Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 21988A1031(01)

    Il-konvenzjoni ta' Vjenna għall-protezzjoni tas-saff ta' l-ożonu

    ĠU L 297, 31.10.1988, p. 10–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/1988/540/oj

    Related Council decision

    21988A1031(01)



    Official Journal L 297 , 31/10/1988 P. 0010 - 0020
    Finnish special edition: Chapter 11 Volume 14 P. 0148
    Swedish special edition: Chapter 11 Volume 14 P. 0148


    ANNESS I

    Il-konvenzjoni ta' Vjenna għall-protezzjoni tas-saff ta' l-ożonu

    PREAMBLU

    IL-PARTIJIET F'DIN IL-KONVENZJONI,

    KONXJI mill-impatt potenzali ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minħabba fil-modifikazzjoni tas-saff ta' l-ożonu,

    WAQT LI JIFTAKRU fid-dispożizzjonijiet pertinenti tad-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent Uman, u partikolarment prinċipju 21, li jipprovdi li "Stati għandhom, bi qbil mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji ta' liġi internazzjonali, id-dritt sovran biex jisfruttaw ir-risorsi tagħhom stess skond il-politika ambjentali tagħhom stess, u r-responsabbilta li jiżguraw li attivitajiet fil-ġurisdizzjoni jew kontroll tagħhom ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent ta' l-Istati l-oħra jew ta' erji lil hinn mill-limiti ta' ġurisdizzjoni nazzjonali".

    FILWAQT LI JITQIESU ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet partikolari ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw,

    WAQT LI JIKKUNSIDRAW ix-xogħol u l-istudji li jipproċedu kemm fl-organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll nazzjonali u, b'mod partikolari, il-Pjan Dinji ta' Azzjoni dwar is-Saff ta' l-Ożonu tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti,

    HUMA U JIKKUNSIDRAW UKOLL il-miżuri prekawzjonali għall-protezzjoni tas-saff ta' l-ożonu li diġa ttieħdu fil-livelli nazzjonali u internazzjonali,

    KONXJI li miżuri biex jiġi protett is-saff ta' l-ożonu minn modifikazzjonijiet minħabba f'attivitajiet umani jeħtieġu koperazzjoni u azzjoni internazzjonali, u għandhom jiġu bbażati fuq konsiderazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi rilevanti,

    KONXJI WKOLL mill-bżonn għal aktar riċerka u osservazzjonijiet sistematiċi biex jiġi żviluppat aktar tagħrif xjentifiku tas-saff ta' l-ożonu u effetti ta' ħsara possibbli li jirriżultaw mill-modifikazzjoni tiegħu,

    DETERMINATI li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra effetti ta' ħsara li jirriżultaw mill-modifikazzjoni tas-saff ta' l-ożonu,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-definizzjonijiet

    Għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni:

    1. "Is-saff ta' l-ożonu" ifisser is-saff ta' ożonu atmosferiku ‘l fuq mis-saff tax-xifer planetarju.

    2. "Effetti ta' ħsara" ifissru bdil fl-ambjent jew bijota fiżika, inklużi bdil fil-klima, li għandhom effetti sinifikanti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq il-kompożizzjoni, resilenza u produttivita ta' ekosistemi naturali u mmexxija, jew fuq materjali ta' użu għall-bniedem.

    3. "Teknoloġiji jew tagħmir alternattivi" ifissru teknoloġiji jew tagħmir li l-użu tagħhom inaqqas jew effettivament jelimina emmissjonijiet ta' sustanzi li għandhom jew x'aktarx ikollhom effetti ta' ħsara fuq is-saff ta' l-ożonu.

    4. "Sustanzi alternattivi" ifissru sustanzi li jnaqqsu, jeliminaw jew jevitaw effetti ta' ħsara fuq is-saff ta' l-ożonu.

    5. "Partijiet" ifissru, minbarra jew ikun jindika mod ieħor it-test, Partijiet f'din il-Konvenzjoni.

    6. "Organizzazzjoni ekonomika reġjonali ta' integrazzjoni" tfisser organizzazzjoni kostitwita minn Stati sovrani ta' reġjun imsemmi li għandha kompetenza rigward materji irregolati minn din il-Konvenzjoni jew il-protokolli tiegħu u ġiet awtorizzata kif mistħoqq, bi qbil mal-proċeduri interni tiegħu, biex tiffirma, tirratifika, taċċetta, tapprova jew tissieħeb ma' l-istrumenti konċernati.

    7. "Protokolli"' ifissru protokolli ma' din il-Konvenzjoni.

    Artikolu 2

    Obbligazzjonijiet ġenerali

    1. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri xierqa bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u ta' dawk il-protokolli fis- seħħ li huma parti minnhom biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra effetti ta' ħsara li jirriżultaw jew x'aktarx jirriżultaw minn attivitajiet umani li jimmodifikaw jew x'aktarx jimmodifikaw is-saff ta' l-ożonu.

    2. Għal dan il-għan il-Partijiet għandhom, bi qbil mal-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom u l-kapaċitajiet tagħhom:

    (a) jikkoperaw permezz ta' osservazzjonijiet sistematiċi, riċerka u skambju ta' tagħrif sabiex jifhmu aħjar u jagħmlu stima ta' l-effett ta' attivitajiet umani fuq is-saff ta' l-ożonu u l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn modifikazzjoni tas-saff ta' l-ożonu;

    (b) jadottaw miżuri leġislattivi jew amministrattivi xierqa u jikkoperaw fl-armonizzazzjoni ta' politika xierqa biex jikkontrollaw, jillimitaw jew jipprevjenu attivitajiet umani taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħhom jekk jinstab li dawn l-attivitajiet għandhom jew x'aktarx ikollhom effetti ta' ħsara li jirriżultaw minn modifikazzjoni jew modifikazzjoni possibbli tas-saff ta' l-ożonu;

    (ċ) jikkoperaw fil-formolazzjoni ta' miżuri, proċeduri u livelli stabbiliti miftiehma għall-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' protokolli u annessi;

    (d) jikkoperaw mal-korpijiet internazzjonali kompetenti biex jimplimentaw effettivament din il-Konvenzjoni u l-protokolli li huma parti minnhom.

