EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31971L0316

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-miżurazzjoni kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku

ĠU L 202, 6.9.1971, p. 1–13 (DE, FR, IT, NL)
Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1971(II) P. 707 - 720

Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/05/2009; Imħassar b' 32009L0034

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1971/316/oj

31971L0316



Official Journal L 202 , 06/09/1971 P. 0001 - 0013
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 2 P. 0003
Danish special edition: Series I Chapter 1971(II) P. 0635
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 2 P. 0003
English special edition: Series I Chapter 1971(II) P. 0707
Greek special edition: Chapter 13 Volume 1 P. 0139
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 2 P. 0017
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 2 P. 0017


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-26 ta’ Lulju 1971

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-miżurazzjoni kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku

(71/316/KEE)

Il-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2];

Billi, f’kull Stat Membru, dispożizzjonijiet mandatorji jiddeterminaw il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-istrumenti li jkejlu u l-metodi tal-kontroll metroloġiku; billi dawn il-ħtiġiet huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor; billi dawn id-differenzi jfixklu l-kummerċ u jistgħu joħolqu kondizzjonijiet mhux egwali ta’ kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità;

Billi wieħed mill-għanijiet tal-kontrolli f’kull Stat Membru huwa li tingħata assigurazzjoni lill-konsumaturi li l-kwantitajiet mwassla jikkorrispondu għall-prezz imħallas; billi konsegwentement l-għan ta’ din id-Direttiva mhuwiex li jabolixxi dawn il-kontrolli imma biex jelimina d-differenzi bejn ir-regoli sakemm dawn jikkostitwixxu tfixkil għal kummerċ;

Billi dan it-tfixkil għall-istabbeliment u l-funzjonament tas-suq komuni jista’ jitnaqqas u jkun eliminat jekk l-istess ħtiġiet japplikaw fl-Istati Membri, li inizjalment jikkumplementaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, u aktar tard, meta jeżistu l-kondizzjonijiet neċessarji, jieħdu post dawk il-dispożizzjonijiet;

Billi, anke waqt il-perjodu meta dawn ikollhom ko-eżistenza ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali, il-ħtiġiet tal-Komunità sejrin jagħtu ċ-ċans lill-kumpaniji biex jimmanifatturaw prodotti li jkollhom karatteristiċi tekniċi uniformi u jkunu għalhekk jistgħu jinbiegħu u jintużaw fil-Komunità wara li jgħaddu mill-kontrolli tal-KEE;

Billi l-ħtiġiet tekniċi tal-Komunità għad-disinn u l-funzjonament għandhom jassiguraw li l-istrumenti kontinwament jagħtu qisien li jkunu preċiżi biżżejjed għall-iskop intiż tagħhom;

Billi l-konformità mal-ħtiġiet tekniċi tkun normalment ikkonfermata mill-Istati Membri qabel l-istrumenti li jkejlu jitqiegħdu fis-suq jew jiġu wżati għall-ewwel darba, u meta xieraq meta jkunu fis-servizz, konferma bħal din issir permezz ta’ mudell approvat u proċeduri ta’ verifikazzjoni; billi biex jkun hemm moviment ħieles ta’ dawn l-istrumenti fi ħdan il-Komunità huwa wkoll meħtieġ li ssir xi ħaġa għar-rikonoxximent mutwu tal-kontrolli bejn l-Istati Membri u biex ikunu stabbiliti mudelli approvati u proċeduri ta’ verifikazzjoni xierqa tal-KEE għal dan l-għan kif ukoll metodi KEE ta’ kontroll metroloġiku, bi qbil ma’ din id-Direttiva u mad-direttivi separati relevanti;

Billi l-preżenza, fuq strument li jkejjel jew prodott, ta’ sinjali jew marki li juru li għadda mill-kontrolli xierqa tindika li dak l-istrument jew prodott jissodissfa l-ħtiġiet tekniċi relevanti tal-Komunità, u għalhekk meta dak l-istrument jew prodott jkun impurtat jew jibda jitħaddem ma jkunx meħtieġ li jkunu rripetuti l-kontrolli li jkunu diġà twettqu;

Billi r-regoli metroloġiċi nazzjonali jkopru diversi kategoriji ta’ strumenti u prodotti li jkejlu; billi din id-Direttiva għandha tistabbilixxi l-dispożizzjonijiet ġenerali li għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, mal-mudell KEE approvat u proċeduri ta’ verifikazzjoni inizjali, kif ukoll metodi KEE ta’ kontroll metroloġiku; Billi d-direttivi ta’ l-implementazzjoni li jkopru d-diversi kategoriji ta’ strumenti u prodotti għandhom jistabbilixxu l-ħtiġiet tekniċi rigward id-disinn, il-funzjonament u l-preċiżjoni, il-proċeduri ta’ kontroll u, fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li permezz tagħhom il-ħtiġiet tekniċi tal-Komunità għandhom jieħdu post il-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu fis-seħħ;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Prinċipji Bażiċi

Artikolu 1

1. L-ebda Stat Membru m’għandu jimpendixxi, jipprojbixxi jew jillimita t-tqegħid fis-suq jew id-dħul fis-servizz ta’ strument li jkejjel (minn hawn ‘il quddiem msejjaħ "strument") jew ta’ tagħmir anċillari jekk dak l-istrument jew tagħmir ikollu l-marka li tiċċertifika verifikazzjoni inizjali jew is-sinjali li jiċċertifika mudell approvat KEE kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikoli 10 u 11.

2. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-istess valur lill-mudell approvat KEE u l-verifikazzjoni inizjali bħall-miżuri nazzjonali korrispondenti.

3. L-Istati Membri jistgħu jitolbu mudell approvat KEE jew verifikazzjoni inizjali KEE għal kategorija ta’ strumenti biss jekk kontrolli korrispondenti jkunu stabbiliti għal strumenti ta’ l-istess kategorija li jissodisfaw il-ħtiġiet nazzjonali li ma jkunux ġew armonizzati fil-livell tal-Komunità.

4. Għall-kategoriji ta’ strumenti li magħhom ikunu kkonċernati, direttivi separati jispeċifikaw il-karatteristiċi ta’ kejl ta’ u l-ħtiġiet tekniċi għad-disinn u l-funzjonament.

Jistgħu jispeċifikaw ukoll:

- jekk fl-Istati Membri kollha dawn l-istrumenti għandhomx jgħaddu mill-mudell approvat KEE u l-verifikazzjoni inizjali jew minn wieħed biss minn dawn;

- id-data li fiha d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu konformi mad-direttiva separata relevanti għandhom jieħdu kompletament post il-dispożizzjonijiet nazzjonali li preċedentement kienu japplikaw għall-istrumenti ġodda ta’ l-istess kategorija.

KAPITOLU II

Approvazzjoni tad-disinn KEE

Artikolu 2

1. L-approvazzjoni tad-disinn KEE tikkostitwixxi l-ammissjoni ta’ strumenti ta’ manifattur għal verifikazzjoni inizjali KEE u, meta din ta’ l-aħħar ma tkunx meħtieġa, l-awtorizzazzjoni biex jitqiegħdu fis-suq u fis-servizz. Jekk id-direttiva separata applikabbli għal kategorija ta’ strumenti teżenta lil dik il-kategorija mill-approvazzjoni tad-disinn KEE, l-istrumenti f’dik il-kategorija għandhom ikunu ammessi direttament għall-verifikazzjoni inizjali KEE.

2. Sakemm it-tagħmir ta’ kontroll tagħhom jippermetti, l-Istati Membri għandhom, fuq it-talba tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu, jagħtu l-approvazzjoni tad-disinn KEE għal kull disinn ta’ strument u għal kull tagħmir anċillari li jissodisfa l-karatteristiċi ta’ kejl u l-ħtiġiet tekniċi ta’ disinn u tal-funzjonament stabbiliti fid-direttiva separata fir-rigward tal-kategorija ta’ strument f’dak il-każ.

3. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tad-disinn KEE ta’ disinn ta’ strument partikolari tista’ tkun ippreżentata biss fi Stat Membru wieħed.

4. Stat Membru li jkun ta approvazzjoni tad-disinn KEE għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jassigura li jinżamm infurmat b’kull modifika jew żieda għad-disinn approvat. Għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’bidliet bħal dawn.

Modifiki jew żidiet għad-disinn approvat għandhom jirċievu approvazzjoni tad-disinn addizzjonali mill-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tad-disinn KEE, meta dawn il-bidliet jinfluwenzaw jew jistgħu jinfluwenzaw riżultati ta’ kejl jew il-kondizzjonijiet preskritti għall-użu ta’ l-istrument.

5. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni tad-disinn KEE bi qbil mad-disposizzjonijieti ta’ dan il-Kapitolu, tal-punti 1 u 2 ta’ l-Anness I, u tad-direttivi separati relevanti.

Artikolu 3

Meta l-approvazzjoni tad-disinn KEE tingħata għal tagħmir anċillari, din l-approvazzjoni għandha tispeċifika:

- id-disinji ta’ strument li miegħu dan it-tagħmir jista’ jitwaħħal jew li jista’ jkun inkorporat fih;

- il-kondizzjonijiet ġenerali għal funzjonament totali ta’ l-istrumenti li għalihom ikun approvat.

Artikolu 4

1. Jekk ir-riżultati ta’ l-eżaminazzjoni deskritta fil-punt 2 ta’ l-Anness I ikunu sodisfaċenti, l-Istat Membru li jkun għamel l-eżaminazzjoni għandu joħroġ ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tad-disinn KEE u jagħtih lill-applikant. Fil-każi li hemm provvedimenti dwarhim fl-Artikolu 11 jew f’direttiva separata l-applikant għandu jwaħħal, fuq kull strument u t-tagħmir anċillari kollu li jkunu konformi mal-approvazzjoni tad-disinn, is-sinjal ta’ l-approvazzjoni muri f’dan iċ-ċertifikat; fil-każi l-oħra kollha huwa jkun intitolat li jwaħħal is-sinjal ta’ l-approvazzjoni f’dak il-każ.

