Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE1768

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-suq uniku diġitali — Xejriet u opportunitajiet għall-SMEs” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2017/01768

ĠU C 429, 11.12.2020, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 429/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-suq uniku diġitali — Xejriet u opportunitajiet għall-SMEs”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 429/01)

Relatur:

Pedro ALMEIDA FREIRE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

30.3.2017

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.9.2020

Adottata fil-plenarja

18.9.2020

Sessjoni plenarja Nru

554

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

220/0/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinsab partikolarment attent għall-impatt tat-teknoloġija diġitali fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej. Tabilħaqq, 25 miljun SME jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija tal-UE. Huma jimpjegaw madwar 100 miljun ruħ, jirrappreżentaw aktar minn nofs il-PDG tal-Ewropa u jaqdu rwol ewlieni fil-ħolqien tal-valur fis-setturi kollha tal-ekonomija.

1.2

Fis-seduti ta’ smigħ tiegħu li organizza f’ċerti pajjiżi (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Portugall u r-Rumanija) b’rabta mad-DESI (Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali) tal-2019, il-KESE sab li ħafna SMEs Ewropej, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar (93 % tal-intrapriżi fl-Ewropa), damu biex jadottaw soluzzjonijiet diġitali. Dawk li għamlu l-pass stqarrew li sabu ħafna xkiel biex jimplimentaw dawn is-soluzzjonijiet.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda li jsiru l-isforzi kollha biex jitneħħa l-ewwel ostaklu relatat man-nuqqas ta’ kopertura ottimali tan-network ta' veloċità kbira madwar it-territorju.

1.4

Huwa nnota li l-ħtiġijiet ta’ taħriġ għall-SMEs rigward it-teknoloġiji diġitali f’oqsma bħaċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali jew il-blockchain huma kruċjali, jekk mhux urġenti. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li l-edukazzjoni fl-iskejjel toffri korsijiet obbligatorji dwar it-teknoloġiji diġitali u li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi ta’ taħriġ għal dawn l-għodod. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġu appoġġjati u promossi aktar it-taħriġ kontinwu mfassal apposta u affordabbli għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-maniġers tal-SMEs u l-impjegati tagħhom.

1.5

Il-KESE jitlob li jkun hemm koordinazzjoni fiskali adatta fil-livell nazzjonali peress li n-nuqqas ta’ koordinazzjoni f’dan il-qasam joħloq spejjeż proporzjonalment ogħla għall-SMEs milli għal kumpaniji kbar f’nofs il-pajjiżi li pparteċipaw fis-seduti, u jfixkel l-attivitajiet transkonfinali. Fil-fatt, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern huwa essenzjali li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn l-SMEs u l-kumpaniji kbar.

1.6

Il-KESE jixtieq li jitneħħew id-differenzi leġislattivi, u l-inflazzjoni regolatorja, tal-istandards u tat-tikketti: dawn huma wkoll ostakli għat-tnedija tal-attività diġitali u transkonfinali tal-SMEs peress li joħolqu spejjeż ta’ konformità, tas-salarji, u ta’ għarfien espert estern li ma jippermettux it-tkabbir tal-SMEs.

1.7

Il-KESE jqis li l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs huwa prijorità biex jiġu appoġġjati l-investimenti li l-SMEs jagħmlu biex jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà, tal-kummerċ, u tax-xejriet tal-konsum u l-internazzjonalizzazzjoni tal-kummerċ. Huwa josserva li n-Network Enterprise Europe (EEN) mhux magħruf biżżejjed jew użat la mill-SMEs Ewropej u lanqas miċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. It-tisħiħ tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn l-EEN u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs itejjeb l-effiċjenza tas-sistema.

2.   L-impatt tat-teknoloġija diġitali fuq l-SMEs

2.1

Meta ġie ppubblikat l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali tal-2020, fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Marghrete Vestager, iddikjarat li “il-kriżi tal-coronavirus uriet kemm huwa importanti li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu konnessi u kapaċi jinteraġixxu online” (1).

2.2

Il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern, Thierry Breton indika li “id-data ppubblikata (tad-DESI) (2) turi li l-industrija qed tuża s-soluzzjonijiet diġitali aktar minn qatt qabel. Irridu niżguraw li dan huwa l-każ ukoll għall-SMEs u li t-teknoloġiji diġitali l-aktar żviluppati jiġu introdotti fl-ekonomija kollha.”