    3. Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni m'għandhomx bl-ebda mod jaffettwaw id-dritt tal-Partijiet li jadottaw, bi qbil ma' liġi internazzjonali, miżuri domestiċi addizzjonali ma' dawk riferiti f'paragrafi 1 u 2 hawn fuq, lanqas ma għandhom jaffettwaw miżuri domestiċi addizzjonali diġa meħuda minn Parti, basti li dawn il-miżuri mhumiex inkompatibbli ma' l-obbligazzjonijiet skond din il-Konvenzjoni.

    4. L-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandha tiġi bbażata fuq konsiderazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi rilevanti.

    Artikolu 3

    Riċerka u osservazzjonijiet sistematiċi

    1. Il-Partijiet jindaħħlu, kif xieraq, biex jibdew u jikkoperaw, direttament jew permezz ta' korpijiet internazzjonali kompetenti, fil-kondotta ta' riċerka u stimi xjentifiċi dwar:

    (a) il-proċessi fiżiċi u kimiċi li jistgħu jaffettwaw is-saff ta' l-ożonu;

    (b) is-saħħa tal-bniedem u effetti oħra bijoloġiċi li jinħolqu minn xi modifikazzjonijiet tas-saff ta' l-ożonu, partikolarment dawk li jirriżultaw minn bdil fir-radjazzjoni solari ultraviolet li għandha effetti bijoloġiċi (UV-B);

    (ċ) effetti fil-klima li jinħolqu minn xi modifikazzjonijiet tas-saff ta' l-ożonu;

    (d) effetti li jinħolqu minn xi modifikazzjonijiet tas-saff ta' l-ożonu u xi bidla b'konsekwenza fir-radjazzjoni tal-UV-B fuq materjali naturali u sintetiċi li huma ta' użu għall-bniedem;

    (e) sustanza, prattiċi, proċessi u attivitajiet li jistgħu jaffettwaw is-saff ta' l-ożonu, u l-effetti kumulattivi tagħhom;

    (f) sustanzi u teknoloġiji alternattivi;

    (g) materji soċjo-ekonomiċi relatati;

    u kif elaborat aktar fl-Annessi I u II.

    2. Il-Partijiet jindaħlu biex jippromwovu jew jistabbilixxu, kif xieraq, direttament jew permezz ta' korpijiet internazzjonali kompetenti u waqt li jitqiesu sew leġislazzjoni nazzjonali u attivitajiet rilevanti kontinwi kemm fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, programmi konġunti jew kumplimentari għal osservazzjonijiet sistematiċi ta' l-istat tas-saff ta' l-ożonu u parametri oħra rilevanti, kif elaborat fl-Anness I.

    3. Il-Partijiet jindaħħlu biex jikkoperaw, direttament jew permezz ta' korpijiet internazzjonali kompetenti, f'li jiżguraw il-ġbir, il-validazzjoni u t-trasmissjoni ta' riċerka u data ta' osservazzjoni permezz ta' ċentri dinjija ta' data f'manjiera regolari u f'waqtha.

    Artikolu 4

    Koperazzjoni fl-oqsma legali, xjentifiċi u tekniċi

    1. Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-iskambju ta' tagħrif xjentifiku, tekniku, soċjo-ekonomiku, kummerċjali u legali rilevanti għal din il-konvenzjoni kif elaborat aktar fl-Anness II. Dan it-tagħrif għandu jiġi provdut lill-korpijiet miftiehma mill-Partijiet. Kull korp bħal dan li jerċievi tagħrif mill-Parti li qed tipprovdih għandu jiżgura li dan it-tagħrif ma jiġix żvelat u għandu jaggregah sabiex jipproteġi l-kunfidenzjalita’ tiegħu qabel ma jsir disponibbli lill-Partijiet kollha.

    2. Il-Partijiet għandhom jikkoperaw, konsistenti mal-liġijiet, regolament u prattiċi nazzjonali tagħhom u waqt li jqisu partikolarment il-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-promozzjoni, direttament jew permezz ta' korpijiet kompetenti internazzjonali, l-iżvilupp u t-trasferiment ta' teknoloġija u tagħrif. Din il-koperazzjoni għandha titwettaq partikolarment permezz ta':

    (a) tħaffif ta' l-akkwisizzjoni ta' teknoloġiji alternattivi minn Partijiet oħra;

    (b) provvediment ta' tagħrif dwar teknoloġiji u tagħmir alternattiv, u provista ta' manwali speċjali jew gwidi għalihom;

    (ċ) il-provista ta' tagħmir meħtieġ u faċilitajiet għal riċerka u osservazzjonijiet sistematiċi;

    (d) taħriġ xieraq ta' personal xjentifiku u tekniku.

    Artikolu 5

    Trassmissjoni ta' tagħrif

    Il-Partijiet għandhom jittrasmettu, permezz tas-segretarjat, lill-Konferenza tal-Partijiet stabbiliti skond l-Artikolu 6, tagħrif dwar il-miżuri adottati minnhom fl-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni u ta' protokolli li huma parti minnhom fit-tali forma u fit-tali intervalli bħal ma jistgħu jistabbilixxu l-laqgħat tal-partijiet għall-istrument rilevanti.

    Artikolu 6

    Konferenza tal-Partijiet

    1. Konferenza tal-Partijiet hija hawnhekk stabbilita. L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għandha tiġi mlaqqa' mis-segretarjat nominat fuq bażi interim skond l-Artikolu 7 mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni. Wara dan, laqgħat ordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom jinżammu f'intervalli regolari li jridu jiġu stabbiliti mill-Konferenza fl-ewwel laqgħa tagħha.

    2. Laqgħat straordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom jinżammu f'ħinijiet oħra kif jitqies meħtieġ mill-Konferenza, jew fuq it-talba bil-miktub ta' kull Parti, basta li, fi żmien sitt xhur minn meta t-talba tiġi mgħarrfa lilhom mis-segretarjat, tiġi appoġġjata minn mill-inqas terz tal-Partijiet.

    3. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha b'konsensus tiftiehem fuq u tadotta regoli ta' proċedura u regoli finanzjarji għaliha nnifisha u għal xi korpijiet sussidjarji li tista' tistabbilixxi, kif ukoll dispożizzjonijiet finanzjarji li jirregolaw il-funzjonament tas-segretarjat.

