu nominati punti ta' clearance doganali speċjalizzati għal kontrolli fuq ċerta merkanzija, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan; il-Kummissjoni għandha żżomm aġġornata u tippubblika lista ta' punti ta' clearance doganali speċjalizzati.

2. Ir-rabtiet li jirriżultaw mill-obbligu taħt il-paragrafu 1 li wieħed jgħaddi minn punt ta' clearance doganali speċjalizzat ma jistgħux ikunu sproporzjonati, fir-rigward ta' l-operaturi ekonomiċi, ma' l-objettiv inkwistjoni, b'konsiderazzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi attwali li jistgħu jiġġustifikaw dak l-obbligu.

L-Artikolu 12

Kull Stat Membru għandu, fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkun adotta sabiex jimplimentah. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawk id-dispożizzjonijiet lill-Istati Membri l-oħra.

L-Artikolu 13

Fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tiegħu u għandha tipproponi kull bidla li hi tħoss li hija xierqa. L-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jabbozzaw dak ir-rapport, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni relevanti kollha li għandha x'taqsam mal-mod kif huma japplikaw ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-istatistika li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6.

L-Artikolu 14

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ xahar wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Frar 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Trøjborg

[1] ĠU C 329, tal-15. 12. 1992, p. 3

[2] ĠU L 126, tat-12. 5. 1984, p. 1

[3] ĠU L 144, tat-2. 6. 1981, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 945/87 (ĠU L 90, tat-2. 4. 1987, p. 3).

--------------------------------------------------

Top