This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31968L0089
Council Directive 68/89/EEC of 23 January 1968 on the approximation of the laws of the Member States concerning the classification of wood in the rough
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Jannar 1968 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux raffinat
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Jannar 1968 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux raffinat
ĠU L 32, 6.2.1968, p. 12–16
(DE, FR, IT, NL) Edizzjoni(jiet) speċjali oħra
(DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1968(I) P. 6 - 9
No longer in force, Date of end of validity: 30/12/2008; Imħassar b' 32007D0714
Official Journal L 032 , 06/02/1968 P. 0012 - 0015
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 1 P. 0103
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 1 P. 0103
Danish special edition: Series I Chapter 1968(I) P. 0006
English special edition: Series I Chapter 1968(I) P. 0006
Greek special edition: Chapter 03 Volume 3 P. 0013
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 2 P. 0078
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 2 P. 0078
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Jannar 1968 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux raffinat (68/89/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Billi l-istabbiliment tas-suq komuni ħoloq żieda fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-injam mhux raffinat, li diġà jinvolvi ħafna miljuni ta’ metri kubi fis-sena; Billi varjetà ta’ sistemi huma użata fl-Istati Membri differenti għall-kejl u l-klassifikazzjoni ta’ l-injam mhux raffinat u dan in-nuqqas ta’ uniformità jaffettwa direttament l-iffunzjonar tas-suq komuni; Billi l-armonizzazzjoni tal-liġijiet f’dak il-qasam, mixtieqa mill-konferenza ta’ Brussel dwar il-foresti ta’ Ġunju 1959, m’għandhiex biss tiffaċilita n-negozju intra-Komunitarju imma wkoll tagħmel possibbli statistika dwar il-produzzjoni, ix-xiri u l-bejgħ, il-konsum u l-prezzijiet ta’ l-injam mhux raffinat fil-Komunità li tiġi kompilata li tkun tista’ titqabbel; Billi dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu jekk l-Istati Membri jwaqqfu kull klassifikazzjoni mandatarja ta’ l-injam mhux raffinat li jkun ġej minn Stati Membri oħrajn u jekk jagħmlu disponibbli bil-liġi lil dawk konċernati sistema ta’ kejl u klassifikazzjoni li tkun l-istess mal-Komunità kollha; Billi l-injam mhux raffinat ma għandux jinxtara jew jinbigħ fi ħdan il-Komunità bħala injam mhux raffinat "klassifikat KEE" sakemm ma jikkorrispondix ma’ waħda mill-klassifikazzjonijiet provduti; Billi mhux iktar tard minn sentejn wara n-notifika tad-Direttiva m’għandha teżisti iktar ebda xkiel għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-injam mhux raffinat minħabba raġunijiet ta’ klassifikazzjoni; ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Din id-Direttiva għandha tapplika għal injam mhux raffinat li jitqiegħed fis-suq fi ħdan il-Komunità bħala injam mhux raffinat "klassifikat KEE". L-Artikolu 2 "Injam mhux raffinat" ifisser injam maqtugħ, ippuntat