This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0125
Adapting to climate change in Europe — options for EU action #European Parliament resolution of 10 April 2008 on the Commission Green Paper on Adapting to climate change in Europe — options for EU action (COM(2007)0354)
Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni tal-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' April 2008 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni tal-UE (COM(2007)0354 finali)
Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni tal-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' April 2008 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni tal-UE (COM(2007)0354 finali)
ĠU C 247E, 15.10.2009, p. 41–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 247/41 |
Il-Ħamis, 10 ta’April 2008
Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni tal-UE”
P6_TA(2008)0125
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2008 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa — alternattivi għall-azzjoni tal-UE” (COM(2007)0354 finali)
2009/C 247 E/08
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni tal-UE” (COM(2007)0354) (Green Paper dwar l-Adattament għall-Bidla Klimatika),
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) u b’mod partikolari l-Artikoli 2 u l-Artikolu 4(1)(b), (e) u (f) tagħha, il-Protokoll ta’Kyoto għall-UNFCC u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tiegħu,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata‘Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospetti Futuri’ (COM(2007)0507),
wara li kkunsidra ir-Raba’Rapport ta’Evalwazzjoni (AR4) tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) u, b’mod partikolari, il-kontribut tat-Tieni Grupp ta’Ħidma għal dak ir-rapport,
wara li kkunsidra d-dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-17 ta’ 2007 dwar l-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-paċi u s-sigurtà,
wara li kkunsidra t-13-il Konferenza tal-Partijiet (COP 13) tal-UNFCCC u t-tielet Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta’Kyoto (COP/MOP 3) li se jsiru f’Bali, l-Indoneżja, bejn it-3 u l-15 ta’ Diċembru 2007,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar suċċess fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima globali (1), tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-bidla fil-klima (2), li jitrattaw ir-riżultati tal-Konferenza ta’Montreal (COP 11-COP/MOP 1), tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar it-tnaqqis tal-impatt tal-bidla fil-klima fuq l-avjazzjoni (3), tal-14 ta’ Frar 2007 dwar il-bidla fil-klima (4), u tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar tnaqqis fil-bidla fil-klima globali għal żewġ gradi Celsius – it-triq ’il quddiem għall-Konferenza ta’Bali dwar il-bidla fil-klima u lil hinn minn dan (COP 13 and COP/MOP3) (5),
wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet Orali B6-0014/2008 tal-Kumitat Temporanju għall-Bidla fil-Klima mressqa skond l-Artikolu 108 tar-Regoli ta’Proċedura tiegħu u wara li kkunsidra l-istqarrijiet f’dak il-kuntest tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’Brussell tat-8 sad-9 ta’ Marzu 2007,
wara li kkunsidra l-Programm ta’Ħidma tal-Kummissjoni għall-2008,
wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’Proċedura tiegħu,
A. |
billi skond il-Kontribut tat-Tieni Grupp ta’Ħidma għall-IPCC AR4, huwa mistenni li kważi r-reġjuni Ewropej kollha se jkunu affetwati b’mod negattiv b’xi impatti futuri tal-bidla fil-klima; billi dawk l-impatti se joħolqu sfidi għal ħafna setturi ekonomiċi, iżda bl-istess mod se joħolqu theddida oħra għall-bijodiversità tal-Unjoni Ewropea u se jtellfu l-iżvilupp soċjali, |
B. |
