Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013R1408-20190314

    Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1408/2019-03-14

    02013R1408 — MT — 14.03.2019 — 001.002


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1408/2013

    tat-18 ta’ Diċembru 2013

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

    (ĠU L 352 24.12.2013, p. 9)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/316 tal-21 ta' Frar 2019

      L 51I

    1

    22.2.2019


    Ikkoreġut bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 246, 26.9.2019, p.  38 (Nru 1408/2013)

    ►C2

    Rettifika, ĠU L 246, 26.9.2019, p.  41 (2019/316)




    ▼B

    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1408/2013

    tat-18 ta’ Diċembru 2013

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura



    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.  Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, ħlief għal:

    (a) għajnuna, li l-ammont tagħha huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mqiegħda fis-suq;

    (b) għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ma’ nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività ta’ esportazzjoni;

    (c) l-għajnuna suġġetta għall-użu tal-prodotti nazzjonali fuq prodotti importati.

    2.  Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u hija attiva wkoll f’settur wieħed jew faktar jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dak ir-Regolament japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawk is-setturi jew attivitajiet, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura li b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

    3.  Fejn impriża hija attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 875/2007 għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija fir-rigward tas-settur tal-aħħar, dejjem jekk l-Istati Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet u d-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.  Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, “prodotti agrikoli” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 ( 1 ).

    2.  “Impriża waħda”, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, tinkludi l-intrapriżi kollha li li jkollhom bejniethom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin:

    (a) intrapriża waħda li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra;

    (b) intrapriża waħda li jkollha d-dritt li taħtar jew li tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta’ ġestjoni jew regolatorju ta’ intrapriża oħra;

    (c) intrapriża waħda li jkollha d-dritt li teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih flimkien ma’ dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni fil-memorandum jew l-artikoli ta’ assoċċjazzjoni tagħha;

    (d) intrapriża waħda, li hija azzjonist fi jew membru ta’ intrapriża oħra, tikkontrolla waħidha, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra fi jew membri ta’ dik l-intrapriża, maġġoranza ta’ drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew il-membri f’dik l-intrapriża.

    L-intrapriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu permezz ta’ intrapriża waħda jew aktar, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriża waħda.

    ▼M1

    3.  Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, “settur tal-prodott” tfisser settur elenkat fl-Artikolu 1(2)(a) sa (w) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

    4.  Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, “limitu settorjali” tfisser ammont kumulattiv massimu ta' għajnuna li japplika għal miżuri ta' għajnuna li jibbenefika minnhom settur tal-prodott uniku wieħed biss, li jikkorrispondu għal 50 % tal-ammont massimu ta' għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II.

    ▼M1

    Artikolu 3

    Għajnuna de minimis

    1.  Il-miżuri ta' għajnuna għandhom jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u għalhekk għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    2.  L-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriża waħda ma għandux jaqbeż l-EUR 20 000 fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali.

    3.  L-ammont kumulattiv ta' għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali, ma għandux jaqbeż il-limitu nazzjonali stipulat fl-Anness I.

    3a.  Permezz ta' deroga mill-paragrafi 2 u 3, Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda ma għandux jaqbeż il-EUR 25 000 fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali u li l-ammont kumulattiv totali ta' għajnuna de minimis mogħtija fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali ma għandux jaqbeż il-limitu nazzjonali stabbilit fl-Anness II, skont dawn il-kundizzjonijiet:

    (a) għal miżuri ta' għajnuna li jibbenefika minnhom settur ta' prodott uniku wieħed biss, l-ammont kumulattiv totali mogħti fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali ma għandux jaqbeż il-limitu settorjali definit fl-Artikolu 2(4);

    (b) l-Istat Membru għandu jkollu fis-seħħ reġistru ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 6(2).

    4.  L-għajnuna de minimis għandha titqies mogħtija fil-mument li l-impriża tiġi kkonferita d-dritt legali li tirċievi l-għajnuna skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli, irrispettivament mid-data tal-ħlas tal-għajnuna de minimis lill-impriża.

    5.  Il-limiti massimi de minimis u l-limiti nazzjonali u settorjali msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a għandhom japplikaw irrispettivament mill-forma tal-għajnuna de minimis jew mill-għan segwit u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex iffinanzjata kompletament jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw fl-Unjoni. Il-perjodu ta' tliet snin fiskali għandu jiġi ddeterminat minn referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.

