This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31987L0344
Council Directive 87/344/EEC of 22 June 1987 on the coordination of laws, regulations and administrative provisions relating to legal expenses insurance
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali
ĠU L 185, 4.7.1987, pp. 77–80
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32009L0138 u Ara 32012L0023 u 32013L0058
Official Journal L 185 , 04/07/1987 P. 0077 - 0080
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0161
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0161
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (87/344/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b' mod partikolari l-Artikolu 57(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi d-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja [4], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 87/343/KEE [5], eliminat, sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu u l-eżerċizzju ta' dawn l-attivitajiet, ċerti differenzi li jeżistu bejn liġijiet nazzjonali; Billi, madanakollu, l-Artikolu 7(2)(ċ) tad-Direttiva 73/239/KEE jipprovdi li "fl-istennija ta' aktar koordinazzjoni, li għandha tiġi implimentata fi żmien erba' snin min-notifika ta' din id-Direttiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista' żżomm id-dispożizzjoni li tipprojbixxi l-assigurazzjoni simultanja fit-territorju tagħha ta' assigurazzjoni tas-saħħa, assigurazzjoni ta' kreditu u assigurazzjoni ta' sigurtajiet jew assigurazzjoni fir-rigward ta' rikors kontra partijiet terzi u difiża legali, jew ma' xulxin jew ma' klassijiet oħrajn"; Billi d-Direttiva preżenti tipprovdi għal koordinazzjoni ta' assigurazzjoni ta' l-ispejjeż legali kif maħsub fl-Artikolu 7(2)(ċ) tad-Direttiva 73/239/KEE; Billi, sabiex ikunu protetti persuni assigurati, għandhom jittieħdu passi biex jipprekludu, sa fejn hu possibbli, kull konflitt ta' interessi bejn persuna b' kopertura ta' spejjeż legali u l-assiguratur tagħha li joriġinaw mill-fatt li dan ta' l-aħħar ikun ikopriha fir-rigward ta' xi klassi oħra ta' assigurazzjoni msemmija fl-Anness mad-Direttiva 73/239/KEE jew ikun qiegħed ikopri persuna oħra u, jekk jinħoloq dan il-konflitt, li jgħinu sabiex din tkun riżolta; Billi assigurazzjoni dwar spejjeż legali fir-rigward ta' disputazzjonijiet jew riskji li joriġinaw minn, jew inkonnessjoni ma', l-użu ta' bastimenti ta' fuq il-baħar għandha, invista tan-natura speċifika tagħha, tiġi eskluża mill-iskop ta' din id-Direttiva; Billi l-attività ta' assiguratur li jipprovdi servizzi jew li jerfa' l-ispiża biex jiddefendi l-persuna assigurata inkonnessjoni ma' kuntratt ta' responsabbiltà ċivili għandha ukoll tkun eskluża mill-iskop ta' din id-Direttiva jekk dik l-attività tkun fl-istess waqt segwita fl-interess ta' l-assiguratur proprju taħt din il-kopertura; Billi l-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jeskludu mill-iskop ta' din id-Direttiva l-attività ta' assigurazzjoni ta' spejjeż legali merfugħa minn assiguratur ta' assistenza meta din l-attività titwettaq fi Stat Membru ta' xort' oħra minn dak li fih il-persuna assigurata normalment tkun residenti u meta tifforma parti minn kuntratt li jkopri biss l-assistenza ipprovduta lil persuni li jsibu rwieħhom f' diffikultajiet waqt li jkunu jivvjaġġaw, waqt li jkunu 'l bogħod mid-dar jew waqt li jkunu 'l bogħod mir-residenza permanenti tagħhom; Billi s-sistema ta' speċjalizzazzjoni obbligatorja preżentament applikata minn Stat Membru wieħed, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tipprekludi il-maġġoranza tal-konflitti; billi, madanakollu, ma jidhirx neċessarju sabiex ikun akkwistat dan ir-riżultat, li tiġi estiża dik is-sistema lill-Komunità kollha, li kienet teħtieġ il-qsim ta' impriżi komposti; Billi r-riżultat mixtieq jista' ukoll jintlaħaq billi jkun meħtieġ li l-impriżi jipprovdu għal kuntratt separat jew għal taqsima separata ta' polza singola dwar assigurazzjoni għal spejjeż legali u billi jkun hemm l-obbligu li jew ikun hemm amministrazzjoni separata għal assigurazzjoni dwar spejjeż legali, jew li l-amministrazzjoni