2.3

Il-KESE jinsab partikolarment attent għall-impatt tat-teknoloġija diġitali fuq l-SMEs. Tabilħaqq, 25 miljun SME jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija tal-UE. Huma jimpjegaw madwar 100 miljun ruħ, jirrappreżentaw aktar minn nofs il-PDG tal-Ewropa u jaqdu rwol ewlieni fil-ħolqien tal-valur fis-setturi kollha tal-ekonomija (3).

2.4

L-SMEs huma integrati sew fin-nisġa ekonomika u soċjali tal-Ewropa u jvarjaw ħafna fil-mudelli tan-negozju tagħhom, id-daqs tagħhom, iż-żmien kemm ilhom joperaw, u l-profil tal-imprenditur, u huma bbażati fuq ġabra ta’ talenti diversi ta’ rġiel u nisa. Dawn jinkludu l-professjonijiet liberi, anke jekk il-professjonijiet liberi rregolati li huma soġġetti għal regoli speċifiċi għas-settur tal-attività tagħhom (farmaċewtiku, ġudizzjarju, eċċ.) mhumiex inklużi bħala tali fid-definizzjoni tal-SMEs, il-mikrointrapriżi, il-kumpaniji industrijali ta’daqs medju, id-ditti artiġjanali tradizzjonali u n-negozji ġodda ta’ teknoloġija avvanzata.

2.5

Konxju mill-impatt tat-teknoloġiji diġitali fuq l-SMEs, il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni u jqis li t-tliet pilastri li fuqhom hija bbażata l-istrateġija tal-Kummissjoni ċċentrata fuq l-SMEs favur Ewropa sostenibbli u diġitali (4) (it-tisħiħ tal-kapaċità u l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni, it-tnaqqis tal-piż regolatorju, it-titjib tal-aċċess għas-suq u għall-finanzjament), huma tabilħaqq oqsma ta’ prijorità. Il-KESE jenfasizza li l-SMEs jeħtieġu appoġġ finanzjarju immedjat peress li qed jintlaqtu ħażin ħafna mill-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, u b’riżultat ta’ dan, l-impjegati tagħhom huma aktar probabbli li jitilfu xogħolhom.

F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa bl-għan li jsewwi l-ħsara ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, adottat mil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Lulju 2020, huwa limitat għal EUR 750 biljun, u li s-27 Stat Membru naqqsu l-ambizzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam diġitali, biex setgħu jirbħu l-approvazzjoni tal-hekk imsejħa pajjiżi “finanzjarjament prudenti”, peress li dan se jkollu impatt fuq l-appoġġ finanzjarju għad-diġitalizzazzjoni tal-SMEs.

2.6

Il-KESE jinnota li l-pilastri tal-istrateġija tal-Kummissjoni ċċentrata fuq l-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali jikkorrispondu mal-aspettattivi li ntwerew minn rappreżentanti tal-SMEs waqt is-seduti ta’ smigħ organizzati mill-KESE f’erba’ pajjiżi magħżula abbażi tad-DESI 2019 (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Portugall u r-Rumanija), sabiex jiġi vvalutat l-impatt tat-teknoloġiji diġitali fuq l-SMEs, qabel ma kellhom jitwaqqfu minħabba l-kriżi tal-coronavirus u l-obbligu ta’ konfinament. B’riżultat ta’ dan, il-KESE ma setax jorganizza seduta fl-Estonjafl-Irlanda, pajjiżi li kienu intgħażlu fid-dawl tal-klassifikazzjoni tagħhom fil-quċċata tal-iskala fid-DESI tal-2019.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-qasam diġitali huwa fattur ta’ tkabbir għall-SMEs (ħaddiema tas-sengħa, kummerċjanti, professjonijiet liberi, fornituri ta’ servizzi, eċċ.). Aktar minn nofs il-bejgħ bl-imnut fl-Ewropa isir bl-internet, kemm jekk huwa bejgħ online kif ukoll bejgħ li jsir fil-ħwienet wara li jkunu saru tfittxijiet online (attività magħrufa bħala “ROPO”: Riċerka online, Xiri offline) (5).