    4. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha żżomm taħt reviżjoni kontinwa l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni u b'żieda ma' dan, għandha:

    (a) tistabbilixxi l-forma u l-intervalli għat-trasmissjoni tat-tagħrif li jrid jiġi sottomess bi qbil ma' l-Artikolu 5 u jikkunsidraw dan it-tagħrif kif ukoll rapporti sottomessi minn xi korp sussidjarju;

    (b) jirrevedu t-tagħrif xjentifiku dwar is-saff ta' l-ożonu, dwar il-modifikazzjoni possibbli tiegħu u dwar effetti possibbli ta' xi modifikazzjoni bħal din;

    (ċ) jippromwovu, bi qbil ma' l-Artikolu 2, l-armonizzazzjoni ta' politika, strateġiji u miżuri xierqa biex jiġi minimizzat ir-rilaxx ta' sustanzi li jikkawżaw jew x'aktarx jikkawżaw modifikazzjoni tas-saff ta' l-ożonu, u jagħmlu rakkomandazzjonijiet fuq xi miżuri oħra li għandhom x'jaqsmu ma' din il-Konvenzjoni;

    (d) jadottaw, bi qbil ma' l-Artikoli 3 u 4, programmi għal riċerka, osservazzjonijiet sistematiċi, koperazzjoni xjentifika u teknoloġika, l-iskambju ta' tagħrif u t-trasferiment ta' teknoloġija u tagħrif;

    (e) jikkunsidraw u jadottaw, kif meħtieġ, bi qbil ma' l-Artikoli 9 u 10, emendi għal din il-Konvenzjoni u l-annessi tagħha;

    (f) jikkunsidraw emendi għal xi protokoll, kif ukoll għal xi annessi tiegħu, u jekk ikun deċiż hekk, jirrakkomandaw l-adozzjoni tagħhom lill-partijiet fil-protokoll konċernat';

    (g) jikkunsidraw u jadottaw, kif meħtieġ, bi qbil ma' l-Artikolu 10, annessi addizzjonali ma' din il-Konvenzjoni;

    (h) jikkunsidraw u jadottaw, kif meħtieġ, protokolli bi qbil ma' l-Artikolu 8;

    (i) jistabbilixxu korpi sussidjarji kif ikun jitqies meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

    (j) ifittxu, fejn ikun xieraq, is-servizz ta' korpijiet internazzjonali u kumitati xjentifiċi kompetenti, partikolarment l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Meteoroloġija u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, kif ukoll il-Kumitat ta' Kordinazzjoni dwar is-Saff ta' l-Ożonu, f'riċerka xjentifika, osservazzjonijiet sistematiċi u attivitajiet oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, u jagħmlu użu kif xieraq ta' tagħrif minn dawn il-korpijiet u kumitati;

    (k) jikkunsidraw u jindaħlu għal kull azzjoni addizzjonali li tista' tinħtieġ għall-ksib ta' l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni.

    5. In-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji speċjalizzati tagħhom u l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika, kif ukoll kull Stat li mhuwiex parti minn din il-Konvenzjoni, jistgħu jiġu rappreżentati f'laqgħat tal-Konferena tal-Partijiet minn osservaturi. Kull korp jew aġenzija, sewwa jekk nazzjonali jew internazzjonali, governattivi jew mhux governattivi, kwalifikati f'oqsma li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tas-Saff ta' l-Ożonu li għarraf lis-segretarjat bix-xewqa tiegħu li jiġi rappreżentat f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet bħala osservatur jista' jiddaħħal minbarra jekk mill-inqas terz mill-Partijiet joġġezzjonaw. Id-dħul u l-parteċipazzjoni ta' osservaturi għandu jkun bla ħsara għar-regoli ta' proċedura adottati mill-Konferenza tal-Partijiet.

    Artikolu 7

    Is-Segretarjat

    1. Il-funzjonijiet tas-segretarjat għandhom ikunu:

    (a) biex jirranġa u jorganizza laqgħat provvduti fl-Artikoli 6,8,9 u 10;

    (b) jipprepara u jitrasmetti rapporti bażati fuq tagħrif riċevut bi qbil ma' l-Artikoli 4 u 5, kif ukoll tagħrif li joħroġ minn laqgħat ta' korpijiet sussidjarji stabbiliti skond l-Artikolu 6;

    (ċ) li jwettaq il-funzjonijiet assenjati lilu minn xi protokoll;

    (d) li jħejji rapporti dwar l-attivitajiet tiegħu mwettqa fl-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu skond din il-Konvenzjoni u jippreżentawhom lill-Konferenza tal-Partijiet;

    (e) li jiżguraw il-kordinazzjoni meħtieġa mal-korpijiet internazzjonali rilevanti l-oħra, u partikolarment jidħlu f'arranġamenti amministrattivi u kontrattwali li jistgħu jinħtieġu għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tiegħu;

    (f) iwettqu funzjonijiet oħra kif jista' jiġi stabbilit mill-Konferenza tal-Partijiet.

    2. Il-funzjonijiet tas-segretarjat se jitwettqu fuq bażi interim mill-Programm ta' l-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti sakemm titlesta l-ewwel laqgħa ordinarja tal-Konferenza tal-Partijiet miżmuma skond l-Artikolu 6. Fl-ewwel laqgħa ordinarja tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tinnomina s-segretarjat minn fost dawk l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti eżistenti li wrew ir-rieda tagħhom li jwettqu l-funzjonijiet tas-segretarjat skond din il-Konvenzjoni.

    Artikolu 8

    Adozzjoni ta' protokolli

    1. Il-Konferenza tal-Partijiet tista' f'laqgħa tadotta protokolli skond l-Artikolu 2.

    2. It-test ta' kull protokoll propost għandu jiġi mgħarraf lill-Partijiet mis-segretarjat mill-inqas sitt xhur qabel laqgħa bħal din.

    Artikolu 9

    Emendi tal-Konvenzjoni jew protokolli

    1. Kull Parti tista' tipproponi emendi għal din il-Konvenzjoni jew għal xi protokoll. Dawn l-emendi għandhom iqisu kif mistħoqq, fost ħwejjeġ oħra, konsiderazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi rilevanti.

    2. Emendi għal din il-Konvenzjoni għandhom jiġu adottati f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Emendi għal xi protokoll għandhom jiġu adottati f'laqgħa tal-Partijiet dwar il-protokoll imsemmi. It-test ta' xi emenda proposta għal din il-Konvenzjoni jew għal xi protokoll, minbarra kif jista' jiġi provvdut mod ieħor f'dan il-protokoll, għandu jiġi mgħarraf lill-Partijiet mis-segretarjat mill-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa li fiha tiġi proposta għall-adozzjoni. Is-segretarjat għandu jikkomunika wkoll emendi proposti għall-firmatarji f'din il-Konvenzjoni għal tagħrif.