2. Il-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċertifikat, mas-sinjal ta’ l-approvazzjoni, mad-depożitu, jekk ikun hemm, ta’ strument bħala kampjun, u mat-tħabbir ta’ l-approvazzjoni tad-disinn KEE, huma elenkati fil-punti 3, 4 u 6 ta’ l-Anness I.

Artikolu 5

1. Il-approvazzjoni tad-disinn KEE għandha tkun valida għal għaxar snin. L-approvazzjoni tista’ tiġi estiża għal perjodi suċċessivi ta’ għaxar snin; in-numru ta’ strumenti li jistgħu jkunu manifatturati bi qbil mal-approvazzjoni tad-disinn m’għandux ikun limitat.

Meta l-approvazzjoni tad-disinn KEE ma jkunx estiż, strumenti diġa’ fis-servizz li jkunu konfomi mad-disposizzjonijieti ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu ikkunsidrati bħala li huma approvati.

2. Meta l-approvazzjoni normali jew l-estensjoni ma tkunx tista’ tingħata għal ċerti strumenti, tista’ tingħata approvazzjoni jew estensjoni limitata wara li l-Istati Membri l-oħra jkunu ġew infurmati u, fejn xieraq, ikkonsultati. Fil-każ li hemm provvediment dwaru fit-tielet paragrafu, konsultazzjoni minn qabel hija mandatorja jekk il-post ta’ l-installazzjoni jkun fi Stat ieħor li mhux dak li joħroġ iċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tad-disinn KEE. L-approvazzjoni tad-disinn KEE tista’ tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet li ġejjin:

- limitazzjoni tal-perjodu ta’ validità għal anqas minn għaxar snin;

- limitazzjoni tan-numru ta’ strumenti li jistgħu jkunu approvati;

- obligazzjoni biex jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-postijiet ta’ l-installazzjoni;

- limitazzjoni ta’ l-użu.

3. Meta jintużaw tekniċi ġodda li ma jkunux provvduti f’direttiva separata, tista’ tingħata l-approvazzjoni tad-disinn KEE limitata wara konsultazzjoni minn qabel ma’ Stati Membri oħra. Din l-approvazzjoni limitata tista’ tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u għall-kondizzjonijiet speċjali marbuta mat-teknika wżata.

Din l-approvazzjoni limitata tista’, pero, tingħata biss:

- jekk id-direttiva separata għall-kategorija relevanti ta’ strumenti tkun diġa’ daħlet fis-seħħ;

- jekk in-numru massimu ta’ żbalji permissibbli speċifikati fid-direttivi separati ma jinqabiżx.

L-approvazzjoni limitata bħal din għandha tkun valida għal mhux iktar minn sentejn. Tista’ tkun estiża għal perjodu ieħor ta’ tliet snin.

4. Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tad-disinn KEE limitata kif hemm referenza dwar dan fil-paragrafu 3 jaħseb li t-teknika ġdida tkun uriet ruħha sodisfaċenti, għandu japplika għall-aġġustament tad-direttiva relevanti għall-progress tekniku, bi qbil mad-disposizzjonijieti ta’ l-Artikoli 18 u 19.

Artikolu 6

Meta l-approvazzjoni tad-disinn KEE ma tkunx meħtieġa għall-kategorija ta’ strumenti li tilħaq il-ħtiġiet ta’ direttiva separata, il-manifattur jista’, bir-responsabbiltà tiegħu, iwaħħal fuq l-istrumenti f’din il-kategorija is-sinjal speċjali deskritt fil-punt 3.3 ta’ l-Anness I.

Artikolu 7

1. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tad-disinn KEE jista’ jirtirah:

(a) jekk l-istrumenti li għalihom tkun ingħatat din l-approvazzjoni ma jkunux konformi mad-disinn approvat jew mad-disposizzjonijieti tad-direttiva separata relevanti;

(b) jekk il-ħtiġiet metroloġiċi speċifikati fiċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni jew jekk ma jintlaħqux il-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(2) u (3).

2. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tad-disinn KEE għandu jirtirah jekk l-istrumenti mibnija skond id-disinn approvat juru fis-servizz difett ta’ natura ġenerali li ma jagħmluhomx xierqa għall-użu intiż tagħhom.

3. Jekk dak l-Istat Membru jkun infurmat minn Stat Membru ieħor bl-okkorrenza ta’ wieħed mill-każi koperti mil-paragrafi 1 u 2, għandu wkoll jieħu il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dawk il-paragrafi, wara li jikkonsulta ma’ dak l-Istat l-ieħor.