3.2

L-iżvilupp ta’ siti elettroniċi, ta’ networks soċjali, ta’ kummerċjalizzazzjoni diġitali jew ta’ software tal-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti (CRM) jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ “SMEs diġitalizzati”. Id-diversità ta’ software u l-programmi ta’ analiżi tad-data jikkontribwixxu wkoll għall-aħjar prestazzjoni tal-attività tan-negozju. F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li l-programmi ta’ taħriġ għandhom jippermettu li l-utenti, inklużi d-diriġenti tal-SMEs, jitħarrġu fl-użu ta’ dawn l-għodod.

3.3

It-teknoloġija diġitali tista’ wkoll twassal għal taqlib radikali. L-innovazzjoni “fixkiela”, l-innovazzjoni “li tibdel ir-rotta” hija proċess ta’ trasformazzjoni tas-suq ikkawżata mill-isfidi diġitali. It-tfixkil jibdel is-suq għax jiftħu għall-akbar għadd ta’ operaturi possibbli, u jippermetti parteċipanti ġodda jaħtfu l-fatturat (“jibdlu r-rotta tiegħu”) fi ħdan il-ktajjen ta’ valur tradizzjonali.

3.4

Pereżempju, ir-relazzjoni ta’ fiduċja u prossimità bejn l-SME u l-klijenti tagħha tista’ toħloq l-impressjoni li l-attivitajiet tal-SMEs huma protetti kontra l-infiltrazzjoni tat-teknoloġija diġitali. Madankollu, l-esperjenza turi li din ir-relazzjoni mill-qrib mal-klijent qatt ma hi garantita. Wara kollox, il-konsumaturi huma lesti li jirrikorru għal offerti oħrajn jekk dawn ikunu aktar prattiċi u vantaġġużi (6).

3.5

Fl-ekonomija diġitali, il-protezzjoni legali tal-konsumatur ma għandha l-ebda impatt fuq l-imġiba tiegħu. Tabilħaqq, offerta diġitali lil konsumatur li hu mdorri b’servizz dematerjalizzat, disponibbli u faċli biex jintuża, li jinkludi protezzjoni legali li jippreserva l-interessi tiegħu, iżda li hija inqas faċli li tuża, ma jkollhiex impatt fuq l-imġiba tal-konsumatur (7).

3.6

Id-diskors pożittiv, saħansitra r-retorika, dwar it-tfixkil diġitali spiss joriġina minn kumpaniji kbar li għandhom biżżejjed riżorsi biex jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni. Iżda dan id-diskors ma jsemmix li t-tfixkil diġitali jista’, pereżempju, jolqot fost oħrajn il-professjonijiet liberi li min-natura tagħhom huma fraġli, u spiss m’għandhomx baġit għar-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn jistgħu jinqdew biss bis-soluzzjonijiet diġitali disponibbli fis-suq u mhux jiżviluppawhom huma stess, u għalhekk huma aktar vulnerabbli fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-attività tagħhom.

3.7

L-ispazju diġitali jġib fix-xejn ukoll ċerti illużjonijiet tal-SMEs. Jiġifieri, il-provvista ta’ servizzi fuq skala żgħira, f’żona ġeografika limitata fejn il-potenzjal ta’ żvilupp huwa wkoll limitat, tista’ toħloq l-illużjoni li SME mhux se tintlaqat mit-trasformazzjoni li tista’ ġġib l-era diġitali. Madankollu, ir-realtà turi l-maqlub. Pereżempju, is-settur tal-lukandi jagħti l-impressjoni li huwa servizz li ma jistax jiġi rilokat. Madankollu, il-pjattaformi ta’ prenotazzjoni sabu mezz kif jieħdu f’idejhom sehem sinifikanti mill-valur ta’ din l-industrija, tant li r-rappreżentanti tal-katina tas-servizzi tar-ristoranti u l-lukandi jsostnu li kellhom jantiċipaw u joħolqu l-pjattaforma tagħhom stess biex jibqa’ jkollhom kontroll tal-prenotazzjonijiet u ma jisfawx f’sitwazzjoni fejn jiddependu minn oħrajn fil-konfront ta’ dawn l-atturi li joperaw barra mill-katina tagħhom (8).