tal-pretensjonijiet fir-rigward ta' assigurazzjoni ta' spejjeż legali tingħata lil impriża li jkollha personalità legali separata, jew li tingħata l-opportunità lil persuna li jkollha il-kopertura ta' spejjeż legali li jkollha d-dritt li tagħżel l-avukat tagħha mill-mument li jkollha d-dritt li tagħmel pretensjoni lill-assiguratur tagħha; Billi, independentament mis-soluzzjoni adottata, l-interess ta' persuni li jkollhom kopertura ta' spejjeż legali għandu jkun protett b' salvagwardji ekwivalenti; Billi l-interess ta' persuni li jkollhom il-kopertura ta' spejjeż legali jfisser li l-persuna assigurata għandha tkun tista' tagħżel avukat jew persuna oħra kkwalifikata b' mod approprjat skond il-liġi nazzjonali f' xi inkjesta jew proċeduri u kull meta jkun hemm konflitt ta' interessi; Billi l-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jeżentaw impriżi mill-obbligu li jagħtu lill-persuna assigurata din l-għażla libera ta' avukat jekk l-assigurazzjoni ta' spejjeż legali tkun limitata għal każijiet li joriġinaw mill-użu ta' vetturi tat-triq fit-territorju tagħhom u jekk jiġu ssodisfati kondizzjonijiet restrittivi oħrajn; Billi, jekk ikun hemm kunflitt bejn min jassigura u dak assigurat, huwa importanti li dan ikun deċiż bil-manjiera l-aktar ġusta u malajr possibbli; billi huwa għalhekk xieraq li ssir dispożizzjoni f' poloz ta' l-assigurazzjoni ta' spejjeż legali għal proċedura ta' arbitraġġ jew proċedura li toffri garanziji paragunabbli; Billi t-tieni paragrafu tal-punt Ċ ta' l-Anness tad-Direttiva 73/239/KEE jipprovdi li r-riskji inklużi fil-klassijiet 14 u 15 fil-punt A ma jistgħux jitqiesu bħala riskji anċillari għal klassijiet oħrajn; billi impriża ta' l-assigurazzjoni m' għandhiex tkun tista' tkopri spejjeż legali bħala riskju anċillari għal riskju ieħor mingħajr ma tkun akkwistat awtorizzazzjoni fir-rigward tar-riskju ta' l-ispejjeż legali; billi, madanakollu, Stati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jikkunsidraw il-klassi 17 bħala riskju anċillari għall-klassi 18 f' każijiet speċifiċi; billi, għalhekk, il-punt Ċ ta' l-Anness imsemmi għandu għalhekk jiġi emendat, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li tikkoordina d-dispożizzjonijiet stabbiliti b' liġi, b' regolament jew b' azzjoni amministrattiva li jikkonċernaw l-assigurazzjoni ta' spejjeż legali kif imsemmija fil-paragrafu 17 tal-punt A ta' l-Anness mad-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta' stabbiliment u jiġi prekluż kemm jista' jkun kull konflitt ta' interess li joriġina b' mod partikolari mill-fatt li l-assiguratur ikun ikopri persuna oħra jew ikun qiegħed ikopri persuna fir-rigward ta' kemm spejjeż legali u kull klassi oħra f' dak l-Anness u, fil-każ li jinqala' xi konflitt, li jkun possibbli li jiġi riżolt. L-Artikolu 2 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal assigurazzjoni ta' l-ispejjeż legali. Dan jikkonsisti f' impenn, kontra l-pagament ta' laġġu, li jintrefgħu l-ispejjeż ta' proċeduri legali u li jiġu pprovduti servizzi oħrajn direttament marbuta mal-kopertura ta' l-assigurazzjoni, partikolarment bl-iskop ta': - assigurazzjoni ta' kumpens għat-telf, il-ħsara jew inġurja sofferta mill-persuna assigurata, b' soluzzjoni barra mill-qrati jew permezz ta' proċeduri ċivili jew kriminali, - difiża jew rappreżentanza tal-persuna assigurata fi proċeduri ċivili, kriminali, amministrattivi jew proċeduri oħrajn fir-rigward ta' kull pretensjoni magħmula kontra tagħha. 2. Din id-Direttiva m' għandhiex b' danakollu, tapplika għal: - assigurazzjoni ta' spejjeż legali meta din l-assigurazzjoni tikkonċerna tilwimiet jew riskji li joriġinaw minn, jew inkonnessjoni ma', l-użu ta' bastimenti ta' fuq il-baħar, - l-attività eżerċitata mill-assiguratur li tipprovdi kopertura ta' responsabbilità ċivili għall-iskop tad-difiża jew rappreżentanza tal-persuna assigurata f' kull inkjesta jew proċeduri jekk dik l-attività tkun fl-istess waqt eżerċitata fl-interess ta' l-assiguratur proprju taħt din il-kopertura, - meta Stat Membru jagħżel hekk, l-attività ta' assigurazzjoni ta' spejjeż legali merfugħa minn