EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31986L0594

Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-1 ta' Diċembru 1986 dwar il-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku

ĠU L 344, 6.12.1986, p. 24–27 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/08/2005; Imħassar b' 32005L0032

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1986/594/oj

31986L0594

Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-1 ta' Diċembru 1986 dwar il-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku

Official Journal L 344 , 06/12/1986 P. 0024 - 0027
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0153
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0153
CS.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230
ET.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230
HU.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230
LT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230
LV.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230
MT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230
PL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230
SK.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230
SL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 227 - 230


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta' l-1 ta' Diċembru 1986

dwar il-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku

(86/594/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-programmi ta' l-azzjoni dwar l-ambjent ta' l-1973 [4] u l-1977 [5] tal-Komunitajiet Ewropej jaċċentwaw l-importanza tal-problema tat-tniġġis mill-ħoss u, b'mod partikulari, il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fir-rigward tas-sors tal-ħoss;

Billi l-pubbliku għandu jkun mgħarraf, b'mod kemm jista' jkun possibbli li jinftiehem malajr u uniformi, bil-livell tal-ħoss li joħroġ minn apparat domestiku; billi informazzjoni preċiża, pertinenti u li tista' tkun imqabbla tista' sservi biex tiggwida lill-pubbliku biex jagħżel apparat domestiku inqas storbjuż; billi fabbrikanti jkunu imbagħad imġiegħla, b'riżultat, li jieħdu miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-ħoss ta' l-apparat domestiku li jiffabbrikaw;

Billi, għal raġunijiet prattiċi u biex tkun evitata li jkun hemm ħafna tikketti fuq apparat domestiku, l-informazzjoni dwar il-livell tal-ħoss għandha tkun inkluża fuq it-tikketta li hemm provvediment għaliha fid-Direttivi ta' l-implimentazzjoni adottati taħt id-Direttiva tal-Kunsill 79/530/KEE ta' l-14 ta' Mejju 1979 dwar l-indikazzjoni permezz ta' tikkettjar tal-konsum ta' l-enerġija ta' l-apparat domestiku [6] fejn l-istess familja ta' l-apparat domestiku hija kkonċernata;

Billi, f'dan il-każ, l-armonizzazzjoni leġislattiva għandha tkun limitata għal dawk ir-rekwiżiti meħtieġa biex jitkejjel il-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku u biex isiru kontrolli fuq il-livell ddikjarat; billi dawn ir-rekwiżiti meħtieġa għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam;

Billi din id-Direttiva tiddefinixxi biss ir-rekwiżiti strettament meħtieġa; billi se jkun preżunt li dawn ir-rekwiżiti jkunu mħarsa sakemm l-istandards armonizzati huma applikati; billi huwa għalhekk indispensabbli li jkunu disponibbli dawn l-istandards dwar il-kejl u l-kontroll tal-livell iddikjarat tal-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku waqt li jkun jitħaddem;

Billi l-Comité européen de normalisation (CEN) (Kumitat Ewropew ta' l-Istandardizzazzjoni) u l-Comité européen de normalisation électrotechnique (CENELEC) (Kumitat Ewropew ta' l-Istandardizzazzjoni Elettroteknika) huma rikonoxxuti bħala l-korpi kompetenti li jistabbilixxu u jadottaw l-istandards armonizzati (standards jew dokumenti ta' armonizzazzjoni Ewropej), wara struzzjoni mill-Kummissjoni, skond id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-forniment ta' informazzjoni fil-qasam ta' standards tekniċi u regolamenti [7] u skond il-linji-gwida ġenerali għal kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn iż-żewġ organi, iffirmati fit-13 ta' Novembru 1984;

Billi, sakemm ikunu adottati standards armonizzati, għandha tkun żgurata ċirkulazzjoni libera ta' merkanzija bl-aċċettazzjoni ta' prodotti li jikkonformaw ma' standards nazzjonali u regolamenti tekniċi li huma rikonoxxuti, permezz ta' proċedura ta' sorveljanza, bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva;

Billi l-Kumitat Permanenti stabbilit mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 83/189/KEE għandu jkun idealment innominat biex jiżgura l-kontroll tal-konformità ta' standards armonizzati u ta' standards u regolamenti tekniċi nazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tkopri d-dispożizzjonijiet relatati ma':

- l-prinċipji ġenerali dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni fuq il-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku,

- l-metodi ta' kejl biex ikun iddeterminat il-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku,

- l-arranġamenti għall-issorveljar tal-livelli tal-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku.

2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

- apparat, attrezzatura jew magni ddisinjati esklużivament għal għanijiet industrijali jew professjonali,

- apparat li jagħmel parti integrali ta' bini jew stallazzjonijiet tiegħu bħalma huma atrezzaturi għal arja kondizzjonata, sħana u ventilazzjoni (minbarra fannijiet domestiċi, cooker hoods u apparat għas-sħana free-standing), burners taż-żejt għas-sħana ċentralizzata u pompi għal sistemi ta' forniment ta' ilma u ta' dranaġġ,

- komponenti ta' tagħmir bħalma huma l-muturi,

- apparat elettroakustiku.