    3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim dwar xi emenda proposta għal din il-Konvenzjoni b'konsensus. Jekk l-isforzi kollha ġew intużaw kollha, u l-ebda ma jintlaħaq, l-emenda għandha bħala l-aħħar sforz tiġi adottata minn vot tal-maġġoranza ta' tliet kwarti mill-Partijiet preżenti u li qed jivvutaw fil-laqgħa, u għandhom jiġu sottomessi mid-Depożitarju lill-Partijiet kollha għal ratifikazzjoni, approvazzjoni jew aċċettazzjoni.

    4. Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 3 hawn fuq għandha tapplika għal emendi lil xi protokoll, minbarra li maġġoranza ta' żewġ terzi tal-partijiet għal dak il-protokoll preżenti u votazzjoni fil-laqgħa għandhom ikunu biżżejjed għall-adozzjoni tagħhom.

    5. Ratifikazzjoni, approvazzjoni jew aċċettazzjoni ta' emendi għandhom jiġu mgħarrfa bil-miktub lid-Depożitarju. Emendi adottati bi qbil mal-paragrafi 3 jew 4 hawn fuq għandhom jidħlu fis-seħħ bejn partijiet li aċċettawhom fid-90 jum wara li jkunu rċevew mid-Depożitarju in-notifika tar-ratifikazzjoni, approvazzjoni jew aċċettazzjoni tagħhom minn mill-inqas tliet kwarti tal-Partijiet f'din il-Konvenzjoni jew mill-inqas żewġ terzi mill-partijiet fil-protokoll konċernat, minbarra jekk ikun provvdut mod ieħor f'dan il-protokoll. Wara dan l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għal xi Parti oħra fid-90 jum wara li dik il-Parti tiddepożita l-istrument tagħha ta' ratifikazzjoni, approvazzjoni jew aċċettazzjoni ta' l-emendi.

    6. Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu "Partijiet preżenti u qed" jivvutaw ifisser Partijiet preżenti u li qed jagħtu vot affermattiv jew negattiv.

    Artikolu 10

    Adozzjoni u emenda ta' annessi

    1. L-annessi ma' din il-Konvenzjoni jew ma' xi protokoll għandhom jiffurmaw parti integra ta' din il-Konvenzjoni jew ta' protokoll bħal dan, kif ikun il-każ, u, minbarra jekk ikun provdut espressament mod ieħor, riferenza għal din il-Konvenzjoni jew il-protokolli tagħha tikkostitwixxi fl-istess ħin riferenza għal xi annessi tiegħu. Dawn l-annessi għandhom jiġu ristretti għal materji xjentifiċi, tekniċi u amminstrattivi.

    2. Minbarra jekk ikun provvduti mod ieħor f'xi protokoll rigward l-annessi tiegħu, il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' annessi addizzjonali ma' din il-Konvenzjoni jew annessi ma' protokoll:

    (a) annessi ma' din il-Konvenzjoni għandhom jiġu proposti u adottati skondi il-proċedura preskritta fl-Artikolu 9, paragrafi 2 u 3, waqt li l-annessi ma' xi protokoll għandhom jiġu proposti u adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 9, paragrafi 2 u 4;

    (b) kull parti li ma jistax japprova anness addizzjonali ma' din il-Konvenzjoni jew anness ma' xi protokoll li jagħmel parti minnha għandu jgħarraf dan lid-Depożitarju, bil-miktub, fi żmien sitt xhur mid-data tal-komunikazzjoni ta' l-adozzjoni mid-Depożitarju. Id-Depożitarju għandu mingħajr dewmien jgħarraf lill-Partijiet kollha b'xi notifika bħal din riċevuta. Parti tista' f'kull ħin tisostitwixxi aċċettazzjoni għal dikjarazzjoni minn qabel ta' oġġezzjoni u l-annessi għandhom jidħlu fis-seħħ għal dik il-Parti;

    (ċ) ma' l-iskadenza ta' sitt xhur mid-data taċ-ċirkolazzjoni tal-komunikazzjoni mid-Depożitarju, l-anness għandu jsir effettiv għall-Partijiet kollha f'din il-Konvenzjoni jew għal xi protokoll konċernat li ma ssottomettewx notifika bi qbil mad-dispożizzjoni tas-sottoparagrafu (b) hawn fuq.

    3. Il-proposta, adozzjoni u dħul fis-seħħ ta' emendi għal annessi ma' din il-Konvenzjoni jew għal xi protokoll għandhom ikunu bla ħsara għall-istess proċedura bħalma għall-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta' annessi mal-Konvenzjoni jew annessi għal protokoll. L-Annessi u emendi tagħhom għandhom iqisu kif mistħoqq, fost ħwejjeġ oħra, konsiderazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi rilevanti.

    4. Jekk annessi addizzjonali jew emenda għal anness jinvolvi emenda għal din il-Konvenzjoni jew għal xi protokoll, l-anness addizzjonali jew l-anness emendat m'għandhomx jidħlu fis-seħħ sa dak il-ħin meta emenda għal din il-Konvenzjoni jew għall-protokoll konċernat tidħol fis-seħħ.

    Artikolu 11

    Ftehim f'nuqqas ta' qbil

    1. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil bejn Partijiet li jirrigwardja l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, il-partijiet konċernati għandhom ifittxu soluzzjoni permezz ta' negozjati.

    2. Jekk il-partijiet konċernati ma jistgħux jilħqu ftehim permezz ta' negozjati, jistgħu ifittxu b'mod konġunt s-servizzi ta', jew jitolbu medjazzjoni minn, parti terza.

    3. Meta jirratifika, jaċċetta, japprova jew jissieħeb ma' din il-Konvenzjoni, jew f'xi ħin wara dan, Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali tista' tiddikjara bil-miktub lid-Depożitarju li għal nuqqas ta' qbil mhux risolt bi qbil mal-paragrafu 1 jew 2 hawn fuq, taċċetta waħda jew iż-żewġ mezzi li ġejjin ta' ftehim f'nuqqas ta' qbil bħala ta' bil fors:

    (a) arbitraġġ bi qbil mal-proċeduri li jridu jiġu adottati mill-Konferenza tal-Partijiet fl-ewwel laqgħa ordinarja;

    (b) sottomissjoni tan-nuqqas ta' ftehim lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

    4. Jekk il-partijiet, bi qbil mal-paragrafu 3 hawn fuq, ma aċċettawx l-istess jew xi proċedura, in-nuqqas ta' ftehim għandu jiġi sottomess għal konċiljazzjoni bi qbil mal-paragrafu 5 hawn taħt minbarra jekk il-partijiet jiftiehmu mod ieħor.

