Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE3718

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-film Ewropew fl-era diġitali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 230, 14.7.2015, p. 47–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 230/47


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-film Ewropew fl-era diġitali”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2015/C 230/07)

    Relatur:

    is-Sinjura DARMANIN

    Nhar is-6 ta’ Novembru 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Il-film Ewropew fl-era diġitali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Novembru 2014.

    Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’190 vot favur, 9 voti kontra u astensjoni waħda (1).

    1.   Rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-film Ewropew fl-era diġitali – Inqarrbu d-diversità kulturali mal-kompetittività” (COM(2014) 272 final) li, ġustament, tqajjem xi punti għal diskussjoni u riflessjoni dwar dan is-settur importanti ħafna fl-Ewropa.

    1.2.

    Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn ta’ bilanċ adatt bejn il-valur tas-settur awdjoviżiv mil-lat ta’ negozju u dak kummerċjali u l-valur tiegħu għall-Ewropa mill-perspettiva tal-wirt kulturali. Min-natura tagħhom, dawn iż-żewġ aspetti ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod separat.

    1.3.

    Issa wasal iż-żmien sew biex jiġi diskuss b’mod miftuħ mudell ta’ negozju wieħed jew aktar, innovattiv u ġdid għas-settur, bil-għan li jittieħdu l-opportunitajiet eżistenti fi ħdan id-dinja diġitali. Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lis-settur, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali sabiex ikunu miftuħin u lesti biex jiddiskutu u jippromovu dawn il-mudelli ta’ negozju.

    1.4.

    Jeħtieġ li jiġi eżaminat il-qasam tal-finanzjament u li nfittxu l-kompetittività iżda mhux akkost tad-dimensjoni kulturali tal-film fl-Ewropa. Il-finanzjament huwa primarjament f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, għandu jiġi eżaminat dibattitu miftuħ dwar il-metodoloġiji sabiex tkun żgurata l-massimizzazzjoni tal-finanzjament u l-metodi alternattivi ta’ finanzjament. Dan jinkludi l-finanzjament pubbliku sabiex jiġi attirat il-finanzjament privat; użu aktar razzjonali tar-riżorsi pubbliċi u l-komplementarjetà bejn il-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri; u finanzjament privat minn atturi ġodda bħall-provvedituri tal-internet u l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni.

    1.5.

    It-tisħiħ tal-ambjent kreattiv għandu jkun ukoll prijorità ewlenija għal pjan direzzjonali tas-settur. Approċċ bħal dan għandu jiġi indirizzat f’komunikazzjoni tal-Kummissjoni u għandu jkopri l-ambjent edukattiv, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni fi ħdan is-settur, l-iżvilupp tat-talent kreattiv, l-espressjoni kreattiva, kif jiżdied il-valur, u l-litteriżmu u l-lingwa fil-films Ewropej.

    1.6.

    Il-KESE jappoġġja l-idea li l-udjenza għandha tkun fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar is-settur awdjoviżiv peress li mhumiex biss il-benefiċjarji iżda sikwit ikunu dawk li jiffurmaw ix-xejriet u b’hekk imexxu l-iżvilupp.

    1.7.

    Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm enfasi ikbar fuq il-ġbir tad-data fil-livell Ewropew sabiex l-industrija tinftiehem aħjar.

    1.8.

    Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha tenfasizza wkoll, bħala waħda mill-isfidi, il-qagħda attwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fi ħdan is-settur, li tkopri l-ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom u l-SMEs, li wħud minnhom bħalissa qed jiffaċċjaw, b’mod differenti, kundizzjonijiet ta’ xogħol prekarji, li qed jirriżultaw parzjalment mill-partikolaritajiet tal-industrija nnifisha, iżda wkoll bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ kompetittività minħabba tentattiv għall-iffrankar ta’ flus mill-pagamenti tax-xogħol.

    1.9.

    Il-KESE jqis il-litteriżmu fil-films bħala aspett importanti biex iħeġġeġ aktar Ewropej biex japprezzaw u jfittxu li jaraw films Ewropej. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-promozzjoni tal-litteriżmu fil-films issir fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali.

    1.10.

    L-aċċessibbiltà hija qasam ieħor fejn il-KESE jemmen li għandhom isiru sforzi akbar, u b’hekk ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikunu mmirati biex jingħelbu ostakli bħal-lingwa u d-diżabbiltà.

    1.11.