    6.  Għall-iskopijiet tal-limiti massimi de minimis u l-limiti nazzjonali u settorjali msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a, l-għajnuna għandha tiġi espressa bħala għotja ta' flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu gross, jiġifieri qabel titnaqqas kwalunkwe taxxa jew imposta oħra. Meta l-għajnuna tingħata f'xi forma oħra apparti għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun ►C2  l-ekwivalenti ta' għotja gross ◄ tal-għajnuna.

    L-għajnuna pagabbli f'diversi pagamenti għandha titraħħas skont il-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-imgħax li trid tintuża għal skopijiet ta' skont għandha tkun ir-rata ta' skont applikabbli fil-mument li tingħata l-għajnuna.

    7.  Meta l-limiti massimi de minimis, il-limiti nazzjonali jew il-limitu settorjali msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a jinqabżu bl-għotja ta' għajnuna de minimis ġdida, dik l-għotja l-ġdida ma tkunx tista' tibbenefika minn dan ir-Regolament.

    8.  Fil-każ ta' fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet, l-għajnuna de minimis kollha li ngħatat qabel lil kwalunkwe impriża għaddejja mill-fużjoni għandha titqies meta jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew li qed takkwista taqbiżx il-limiti massimi de minimis rilevanti, il-limitu nazzjonali rilevanti jew il-limitu settorjali. L-għajnuna de minimis li ngħatat legalment qabel il-fużjoni jew l-akkwiżizzjoni għandha tibqa' legali.

    9.  Jekk impriża tinqasam fi tnejn jew iktar impriżi separati, l-għajnuna de minimis li tingħata qabel issir il-qasma għandha tiġi allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li hija fil-prinċipju l-impriża li qed takkwista l-attivitajiet li għalihom intużat l-għajnuna de minimis. Jekk din l-allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis għandha tiġi allokata b'mod proporzjonat abbażi tal-valur kontabilistiku tal-kapital ta' ekwità tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tas-separazzjoni.

    ▼B

    Artikolu 4

    Kalkolu ►C1  tal-ekwivalenti ta' għotja gross ◄

    1.   ►C1  Dan ir-Regolament japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li jiġi kkalkulat b'mod preċiż l-ekwivalenti ta' għotja gross tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa ta' valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). ◄

    2.  L-għajnuna inkluża f’għotjiet jew sussidji tar-rata tal-imgħax għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.

    3.  Għajnuna fil-forma ta’ self titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

    (a) il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta’ stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. F’każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-; u

    ▼C2

    (b) għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artiklu 3(2), is-self huwa assikurat b'garanzija li tkopri mill-anqas 50 % tas-self u s-self jammonta jew għal EUR 100 000 fuq ħames snin jew EUR 50 000 fuq għaxar snin, jew, għal miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(3a), jew EUR 125 000 fuq ħames snin jew EUR 62 500 fuq għaxar snin; jekk is-self ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal perjodu iqsar minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti ta' għotja gross ta' dak is-self għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon korrispondenti għal-limiti massimi de minimis stabbiliti fl-Artikolu 3(2) jew (3a); jew

    ▼C1

    (c) l-ekwivalenti ta' għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi tar-rata ta' referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

    ▼M1

    4.  L-għajnuna inkluża fl-injezzjonijiet kapitali għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-ammont totali ta' injezzjoni pubblika ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis relevanti.

    5.  L-għajnuna inkluża f'miżuri ta' finanzjament ta' riskju f'forma ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk il-kapital ipprovdut lil impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis rilevanti.

    ▼B

    6.  L-għajnuna li tikkonsisti f’garanziji għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

    (a) il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta’ stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. F’każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-; u

    ▼M1

    (b) għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2), il-garanzija ma taqbiżx it-80 % tas-self sottostanti u, jew l- ammont garantit huwa EUR 150 000  u d-durata tal-garanzija hija ħames snin jew l-ammont garantit huwa EUR 75 000  u d-durata tal-garanzija hija għaxar snin, jew, għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(3a), il- garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u, jew l-ammont garantit huwa EUR 187 500  u d-durata tal-garanzija hija ħames snin jew l-ammont garantit huwa EUR 93 750  u d-durata tal-garanzija hija għaxar snin; jekk l-ammont garantit ikun inqas minn dawn l-ammonti u/jew jekk il-garanzija tkun għal perjodu ta' inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti ta' għotja gross ta' dik il-garanzija għandhu jiġi kkalkulat bħala proporzjon korrispondenti tal-limiti massimi de minimis stabbiliti fl-Artikolu 3(2) jew (3a); jew

