Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31968R1767

    Ir-Regolament (KEE) Nru 1767/68 tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 1968 dwar is-sistema tal-prezzijiet minimi għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi tal-basal tal-qasab, il-basal u t-tuberi li jagħmlu l-fjuri

    ĠU L 271, 7.11.1968, p. 7–8 (DE, FR, IT, NL)
    Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1968(II) P. 530 - 531

    Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/11/2014: This act has been changed. Current consolidated version: 02/03/1974

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/1767/oj

    31968R1767



    Official Journal L 271 , 07/11/1968 P. 0007 - 0008
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 2 P. 0161
    Danish special edition: Series I Chapter 1968(II) P. 0519
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 2 P. 0161
    English special edition: Series I Chapter 1968(II) P. 0530
    Greek special edition: Chapter 03 Volume 4 P. 0049
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 3 P. 0044
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 3 P. 0044


    Ir-Regolament (KEE) Nru 1767/68 tal-Kummissjoni

    tas-6 ta’ Novembru 1968

    dwar is-sistema tal-prezzijiet minimi għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi tal-basal tal-qasab, il-basal u t-tuberi li jagħmlu l-fjuri

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 234/68 [1] tas-27 ta’ Frar 1968 dwar il-mod kif tiġi stabbilita l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-siġar u l-pjanti ħajjin, il-basal, l-għeruq u bħal dawn, il-fjuri maqtugħa u l-weraq ornamentali, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu;

    Billi huwa meħtieġ li jiġu ffissati f’waqt tajjeb il-prezzijiet minimi ta’ l-esportazzjoni sabiex dawk li jkabbru professjonalment ikunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti tagħhom; billi meta dawn il-prezzijiet ikunu qegħdin jiġu ffissati għall-esportazzjoni għandhom jitqiesu l-miżuri tal-promozzjoni adottati mill-Istati Membri fis-snin ta’ qabel; billi, b’żieda ma’ dan, għandhom jitqiesu l-prezzijiet fis-swieq internazzjonali;

    Billi sabiex il-prezzijiet minimi jiġu megħjuna li jiġu ffissati għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom ifornu l-partikolaritajiet meħtieġa rigward l-ispeċji, il-varjetajiet u d-daqsijiet; billi huwa tal-parir li jiġi ċċekkjat mill-kwantitajiet esportati jekk dan it-tagħrif hux rappreżentattiv;

    Billi sabiex tiġi żgurata l-ħidma tas-sistema tal-prezzijiet minimi għandhom jiġu pprovvduti regoli sabiex tiġi applikata u ssorveljata;

    Billi minħabba n-natura sperimentali ta’ dan ir-Regolament għandu japplika biss sal-31 ta’ Mejju 1971 sabiex ikun jista’ jittieħed vantaġġ mill-esperjenza miksuba fit-tħejjija ta’ dan ir-Regolament;

    Billi l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skond l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Prodotti mis-Sajd u l-Akwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Il-prezzijiet minimi ta’ l-esportazzjoni pprovvduti fir-Regolament (KEE) Nru 234/68 għandhom jiġu ffissati kull sena mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru, bl-eċċezzjoni ta’ dawk għall-begonji, is-sininġja, id-dalji u l-ispeċji tal-ġilju, li jridu jiġu ffissati mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru. Dawn il-prezzijiet għandhom japplikaw għall-prodotti maqtugħa u miġbura fis-sena li tiġi wara dik li fiha jiġu ffissati. Dawn jistgħu jiġu varjati għal kull prodott skond il-pajjiżi tad-destinazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-produzzjoni u tal-marketing minn banda waħda, u skond id-daqsijiet u l-karatteristiċi tal-prodott minn-banda l-oħra, u għandhom jiġu stabbiliti b’referenza partikolari għal:

    - kull prezz minimu ta’ l-esportazzjoni li seta’ ġie applikat mill-Istati Membri matul it-tliet snin ta’ qabel is-sena li fiha jiġu ffissati l-prezzijiet minimi;

    - ix-xejriet tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali matul it-tliet snin li jiġu qabel is-sena li fiha jiġu ffissati l-prezzijiet minimi;

    - il-ħtieġa li jinżamm livell stabbli tal-prezz ta’ l-esportazzjoni sabiex jiġu evitati d-disturbi fuq is-suq dinji.

    2. Il-prezzijiet minimi ta’ l-esportazzjoni għandhom jiġu ffissati fl-istadju ex maħżen/esportatur. Għandhom ikunu esklussivi mill-ispejjeż ta’ l-ippakkjar u ta’ l-assigurazzjoni u kull spiża addizzjonali.

    3. Qabel l-1 ta’ Diċembru ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jikkomunika t-tagħrif li ġej lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra rigward il-begonji, is-sininġja, il-gladjoli, id-dalji u l-ispeċji tal-ġilju, u qabel il-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena rigward il-prodotti l-oħra koperti bis-sistema tal-prezz minimu ta’ l-esportazzjoni:

    - it-tagħrif kollu meħtieġ sabiex jiġu stmati x-xejriet tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali u sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet minimi;

    - il-kwantitajiet li jridu jiġu esportati lejn pajjiżi terzi.

    Artikolu 2

    1. Għandhom ikunu pprojbiti l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ jew il-kunsinna bil-ħsieb li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi ta’ kull prodott kopert bis-sistema tal-prezz minimu ta’ l-esportazzjoni bi prezz orħos mill-prezz minimu li jista’ jiġi applikat lil dan il-prodott, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

    2. Meta ma jkun ġie ffissat l-ebda prezz minimu għal daqs partikolari ta’ prodott mogħti l-orħos prezz minimu ta’ l-esportazzjoni ffissat għal dan il-prodott għandu japplika għad-daqs fil-kwistjoni.

    3. Meta l-bejgħ isir bil-prezz ta’ stadju iktar tard minn dak ta’ ex maħżen/esportatur, dan il-prezz għandu jiġi ffissat f’livell hekk illi l-ammont li jrid jiġi rċevut mill-bejjiegħ, wara t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tal-pakkjar, l-assigurazzjoni u t-trasport u kull spiża oħra addizzjonali, ma jkunx inqas mill-prezz minimu.

    4. Il-prezz minimu ffissat għal kull prodott jista jiġi mnaqqas b’mhux iktar minn 2 % fil-każ ta’ ħlas fi flus kontanti.

    5. Il-fatturi li jakkumpanjaw il-prodotti fil-waqt ta’ l-esportazzjoni għandhom juru b’mod partikolari:

    - il-prezz u d-daqs tal-prodotti;

    - l-ispiża ta’ l-ippakkjar u ta’ l-assigurazzjoni u kull spiża addizzjonali.

    Artikolu 3

    Is-sorveljanza rigward l-applikazzjoni tas-sistema tal-prezz minimu ta’ l-esportazzjoni tidħol fl-ambitu ta’ l-aġenziji nnominati minn kull Stat Membru. Dan ta’ l-aħħar għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummisjoni bl-isem u l-indirizz ta’ l-aġenzija responsabbli minn din is-sorveljanza mhux iktar tard minn xahar wara li dan ir-Regolament jidħol dis-seħħ.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jibqa’ japplika sal-31 ta’ Mejju 1971.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-6 ta’ Novembru 1968.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean Rey

    [1] ĠU L 55, 2.3.1968, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top