Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015D0857

Deċiżjoni Nru 1 tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE – Serbja tal-21 ta' Ottubru 2013 li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu [2015/857]

ĠU L 135, 2.6.2015, p. 35–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/857/oj

2.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/35


DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE – SERBJA

tal-21 ta' Ottubru 2013

li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu [2015/857]

IL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa, u r-Repubblika tas-Serbja (minn issa 'l quddiem “is-Serbja”), min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikoli 119,120, 122 u 124 tiegħu,

Billi dak il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun ippresedut b'mod li jalterna għal perijodi ta' 12-il xahar bejn il-President tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u r-rappreżentant tal-Gvern tas-Serbja. L-ewwel perijodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiltaqa' darba fis-sena fuq livell ministerjali. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jsiru bit-talba ta' wieħed mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ssir fil-post fejn is-soltu jsiru laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentanza

Il-membri tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu, jistgħu jiġu rrappreżentati. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b'dan il-mod, huwa għandu jinnotifika lill-President dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha se jiġi rrapreżentat b'dan il-mod. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jattendu fil-kumpanija ta' uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President ikun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti. Rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bħala osservatur, meta fuq l-aġenda jidhru ħwejjeġ li jirrigwardaw lill-Bank. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Missjoni tas-Serbja għall-Unjoni Ewropea flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji jiżguraw li l-korrispondenza tiġi mgħoddija lill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tkun imqassma lil membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-korrispondenza hekk imqassma tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u lill-Missjoni tas-Serbja għall-Unjoni Ewropea.

Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif indikat fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President, għal kull laqgħa jfassal aġenda proviżorja. Din tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt m'għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. L-aġenda tiġi adottata mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta' każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa jitħejja miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:

 

id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

 

id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

 

id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Meta approvati, il-minuti jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji. Il-minuti jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jservu ta' depożitorju għad-dokumenti tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Kopja ċċertifikata tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, skont l-Artikolu 121 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, rispettivament jingħataw it-titli “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti b'numru ta' serje, bid-data ta' meta ġew addottati u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 ta' hawn fuq. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Lingwi

Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'dawk il-lingwi.

Artikolu 12

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll is-Serbja, kull wieħed iħallas għall-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta' posta u ta' telekomunikazzjoni. In-nefqa relatata ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, ta' traduzzjoni u ta' riproduzzjoni tad-dokumenti jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa relatata mas-servizzi ta' interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa Serba, li jitħallsu mis-Serbja. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

1.   B'dan ġie stabbilit Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jgħin lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qadi ta' dmirijietu. Dan jiġi ffurmat minn rappreżentanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea min-naħa, u rappreżentanti tal-Gvern tas-Serbja min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta' impjegati taċ-ċivil f'kariga għolja.

2.   Il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fejn meħtieġ u, inġenerali, jiżgura l-kontinwità fir-relazzjoni ta' assoċjazzjoni kif ukoll it-tħaddim xieraq tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Iqis kwalunkwe kwistjoni li tiġi referuta lilu mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tat-twettiq ta' kuljum tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

3.   F'każijiet fejn il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jirriferi għal obbligu li jikkonsulta jew il-possibilità ta' konsultazzjoni, din it-tip ta' konsultazzjoni tista' sseħħ fi ħdan il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-konsultazzjoni tista' tissokta fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huma annessi ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Kumitat Konsultattiv Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u minn imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili mis-Serbja

1.   B'dan huwa stabbilit Kumitat Konsultattiv Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ta' msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra fis-soċjetà ċivili tas-Serbja sabiex jgħin lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, fl-Unjoni Ewropea u fis-Serbja. It-tali djalogu u kooperazzjoni jinkludu l-aspetti relevanti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja, hekk kif dawn jitfaċċaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. It-tali djalogu u kooperazzjoni b'mod partikolari jiffukaw biex:

(a)

iħejju msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għall-ħidma fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li se sseħħ fil-ġejjieni;

(b)

iħejju msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tas-Serbja;

(c)

isir skambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku, partikolarment dwar il-qagħda attwali tal-proċess ta' adeżjoni kif ukoll dwar it-tħejjija tal-partijiet soċjali u ta' organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għal dan il-proċess;

(d)

jinkoraġġixxu skambji ta' esperjenza, prattiki tajbin u djalogu strutturat bejn a) l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja u b) l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri, fosthom permezz ta' netwerking f'oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni jistgħu jkunu l-aktar mezz effettiv biex tinstab soluzzjoni għal problemi partikolari;

(e)

jiddiskutu kull kwistjoni oħra rilevanti proposta minn kwalunkwe naħa, li tista' titfaċċa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-qafas tal-Istrateġija ta' qabel l-adeżjoni.

2.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi disa' rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u disa' rappreżentanti minn fost l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili tas-Serbja. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt jista' jistieden ukoll l-osservaturi.

3.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jwettaq il-kompiti tiegħu abbażi ta' konsultazzjoni mal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b'rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn ċrieki ekonomiċi u soċjali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

4.   Il-membri għandhom jintgħażlu biex jiġi żgurat li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 ikun xbieha kemm jista' jkun perfetta tad-diversi msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fis-Serbja. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Serbi jsiru mill-gvern tas-Serbja abbażi ta' proposti mill-imsieħba soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. Dawn il-proposti jissejsu fuq proċeduri ta' għażla inklużivi u trasparenti fost l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili.

5.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun kopresedut minn membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew flimkien ma' rappreżentant minn fost l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja.