u miżbur, kemm jekk imnażża’ mill-qoxra tiegħu, maqtugħ kontra l-vina jew maqsum. L-Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li injam mhux raffinat ma jistax jiġi deskritt bħala "klassifikat KEE" meta jitqiegħed fis-suq sakemm ma jkun ġie kklassifikat u, fejn xieraq, immarkat kif meħtieġ fl-Anness li jinsab ma’ din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-klassifikazzjoni elenkata fl-Anness tista’ tingħata biss lill-injam mhux raffinat li jkun ġie kklassifikat kif meħtieġ fl-Anness. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet adottati minnhom skond il-paragrafi 1 u 2. L-Artikolu 4 Stat Membru jista’ jagħmel użu mill-klassifikazzjonijiet li tipprovdi għalihom din id-Direttiva obbligatorja għall-marketing ta’ parti jew kollha kemm hi tal-produzzjoni tiegħu stess ta’ l-injam mhux raffinat. L-Artikolu 5 Il-klassifikazzjoni skond id-daqs jew il-kwalità kif ipprovdut f’din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi l-introduzzjoni ta’ subklassijiet għat-tqegħiq fis-suq ta’ injam mhux raffinat. Iżda, l-introduzzjoni ta’ sub-klassijiet m’għandhiex toħloq ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju. L-Artikolu 6 L-Istati Membri għandhom iħassru d-dispożizzjonijiet kollha li jeħtieġu li injam mhux raffinat li jiġi minn Stat Membru ieħor jiġi kklassifikat. L-Artikolu 7 L-Istati Membri għandhom, fi żmien perjodu ta’ sentejn wara notifika ta’ din id-Direttiva, idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u l-Anness tagħha u għandhom minnufih javżaw lill-Kumissjoni b’dan. L-Artikolu 8 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Janar 1968. Għall-Kunsill Il-President M. Couve de Murville [1] ĠU 156, tal-15.7.1967, p. 59. [2] ĠU 17, tat-28.1.1967, p. 282/67. -------------------------------------------------- L-ANNESS 1. KEJL 1.1 Ġenerali 1.1.1 Il-kejl għandu jkun jew skond il-volum (metri kubi veri jew mgħobbija) jew skond il-piż. 1.1.2 Is-sistema metrika biss għandha tiġi użata għall-kejl. 1.1.3 L-istrumenti tal-kejl għandhom jiġu spezzjonati uffiċjalment u miżmuma f’kundizzjoni tajba. 1.2 Injam f’tul sħiħ 1.2.1 Injam mhux raffinat li l-volum tiegħu huwa s-soltu espress f’metri kubi veri għandu jissejjaħ injam f’tul sħiħ. 1.2.2 Injam f’tul sħiħ għandu normalment jitkejjel f’unitajiet individwali. L-injam fit-tul sħiħ ta’ forma irregolari għandu jitkejjel f’taqsimiet. 1.2.3 Il-volum ta’ unità individwali għandu jiġi stabbilit mit-tul u d-djametru mkejjel fuq jew taħt il-qoxra. Il-volum għandu jiġi kkalkulat sa l-eqreb żewġ figuri deċimali mill-inqas, bl-użu ta’ l-iskedi kubiċi abitudinali. 1.2.4 Il-kejl tad-djametru għandu jiġi rranġat għaċ-ċentimetru li jiġi taħt. Meta d-djametru jitkejjel fuq il-qoxra, għandu jsir tnaqqis raġjonevoli. It-tnaqqis magħmul għandu jiġi dikjarat. 