    5. Kummissjoni ta' konċiljazzjoni għandha tinħoloq fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet fin-nuqqas ta' qbil. Il-kummissjoni għandha tiġi komposta minn numru ugwali ta' membri maħtura minn kull parti konċernata u president għandu jintgħażel b'mod konġunt mal-membri maħtura minn kull parti. Il-kummissjoni għandha tirrendi għotja finali u rakkomandatorja, li l-partijiet għandhom jikkunsidraw in bona fede.

    6. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw rigward kull protokoll minbarra jekk ikun provdut mod ieħor fil-protokoll konċernat.

    Artikolu 12

    Firma

    Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għal firma mill-Istati u minn organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomiċi reġjonali fil-Ministeru Federali għal Affarijiet Barranin tar-Repubblika ta' l-Awstrija fi Vjenna mit-22 ta' Marzu 1985 sal-21 ta' Settembru 1985, u fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'New York mit-22 ta' Settembru 1985 sal-21 ta' Marzu 1986.

    Artikolu 13

    Ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni

    1. Din il-Konvenzjoni u kull protokoll għandhom ikunu bla ħsara għal ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni minn Stati u minn organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomiċi reġjonali. Strumenti ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mad-Depożitarju.

    2. Kull organizzazzjoni riferita fil-paragrafu 1 hawn fuq li ssir Parti minn din il-Konvenzjoni jew xi protokoll mingħajr ma wieħed mill-Istati membri tiegħu ma jkun Parti għandha tintrabat mill-obbligazzjonijiet kollha skond il-Konvenzjoni jew il-protokoll, kif ikun il-każ. Fil-każ ta' dawn l-organizzazzjonijiet, li waħda jew aktar mill-Istati membri tagħhom hija Parti mill-Konvenzjoni jew protokoll rilevanti, l-organizzazzjoni u l-Istati membri tagħha għandhom jiddeċiedu fuq ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-qadi ta' l-obbligazzjoni tagħhom skond il-Konvenzjoni jew il-protokoll, kif ikun il-każ. F'dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni u l-Istati membri m'għandhomx jiġu intitolati li jeżerċitaw drittijiet skond il-Konvenzjoni jew il-protokoll rilevanti korerentement.

    3. Fl-istrumenti ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tagħhom, l-organizzazzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom jiddikjaraw safejn tasal il-kompetenza tagħhom rigward materji regolati mill-Konvenzjoni jew il-protokoll rilevanti. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jgħarrfu wkoll lid-Depożitarju b'kull modifikazzjoni sostanzjali sal-punt tal-kompetenza tagħhom.

    Artikolu 14

    Adeżjoni

    1. Din il-Konvenzjoni u kull protokoll għandhom ikunu miftuħa għal adeżjoni minn Stati u minn organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomiċi reġjonali mid-data li fiha l-Konvenzjoni jew il-protokoll konċernat huma magħluqa għall-firma. L-Istrumenti ta' adeżjoni għandhom jiġu depożitati mad-Depożitarju.

    2. Fl-istrumenti ta' adeżjoni, l-organizzazzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom jiddikjaraw safejn tasal il-kompetenza tagħhom rigward materji regolati mill-Konvenzjoni jew il-protokoll rilevanti. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jgħarrfu wkoll lid-Depożitarju b'kull modifikazzjoni sostanzjali sal-punt tal-kompetenza tagħhom.

    3. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13, paragrafu 2, għandhom japplikaw għal organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomiċi reġjonali li jissieħbu ma' din il-Konvenzjoni jew xi protokoll.

    Artikolu 15

    Id-dritt għall-vot

    1. Kull Parti f'din il-Konvenzjoni jew f'xi protokoll għandha jkollha vot.

    2. Minbarra kif provdut fil-paragrafu 1 hawn fuq, organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali, f'materji fil-kompetenza tagħhom, għandhom jeżerċitaw id-dritt li jivvutaw b'numru ta' voti ugwali għan-numru ta' l-Istati membri tagħhom li huma Partijiet fil-Konvenzjoni jew il-protokoll rilevanti. Dawn l-organizzazzjonijiet m'għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw jekk l-Istati membri tagħhom jeżerċitaw tagħhom, u viċi versa.

    Artikolu 16

    Relazzjoni bejn il-Konvenzjoni u l-protokolli tagħha

    1. Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali ma tistax issir parti fil-protokoll minbarra jekk hija, jew issir fl-istess ħin, Parti fil-Konvenzjoni.

    2. Deċiżjonijiet li jirrigwardjaw xi protokoll għandhom jittieħdu biss mill-partijiet fil-protokoll konċernat.

    Artikolu 17

    Dħul fis-seħħ

    1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-data ta' depożitu ta' l-20 strument ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

    2. Kull protokoll, minbarra jekk ikun provdut mod ieħor f'dan il-protokoll, għandu jidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-data ta' depożitu tal-11-il strument ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta' dan il-protokoll jew sħubija miegħu.

    3. Għal kull Parti li tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni jew tissieħeb magħha wara d-depożitu ta' l-20 strument ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, għandha tidħol fis-seħħ fid-90 jum mid-data ta' depożitu minn din il-Parti ta' l-istrument tagħha ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

    4. Kull protokoll, minbarra jekk provvdut mod ieħor f'dan il-protokoll, għandu jidħol fis-seħħ għal parti li tirratifika, taċċetta jew tapprova dak il-protokoll jew tissieħeb miegħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu skond il-paragrafu 2 hawn fuq fid-90 jum wara d-data li fiha l-parti tiddepożita l-istrument tagħha ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, jew fid-data li fiha l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għal dik il-Parti, liema waħda tkun ta' l-aħħar.

    5. Għall-għan ta' paragrafi 1 u 2 hawn fuq, kull strument depożitat minn organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali m'għandux jingħadd bħala addizzjonali ma' dawk depożitati minn Stati membri ta' din l-organizzazzjoni.