    Il-Forum Ewropew tal-Films propost mill-Kummissjoni Ewropea għandu jiġbor fih il-partijiet interessati kollha fi ħdan is-settur awdjoviżiv, u huwa għodda importanti biex jiġbor flimkien lill-partijiet kollha fi ħdan is-settur awdjoviżiv sabiex jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin li jiffaċċja s-settur. Il-KESE jappoġġja dan il-forum konsultattiv li tant ilu mistenni u jenfasizza li huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha fi ħdan is-settur ikunu involuti bl-istess mod; dan jinkludi wkoll il-gruppi iżgħar ta’ partijiet interessati u r-rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-ħaddiema.

    1.12.

    L-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin fi ħdan l-era diġitali għandhom ikunu l-punt fokali ta’ dan il-forum, li għandu jsarraf il-politika u l-istrateġija f’miżuri speċifiċi fi ħdan is-settur.

    1.13.

    Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li minkejja li qed tinbidel malajr u tista’ titqies bħala sfida għas-settur, id-dinja diġitali (inkluża l-prospettiva tal-komunikazzjoni satellitari b’konformità mal-pjani tal-UE għall-2020) madankollu toffri firxa kbira ta’ opportunitajiet għall-industrija tal-films.

    2.   Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem

    2.1.

    L-industrija tal-films fl-Ewropa, li hija waħda mill-istrumenti tad-diversità kulturali tagħna, hija distinta ħafna kif ukoll kreattiva ħafna. Hija assi qawwi għall-massa ta’ wirt kulturali fl-Ewropa, iżda fl-istess ħin hija industrija li tinsab mhedda sew minħabba għadd ta’ sfidi.

    2.2.

    Il-Kummissjoni fil-passat ħarġet għadd ta’ direttivi relatati ma’ oqsma speċifiċi tal-industrija tal-films, bħalma hi l-proprjetà intellettwali. Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel waħda f’dawn l-aħħar snin li tiffoka fuq l-industrija kollha kemm hi.

    2.3.

    Id-dokument tal-Kummissjoni jenfasizza l-partikolaritajiet li qed jiffaċċja s-settur Ewropew tal-films, fosthom:

    l-udjenzi tal-films Ewropej, fejn ftit films Ewropej jaslu saċ-ċinema jew it-televixin ta’ pajjiż ieħor;

    it-tibdil fix-xejriet tal-konsum, fejn il-konsum tal-films baqa’ l-istess filwaqt li l-mezz qiegħed jinbidel. Inqas nies qed immorru iċ-ċinema filwaqt li qed jaraw iktar films fuq it-televixin jew permez tal-VoD (vidjow fuq talba);

    difetti fl-approċċ sabiex jintlaħaq is-suq globali, fosthom frammentazzjoni fil-finanzjament u opportunitajiet limitati għall-internazzjonalizzazzjoni.

    2.4.

    Għaldaqstant id-dokument tal-KESE għandu l-għan jidentifika u jindirizza dawn l-isfidi biex fuqhom tkun tista’ tibda d-diskussjoni. Dawn l-oqsma huma:

    il-fondi;

    il-mudell ta’ negozju fi ħdan is-settur;

    jingħata impetu akbar lis-settur kreattiv;

    l-aċċess għall-udjenza.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-bażi ta’ diskussjoni fost il-partijiet interessati kollha u atturi oħra fi ħdan is-settur awdjoviżiv fl-Ewropa. Dan id-djalogu huwa imperattiv u ilu żmien meħtieġ, mhux biss biex ingawdu l-benefiċċji offruti mid-dinja diġitali li qed tinbidel u mit-teknoloġiji li qed jinħolqu, iżda wkoll sabiex tkompli tissaħħaħ din l-industrija varjata u kumplessa.

    3.2.

    Il-KESE jaqbel mal-KE dwar l-isfidi speċifiċi, li ġew enfasizzati fid-dokument. Madankollu, il-KESE jixtieq iżid ukoll sfida oħra li tħalliet barra mid-dokument, li hija l-ambjent tax-xogħol attwali li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom u l-intraprendituri fi ħdan das-settur.

    3.3.

    Fir-rigward tal-oqsma magħżula biex jiġu indirizzati, il-KESE jaqbel mal-oqsma elenkati fid-dokument. Madankollu, il-KESE jixtieq iżid ukoll bħala oqsma li hemm bżonn jiġu diskussi u indirizzati dawn li ġejjin:

    l-ambjent tal-edukazzjoni, fejn dan ma jkunx limitat biss għall-ħiliet ta’ negozju fis-sistema edukattiva;

    il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent;

    ir-rabta bejn it-teatru u ċ-ċinema;

    ġbir ta’ data aktar komprensiv u espożizzjoni tal-aqwa prattika;

    is-suq intern u r-rabta bejn id-dritt ta’ proprjetà intellettwali u d-drittijiet tal-awtur għall-industrija.