L-Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a) “apparat domestiku” tfisser kull magna, biċċa minn magna jew istallazzjoni manifatturata prinċipalment għal użu fi djar, inklużi kantini, garaxxijiet u bini ieħor fuq barra, b'mod partikulari apparat domestiku għal manteniment, għal għanijiet ta' tindif, preparazzjoni u ħażna ta' oġġetti ta' l-ikel, produzzjoni u distribuzzjoni ta' sħana u kesħa, arja kondizzjonata u apparat ieħor użat għal għanijiet mhux professjonali;

(b) “familja” ta' apparat domestiku tfisser kull mudell (jew tipi) ta' apparat domestiku varji ddisinjati għall-istess għan u mħaddma mill-istess sors prinċipali ta' enerġija. Ġeneralment, familja tinkludi diversi mudelli (jew tipi);

(c) “serje” ta' apparat domestiku tfisser l-apparat kollu domestiku li jappartieni lill-istess mudell (jew tip), li għandhom karatteristiċi definiti u huma prodotti mill-istess fabbrikant;

(d) “grupp” ta' apparat domestiku tfisser kwantità speċifika ta' serje ddeterminata ffabbrikata jew prodotta taħt kondizzjonijiet uniformi;

(e) “ħoss trasmess bl-arja emess” tfisser il-livell tal-qawwa tal-ħoss A-weighted, LWA, ta' l-apparat domestiku, espressa f'decibels (dB) b'referenza għal qawwa tal-ħoss ta' picowatt (1 pW) wieħed, trasmessa bl-arja.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri jistgħu jirrekjedu l-pubblikazzjoni, għal ċerti familji ta' apparat, ta' informazzjoni dwar il-ħoss trasmess bl-arja emess minn dan l-apparat.

Din l-informazzjoni għandha tkun fornuta mill-fabbrikant jew, fejn il-fabbrikant huwa stabbilit barra l-Komunità, mill-importatur stabbilit fil-Komunità.

Meta dan ikun hekk:

(a) il-livell tal-ħoss suġġett għall-proċedura ta' informazzjoni għandu jkun iddeterminat skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(1);

(b) l-informazzjoni tista' tkun suġġetta għal kontrolli fuq il-post fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(2). L-Istati Membri kkonċernati jistgħu jieħdu kull pass xieraq biex jiżguraw li l-informazzjoni mogħtija tikkonforma mal-kondizzjonijiet meħtieġa ta' din id-Direttiva;

(c) il-fabbrikant jew l-importatur għandu jkun responsabbli għall-akkuratezza ta' l-informazzjoni mogħtija.

2. Meta Stat Membru ma jirrekjedix li l-informazzjoni fuq il-ħoss trasmess bl-arja emess tkun ippubblikata, il-fabbrikant jew l-importatur jista' b'danakollu jippubblika dik l-informazzjoni imma (a), (b) u (ċ) tat-tielet sottoparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jibqgħu japplikaw.

L-Artikolu 4

Fejn għall-istess familja ta' apparat domestiku hemm provvediment għal tikketta li tagħti tipi varji ta' informazzjoni, bħal dawk li hemm provvediment għalihom skond Direttiva separata adottata taħt id-Direttiva 79/530/KEE, l-informazzjoni dwar il-ħoss trasmess bl-arja emess għandha tingħata fuq dik it-tikketta.

L-Artikolu 5

1. L-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta' apparat domestiku għal raġunijiet relatati ma' informazzjoni dwar il-ħoss trasmess bl-arja emess minn dan l-apparat fejn l-informazzjoni fir-rigward ta' dan l-apparat tingħata skond ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

2. Mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta' kull kontroll fuq il-post li jista' jsir wara li l-apparat domestiku jkunu ġie offrut għal bejgħ, Stati Membri għandhom iqisu il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar il-ħoss trasmess bl-arja emess bħala konformi ma' din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

1. (a) Il-metodu ġenerali ta' ttestjar użat biex ikun iddeterminat il-ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku għandu jkun preċiż biżżejjed biex l-inċertezzi tal-kejl jipproduċu devjazzjonijiet standard li ma jaqbżux 2 dB fil-każ ta' livelli ta' qawwa ta' ħoss A-weighted.

Id-devjazzjonijiet standard li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu għandhom jirrappreżentaw l-effett kumulattiv tal-kawżi kollha ta' inċertezza fil-kejl, minbarra għal varjazzjonijiet fil-livell tal-ħoss ta' l-apparat minn test għal ieħor.

(b) Il-metodu tat-test ġenerali li jirreferi għalih (a) għandu jkun supplimentat, għal kull familja ta' apparat, b'deskrizzjoni tal-post, immuntar, tagħbija u operat ta' l-apparat taħt kondizzjonijiet ta' test li jistimulaw l-użu normali u li jiżguraw ripetizzjoni adegwata u riproduċibilità. Id-devjazzjoni standard tar-riproduċibilità għandha tkun speċifikata għal kull familja ta' apparat.