    Artikolu 18

    Riservi

    L-ebda riservi ma jistgħu jsiru għal din il-Konvenzjoni.

    Artikolu 19

    Irtirar

    1. F'kull ħin wara erba' snin mid-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għal Parti, dik il-Parti tista' tirtira mill-Konvenzjoni billi tagħti notifika bil-miktub lid-Depożitarju.

    2. Minbarra jekk ikun provvdut f'xi protokoll, f'kull ħin wara erba' snin mid-data li fiha dan il-protokoll ikun daħal fis-seħħ għal parti, dik il-parti tista' tirtira mill-protokoll billi tagħti notifika bil-miktub lid-Depożitarju.

    3. Kull irtirar bħal dan għandu jidħol fis-seħħ ma' l-iskadenza ta' sena wara d-data li fiha d-Depożitarju jkun irċevieha, jew f'data aktar tard li tista' tiġi speċifikata fin-notifika ta' l-irtirar.

    4. Kull Parti li tirtira minn din il-Konvenzjoni għandha tiġi kunsidrata bħala li tkun irtirat wkoll minn xi protokoll li fih hija parti.

    Artikolu 20

    Id-Depożitarju

    1. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jassumi l-funzjonijiet tad-depożitarju ta' din il-Konvenzjoni u xi protokolli.

    2. Id-Depożitarju għandu jgħarraf lill-Partijiet, partikolarment:

    (a) bil-firma ta' din il-Konvenzjoni u ta' kull protokoll, u d-depożitu ta' strumenti ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni bi qbil ma' l-Artikoli 13 u 14;

    (b) bid-data li fiha l-Konvezzjoni u kull protokoll se jidħlu fis-seħħ bi qbil ma' l-Artikolu 17;

    (ċ) in-notifika ta' rtirar magħmula bi qbil ma' l-Artikolu 19;

    (d) Emendi adottati rigward il-Konvenzjoni u kull protokoll, l-aċċettazzjoni tagħhom mill-partijiet u d-data tad-dħul fis-seħħ bi qbil ma' l-Artikolu 9;

    (e) il-komunikazzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-adozzjoni u l-approvazzjoni ta' l-annessi u ma' l-emenda ta' annessi bi qbil ma' l-Artikolu 10;

    (f) notifiki minn organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomiċi reġjonali tal-punt sa fejn tasal il-kompetenza tagħhom rigward materji rregolati minn din il-Konvenzjoni u kull protokoll, u b'kull modifikazzjoni tagħhom;

    (g) dikjarazzjonijiet magħmula bi qbil ma' l-Artikolu 11, paragrafu 3.

    Artikolu 21

    Testi awtentiċi

    L-oriġinal ta' din il-Konvenzjoni, li t-testi tiegħu bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol huma ugwalment awtentiċi, għandu jiġi depożitat mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Bħala xhud ta' ta' liema s-sottoskritti, awtorizzati kif mistħoqq għal dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

    Magħmula fi Vjenna fit-22 jum ta' Marzu 1985.

    --------------------------------------------------

    ANNESS I

    RIĊERKA U OSSERVAZZJONIJIET SISTEMATIĊI

    1. Il-Partijiet fil-Konvenzjoni jgħarrfu li l-kwistjonijiet xjentifiċi prinċipali huma:

    (a) modifikazzjoni tas-saff ta' l-ożoni li jkun jirriżulta f'bidla fl-ammont ta' radjazzjoni solari ultraviolet li għandha effetti bijoloġiċi (UV-B) li tilħaq il-wiċċ tad-dinja (Earth) u l-konsegwenzi potenzali għas-saħħa tal-bniedem, għal organiżmi, ekosistemi u materjali ta' użu għall-bniedem;

    (b) modifikazzjoni tad-distribuzzjoni vertikali ta' l-ożonu, li tista' tbiddel l-istruttura tat-temperatura ta' l-atmosfera u l-konsegwenzi potenzjali għat-temp u l-klima.

    2. Il-Partijiet fil-Konvenzjoni bi qbil ma' l-Artikolu 3, għandhom jikkoperaw fil-kondotta ta' riċerka u osservazzjonijiet sistematiċi u fil-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet għal riċerka u osservazzjoni fil-futur f'erji bħal ma huma:

    (a) Riċerka fil-fiżika u l-kimika ta' l-atmosfera

    (i) mudelli teoritiċi komprensivi: aktar żvilupp ta' mudelli li jikkunsidraw l-interazzjoni bejn proċessi radjoattivi, dinamiċi u kimiċi; studji ta' l-effetti simultanji ta' speċje differenti magħmula mill-bniedem u li jseħħu naturalment fuq l-ożonu atmosferiku; interpretazzjoni ta' settijiet ta' data ta' kejl bis-satellita u mhux bis-satellita; evalwazzjoni ta' xejriet f'parametri atmosferiċi u ġijofiżiċi, u l-iżvilupp ta' metodi biex jiġu attribbwiti tibdiliet f'dawn il-parametri għal kawża speċifiċi;

    (ii) studji fil-laboratorju ta': koeffiċjenti ta' rata, cross-sections ta' assorbiment u mekkaniżmi ta' proċessi kimiċi u fotokimiċi tropsferiċi u stratosferiċi; data spektroskopiċi biex jiġi appoġġjat kejl fil-qasam fir-reġjunijiet spektrali rilevanti kollha;

    (iii) kejl fil-qasam: il-konċentrazzjoni u flussi ta' gassijiet ta' sorsi prinċipali kemm ta' oriġini naturali kif ukoll antropoġeniċi; studji dinamiċi atmosferiċi; kejl simultanju ta' speċje relatati fotokimikament sas-saff tax-xifer planetarju, permezz ta' strumenti ta' sensitizzar fil-post u remoti; paragun bejn xulxin ta' sensuri differenti inkluż kejl korellativ kordinat għal strumentazzjoni tas-satellita; oqsma tridimensjonali ta' kostitwenti prinċipali tat-traċċar atmosferiċi, flus spektrali solari u parametri meterjoloġiċi;

    (iv) żvilupp instrumentali, inkluż sensuri tas-satellita u mhux tas-satellita għal kostitwenti tat-traċċar atmosferiċi, flus solari u parametri meterjoloġiċi;