6.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

7.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fuq naħa waħda, u l-Gvern Serb, fuq in-naħa l-oħra, iħallsu kull wieħed għall-ispejjeż li jintefqu b'rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt u tal-gruppi ta' ħidma tiegħu fir-rigward tal-persunal, tal-ispejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza.

8.   L-arranġamenti dettaljati dwar l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat jitħallsu mill-parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 15

Kumitat Konsultattiv Konġunt kompost minn rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea u awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi

1.   B'dan qiegħed jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi, bil-kompitu li jassisti l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-għan li jkun hemm promozzjoni tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u dawk fis-Serbja. It-tali djalogu u kooperazzjoni b'mod partikolari jiffukaw biex:

(a)

iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għall-ħidma fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li se sseħħ fil-ġejjieni;

(b)

iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għall-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni wara l-adeżjoni tas-Serbja;

(c)

isir skambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet attwali ta' interess reċiproku, b'mod partikolari dwar il-qagħda attwali tal-proċess ta' adeżjoni u dawk l-oqsma tal-politika fejn it-Trattati jipprevedu li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkonsultat, kif ukoll it-tħejjija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għal dawn il-politiki;

(d)

jinkoraġġixxu djalogu strutturat multilaterali bejn a) l-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u b) l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri, fosthom permezz ta' netwerking f'oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri jistgħu jkunu l-aktar mod effettiv li jindirizza s-suġġetti speċifiċi ta' interess reċiproku;

(e)

jipprovdu skambju ta' informazzjoni regolari dwar il-kooperazzjoni interreġjonali bejn awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri;

(f)

jinkoraġġixxu l-iskambju tal-esperjenzi u tal-għarfien fl-oqsma ta' politika fejn it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkonsultat, i) mill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u ii) mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri, f'kompetenzi u tekniki partikolari li jirrigwardaw it-tħejjija ta' pjanijiet jew strateġiji ta' żvilupp lokali u reġjonali kif ukoll l-aktar użu effiċjenti tal-Fondi Strutturali u dawk ta' qabel l-adeżjoni;

(g)

jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi permezz ta' skambju ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju ta' sussidjarjetà fl-aspetti kollha tal-ħajja fuq livell lokali u reġjonali;

(h)

jiddiskutu kull kwistjoni oħra rilevanti proposta minn kwalunkwe naħa, li tista' titfaċċa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-qafas tal-Istrateġija ta' qabel l-adeżjoni.

2.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun magħmul, fuq naħa, minn seba' rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, u fuq in-naħa l-oħra minn seba' rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tas-Serbja. L-istess għadd ta' membri sostituti jiġu maħtura.

3.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu abbażi ta' konsultazzjoni mal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b'rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

4.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

5.   Il-membri għandhom jintgħażlu b'tali mod li jiġi żgurat li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 jkun xbieha perfetta tad-diversi livelli ta' awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fis-Serbja. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Serbi jsiru mill-gvern tas-Serbja abbażi ta' proposti minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Serbja. Dawn il-proposti jissejsu fuq proċeduri ta' għażla inklużivi u trasparenti fost ir-rappreżentanti b'mandati elettorali fuq livell lokali jew reġjonali.

6.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

7.   Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkopresedut minn membru tal-Kumitat tar-Reġjuni u minn rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tas-Serbja.

8.   Il-Kumitat tar-Reġjuni, fuq naħa waħda, u l-Gvern tas-Serbja, fuq in-naħa l-oħra, iħallsu għall-ispejjeż li jintefqu b'rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati u tal-persunal ta' appoġġ tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza.

9.   L-arranġamenti dettaljati dwar l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt imsemmi fil-paragrafu 1. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat jitħallsu mill-parti li tospita l-laqgħat.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta' Ottubru 2013.

Għall-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

C. ASHTON


ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun ippresedut b'mod li jalterna għal perijodi ta' 12-il xahar minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u minn rappreżentant tal-Gvern tas-Serbja. L-ewwel perijodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiltaqa' skont kif jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ssir fi żmien u f'post miftiehma miż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jissejħu mill-President.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President ikun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' uffiċjal tal-Gvern tas-Serbja, flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-komunikazzjonijiet kollha lil, u mingħand, il-President tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, previsti f'din id-Deċiżjoni jiġu mgħoddija lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kif ukoll lis-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President, għal kull laqgħa jfassal aġenda proviżorja. Din tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja tkun tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jistieden esperti li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Fil-bidu ta' kull laqgħa, l-aġenda tiġi adottata mill-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta' każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għal kull laqgħa jittieħdu l-minuti, u jkunu msejsa fuq is-sommarju tal-konklużjonijiet mill-President, li l-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun wasal għalihom. Meta jiġu approvati mill-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-minuti jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji, u jiġu ffajljati miż-żewġ Partijiet. Kopja tal-minuti tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 122 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawk l-atti jkunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti b'numru ta' serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet isiru bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji, u jiġu mgħoddija lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta' dan l-Anness. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' dan il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll is-Serbja, kull wieħed iħallsu għall-ispejjeż li jagħmlu biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta' posta u ta' telekomunikazzjoni. In-nefqa relatata ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, ta' traduzzjoni u ta' riproduzzjoni tad-dokumenti jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa relatata mas-servizzi ta' interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa Serba, li jitħallsu mis-Serbja. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 10

Is-Sottokumitati u l-gruppi speċjali

Il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi speċjali sabiex jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u jagħmlulu rapport wara kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jtemm kwalukwe sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel it-termini ta' referenza tagħhom jew jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta' dmirijietu. Dawn is-sottokumitati u gruppi ma għandhom ikollhom l-ebda setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet.


Top