    ▼C1

    (c) l-ekwivalenti ta' għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi ta' primjums eżentati stipulati f'avviż tal-Kummissjoni; jew

    ▼B

    (d) qabel l-implimentazzjoni,

    ▼C1

    (i) il-metodoloġija biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti ta' għotja gross tal-garanzija tkun ġiet notifikata lill-Kummissjoni skont kwalunkwe Regolament ieħor adottat mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f'dak iż-żmien, u l-metodoloġija tkun ġiet aċċettata mill-Kummissjoni bħala li hi konformi mal-Avviż ta' Garanzija jew kwalunkwe Avviż sussegwenti, u

    ▼B

    (ii) li tindirizza b’ mod espliċitu t-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    7.  L-għajnuna inkluża fi strumenti oħra għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, jekk l-istrument jipprovdi għal amont massimu li jiżgura li l-limitu massimu rilevanti ma jinqabiżx.

    Artikolu 5

    Akkumulazzjoni

    1.  Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u tkun attiva wkoll f’wieħed jew f’aktar mis-setturi jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013 , l-għajnuna de minimis mogħtija għal attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata mal-għajnuna de minimis mogħtija fir-rigward tas-settur jew setturi tal-aħħar (jew attivitajiet sal-limitu massimu rilevanti stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dejjem jekk l-Istat Membru jiżgura, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1407/2013.

    2.  Meta impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, l-għajnuna de minimis mogħtija għal attivitajiet fis-settur ta’ qabel skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis għall-attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola skont ir-Regolament (KE) Nru 875/2007 sal-limitu stabbilit f’dak ir-Regolament, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat, permezz ta’ mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, jiżgura li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 875/2007.

    3.  L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew b’għajnuna mill-Istat għall-istess miżura ta’ finanzjament ta’ riskju jekk akkumulazzjoni bħal dik taqbeż l-għola intensità ta’ għajnuna rilevanti jew ammont ta’ għajnuna ffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’regolament għal eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal spejjeż eliġibbli speċifiċi jew li ma tkunx attribwibbli għal spejjeż ta’ dak it-tip tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

    Artikolu 6

    Monitoraġġ

    1.   ►C1  Fejn Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament lil impriża, huwa jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont tal-għajnuna espress bħala ekwivalenti ta' għotja gross u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. ◄ Fejn l-għajnuna de minimis tingħata skont dan ir-Regolament lil impriżi differenti abbażi ta’ skema u ammonti differenti ta’ għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi skont dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun ser tingħata skont dik l-iskema. F’tali każ, is-somma fissa għandha tintuża biex tiddetermina jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) intlaħaqx u jekk il-limitu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(3) ikunx inqabeż. Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru wkoll jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża kkonċernata, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn matul is-sentejn fiskali ta’ qabel u fis-sena fiskali attwali.

    2.  Fejn Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jinkludi l-informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna de minimis kollha mogħtija minn kwalunkwe awtorità f’dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 jieqaf japplika mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin fiskali.

    ▼M1

    Meta Stat Membru jagħti għajnuna skont l-Artikolu 3(3a), għandu jkollu fis-seħħ reġistru ċentrali ta' għajnuna de minimis li jkun fih l-informazzjoni kompleta dwar l-għajnuna de minimis kollha li tingħata minn kwalunkwe awtorità f'dak l-Istat Membru. Il-paragrafu 1 għandu jieqaf japplika fil-mument li r-reġistru jkopri perjodu ta' tliet snin fiskali.

    ▼M1

    3.  Stat Membru għandu jagħti biss l-għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata għal livell ogħla mil-limiti massimi u l-limiti nazzjonali rilevanti u l-limitu settorjali msemmija fl-Artikolu 3(2), (3) u (3a) u li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    ▼B

    4.  L-Istati Membri għandhom iżommu dokumeni li fihom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew rispettati. Id-dokumenti bl-informazzjoni dwar l-għajnuna de minimis individwali għandha tinżamm għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Id-dokumenti bl-informazzjonili jkollhom x’jaqsmu ma’ skema ta’ għajnuna de minimis jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali taħt tali skema.