3.8

Barra minn hekk, it-tfixkil diġitali jwassal għal ridistribuzzjoni tax-xogħol. Biex insemmu ċerti eżempji li ħarġu mill-professjonijiet liberi: fil-kontabilità, ix-xogħol biex tiddaħħal d-data tal-kontabilità, li huwa manwali ħafna, qiegħed isir dejjem aktar mill-klijenti stess, li jnaqqas ix-xogħol tal-kontabilisti u l-marġni tagħhom, biex ma nsemmux l-kompetituri li jipproponu servizzi ta’ kontabilità online.

3.9

Ir-riskju maħluq mir-ridistribuzzjoni tax-xogħol fil-professjoni tan-nutara huwa aktar baxx, pereżempju, iżda xi attivitajiet notarili jistgħu jitwettqu minn oħrajn; hemm startups li jipproponu li jipprovdu testamenti validi legalment għal EUR 70 (9).

3.10

Ir-ridistribuzzjoni tax-xogħol taffettwa wkoll lis-settur mediku: hemm siti li joffru appuntamenti online jew telemediċina biex ikopru żoni li mhumiex koperti tajjeb.

3.11

Jidher ukoll li l-pjattaformi kummerċjali kollaborattivi bi skop kummerċjali mhumiex konxji tar-rekwiżiti li jridu jirrispettaw skont id-dritt tal-UE u dak nazzjonali bħal, pereżempju, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-kumpaniji, u r-rekwiżiti rigward l-assigurazzjoni obbligatorja, is-saħħa u s-sigurtà, il-protezzjoni tal-ħaddiema, u l-konsumaturi, eċċ.

3.12

Għalhekk, fid-dawl ta’ dan it-taqlib ekonomiku, soċjali u soċjetali kollu, jidher li l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni għandhom ikunu punt permanenti fid-djalogu soċjali.

3.13

L-SMEs huma kategorija eteroġena ta’ atturi ekonomiċi li jvarjaw mill-furnar sal-ispiżjar u sal-professjonijiet liberi, li jimplika li l-politika dwar il-bini tal-kapaċità u l-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni tal-SMEs għandhom ikunu inklużivi u faċilment implimentabbli mill-SMEs, mingħajr ma jikkawżaw spejjeż addizzjonali sproporzjonati jew mingħajr ma jnaqqsu r-ritmu tal-attività tan-negozju prinċipali biex jikkonformaw.

3.14

Iżda l-ħtiġijiet tal-SMEs mhumiex limitati għal leġislazzjoni intelliġenti u inklużiva, dawn jestendu għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ kontinwu u huma bbażati fuq viżjoni ġdida tan-negozju. Fil-fatt, it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs taffettwa wkoll l-organizzazzjoni u l-kultura tal-intrapriża. Madankollu, għal ħafna diriġenti tal-SMEs it-trasformazzjoni diġitali mhix parti minn strateġija tan-negozju tagħhom. It-trasformazzjoni diġitali hija biss kwistjoni ta’ għodod diġitali u proċess, hija mod ġdid kif jinħoloq il-valur permezz tal-adattament tal-mudell tan-negozju tal-intrapriża għall-kuntest diġitali, liema adattament jiddependi mid-diriġent.

3.15

Barra minn hekk, l-SMEs jiffaċċjaw ħafna ostakli fl-aċċess għall-finanzjament, għat-taħriġ affordabbli, u għall-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni. In-Network Enterprise Europe iddedikat għall-innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi u li jipprovdi lill-SMEs b’informazzjoni, b’pariri dwar id-dritt Ewropew u b'appoġġ mhuwiex magħruf sew fil-livell lokali. Iċ-ċentri ta’ innovazzjoni diġitali ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea (eż. iċ-ċentri ġestiti minn Innoviris fi Brussell, (10)) jgħinu biex jappoġġjaw id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs permezz ta’ taħriġ u finanzjament, u biex tinħoloq kultura ta’ intraprenditorija diġitali. Madankollu, it-tisħiħ tad-djalogu, l-analiżi tal-bżonnijiet tal-SMEs, u l-kooperazzjoni bejn l-EEN u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs jistgħu jtejbu l-effiċjenza tas-sistema.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Din l-Opinjoni tibbaża parzjalment fuq il-konklużjonijiet tas-seduti organizzati bejn Lulju 2019 u l-ewwel tliet xhur tal-2020 mal-imsieħba soċjali, il-federazzjonijiet tal-SMEs, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, u l-awtoritajiet pubbliċi fost oħrajn, f’erba’ Stati Membri: il-Ġermanja, il-Belġju, il-Portugall u r-Rumanija. L-Estonjal-Irlanda, li wkoll kienu ntgħażlu, ma setgħux jinstemgħu minħabba l-kriżi tal-coronavirus.