assiguratur ta' assistenza fejn din l-attività titwettaq fi Stat Membru ta' xort' oħra minn dak fejn il-persuna assigurata normalment tkun residenti, meta din tifforma parti minn kuntratt li jkopri biss l-assistenza pprovduta lil persuni li jsibu rwieħhom f' diffikultajiet waqt li jkunu jivvjaġġaw, waqt li jkunu 'l bogħod mid-dar jew waqt li jkunu 'l bogħod mir-residenza permanenti tagħhom; F' dan il-każ il-kuntratt għandu jiddikjara b' mod ċar li l-kopertura inkwistjoni tkun limitata għaċ-ċirkostanzi msemmija fis-sentenza ta' qabel u huwa anċillari għal dik l-assistenza. L-Artikolu 3 1. Il-kopertura ta' spejjeż legali għandha tkun is-suġġett ta' kuntratt separat minn dak imfassal għall-klassijiet l-oħrajn ta' assigurazzjoni jew għandha tkun ittrattata f' taqsima separata ta' polza singola li fiha n-natura tal-kopertura ta' l-ispejjeż legali u, jekk l-Istat Membru jitlob hekk, l-ammonti tal-laġġu rilevanti huma speċifikati. 2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li l-impriżi stabbiliti fit-territorju tiegħu jadottaw, skond l-għażla imposta mill-Istat Membru, jew fl-għażla tagħhom, jekk l-Istat Membru jaqbel, mill-anqas waħda mis-soluzzjonijiet li ġejjin, li huma alternattivi: (a) l-impriża għandha tassigura li l-ebda membru tal-persunal li hu kkonċernat bl-amministrazzjoni ta' pretensjonijiet ta' spejjeż legali jew b' parir legali fir-rigward tagħhom ma jwettaq fl-istess waqt attività simili - jekk l-impriża tkun waħda komposta, għal klassi oħra operata minnha, - irrispettivament minn jekk l-impriża tkunx komposta jew waħda speċjalizzata, f' oħra li jkollha rabtiet finanzjarji, kummerċjali jew amministrattivi ma' l-ewwel impriża u li teżerċita waħda jew aktar mill-klassijiet l-oħrajn ta' assigurazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 73/239/KEE; (b) l-impriża għandha tafda l-amministrazzjoni tal-pretensjonijiet fir-rigward ta' assigurazzjoni dwar spejjeż legali għal impriża li jkollha personalità ġuridika separata. Dik l-impriża għandha tissemma fil-kuntratt separat jew taqsima separata msemmija fil-paragrafu 1. Jekk l-impriża li jkollha personalità ġuridika separata jkollha rabtiet ma' impriża li twettaq klassi oħra ta' l-assigurazzjoni waħda jew oħra msemmija fil-punt A ta' l-Anness għad-Direttiva 73/239/KEE, membri tal-persunal ta' l-impriża li huma kkonċernati bl-ipproċessar ta' pretensjonijiet jew bil-parir legali konness ma' dan l-ipproċessar ma jistgħux isegwu l-istess attività jew attività simili fl-impriża l-oħra fl-istess waqt. Barraminnhekk, Stati Membri jistgħu jimponu l-istess ħtiġiet fuq il-membri tal-korp ta' l-amministrazzjoni; (ċ) l-impriża għandha, fil-kuntratt, tagħti lill-persuna assigurata id-dritt li tafda d-difiża ta' l-interessi tagħha, mill-mument li jkollha d-dritt li tagħmel pretensjoni lill-assiguratur tagħha skond il-polza, lil avukat ta' l-għażla tagħha jew, sal-limiti li l-liġi nazzjonali tippermetti hekk, lil xi persuna oħra ikkwalifikata b' mod approprjat. 3. Indipendentament mis-soluzzjoni adottata, l-interess tal-persuni li jkollhom kopertura ta' spejjeż legali għandu jitqies bħala salvagwardjat b' manjiera ekwivalenti skond din id-Direttiva. L-Artikolu 4 1. Kull kuntratt ta' assigurazzjoni ta' spejjiż legali għandu espressament jirrikonoxxi li: (a) meta jsir rikors lil avukat jew persuna oħra kkwalifikata kif approprjat skond il-liġi nazzjonali sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew servuti l-interessi tal-persuna assigurata f' kull inkjesta jew proċedura, dik il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel dan l-avukat jew persuna oħra; (b) il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel avukat jew, jekk tippreferi hekk u sal-limitu li l-liġi nazzjonali tippermetti, kull persuna oħra kkwalifikata kif approprjat, biex isservi l-interessi tagħha kull meta jkun hemm konflitt ta' l-interessi. 