    3.4.

    Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li minkejja li d-dinja diġitali qed tinbidel malajr u tista’ titqies bħala sfida għas-settur, din madankollu toffri firxa kbira ta’ opportunitajiet għall-industrija tal-films. Dan jinkludi l-prospett ta’ komunikazzjoni bis-satellita skont il-pjani tal-UE għall-infrastruttura satellitari għall-2020 u l-użu ta’ satelliti għat-tixrid tal-films b’mod aktar flessibbli, ekoloġiku u kost-effiċjenti miċ-ċinema.

    4.   Kummenti speċifiċi

    L-ambjent tal-finanzjament tas-settur awdjoviżiv

    4.1.

    Il-KESE jappoġġja l-kunċett li iktar milli jiżdied il-finanzjament pubbliku fis-settur jeħtieġ li dan jiġi ottimizzat għall-valur miżjud tal-industrija. Il-finanzjament pubbliku huwa f’idejn l-Istati Membri u l-finanzjament tal-UE għandu jkompli jżid l-effettività tal-finanzjament lokali. Finanzjament pubbliku bħal dan għandu jintuża, madankollu, sabiex jiġi attratt aktar finanzjament privat.

    4.2.

    Jeħtieġ li l-mudell ta’ finanzjament għall-industrija awdjoviżiva jkun ibbażat fuq appoġġ iddedikat għal tipi differenti ta’ prodotti u fuq taħlita ta’ għotjiet diretti u finanzjament ta’ ingranaġġ biex l-investituri privati jkunu faċilitati biex jidħlu fis-suq. Ir-rwol tal-ingranaġġ tal-finanzjament pubbliku huwa essenzjali biex jinkiseb użu aktar razzjonali tar-riżorsi pubbliċi u biex l-isforz ikun ikkonċentrat fuq il-prodotti kulturali.

    4.3.

    Il-KESE jenfasizza li hemm bilanċ prekarju bejn li tinkiseb il-kompetittività u l-espressjoni kreattiva; il-finanzjament pubbliku m’għandux ikun biss indirizzat lejn waħda jew l-oħra, iżda għandu jkun bilanċjat bejniethom kif xieraq.

    4.4.

    Apparti mill-mistoqsijiet imqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-isfera tal-finanzjament pubbliku bħala bażi għal dibattitu, il-KESE jixtieq iżid dan li ġej:

    4.4.1.

    Fil-livell supranazzjonali, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-iżvilupp ta’ films bil-marka “Ewropa”. It-tikkettar nazzjonali huwa importanti u għandu dejjem jibqa’ parti mill-qofol tal-krediti tal-films, iżda għandha tiġi żviluppata aktar il-marka Ewropea fi ħdan il-qasam globali kif ukoll fil-livell nazzjonali.

    4.4.2.

    Skemi ta’ fondi ta’ garanzija u inċentivi tat-taxxa huma l-għodod finanzjarji ewlenin li għandhom jintużaw; il-fondi ta’ garanzija – b’mod speċjali meta jkunu jikkonformaw mal-ftehim ta’ Basel – jippromovu s-self mill-banek, filwaqt li l-inċentivi tat-taxxa jippromovu investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità. Dawn l-għodod finanzjarji għandhom ikunu strutturati b’mod li jikkomplementaw lil dawk Ewropej, l-aktar l-inizjattiva finanzjarja Ewropa Kreattiva, il-fondi ta’ garanzija għall-PIMEs u l-Fondi Strutturali tal-UE.

    4.4.3.

    Għandhom jiintużaw aktar strumenti ta’ finanzjament, bħall-H2020 u l-Erasmus+ fi ħdan das-settur u għandhom jiġu direzzjonati lejn das-settur b’mod bilanċat kif xieraq, u mhux biss il-Programm Ewropa Kreattiva.

    4.5.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirreferi għall-investiment privat bħala mezz ta’ finanzjament għall-industrija. Il-KESE jirrakkomanda li l-atturi l-ġodda fi ħdan is-settur diġitali jikkontribwixxu lejn il-finanzjament tal-industrija; dawn l-atturi jistgħu jkunu, pereżempju, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni u l-fornituri tal-kontenut.

    4.6.

    L-inizjattivi waħedhom mhumiex biżżejjed; il-gvernijiet u l-UE għandhom jiżviluppaw infrastruttura finanzjarja għall-industrija awdjoviżiva li jkollha l-għan li timplimenta u tippromovi għadd ta’ servizzi finanzjarji u mhux finanzjarji – inklużi s-servizzi tal-bini tal-kapaċità – iddedikati għall-katina ta’ produzzjoni kollha tal-industrija: l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni.