    (b) Riċerka f'effetti tas-saħħa, bijoloġiċi u ta' fotodegradazzjoni

    (i) ir-relazzjoni bejn esposizzjoni tal-bniedem għal radjazzjoni solari viżibbli u ultraviolet u (a) l-iżvilupp kemm ta' kanċer tal-ġilda non-melanoma u melanoma u (b) l-effetti fuq is-sistema immunoloġika;

    (ii) effetti ta' radjazzjoni UV-B, inkluż dependenza tal-wavelength, fuq (a) uċuħ tar-raba' agrikoli, foresti u ekosistemi terrestri oħra, u (b) in-nisġa ta' l-ikel tal-baħar u sajd, kif ukoll inibizzjoni possibbli ta' produzzjoni ta' ossiġenu minn phytoplankton tal-baħar;

    (iii) il-mekkaniżmi li bihom ir-radjazzjoni UV-B jaġixxu fuq materjali bijoloġiċi, speċje u ekosistemi inkluż: ir-relazzjoni bejn doża, rata tad-doża, u t-tweġiba; photorepair, adattament, u protezzjoni;

    (iv) studji ta' spektra ta' azzjoni bijoloġika u t-tweġiba spektrali permezz ta' radjazzjoni polikomatika sabiex jiġu inklużi interazzjonijiet possibbli tar-reġjunijiet differenti ta' wavelength;

    (v) l-influwenza ta' radjazzjoni ta' l-UV-B fuq: is-sensitivitajiet u l-attivitajiet ta' speċje bijoloġiċi importanti għall-bilanċ bijosferiku; proċessi primarji bħal photosynthesis u biosynthesis;

    (vi) l-influenza ta' radjazzjoni UV-B fuq photodegredation ta' oġġetti li jikkaġunaw it-tniġġiż, kimiċi agrikoli u materjali oħra;

    (ċ) Riċerka fuq effetti fuq il-klima

    (i) studji teoretiċi u osservazzjonali ta' l-effetti radjoattivi ta' l-ożonu u speċje ta' traċċar oħra u l-impatt fuq parametri tal-klima, bħal ma huma temperaturi tal-wiċċ ta' l-art u ta' l-oċean, mudelli ta' preċipitazzjoni, il-bidla bejn troposphere u stratosphere;

    (ii) l-investigazzjoni ta' l-effetti ta' dawn l-impatti tal-klima fuq aspetti differenti ta' attivita tal-bniedem;

    (d) Osservazzjonijiet sistematiċi dwar:

    (i) l-istat tas-saff ta' l-ożonu (jiġifieri il-varjabbilta’ spazjali u temporali tal-kontenut totali tal-kolonna u distribuzzjoni vertikali) billi s-Sistema Globali ta' Osservazzjoni ta' l-Ożonu, ibbażata fuq l-integrazzjoni ta' sistemi bbażati fis-satellita u fuq l-art, issir topera totalment;

    (ii) il-konċentrazzjoni tropofosferika u stratofosferika ta' gassijiet tas-sors għall-familji ta' HOx, NOx, ClOx u l-karbonju;

    (iii) it-temperatura mill-art sal-mesosphere, li tutilizza kemm is-sistemi ibbażati fuq l-art u dawk fis-satellita;

    (iv) fluss solari wavelength resolved li jilħaq, u radjazzjoni termali li titlaq, mill-atmosfera tad-Dinja, permezz ta' kejl tas-satellita;

    (v) fluss solari wavelength resolved li jilħaq il-wiċċ tad-Dinja fil-firxa ta' l-ultraviolet li għandu effetti bijoloġiċi (UV-B);

    (vi) propjetajiet aerosol u distribuzzjoni mill-art sal-mesosphere, li jutilizzaw kemm is-sistemi ibbażati fuq l-art, dawk mill-arja u dawk fis-satellita;

    (vii) varjabbli importanti klimatikament permezz tal-manutenzjoni ta' programmi ta' kejl meterjoloġiku tal-wiċċ ta' kwalità għolja;

    (viii) speċje ta' traċċar, temperaturi, fluss solari u aerosols li jutilizzaw metodi mtejba għall-analiżżar ta' data globali.

    3. Il-Partijiet fil-Konvenzjoni għandhom jikkoperaw, waqt li jqisu l-bżonnijiet partikolari tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-promozzjoni tat-taħriġ xieraq xjentifiku u tekniku meħtieġ biex jipparteċipaw fir-riċerka u l-osservazzjonijiet sistematiċi miġbura f'dan l-anness. Enfasi partikolari għandha tingħata lill-inter-kalibrazzjoni ta' strumentazzjoni u metodi osservazzjonali bil-ħsieb li jiġu ġenerati settijiet ta' data xjentifiċi komparabbli jew standardizzati.

    4. Is-sustanzi kimiċi li ġejjin ta' oriġini naturali u antropoġeniċi, mhux imniżżla f'lista fl-ordni ta' prijorita, huma maħsuba li għandhom il-potenzali li jimmodifikaw il-propjetajiet kimiċi u fiżiċi tas-saff ta' l-ożonu.

    (a) Sustanzji tal-karbonju

    (i) Monossidu tal-karbonju (CO)

    Monossidu tal-karbonju għandu sorsi natural u antropoġeniċi sinifikanti, u huwa maħsub li għandu rwol dirett maġġuri fil-fotokimika troposferika, u rwol indirett fil-fotokimika stratosferika;

    (ii) Dijossidu tal-karbonju (CO2)

    Dijossidu tal-karbonju għandu sorsi naturali u antropoġeniċi, u jaffettwa l-ożonu stratosferiku billi jinfluewenza l-istruttura termali ta' l-atmosfera;

    (iii) Metanju (CH4)

    Metanju għandu sorsi naturali u antropoġeniċi, u jaffettwa kemm l-ożonu troposferiku kif ukoll dak stratosferiku.