4. L-Istat Membru li jiddikjara li l-każ msemmi fil-paragrafu 2 ikun tfaċċa jista’ ma jippermettix it-tqegħid fis-suq u fis-servizz ta’ l-istrumenti konċernati sakemm joħroġ avviż ieħor. Għandu jinforma immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kommissjoni, billi jagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. L-istess proċedura għandha tapplika fil-każijiet msemmija fil-paragrafu1, fir-rigward ta’ l-istrumenti li jkun ġew eżentati mill-verifikazzjoni inizjali KEE, jekk il-manifattur, wara twissija dovuta, ma jġibx l-istrumenti konformi mad-disinn approvat jew mal-ħtiġiet tad-direttiva separata relevanti.

5. Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni jargumenta li l-każ imsemmi fil-paragrafu 2 li bih kien infurmat ikun tfaċċa, jew jargumenta li l-miżuri meħuda skond il-paragrafu 4 huma ġġustifikati, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu sforz biex isolvi dik il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata u għandha, meta meħtieġ, tlaqqa’ konsultazzjoni xierqa bil-għan li jintlaħaq kompromess.

KAPITOLU III

Verifikazzjoni inizjali

Artikolu 8

1. Il-verifikazzjoni inizjali KEE hija l-ispezzjoni ta’ strument ġdid jew rikondizzjonat biex ikun konfermat li jkun konformi mad-disinn approvat u/jew mal-ħtiġiet tad-direttiva separata relevanti; huwa ċċertifikat bil-marka ta’ verifikazzjoni inizjali KEE.

2. Jekk ikollhom it-tagħmir meħtieġ, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-verifikazzjoni inizjali KEE ta’ l-strumenti ppreżentati bħala li għandhom il-karatteristiċi tal-kejl u li jissodissfaw ir-ħtiġiet tekniċi ta’ kostruzzjoni u funzjonament stabbiliti mid-direttiva separata dwar din il-kategorija ta’ strumenti.

3. Fil-każ ta’ strumenti li jkollhom il-marka tal-verifikazzjoni inizjali KEE, l-obbligazzjoni imposta fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 1(1) għandha tibqa’ sa l-aħħar tas-sena ta’ wara dik li fiha tkun twaħħlet il-marka tal-verifikazzjoni inizjali KEE, sakemm direttivi separati ma jagħmlux provvediment għal perjodu itwal.

Artikolu 9

Meta strument ikun ippreżentat għall-verifikazzjoni inizjali KEE, l-Istat Membru li jkun qed jagħmel l-eżaminazzjoni għandu jiddetermina:

(a) jekk l-istrument ikunx parti minn kategorija eżentata mill-approvazzjoni tad-disinn KEE u, jekk ikun hekk, jekk jissodisfax il-ħtiġiet tekniċi ta’ kostruzzjoni u l-funzjonament stabbilit mid-direttiva separata dwar din il-kategorija ta’ strumenti;

(b) jekk l-istrument ikunx irċieva l-approvazzjoni tad-disinn KEE u, jekk ikun hekk, jekk ikunx konformi mad-disinn approvat.

L-ispezzjoni magħmula mill-verifikazzjoni inizjali KEE għandha x’taqsam b’mod partikolari, bi qbil mad-direttiva separata relevanti, ma’:

- il-karatteristiċi ta’ kejl;

- in-numru massimu ta’ żbalji permissibbli;

- il-kostuzzjoni, sakemm din tiggarantixxi li l-karatteristiċi ta’ kejl pjuttost li ma jmorrux għall-agħar ħafna f’kondizzjonijiet normali ta’ użu;

- il-preżenza ta’ l-iskrizzjonijiet preskritti u l-pożizzjoni korretta tal-pjanċi tat-timbu.

Artikolu 10

1. Meta strument jkun għadda b’suċċess il-verifikazzjoni inizjali KEE bi qbil mal-Artikolu 9 u l-punti 1 u 2 ta’ l-Anness II, l-Istati Membri għandhom iwaħħlu fuq l-istrument marka parzjali jew finali ta’ verifikazzjoni KEE bi qbil mal-punt 3 ta’ l-Anness II.

2. Il-dispożizzjonijiet relatati mad-disinni u l-karatteristiċi tal-marki ta’ verifikazzjoni KEE huma stabbiliti fil-punt 3 ta’ l-Anness II.

Artikolu 11

Meta verifikazzjoni inizjali KEE ma tkunx meħtieġa għall-kategorija ta’ strumenti li tilħaq il-ħtiġiet ta’ direttiva separata, il-manifattur għandu, bir-responsabbiltà tiegħu, jwaħħal fuq l-istrumenti f’dik il-kategorija is-simbolu speċjali deskritt fil-punt 3.4 ta’ l-Anness I.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet kemm għall-approvazzjoni tad-disinn KEE u kemm għall-verifikazzjoni inizjali KEE

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimpedixxu l-użu fuq strumenti ta’ marki jew iskrizzjonijiet li jistgħu joħolqu konfużjoni mal-marki jew sinjali tal-KEE.

Artikolu 13

Kull Stat Membru għandu javża lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kommissjoni bis-servizzi, l-aġenziji u l-istituti li jkunu awtorizzati li jwaħħlu l-marki li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 10.