1.2.5 Fil każ ta’ kejl sa u li jinkludi 19-il ċm, id-djametru taħt il-qoxra għandu jitkejjel f’operazzjoni waħda bl-użu ta’ kalibru tal-foresterija fuq iz-zokk maqtugħ (id-djametru oriżżontali). Fil każ ta’ kejl ta’ 20 ċm jew iktar taħt il-qoxra, iżda, id-djametru għandu jiġi stabbilit b’żewġ miżuri li jaqsmu l-xulxin magħmula b’mod perpendikolari wieħed ma’ l-ieħor (safejn hu posibbli, fl-idjaq djametru u fid-djametru l-iktar wiesa’). Jekk il-post li għandu jitkejjel jinstab fuq ċirku ta’ friegħi jew f’parti oħra irregolari taz-zokk, id-djametru għandu jinkiseb billi tittieħed il-medja tal-kejl magħmul fuq kull naħa f’distanza ekwivalenti mill-post li għandu jitkejjel. 1.2.6 Il-miżuri tat-tul għandhom jiġu ttundjati għad-deċimetru li jiġi taħt. Għall-injam fit-tul sħiħ b’djametru fin-nofs ta’ 20 ċm jew inqas taħt il-qoxra, it-tul jista’ jiġi ttundjat għall-metru li jiġi taħt. Jekk hemm tastatur, it-tul għandu jitkejjel min-nofs ta’ dak it-tastatur. 1.3 Injam mgħobbi fuq xulxin f’metri kubi 1.3.1 Injam mhux raffinat li l-volum tiegħu huwa s-soltu espress f’metri kubi mgħobbi fuq xulxin għandu jissejjaħ injam f’metri kubi mgħobbi. 1.3.2 Injam f’metri kubi mgħobbi għandu jitkejjel żejjed f’ogħli b’mill inqas ta’ 3 %. 2. KLASSIFIKAZZJONI 2.1 Ġenerali 2.1.1 Injam mhux raffinat jista’ jiġi kklassifikat: (i) skond l-ispeċi u l-isem komuni, (ii) skond id-daqs, (iii) skond il-kwalità. 2.2 Klassifikazzjoni skond id-daqs 2.2.1 Għall-kejl tad-djametru u t-tul għal skopijiet ta’ klassifikazzjoni, il-punti 1.2.4, 1.2.5 u 1.2.6 għandhom japplikaw. 2.2.2 Il-klassifikazzjoni tad-daqs għandha ssir, irrispettivament mit-tul, skond id-djametru tan-nofs taħt il-qoxra bl-użu tal-klassifikazzjonijiet li ġejjin: Il-Klassi | Id-Djametru | L 0 | inqas minn 10 ċm | L 1 a | 10 sa 14-il ċm | L 1 b | 15 sa 19-il ċm | L 2 a | 20 sa 24 ċm | L 2 b | 25 sa 29 ċm | L 3 a | 30 sa 34 ċm | L 3 b | 35 sa 39 ċm | L 4 | 40 sa 49 ċm | L 5 | 50 sa 59 ċm | L 6 | 60 ċm jew iktar | 2.2.3 Iktar klassijiet jistgħu jiġu ffurmati ’l fuq mill-klassi 6, iżda għandha tinżamm l-istess gradazzjoni. Is-subdiviżjoni fis-subklassijiet a u b tista’ ma titqiesx jew tiġi estiża għall-klassijiet kollha. 2.2.4 Injam fit-tul sħiħ jista’ wkoll jiġi kklassifikat bit-tul minimu u bid-djametru ta’ fuq taħt il-qoxra li jikkorrispondi għal dak it-tul bl-użu tal-klassifikazzjonijiet li ġejjin: Il-Klassi | It-Tul Minimu | Id-Djamteru minimu ta’ fuq | H 1 | 8 m | 10 ċm | H 2 | 10 m | 12-il ċm | H 3 | 14-il m | 14-il ċm | H 4 | 16-il m | 17-il ċm | H 5 | 18-il m | 22 ċm | H 6 | 18-il m | 30 ċm | Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-punt 1.2.5, id-djametru ta’ fuq għandu jitkejjel biss darba. 2.2.5 Ċerti gruppi magħmula minn tipi differenti ta’ injam fit-tul sħiħ (arbli, lasti eċċ) għandhom jitqassmu fi klassijiet skond id-djametru fuq iz-zokk 1 ċm mit-tarf t’isfel bl-użu tal-klassifikazzjonijiet li ġejjin: Il-Klassi | Id-Djametru | P 1 | mhux iktar minn 6 ċm | P 2 | 7 sa 13-il ċm | P 3 | 14-il ċm jew iktar | 2.2.6 Injam f’metri kubi mgħobbi fuq xulxin għandu jitqassam fi klassijiet skond id-djametru ta’ fuq fuq il-qoxra bl-użu tal-klassifikazzjonijiet li ġejjin: Il-Klassi | | S 1 | zkuk tondi minn 3 sa 6 ċm f’djamteru (zkuk żgħar) | S 2 | zkuk tondi minn 7 sa 13-il ċm f’djamteru (zkuk) | S 3 | zkuk tondi 14-il ċm jew iktar f’djametru u kwarti (zkuk kbar u kwarti). | Meta l-injam f’metri kubi mgħobbi fuq xulxin jitnażża’ mill-qoxra tiegħu, id-djametri mogħtija fuq għandhom jitnaqqsu b’ċm wieħed. 