    5.  B’talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol, jew tali perjodu itwal hekk kif jista’ jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew rispettati, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament u ta’ Regolamenti de minimis oħra li tkun irċeviet xi impriża.

    Artikolu 7

    Disposizzjonijiet tranżitorji

    1.  Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta dan ir-Regolament, jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe għanjnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.

    2.  Kwalunkwe għajnuna de minimis individwali li ngħatat bejn it-1 ta’ Jannar 2005 u t-30 ta’ Ġunju 2008, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    3.  Kull għajnuna individwali de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-30 ta’ Ġunju 2014 u li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    4.  Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta’ għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tibqa’ koperta minn dan ir-Regolament għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014.

    ▼M1

    Għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2027.

    ▼B

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    ▼M1




    ANNESS I

    Ammonti kumulattivi massimi tal-għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 3(3)



    (f'EUR)

    Stat Membru

    Ammonti massimi ta' għajnuna de minimis (1)

    Il-Belġju

    106 269 708

    Il-Bulgarija

    53 020 042

    Ir-Repubblika Ċeka

    61 865 750

    Id-Danimarka

    141 464 625

    Il-Ġermanja

    732 848 458

    L-Estonja

    11 375 375

    L-Irlanda

    98 460 375

    Il-Greċja

    134 272 042

    Spanja

    592 962 542

    Franza

    932 709 458

    Il-Kroazja

    28 920 958

    L-Italja

    700 419 125

    Ċipru

    8 934 792

    Il-Latvja

    16 853 708

    Il-Litwanja

    34 649 958

    Il-Lussemburgu

    5 474 083

    L-Ungerija

    99 582 208

    Malta

    1 603 917

    In-Netherlands

    352 512 625

    L-Awstrija

    89 745 208

    Il-Polonja

    295 932 125

    Il-Portugall

    87 570 583

    Ir-Rumanija

    215 447 583

    Is-Slovenja

    15 523 667

    Is-Slovakkja

    29 947 167

    Il-Finlandja

    55 693 958

    L-Iżvezja

    79 184 750

    Ir-Renju Unit

    394 587 292

    (1)   L-ammonti massimi huma kkalkulati abbażi tal-medja tal-ogħla tliet valuri tal-produzzjoni agrikola annwali f'kull Stat Membru fil-perjodu 2012-2017. Il-metodu ta' kalkolu jiżgura li l-Istati Membri kollha huma ttrattati b'mod ugwali u li l-ebda wieħed mill-valuri medji nazzjonali ma jkun inqas mill-ammonti massimi stabbiliti preċedentement għall-perjodu 2014-2020.




    ANNESS II

    Ammonti kumulattivi massimi tal-għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 3(3)(a)



    (f'EUR)

    Stat Membru

    Ammonti massimi ta' għajnuna de minimis (1)

    Il-Belġju

    127 523 650

    Il-Bulgarija

    63 624 050

    Ir-Repubblika Ċeka

    74 238 900

    Id-Danimarka

    169 757 550

    Il-Ġermanja

    879 418 150

    L-Estonja

    13 650 450

    L-Irlanda

    118 152 450

    Il-Greċja

    161 126 450

    Spanja

    711 555 050

    Franza

    1 119 251 350

    Il-Kroazja

    34 705 150

    L-Italja

    840 502 950

    Ċipru

    10 721 750

    Il-Latvja

    20 224 450

    Il-Litwanja

    41 579 950

    Il-Lussemburgu

    6 568 900

    L-Ungerija

    119 498 650

    Malta

    1 924 700

    In-Netherlands

    423 015 150

    L-Awstrija

    107 694 250

    Il-Polonja

    355 118 550

    Il-Portugall

    105 084 700

    Ir-Rumanija

    258 537 100

    Is-Slovenja

    18 628 400

    Is-Slovakkja

    35 936 600

    Il-Finlandja

    66 832 750

    L-Iżvezja

    95 021 700

    Ir-Renju Unit

    473 504 750

    (1)   L-ammonti massimi huma kkalkulati abbażi tal-medja tal-ogħla tliet valuri tal-produzzjoni agrikola annwali f'kull Stat Membru fil-perjodu 2012-2017. Il-metodu ta' kalkolu jiżgura li l-Istati Membri kollha huma ttrattati b'mod ugwali u li l-ebda wieħed mill-valuri medji nazzjonali ma jkun inqas mill-ammonti massimi stabbiliti preċedentement għall-perjodu 2014-2020.



    ( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22).

    ( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    Top