    Ambjent ta’ negozju innovattiv

    4.7.

    Il-KESE għamel parti mid-dibattitu dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, is-Suq Uniku Diġitali u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMSD). Madankollu, il-KESE jappoġġja l-idea li nesploraw mudelli ta’ negozju barra min-norma li jagħmlu sens fl-era diġitali attwali ta’ tibdiliet teknoloġiċi. Il-KESE jenfasizza wkoll li hemm ħtieġa li jiġu armonizzati l-politiki attwali kollha li jeżistu għal dan is-settur.

    4.8.

    Jeħtieġ li jiġu esplorati mudelli ġodda ta’ negozju u għandha tiġi appoġġjata l-perseveranza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet qalbiena. Madankollu, il-KESE jenfasizza li biex jinkiseb dan jeħtieġ li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti b’mod miftuħ u komprensiv fid-diskussjonijiet li jwasslu għal tibdil fil-mudelli ta’ negozju. Barra minn hekk, dan id-dibattitu għandu jitmexxa mill-industrija nnifisha.

    4.9.

    Il-KESE jemmen bis-sħiħ li dan l-aspett huwa kruċjali għas-suċċess tal-industrija u għaldaqstant jistieden lill-partijiet interessati kollha biex ikunu miftuħa għal mudelli ta’ negozju bħal dawn, mhux biss biex ingawdu mill-benefiċċji kollha offruti mill-era diġitali iżda wkoll biex inkunu kapaċi nadattaw malajr għat-tendenzi li qed jinbidlu fl-imġiba tal-konsumatur.

    4.10.

    Tinħtieġ bidla kulturali fil-mentalità tal-produtturi u x-xandara: fil-futur, il-prodotti ddedikati għaċ-ċinema u t-televixin ser ikunu jeżistu flimkien ma’ prodotti bejn il-mezzi tax-xandir: il-produtturi u x-xandara ser ikollhom jiżviluppaw mudelli ta’ negozju differenti fir-rigward tan-natura differenti tal-prodotti: ser ikollhom jaħsbu dwar baġits differenti, strateġiji differenti għal meta joħorġu l-prodott fis-suq skont in-natura u l-potenzjal kummerċjali tal-prodotti speċifiċi. Fl-istess ħin, il-gvernijiet iridu jikkunsidraw mill-ġdid il-mudell tal-finanzjament pubbliku skont taħlita aktar bilanċjata ta’ appoġġi.

    4.11.

    Il-KESE javża biex tittieħed kawtela fir-rigward ta’ sempliċement nalteraw ftit il-prattiki attwali ta’ negozju mingħajr ma neżaminaw prattiki minn angolu kompletament innovattiv. Pereżempju, jista’ jkun li jekk jiġu stabbiliti biss perjodi aktar flessibbli għall-ħruġ ta’ films, dawn mhux neċessarjament ser jindirizzaw is-soluzzjonijiet ta’ negozju li l-era diġitali teħtieġ.

    Tisħiħ tal-ambjent kreattiv

    4.12.

    Il-KESE jisħaq li l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel tal-films hija essenzjali sabiex is-settur ikompli jikber. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li minħabba dan l-aspett tas-settur, l-iskejjel tal-films għandhom ikunu involuti wkoll fid-diskussjonijiet tal-partijiet interessati li jsiru fil-livell Ewropew.

    4.13.

    Realtà li jeħtieġ li titqies aktar f’dan il-qasam hija l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw l-iskejjel tal-films fejn it-teknoloġija tant qed tinbidel malajr li f’ħafna okkażjonijiet l-iskejjel tal-films qed jużaw teknoloġiji qodma fit-taħriġ tal-istudenti tagħhom. U b’hekk ħafna drabi qed joħorġu professjonisti li fil-fatt ma jkunux lesti għall-ambjent teknoloġiku li jispiċċaw jiffaċċjaw fi ħdan l-industrija nnifisha.

    L-aċċessibbiltà u l-iżvilupp tal-udjenza

    4.14.

    Il-KESE jappoġġja l-idea li l-udjenza għandha tkun ukoll fil-qofol tal-forza mexxejja fi ħdan is-settur. Għal din ir-raġuni, il-KESE jkompli jenfasizza l-ħtieġa għal data tajba fil-livell Ewropew kif ukoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fi ħdan id-diskussjonijiet tal-partijiet interessati, bħalma hu l-Forum Ewropew tal-Films.

    Il-ġbir u l-analiżi tad-data

    4.15.

    Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm enfasi ikbar fuq il-ġbir tad-data fil-livell Ewropew sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-industrija. Dan il-ġbir tad-data għandu jinkludi mhux biss l-element tal-udjenzi fi ħdan is-settur iżda wkoll l-użu tal-fondi f’livelli differenti, il-kompetittività tas-settur kif ukoll l-ambjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    4.16.

    Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li hemm ħtieġa li jiġi żviluppat sors ta’ data fil-livelli nazzjonali u tal-UE li ser jinkludi wkoll data użata mill-intermedjarji finanzjarji sabiex jiġi valutat u ġestit ir-riskju ta’ investiment.

    L-ambjent tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

    4.17.

    Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur għandu jkun qasam ta’ diskussjoni u punt fokali. Attwalment, is-settur tant huwa varjat li ħafna drabi nuqqas ta’ data dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jirriżulta f’nuqqas ta’ attenzjoni ffukata fuq dan il-qasam.

    4.18.

    Ix-xogħol prekarju sfortunatament qed isir aktar mifrux fis-settur, parzjalment bħala riżultat tal-partikolaritajiet tal-industrija nnifisha (fejn, pereżempju, il-produzzjoni sseħħ fi żmien qasir) iżda wkoll bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ kompetittività fejn ikun hemm tentattiv biex jiġu ffrankati l-flus mill-pagamenti tax-xogħol.

    4.19.

    Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi din l-isfida fil-punt fokali tal-Komunikazzjoni kif ukoll tindirizzaha fid-diskussjonijet. Jeħtieġ li l-partijiet interessati li jirrappreżentaw il-ħaddiema tas-settur tal-films ikunu involuti fid-diskussjonijiet tal-partijiet interessati u l-Forum Ewropew tal-Films.

    Il-Forum Ewropew tal-Films

    4.20.

    Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni għat-twaqqif tal-Forum Ewropew tal-Films. Is-settur imissu ilu li ltaqa’ biex jiddiskuti l-kwistjonijiet li tqajmu bħala rilevanti għall-kompetittività tal-industrija fl-era diġitali tal-lum.

    4.21.

    Il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti bl-istess mod fis-settur. Dan jinkludi wkoll il-gruppi ta’ partijiet interessati iżgħar, dawk li għandhom inqas “poter” kif ukoll ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-ħaddiema.

    4.22.

    Filwaqt li s-settur tat-televixin mhuwiex affettwat b’mod daqshekk ħażin mill-era diġitali daqs l-industrija tal-film, huwa importanti li dan is-settur jiġi inkluż ukoll u li jiġi diskuss fi ħdan id-dibattitu usa’ peress li dan huwa komponent importanti wkoll tas-settur awdjoviżiv.

    Il-promozzjoni tal-litteriżmu fil-films Ewropej

    4.23.

    Il-KESE jqis il-litteriżmu fil-films bħala aspett importanti biex jattira aktar Ewropej biex japprezzaw u jfittxu jaraw films Ewropej. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-promozzjoni tal-litteriżmu fil-films tittieħed fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Dan jibbenefika mhux biss l-industrija nnifisha iżda għandu jenfasizza wkoll element importanti fil-manifestazzjoni tad-diversità kulturali Ewropea. Filwaqt li l-mudell speċifiku tal-apprezzament tal-films fl-iskejjel mhux bilfors jaħdem, il-KESE jemmen li għandhom jinħolqu mudelli u kampanji li jenfasizzaw is-suċċess, il-ġmiel u l-arti tas-settur Ewropew tal-films.

    Aċċessibbiltà

    4.24.

    Il-lingwa tista’ titqies bħala waħda mill-ostakli għall-udjenzi madwar l-Ewropa u barra mill-Ewropa. Il-lingwa hija ostaklu fiżiku iżda tagħmel parti wkoll mid-diversità kulturali. Barra minn hekk, il-film huwa għodda b’saħħitha biex wieħed jiffamiljarizza ruħu ma’ lingwa barranija. Madankollu, il-KESE jemmen li l-fondi tal-H2020 għandhom jiġu diretti wkoll lejn approċċ innovattiv sabiex isir dubbing b’mod kosteffettiv permezz tat-teknoloġiji l-aktar avvanzati u dawk li għadhom ser joħorġu.

    4.25.

    Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lis-settur awdjoviżiv biex juża l-għodod disponibbli sabiex jiġi żgurat li udjenzi b’limitazzjonijiet jew nuqqasijiet viżivi u/jew awditivi jkunu jistgħu jgawdu wkoll mill-prodotti tas-settur. Ir-riċerka għandha timmira wkoll li tagħmel dawn l-għodod ta’ aċċessibbiltà aktar kosteffiċjenti.

    Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2014.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    Top