    (iv) Speċje ta' idrokarbonju mhux metanju

    Speċje ta' l-idrokarbonju mhux metanju, li jikkonsistu minn numru kbir ta' sustanzi kimiċi, għandhom sorsi kemm naturali kif ukoll antropoġeniċi, u għandhom rwol dirett fil-fotokimika tropofosferika u rwol indirett f'fotokimika stratosferika;

    (b) Sustanzi nitroġeni

    (i)) Ossidu Nitrous (N2O)

    Is-sorsi dominanti ta' N2 0 huma naturali, imma kontribuzzjonijiet antropoġeniċi qed isiru aktar importanti. Ossidu nitrous huwa s-sors primarju ta' Nox stratosferiku, li għandu rwol vitali fil-kontroll ta' l-abbundanza ta' l-ożonu stratosferiku;

    (ii) Ossidi tan-nitroġenu (Nox)

    Sorsi tal-livell ta' l-art ta' Nox għandhom rwol dirett maġġuri fi proċessi fotokimiċi troposferiċi u rwol indirett f'fotokimika stratosferika, billi injezzjoni ta' Nox viċin it-tropopause tista' twassal direttament għal bidla fl-ożonu troposferiku u stratosferiku ta' fuq;

    (ċ) Sustanzi tal-klorin

    (i) Alkanes aloġenati totalament, p.e. CCl4, CFCl3 (CFC-11), CF2Cl2 (CFC-12), C2F3Cl3 (CFC-113), C2F4Cl2 (CFC-114)

    Alkanes aloġenati totalament huma antropoġeniċi u jaġixxu bħala sors ta' ClOx, li għandu rwol vitali fil-fotokimika ta' l-ożonu, speċjalment fir-reġjun ta' għoli ta' 30 sa 50 kilometru;

    (ii) Alkanes parzjalment aloġenati, p.e. CH3Cl, CHF2Cl (CFC-22), CH3CCl3, CHFCl2 (CFC-21)

    Is-sorsi ta' CH3Cl huma naturali, billi l-alkanes aloġenati parzjalment l-oħra msemmija fuq huma ta' oriġini antropoġeniċi. Dawn il-gassijiet ukoll jaġixxu bħala sors ta' ClOx stratosferiku.

    (d) Sustanzi tal-bromin

    Alkanes aloġenati totalment p.e. CF3Br

    Dawn il-gassijiet huma antropoġeniċi u jaġixxu bħala sors ta' Br0x, li jġibu ruħhom f'manjiera simili għal ClOx;

    (e) Sustanzi idroġeni

    (i) Idroġenu (H2)

    Idroġenu, li s-sors tiegħu huwa naturali u antropoġeniku, għandu rwol minuri f'fotokimika stratosferika;

    (ii) Ilma (H2O)

    L-ilma, li s-sors tiegħu huwa naturali, għandu rwol vitali f'kemm fotokimika troposferika kif ukoll stratosferika; Sorsi lokali ta' water vapour fl-istratosphere jinkludu l-ossidazzjoni ta' metanju u, xi ftit inqas, ta' idroġenu.

    --------------------------------------------------

    ANNESS II

    BDIL TA' TAGĦRIF

    1. Il-Partijiet fil-Konvenzjoni jgħarrfu li l-ġbir u t-tqassim ta' tagħrif huma mezzi importanti ta' implimentazzjoni ta' l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni u li jiġi żgurat li kull azzjoni li tista' tittieħed huma xierqa u ekwitabbli. Għalhekk, Partijiet għandhom ibiddlu bejniethom tagħrif xjentifiku, tekniku, soċjo-ekonomiku, ta' negozju, kummerċjali u legali.

    2. Il-Partijiet fil-Konvenzjoni, waqt li jiddeċiedu liema tagħrif irid jinġabar u jinbidel, għandhom iqisu l-utilita tat-tagħrif u l-ispejjeż għall-ksib tiegħu. Il-Partijiet għanhom jgħarrfu wkoll li koperazzjoni skond dan l-Anness trid tkun konsistenti ma' liġijiet nazzjonali, regolamenti u prattiċi li għandhom x'jaqsmu ma' patenti, sigrieti ta' kummerċ, u protezzjoni ta' tagħrif kunfidenzali u proprjetarju.

    3. Tagħrif xjentifiku

    Dan jinkludi tagħrif dwar:

    (a) riċerka pjanata u kontinwa, kemm governattiva kif ukoll privata, li tiffaċilita l-kordinazzjoni ta' programmi ta' riċerka sabiex isir l-użu l-aktar effettiv ta' risorsi disponibbli nazzjonali u internazzjonali;

    (b) id-data ta' emmissjoni meħtieġa għal riċerka;

    (ċ) riżultati xjentifiċi pubblikati f'letteratura peer-reviewed dwar il-fehma tal-fiżika u l-kimika ta' l-atmosfera tad-Dinja u dwar is-suxxettibilita` tagħha li tinbidel, partikolarment dwar l-istat tas-saff ta' l-ożonu u effetti fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u l-klima li jirriżultaw minn tibdil fl-iskali kollha tal-ħin f'jew il-kontenut totali tal-kolonna jew id-distribuzzjoni vertikali ta' l-ożonu;

    (d) l-istima ta' risultati ta' riċerka u r-rakkomandazzjonijiet għal riċerka fil-futur.

    4. Tagħrif tekniku

    Dan jinkludi tagħrif dwar:

    (a) id-disponibilita` u n-nefqa ta' sostituti kimiċi u ta' teknoloġiji alternattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi li jimmodifikaw l-ożonu u riċerka pjanata u kontinwa relatata;

    (b) il-limitazzjonijiet u xi riskji nvoluti fl-użu ta' sostituti kimiċi jew oħrajn u teknoloġiji alternattivi.

    5. Tagħrif soċjo-ekonomiku u kummerċjali dwar is-sustanzi riferiti fl-Anness I

    Dan jinkludi tagħrif dwar:

    (a) produzzjoni u kapaċita ta' produzzjoni;

    (b) użu u mudelli ta' użu;

    (ċ) importazzjonijiet/esportazzjonijiet;

    (d) l-ispejjeż, riskji u benefiċċji ta' attivitajiet tal-bniedem li jistgħu indirettament jimmodifikaw is-saff ta' l-ożonu u ta' l-impatti ta' azzjonijiet regolatorji meħuda jew li huma kunsidrati li jikkontrollaw dawn l-attivitajiet.

    6. Tagħrif legali:

    Dan jinkludi tagħrif dwar:

    (a) liġijiet nazzjonali, miżuri amministrattivi u riċerka legali rilevanti għall-protezzjoni tas-saff ta' l-ożonu;

    (b) ftehimijiet internazzjonali, inklużi ftehimijiet bilaterali, rilevanti għall-protezzjoni tas-saff ta' l-ożonu;

    (ċ) metodi u termini ta' liċenzar u disponibilità ta' patenti rilevanti għall-protezzjoni tas-saff ta' l-ożonu.

    --------------------------------------------------

    Top