4.2

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-seduti ta’ smigħ fil-pajjiżi msemmija hawn fuq kellhom l-għan li, permezz tat-testimonjanzi “mil-livell lokali”, jappoġġjaw u jikkontribwixxu għall-azzjoni u l-politika Ewropea dwar l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali min-naħa tal-SMEs.

4.3

Sabiex jiġi vvalutat l-impatt tat-teknoloġija diġitali fuq l-SMEs, il-KESE identifika fost il-ħames indikaturi tad-DESI (11):

l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali fid-dimensjoni kummerċjali tagħha, b’din tal-aħħar tinkludi tliet indikaturi li l-KESE kkunsidra bħala rilevanti: il-perċentwal ta’ SMEs li għandhom negozju online, il-fatturat tal-SMEs li jirriżulta mill-kummerċ elettroniku u l-perċentwal ta’ SMEs li għandhom attività ta’ kummerċ online (kummerċ-e) u transfruntiera.

4.4

Fost il-pajjiżi magħżulin mill-KESE fid-dawl tal-indikatur msemmi hawn fuq tad-DESI tal-2019, l-Irlandal-Estonja jinsabu fuq quddiem fil-kummerċ elettroniku u fl-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali fid-dimensjoni kummerċjali tiegħu, segwiti mill-Belġju, li jinsab ukoll ogħla mill-medja.

4.5

Il-Ġermanja tinsab fil-medja u l-Portugall taħt il-medja. Ir-Rumanija hija parti mill-grupp ta' pajjiżi mhux minn ta' quddiem.

4.6

Il-maġġoranza tas-seduti (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Portugall) turi kopertura tan-network b’veloċità għolja li mhijiex uniformi: iż-żoni urbani huma koperti sew, filwaqt li ż-żoni rurali u periferiċi mhumiex, il-4G lanqas biss huwa disponibbli f’xi partijiet tal-pajjiż (il-Portugall). Madankollu, it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa u tal-SMEs tagħha jirrikjedi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali fuq skala kbira u l-interoperabbiltà tal-infrastrutturi diġitali ewlenin. Tabilħaqq, il-KESE jinnota li l-konnettività hija l-pilastru ewlieni tat-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs.

4.7

It-taħriġ dwar it-teknoloġiji diġitali huwa ħtieġa rrappurtata mill-interlokuturi kollha matul is-seduti ta’ smigħ. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali dwar it-teknoloġiji diġitali huma meħtieġa ħafna u n-nuqqas tagħhom iwaqqaf lill-SMEs milli jirreklutaw persunal kompetenti f’dan il-qasam (il-Portugall, ir-Rumanija). It-taħriġ f’aspetti diġitali għall-impjegati tal-SMEs biex isiru kompetenti u jibqgħu aġġornati f’oqsma bħaċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali jew il-blockchain huwa kruċjali, jekk mhux urġenti (il-Belġju). Tabilħaqq, is-sitwazzjoni attwali hija kkaratterizzata minn għarfien superfiċjali tal-għodod diġitali li mhux se jibqa’ biżżejjed għal ħafna aktar fit-tul (il-Ġermanja).

Il-ħaddiema għandhom bżonn ukoll ħiliet diġitali biex iżommu l-impjieg tagħhom u jirnexxu f’suq tax-xogħol li qed isir dejjem aktar diġitalizzat u li qed jevolvi malajr (il-Ġermanja). Tabilħaqq, id-diġitalizzazzjoni tista’ tikkawża l-biża’ ta’ telfien tal-impjieg f’xi setturi awtomatizzati ħafna (il-Ġermanja).