Artikolu 14

L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-iskrizzjonijiet preskritti jsiru fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tagħhom.

KAPITOLU V

Kontroll ta’ strumenti fis-servizz

Artikolu 15

1. Jekk l-Istati Membri jikkontrollaw strumenti li jkunu fis-servizz u li jkollhom is-sinjali jew marki KEE, u jekk direttivi separati ma jispeċifikawx il-mod kif għandhom isiru l-kontrolli u n-numru massimu ta’ żbalji permissibbli fis-servizz, il-ħtiġiet tal-kontroll, u b’mod partikolari n-numru massimu ta’ żbalji permissibbli fis-servizz, għandhom ikollhom l-istess proporzjon ma’ dawk applikati qabel ma l-istrumenti jkunu tpoġġew fis-servizz bħal proporzjon applikat għall-istrumenti li jaqblu mal-ħtiġiet nazzjonali li ma jkunux ġew armonizzati fil-livell tal-Komunità.

2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 1(1), strument fis-servizz li jkollu sinjali jew marki KEE imma li ma jissodisfax il-ħtiġiet ta’ direttiva separata relevanti, b’mod partikolari fir-rigward tan-numru massimu ta’ żbalji permissibbli, jista’ jkun ipprojbit mis-servizz bl-istess mod bħal strument li jkollu l-marki nazzjonali.

KAPITOLU VI

Metodi KEE ta’ kontroll metroloġiku

Artikolu 16

1. L-armonizzazzjoni ta’ metodi ta’ kejl u ta’ kontroll metroloġiku u, fejn xieraq, tal-mezzi neċessarji għall-applikazzjoni tagħhom jistgħu jkunu regulati minn direttivi separati.

2. L-armonizzazzjoni tal-ħtiġiet għat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-preskrizzjoni, l-kejl u l-marki ta’ kwantitajiet f’imballaġġ minn qabel, tista’ tkun koperta wkoll min direttivi separati.

KAPITOLU VII

Aġġustameni ta’ direttivi għall-progress tekniku

Artikolu 17

L-emendi neċessarji biex jinżammu:

- L-Annessi I u II ta’ din id-Direttiva; u

- l-annessi tekniċi ta’ direttivi separati li għandhom x’jaqsmu ma’ kategoriji differenti ta’ strumenti, l-unitajiet legali ta’ kejl u l-metodi ta’ kontroll metroloġiku, b’konformità mal-progress tekniku għandhom isiru bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

Artikolu 18

1. Kumitat li minn hawn ‘il quddiem huwa msejjaħ Kumitat, huwa b’hekk stabbilit biex jaġġusta għal progress tekniku dawk id-direttivi li jikkonċernaw l-eliminazzjoni ta’ barrieri tekniċi għal-kummerċ ta’ strumenti ta’ kejl. Għandu jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri b’rappreżentant tal-Kommissjoni bħala President.

2. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 19

1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-fatti għandhom jkunu rreferitu lejn il-Kumitat mill-President, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-Opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fi ħdan il-limitu taż-żmien stabbilit mil-President wara li jkun qies l-urġenza tal-każ. L-Opinjonijiet għandhom jkunu adottati b’maġġoranza ta’ 12-il vot, bil-voti ta’ l-Istati Membri jkunu mogħbbija kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President m’għandux jivvota.

3. (a) Il-Kommissjoni għandha tadotta l-miżuri ikkunsidrati meta jkunu jaqblu mal-Opinjoni tal-Kumitat.

(b) Meta l-miżuri ikkunsidrati ma jkunu jaqblu mal-Opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda Opinjoni ma tkun adottata, il-Kommissjoni għandha mingħajr telf ta’ ħin tipproponi lill-Kunsill il-miżuri li għandhom jkunu adottati. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

(ċ) Jekk, fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tal-proposta lilu, il-Kunsill ikun għadu ma għaġġixix, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kommissjoni.

KAPITOLU VIII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 20

Id-deċiżjonijiet kollha meħuda skond il-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-direttivi separati dwar l-istrumenti in kwestjoni u li jirrifjutaw li jagħtu jew jestendu l-approvazzjoni tad-disinn KEE, li jirtiraw approvazzjoni bħal din, li jirrifjutaw li jagħmlu verifikazzjoni inizjali KEE jew li jipprojbixxu l-bejgħ jew l-użu għandhom jagħtu r-raġunijiet li fuqhom ikunu ġew ibbażati. Rifjut, irtirar jew projbizzjoni bħal din għandha tkun innotifikata lill-parti kkonċernata, li għandha fl-istess ħin tkun infurmata bir-rimedji disponibbli għaliha taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri u bil-limitu ta’ ħin allokat għall-eżerċizzju ta’ rimedji bħal dawn.

Artikolu 21

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fi żmien tmintax-il xahar minn-notifika tagħha u għandhom minnufih jinformaw il-Kommissjoni b’dan.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw f’dan il-qasam kopert minn din id-Direttiva ikun ikkomunikat lill-Kommissjoni.

Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta’ Lulju 1971.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Moro

[1] ĠU Ċ 45, 10.5.1971, p. 26.

[2] ĠU Ċ 36, 19.4.1971, p. 8.

--------------------------------------------------

ANNESS I

APPROVAZZJONI TAD-DISINN KEE

1. Applikazzjoni għall-approvazzjoni KEE

1.1. L-applikazzjoni u l-korrispondenza rrelatata magħha għandha ssir fil-lingwa uffiċjali bi qbil mal-liġijiet ta’ l-Istat fejn issir l-applikazzjoni. L-Istat Membru għandu d-dritt li jitlob li d-dokumenti annessi jkunu wkoll miktuba bl-istess lingwa uffiċjali.

L-applikant għandu jibgħat fl-istess ħin lill-Istati Membri kollha kopja ta’ l-applikazzjoni tiegħu.

1.2. L-applikazzjoni għandha tkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

- l-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tal-kumpanija, jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew ta’ l-applikant,

- il-kategorija ta’ l-istrument,

- l-użu ntiż,

- il-karatteristiċi tal-kejl,

- id-disinn kummerċjali jekk ikun hemm, jew it-tip.

1.3. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti neċessarji għall-evalwazzjoni tagħha, f’duplikat, u b’mod partikolari:

1.3.1. Deskrizzjoni b’mod partikolari ta’:

- il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta’ l-istrument,

- l-arranġementi protettivi li jassiguraw tħaddim tajjeb,

- l-apparati għar-regolazzjoni u l-aġġustament,

- il-postijiet intiżi għal:

- marki ta’ verifikazzjoni

- siġilli (meta applikabbli).

1.3.2. Id-disinnji ġenerali ta’ l-arranġamenti u, meta meħtieġ, disinn dettaljat ta’ komponenti importanti.

1.3.3. Id-disinn skematiku li juri l-prinċipji ta’ l-operazzjoni u, meta meħtieġ, ritratt.

1.4. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata, fejn xieraq, minn dokumenti relevanti għall-approvazzjonijiet nazzjonali li jkunu diġa’ ngħataw.

2. Eżaminazzjoni ta’ l-approvazzjoni KEE

2.1. L-eżaminazzjoni għandha tinkludi:

2.1.1. Studju tad-dokumenti u l-eżaminazzjoni tal-karatteristiċi ta’ kejl tad-disinn fil-laboratorji tas-servizzi metroloġiċi, f’laboratorji approvati jew fil-post tal-manifattura, twassil jew installazzjoni.

2.1.2. Jekk il-karatteristiċi ta’ kejl tad-disinn ikunu magħrufa fid-dettall, l-eżaminazzjoni biss tad-dokumenti għandha tkun ippreżentata.

2.2. L-eżaminazzjoni għandha tkopri l-effiċjenza sħiħa ta’ l-istrument f’kondizzjonijiet normali ta’ l-użu. F’kondizzjonijiet bħal dawn, dan l-istrument għandu jżomm il-karatteristiċi ta’ kejl meħtieġa.

2.3. In-natura u l-iskop ta’ l-eżaminazzjoni msemmija fi 2.1 tista’ tkun speċifikata b’direttivi separati.

2.4. Is-servizz metroloġiku jista’ jitlob lill-applikant biex ipoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu l-istandards u l-mezzi xierqa f’materjal u personall li jassistu għall-effiċjenza tat-testijiet ta’ l-approvazzjoni.

3. Ċertifikat u sinjal ta’ l-approvazzjoni KEE

3.1. Iċ-ċertifikat għandu jagħti r-riżultati ta’ l-eżaminazzjoni tad-disinn u għandu jispeċifika il-ħtiġiet l-oħra li jenħtieġ li jkun hemm konformità magħhom. Għandu jkun akkumpanjat b’deskrizzjonijiet, b’disinji u b’dijagrammi neċessarji biex ikun identifikat id-disinn u biex ikun spejgat il-funzjonament tiegħu. Is-sinjal ta’ l-approvazzjoni li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva għandha tkun ittra stilizzata i li jkollha:

- fil-parti ta’ fuq, l-ittra kapitali li tiddistingwi l-Istat li jkun ta l-approvazzjoni (B għall-Belġju, D għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, F għall-Franza, I għall-Italja, L għal-Lussemburgu, NL għall-Olanda) u l-aħħar żewġ figuri tas-sena ta’ l-approvazzjoni.

- fil-parti t’isfel, nomina li għandha tkun iddeterminata mis-servizz metroloġiku li jkun ta l-approvazzjoni (numru ta’ l-identifikazzjoni).

Eżempju ta’ dan is-sinjal ta’ l-approvazzjoni jidher fil-punt 6.1.

3.2. Fil-każ ta’ l-approvazzjoni limitata KEE, l-ittra P, bl-istess qisien ta’ l-ittra stilizzata i, għandha titpoġġa quddiem din l-ittra.

Eżempju ta’ dan is-sinjal ta’ l-approvazzjoni limitata jidher fil-punt 6.2.