2. Il-metodu ta' statistika wżat għall-verifikazzjoni tal-livell iddikjarat tal-ħoss ta' l-apparat fi grupp għandu jkun billi jittieħed kejl kampjun fuq gruppi iżolati ta' apparat bl-użu ta' testijiet unilaterali.

Il-parametri statistiċi fundamentali tal-metodu ta' statistika li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu għandu jkun hekk illi l-probabbilità ta' aċċettazzjoni hi ta' 95 % jekk 6,5 % tal-livelli ta' l-emissjoni tal-ħoss ta' xi grupp huma ogħla mil-livell iddikjarat. Il-qies ta' kampjun sempliċi jew ekwivalenti għandu jkun ta' 3. Il-metodu ta' statistika magħżul jirrikjedi l-użu ta' devjazzoni standard totali ta' referenza ta' 3,5 dB.

Sa l-1 ta' Jannar 1991 il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi qisien ġodda ta' kampjuni u devjazzjonijiet standard ta' referenza għal kull familja ta' apparat domestiku.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jiżguraw li l-fabbrikant jew l-importatur, jekk ma jagħżilx li jirtira l-grupp difettuż mis-suq, jikkoreġi l-informazzjoni bla telf ta' żmien jekk jidher mill-issorveljar skond l-Artikolu 6(2) illi l-livell tal-ħoss trasmess bl-arja emess minn grupp ta' apparat jeċċedi l-livell iddikjarat.

L-Artikolu 8

1. L-Stati Membri għandhom jippresumu li l-indikazzjoni ta' ħoss trasmess bl-arja emess minn apparat domestiku hija skond ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u li l-kontrolli saru b'mod adegwat mill-Istati Membri jekk il-kejl biex ikun iddeterminat il-livell ta' ħoss trasmess bl-arja u l-kontrolli relevanti jkunu saru skond:

(a) standards nazzjonali li jinkorporaw standards armonizzati li r-referenzi tagħhom kienu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-referenzi għal dawn l-istandards nazzjonali; jew

(b) l-istandards nazzjonali u r-regolamenti tekniċi li jirreferi għalihom il-paragrafu 2 safejn ma jeżistux standards armonizzati fl-oqsma koperti minn dawn l-istandards u regolamenti nazzjonali.

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi nazzjonali tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 1(b) li jqisu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 6. Il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih dawn it-testi lill-Istati Membri l-oħra. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(2), hija għandha tinnotifika lill-Istati Membri b'dawk l-istandards u regolamenti tekniċi nazzjonali li huma preżunti li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 6.

L-Stati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex ir-referenzi ta' dawn l-istandards u regolamenti tekniċi nazzjonali jkunu ppubblikati. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkunu ppubblikati wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 9

1. Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni tqis li l-istandards armonizzati li jirreferi għalihom l-Artikolu 8(1)(a) ma jissodisfawx għal kollox ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 6, dak l-Istat Membru jew il-Kummissjoni għandhom iqajmu l-kwistjoni fil-Kumitat Permanenti stabbilit mid-Direttiva 83/189/KEE, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala l-“Kumitat”, waqt li jesprimu r-raġunijiet għaliex għamlu hekk. Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni b'urġenza.

Fid-dawl ta' l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri jekk l-istandards ikkonċernati għandhomx ikunu rtirati jew le mill-pubblikazzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 8(1)(a).

2. Rigward l-istandards u r-regolamenti tekniċi nazzjonali li jirreferi għalihom l-Artikolu 8(2), il-Kumitat għandu jaġixxi skond il-proċedura li ġejja:

(a) Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom ikunu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fiż-żmien li l-president jista' jiddetermina fuq il-bażi ta' l-urġenza tal-kwistjoni. Huwa għandu jieħu deċiżjoni b'maġġoranza ta' 54 vot, bil-voti ta' l-Istati Membri jkunu peżati kif jipprovdi l-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president m'għandux jivvota.

(b) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri intenzjonati fejn huma skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(c) Fejn il-miżuri intenzjonati mhumiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew fejn m'hemmx din l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni b'maġġoranza kkwalifikata.

(d) Jekk, wara li jgħaddi l-perjodu ta' tliet xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tkun inġiebet quddiemu, il-Kunsill ma jkunx wasal għal deċiżjoni, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva fi żmien 36 xahar min-notifikazzjoni tagħha [8]. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-1 ta' Diċembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Clark

[1] ĠU C 181, tad-19.7.1982, p. 1 u ĠU C 334, ta' l-10.12.1983, p. 15.

[2] ĠU C 277, tas-17.10.1983, p. 166.

[3] ĠU C 205, tad-9.8.1982, p. 13.

[4] ĠU C 112, ta' l-20.12.1973, p. 3.

[5] ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 3.

[6] ĠU L 145, tat-13.6.1979, p. 1.

[7] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8.

[8] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fl-4 ta' Diċembru 1986.

--------------------------------------------------

Top