4.8

L-SMEs mhumiex mgħammra u mħarrġa biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskji ġġenerati mill-proċess malizzjuż tal-attività ċibernetika (il-Belġju, il-Ġermanja). B’riżultat ta’ dan, xi SMEs tradizzjonali għandhom dubji anke dwar l-opportunità li jiżviluppaw attività online (il-Portugall). Dawk li għamlu l-għażla diġitali jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex jużaw ir-repożitorji kbar tad-data li l-akbar kumpaniji għandhom għad-disponibbiltà tagħhom, u mhumiex lesti li jużaw għodod u applikazzjonijiet avvanzati bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali (IA), pereżempju, u dan kollu jpoġġihom fi żvantaġġ kompetittiv fil-konfront ta’ kumpaniji kbar (il-Ġermanja). Fl-istess ħin, l-SMEs fis-setturi kollha huma esposti ħafna għat-theddid ċibernetiku u spiss ikollhom jiddependu minn esperti esterni, li jwassal għal spejjeż addizzjonali.

4.9

In-nuqqas ta’ koordinazzjoni fiskali fil-livell nazzjonali jiġġenera spejjeż proporzjonalment ogħla għall-SMEs milli għal kumpaniji kbar f’nofs il-pajjiżi (il-Belġju, il-Portugall) u jfixkel l-attivitajiet transkonfinali.

4.10

Id-differenzi leġislattivi, u l-inflazzjoni regolatorja, tal-istandards u tat-tikketti huma wkoll ostakli għall-attività diġitali u transkonfinali tal-SMEs (il-Belġju, il-Portugall) peress li joħolqu spejjeż ta’ konformità u spejjeż tas-salarji, tant li xi SMEs jippruvaw jirrilokaw (il-Belġju). Pereżempju, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali obbliga lill-SMEs jimpjegaw persunal biex jiżviluppaw proċeduri interni għall-ġestjoni ta’ data personali, jinfurmaw lill-klijenti tagħhom, eċċ.; xi drabi huma kellhom jirrikorru għal konsulenti esterni, ħaġa li aljenat il-prijorità tal-iżvilupp kummerċjali tagħhom, wasslet għal spejjeż u naqqset ir-ritmu tal-attività ewlenija tagħhom (il-Belġju).

4.11

L-iżvilupp diġitali tal-SMEs jista’ wkoll isib xkiel mid-dinamika tal-leġislatur nazzjonali: it-taħriġ u l-edukazzjoni dwar it-teknoloġija diġitali, l-appoġġ lill-SMEs fit-tranżizzjoni diġitali tagħhom mhumiex meqjusa bħala prijoritajiet strateġiċi (ir-Rumanija).

4.12

Fid-dawl tar-riskji ekonomiċi, soċjali u tas-soċjetà maħluqa mir-rivoluzzjoni diġitali, għall-interlokuturi mill-pajjiżi kollha fis-seduti jidher li huwa fundamentali għalihom li l-imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti tal-SMEs jkunu involuti fl-abbozzar ta’ leġislazzjoni li tikkonċerna lilhom u fid-djalogu soċjali.

Brussel, it-18 ta’ Settembru 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Stqarrija għall-istampa mill-Kummissjoni Ewropea, 11 ta’ Ġunju 2020.

(2)  L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI).

(3)  COM(2020) 103 final.

(4)  Ara nota 3.

(5)  Forrester, European Cross-Channel Retail Sales Forecast, 2015 sa 2020

https://www.forrester.com/report/European+CrossChannel+Retail+Sales+Forecast+2015+To+2020/-/E-RES115375.

(6)  Il-ħwienet tal-kiri tad-DVDs, li ddgħajfu minħabba ż-żieda tal-VOD (video-on-demand) u d-downloads, huma xhieda ta’ din il-fraġilità. It-tfiġġija ta’ atturi fis-suq bħal Amazon, fejn bi prezz identiku jiġi offrut servizz ta’ konsenja d-dar affidabbli u fil-pront fuq il-bażi ta’ katalgu, wasslet biex ħafna konsumaturi jiffavorixxu x-xiri online – anke jekk dawn għadhom iżuru l-ħwienet tal-kotba fil-ħin liberu tagħhom.

(7)  Le numérique déroutant. L-istudju BPI France Le Lab, 19 ta' Frar 2015.

(8)  L-istudju BPI France Le Lab, imsemmi hawn fuq.

(9)  https://testamento.fr/fr/.

(10)  Il-programm Ewropa Diġitali 2021-2027.

(11)  Il-konnettività, il-kapital uman, l-użu tal-Internet, l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali, is-servizzi pubbliċi diġitali.


Top