3.3. Is-sinjal imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva huwa l-istess bħas-sinjal approvat KEE, minbarra li l-ittra stilizzata E hija maqluba simittrikalment fuq l-assi vertikali.

Eżempju ta’ dan is-sinjal jidher fil-punt 6.3.

3.4. Is-sinjal imsemmi fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva huwa l-istess bħas-sinjal approvat KEE f’exagonu.

Eżempju ta’ dan is-sinjal jidher fil-punt 6.4.

3.5. Is-sinjali msemmija fil-punti preċedenti u mwaħħla mill-manifattur bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jitwaħħlu f’punt li jidher ta’ kull strument u t-tagħmir anċillari kollu sottomess għal verifikazzjoni u għandhom ikunu jinqraw u li ma jitħassrux. Jekk it-twaħħil tagħhom joħloq diffikultajiet tekniċi, jistgħu jsiru xi eċċezzjonijiet f’direttivi separati jew ikunu aċċettati wara li jintlaħaq ftehim bejn is-servizzi metroloġiċi ta’ l-Istati Membri.

4. Depositar ta’ strument kampjun

Fil-każi msemmija mid-direttivi separati, is-servizz li jkun ta l-approvazzjoni jista’, jekk jikkunsidrah bħala meħtieġ, jitlob id-deposizzjoni ta’ l-istrument kampjun li għalih tkun ingħatat l-approvazzjoni. Minflok dan l-istrument kampjun, is-servizz jista’ jawtorizza lid-depositar ta’ partijiet ta’ l-istrument, magħmula b’eżatezza fi skala mnaqqsa (scale models), jew ta’ disinji, u għandha ssemmi dan fuq iċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni KEE.

5. Tħabbir ta’ l-approvazzjoni

5.1. L-approvazzjoni tad-disinn KEE u l-approvazzjoni limitata ta’ disinji KEE għandhom ikunu ppubblikati fl-Anness speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-istess japplika għal l-approvazzjoni ta’ disinji addizzjonali KEE.

5.2. Fl-istess ħin meta il-parti konċernata tkun innotifikatha, kopji taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni KEE għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra; dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiksbu wkoll kopji tar-rapporti ta’ l-eżaminazzjonijiet metroloġiċi, jekk hekk jixtiequ.

5.3. L-irtirar ta’ l-approvazzjoni ta’ disinn KEE u l-komunikazzjonijiet l-oħra li jikkonċernaw l-estensjoni u l-validità tad-disinn approvat KEE għandhom ikunu suġġetti wkoll għall-proċedura ta’ tħabbir kif msemmija fil-punti 5.1 u 5.2.

5.4. Stat Membru li jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni ta’ disinn KEE għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu.

6. Sinjali relattivi mal-approvazzjoni tad-disinn KEE

6.1 Sinjal ta’ l-approvazzjoni tad-disinn KEE

Eżempju:

+++++ TIFF +++++

| Approvazzjoni tad-disinn KEE mogħtija mis-Servizz Metroloġiku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-1971 (ara l-punt 3.1, l-ewwel paragrafu) Numru ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-approvazzjoni tad-disinn KEE (ara l-punt 3.1, it-tieni paragrafu, |

6.2 Sinjali relattivi mal-approvazzjoni tad-disinn KEE

(ara l-punt 3.2)

Eżempju:

+++++ TIFF +++++

| L-approvazzjoni limitata ta’ disinn KEE mogħti mis-Servizz Metroloġiku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-1971 Numru ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-approvazzjoni tad-disinn KEE. |

6.3 Sinjal ta’ eżenzjoni mill-approvazzjoni tad-disinn KEE

(ara l-punt 3,3)

Eżempju:

+++++ TIFF +++++

| Strument mibni fil-Ġermanja fl-1971 u mhux suġġett għal-approvazzjoni tad-disinn KEE. Numru ta’ referenza tal-kategorija mhux suġġett għall-approvazzjoni tad-disinn KEE jekk imsemmi f’direttiva separata. |

6.4 Sinjal ta’ l-approvazzjoni tad-disinn KEE għall-istrumenti eżentati mill-verifikazzjoni inizjali

(ara l-punt 3,4)

Eżempju:

+++++ TIFF +++++

| L-approvazzjoni tad-disinn KEE mogħti mis-Servizz Metroloġiku tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-1971 Numru ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-approvazzjoni tad-disinn KEE. |

--------------------------------------------------

ANNESS II

VERIFIKA INIZJALI KEE

1. Punti ġenerali

1.1. Il-verifika inizjali KEE tista’ ssir f’wieħed jew iktar stadji (normalment tnejn).

1.2. Suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi separati:

1.2.1. Il-verifika inizjali KEE għandha issir fi stadju wieħed fuq strumenti li jikkostitwixxu xi ħaġa sħiħa meta joħorġu mill-fabbrika, jiġifieri strumeni li, teoretikament, jistgħu jkunu trasferiti fil-post ta’ l-istallazzjoni tagħhom mingħajr ma jkollhom jiżżarmaw.