2. Avukat tfisser persuna intitolata li ssegwi l-attivitajiet professjonali tagħha skond id-denominazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 għall-faċilitazzjoni ta' l-eżerċizzju effettiv minn avukati tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi [6]. L-Artikolu 5 1. Kull Stat Membru jista' jipprovdi eżenzjoni mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(1) għal assigurazzjoni ta' spejjeż legali jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati: (a) l-assigurazzjoni hija llimitata għal każijiet li joriġinaw mill-użu ta' vetturi tat-triq fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat; (b) l-assigurazzjoni hi konnessa ma' kuntratt biex tkun ipprovduta assistenza fil-każ ta' inċident jew ħsara li jinvolvu vettura tat-triq; (ċ) la l-assiguratur ta' spejjeż legali u lanqas l-assigurat dwar l-assistenza m' għandu jwettaq xi klassi ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà; (d) huma meħuda miżuri sabiex il-parir legali u r-rappreżentanza ta' kull wieħed mill-partijiet għal kwistjoni jkunu effetwati minn avukati kompletament indipendenti meta dawn il-partijiet ikunu assigurati għal spejjeż legali mill-istess assiguratur. 2. L-eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru lil impriża skond il-paragrafu 1 m' għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(2). L-Artikolu 6 Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha approprjati biex jassiguraw li, mingħajr preġudizzju għal kull dritt ta' appell lill-korp ġudizzjarju li jista' jiġi previst bil-liġi nazzjonali, arbitraġġ jew proċedura oħra li toffri garanziji paragunabbli ta' oġġettività ikunu previsti meta, fil-każ ta' differenza ta' opinjoni bejn assiguratur ta' spejjeż legali u dak li jkun assigurat, tista' tittieħed deċiżjoni dwar l-attitudni li għandha tiġi adottata sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni. Il-kuntratt ta' l-assigurazzjoni għandu jsemmi d-dritt tal-persuna assigurata li jkollha rikors għal din il-proċedura. L-Artikolu 7 Kull meta jkun hemm konflitt ta' interessi jew ikun hemm nuqqas ta' ftehim dwar is-soluzzjoni tal-kwistjoni, l-assiguratur dwar spejjeż legali jew, meta approprjat, l-uffiċċju li jsolvi l-pretensjonijiet għandu jinforma lill-persuna assigurata: - bid-dritt imsemmi fl-Artikolu 4, - bil-possibiltà li jkollha rikors għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 6. L-Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom jabolixxu d-dispożizzjonijiet kollha li jipprojbixxu assiguratur milli jwettaq fit-territorju tagħhom assigurazzjoni dwar spejjeż legali u klassijiet oħrajn ta' assigurazzjoni fl-stess ħin. L-Artikolu 9 "Madanakollu, r-riskji inklużi fil-klassijiet 14, 15 u 17 fil-punt A ma jistgħux jitqiesu bħala riskji anċillari għal klassijiet oħrajn. Madanakollu, ir-riskju inkluż fil-klassi 17 (assigurazzjoni ta' spejjeż legali) jista' jitqies bħala riskju anċillari tal-klassi 18 meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu jiġu ssodisfati, meta r-riskju prinċipali jirrelata biss għall-assistenza prevista għal persuni li jsibu rwieħhom f' diffikultajiet waqt li jkunu jivvjaġġaw, waqt li jkunu 'l bogħod mid-dar jew waqt li jkunu 'l bogħod mir-residenza permanenti tagħhom. Assigurazzjoni dwar spejjeż legali tista' ukoll titqies bħala riskju anċillari skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu meta tikkonċerna kwistjonijiet jew riskji li joriġinaw minn, jew ikunu inkonnessjoni ma', l-użu ta' bastimenti ta' fuq il-baħar." L-Artikolu 10 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Jannar 1990. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom minnufih. Għandhom japplikaw dawn il-miżuri, l-aktar tard mill-1 ta' Lulju 1990. L-Artikolu 11 Wara n-notifika [7] ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. L-Artikolu 12 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta' Ġunju 1987. Għall-Kunsill Il-President L. Tindemans [1] ĠU C 198, tas-7. 8. 1979, p. 2. [2] ĠU C 260, tat-12. 10. 1981, p. 78. [3] ĠU C 348, tal-31. 12. 1980, p. 22. [4] ĠU L 228, tas-16. 8. 1973, p. 3. [5] Ara l-paġna 72 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. [6] ĠU L 78, tas-26. 3. 1977, p. 17. [7] Din id-Direttiva kienet innotifikata lill-Istati Membri fil-25 ta' Ġunju 1987. --------------------------------------------------