2.3 Il-klassifikazzjoni skond il-kwalità 2.3.1 Il-klassifikazzjoni skond il-Kwalità għandha tikkunsidra l-kriterji li ġejjin: - It-tgħawwiġ: it-tgħawwiġ għandu jitkejjel permezz tad-diviżjoni tal-qaws totali, espress f’ċentimetri sa l-eqreb ċentimetru, bid-distanza li tissepara ż-żewġ estremitajiet tat-tgħawwiġa, espressa f’metri sa figura deċimali waħda. It-tgħawwiġ għandu jiġi espress f’ċentimeti għal kull metru. - Il-vina mibruma: il-firxa ta’ dan id-difett għandha titkejjel permezz li tiġi stabbilita d-distanza, espressa f’ċentimetri sa l-eqreb ċentimetru għal kull metru tul, bejn id-direzzjoni tal-fibri u l-linja ġġenerata parallela mal-fus ta’ l-injam fit-tul sħiħ. Il-brim għandu jiġi espress f’ċentimetri għal kull metru. - Tirqieq lejn it-tarf: It-tirqieq lejn it-truf għandu jitkejjel permezz tad-diviżjoni tad-differenza bejn id-djametri ta’ l-injam fit-tul sħiħ 1m mit-truf, imkejjla f’ċentimetri u ttundjata saċ-ċentimetru li jiġi taħt, permezz tad-distanza li tisseparahom, espressa f’metri sa figura deċimali waħda. It-tirqieq lejn it-trud għandu jiġi espress f’ċentimeti għal kull metru sa figura deċimali waħda. - Ingroppi esposti, ingroppi sħaħ (jew ċari), ingroppi mherrija (jew sewda). Id-djametru ta’ l-ingroppi għandu jitkejjel f’millimetri fl-iżgħar dimensjoni tagħhom. - Ingroppi mkabbra wisq, għoqod. - Il-qalba eċċentrika. - Injam ta’ reazzjoni: injam ta’ tensjoni fil-każ ta’ siġar b’weraq wiesgħin, injam ikkumpressat jew strixxat bl-aħmar fil-każ ta’ koniferi. - L-irregolarità tal-kontorn. - Xpakkaturi tondi, xpakkaturi forma ta’ qalb, xpakkaturi tal-qtugħ, qsim tas-silġ. - Injam derivat minn siġar trattati fuq iz-zokk u difetti minħabba l-ittrattar, verifiki. - Id-diskulurazzjoni. - Difetti oħrajn ikkawżati minn organiżmi li jagħmlu l-ħsara. 2.3.2 Meta l-klassifikazzjoni hija skond il-kwalità, l-injam mhux raffinat għandu jiġi maqsum fi klassijiet ta’ kwalità skond il-klassifikazzjonijiet li ġejjin: Il-Klassi A/KEE: | Injam sħiħ, li jippossjedi kwalitajiet speċifiċi superjuri, ħieles minn difetti jew li jippossjedi difetti daqshekk ħfief li ma jillimitawx l-użu tiegħu. | Il-Klassi B/KEE: | Injam ta’ kwalità standard, inkluż injam minn siġar trattati fuq iz-zokk, li jippossjedi wieħed jew iktar mid-difetti li ġejjin: tgħawwiġ u brim ħafif tal-vina, tirqieq ħafif lejn it-truf, ebda ngroppi kbar, xi ngroppi sħaħ żgħar jew medji, numru żgħir ta’ ngroppi mherrija ta’ daqs imnaqqas, bil-qalba kemm kemm eċċentrika, xi irregolaritajiet ta’ kontorn jew difetti isolati oħrajn li tpatti għalihom il-kwalità tajba ġenerali. | Il-Klassi Ċ/KEE: | Injam li, minħabba d-difetti tiegħu, ma jista’ la jiġi kklasifikat fil-Klassi A/KEE lanqas fil-Klassi B/KEE, imma li jkun madankollu ta’ kwalità li jista’ jiġi użat fl-industrija. | 2.3.3 Injam fit-tul sħiħ fil-klassijiet ta’ kwalità A/KEE u Ċ/KEE għandu jkollu marka ta’ identifikazzjoni tal-klassi li ma titħassarx. Il-marka ta’ identifikazzjoni tal-klassi mhijiex meħtieġa għall-injam fit-tul sħiħ tal-klassi B/KEE. --------------------------------------------------