1.2.2. Il-verifika inizjali KEE għandha ssir f’żewġ stadji jew aktar għal strumenti li l-funzjonament korrett tagħhom jiddependi fuq il-kondizzjonijiet li fihom ikunu installati jew użati.

1.2.3. L-ewwel stadju tal-proċedura ta’ verifika għandu jassigura, b’mod partikolari, li l-istrumenti jkunu konformi mal-approvazzjoni yad-disinn jew, fil-każ ta’ strumenti eżentati mill-approvazzjoni tad-disinn, li jkunu konformi mad-disposizzjonijieti relevanti.

2 Post tal-verifika inizjali KEE

2.1. Jekk id-direttivi separati ma jispeċifikawx il-post fejn għandha ssir il-verifika, l-istrumenti li għandhom ikunu vverifikati fi stadju wieħed biss għandhom jkunu vverifikati f’post magħżul mis-servizz metroloġiku kkonċernat.

2.2. L-istrumenti li għandhom ikunu vverifikati f’żewġ stadji jew aktar għandhom ikunu vverifikati mis-servizz metroloġiku territorjalment kompetenti.

2.2.1. L-aħħar stadju ta’ verifika għandu jsir fil-post ta’ l-installazzjoni.

2.2.2. L-istadji ta’ verifika l-oħrajn għandhom isiru kif stabbilit fil-punt 2.1.

2.3. B’mod partikolari, meta l-verifika ssir barra l-uffiċċju ta’ verifikaz, is-servizz metroloġiku li jagħmel il-verifika jista’ jitlob lill-applikant:

- biex ipoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu l-istandards u l-mezzi xierqa f’materjal u personall li jassistu għall-effiċjenza tal-verifika.

- biex jipprovvdi kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni KEE.

3. Marki ta’ verifika inizjali KEE

3.1. Deskrizzjoni tal-marki ta’ verifika KEE.

3.1.1. Suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ direttivi separati, marki ta’ verifika inizjali KEE li jitwaħħlu bi qbil mal-punt 3.3 għandhom ikunu kif ġej:

3.1.1.1. Il-verifika finali KEE għandha tkun komposta minn żewġ timbri:

(a) l-ewwel waħda tikkonsisti fl-ittra "e" li jkun fiha:

- fil-parti ta’ fuq, l-ittra kapitali li tiddistingwi l-Istat fejn tkun saret il-verifika inizjali (B għall-Belġju, D għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, F għall-Franza, I għall-Italja, L għal-Lussemburgu, NL għall-Olanda) flimkien, fejn meħtieġ, ma numru jew tnejn li jidentifika suddiviżjoni territorjali:

- fil-parti t’isfel, in-numru ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-aġent jew l-uffiċċju tal-verifika;

(b) it-tieni timbru għandu jikkonsisti bl-aħħar żewġ figuri tas-sena tal-verifika, f’exagonu.

3.1.1.2. Il-marka ta’ verifika parzjali KEE għandha tikkonsisti biss mill-ewwel timbru. Għandha sservi wkoll bħala siġill.

3.2. Għamla u qisien tal-marki

3.2.1. Id-disinji mhemuża juru l-għamla, il-qisien u l-kontorni ta’ l-ittri u n-numri tal-marki tal-verifika inizjali KEE kif stabiliti fil-punt 3.1; l-ewwel żewġ disinji juru l-partijiet varji tat-timbru, it-tielet huwa eżempju tat-timbru. Il-qisien mogħtija fid-disinji huma valuri relattivi; huma funzjoni tad-dijametru taċ-ċirku deskritt madwar l-ittra żgħira "e" u madwar il-medda ta’ l-exagonu.

Id-dijametri attwali taċ-ċrieki deskritti madwar il-marki huma 1 76 mm, 3 72 mm, 6 73 mm, 12 75 mm.

3.2.2. Is-servizzi metroloġiċi ta’ l-Istati Membri għandhom jgħamly skambju bejniethom tad-disinji oriġinali tal-marki ta’ verifika inizjali, li jkunu konformi mal-mudelli fid-disinji annessi.

3.3. Twaħħil tal-marki

3.3.1. Il-marka tal-verifika finali KEE għandha titwaħħal fil-post allokat fuq l-istrument meta dan ta’ l-aħħar ikun kompletament ivverifikat u jkun rikonoxxut li jkun konformi mal-ħtiġiet tal-KEE.

3.3.2. Il-marka tal-verifika parzjali KEE għandha titwaħħal:

3.3.2.1. Meta l-verifika ssir f’diversi stadji fuq l-istrument jew fuq parti ta’ l-istrument li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti għal operazzjonijiet apparti minn dawk fil-post ta’ l-installazzjoni, fil-post fejn jitwaħħal it-timbru bid-data jew f’xi post ieħor speċifikat fid-direttivi separati.

3.3.2.2. Fil-każi kollha bħala siġill, fil-postijiet speċifikati fid-direttivi separati.

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top