billi osservazzjoni xjentifika reġjonali mill-kontinenti kollha u minn ħafna oċeani tipprovdi evidenza li n-natura qed tkun affetwata mill-bidla fil-klima speċjalment minħabba ż-żieda fit-temperatura iżda wkoll minħabba impatti oħra tal-bidla fil-klima, billi din iż-żieda fit-temperatura osservata hija kkawżata minn attività tal-bniedem u qed tinfluwenza s-sistemi fiżiċi u bijoloġiċi, |
C. |
billi l-UE għandha tikkunsidra sa liema punt l-adattament għall-bidla fil-klima jista’jwitti t-triq għal mudell ġdid għall-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku li jħares l-ambjent, iżid l-impjiegi u jagħti dimensjoni ġdida lill-politiki soċjali, |
D. |
billi l-bidla fil-klima hija problema li tikkonċerna lis-soċjetajiet moderni kollha kemm huma u għalhekk il-livelli kollha ta’governanza, mil-livell tal-UE u l-awtoritajiet pubbliċi sa ċ-ċittadin individwali u jistgħu u għalhekk għandu jkollhom irwol importanti fil-miżuri ta’adattament, |
E. |
billi miżuri ta’adattament li jevitaw il-ħsara mhumiex bżonnjużi biss biex iwieġbu għall-impatti futuri tal-bidla fil-klima fl-Ewropa u barra l-Ewropa, iżda għandhom ukoll jiġu żviluppati u applikati issa biex iwieġbu kemm fuq livell reġjonali u kemm fuq livell lokali għall-konsegwenzi tal-livelli attwali tat-tisħin globali minħabba raġunijiet storiċi ta’emissjonijiet ta’gass li għandu effett ta’serra; billi, adattazzjoni bħal din teħtieġ approċċ verament komuni u l-inklużjoni ta’aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali f’sens wiesa’, |
F. |
billi jeżistu diversi studji u mudelli fuq skala reġjonali u lokali dwar l-impatti mistennija tal-bidla fil-klima, billi, f’ħafna studji, m’hemm l-ebda eżami ekwivalenti tad-dimensjoni soċjo-ekonomika u tal-konsegwenzi prevedibbli għall-popolazzjonijiet ikkonċernati, |
G. |
billi, fuq il-livell tal-UE, il-monitoraġġ tal-bidla fil-klima u l-koordinazzjoni tal-miżuri biex din tiġi indirizzata għandhom jingħataw prijorita’sabiex tiġi ffaċilitata strateġija komuni fir-rigward ta’din il-problema, |
H. |
billi l-investiment kemm pubbliku kif ukoll privat f’attivitajiet ta’riċerka u żvilupp dwar il-bidla fil-klima se jkun ta’importanza kbira biex jiġi żgurat li l-isforzi ta’adattament u ta’mitigazzjoni jkunu kemm jista’jkun possibbli effettivi fil-limitazzjoni tal-konsegwenzi tal-bidla fil-klima, |
I. |
billi hemm bżonn li r-riċerka nazzjonali dwar il-bidla fil-klima tkun ikkoordinata mar-riċerka li titwettaq taħt is-Seba’Programm ta’Qafas, |
J. |
billi l-adattazzjoni tal-bidla fil-klima kienet inqas fiċ-ċentru tad-dibattitu pubbliku wara enfasi ċara dwar il-miżuri ta’mitigazzjoni neċessarji biex jiġi llimitat it-tisħin globali; |
K. |
billi l-ilħuq tal-mira li jitwaqqaf it-tisħin globali f’2 °C jibqa’jfisser tisħin għall-Ewropa kkaratterizzat mill-bidliet reġjonali fil-klima, b’diversi konsegwenzi għall-popolazzjonijiet ikkonċernati, għall-ekonomija lokali u reġjonali u għall-ambjent, karatteristiċi li jwasslu għal iktar tisħiħ tal-inugwaljanzi eżistenti u d-differenzi reġjonali rigward ir-riżorsi u l-assi fl-Ewropa, |
L. |
billi r-riċerka fil-prekundizzjonijiet għal u l-fehim ta’kundizzjonijiet estremi tat-temp għandhom ikunu intensifikati bħala bażi neċessarja għall-miżuri preventivi, inkluża l-implimentazzjoni ta’sistemi ta’twissija bikrija u azzjonijiet fil-futur biex jiġu evitati diżgrazzji u ħsarat u billi jridu jiġu żviluppati għodod għall-evalwazzjoni tal-effettività ta’miżuri bħal dawn, |
M. |
billi approċċ lejn mekkaniżmi ta’adattament ibbażati biss fuq analiżi tal-ispiża meta mqabbla mal-benifiċċju ma jidhirx xieraq peress li huwa previst li anke fl-Ewropa, l-iktar li se jintlaqtu ħażin huma l-iktar foqra minħabba li huma ġeneralment m’għandhomx biżżejjed assikurazzjoni, informazzjoni u mobilità biex iwieġbu għal ambjent li qed jinbidel, |
N. |
billi approċċ minn isfel għal fuq jinvolvi komunitajiet li jesperjenzaw il-konsegwenzi negattivi tal-bidla fil-klima biex jippreżentaw liema tekniki sabu li huma suċċess biex jiġu miġġielda dawk il-konsegwenzi, se jkun indikatur utli għall-UE biex din taħdem bħala umbrella fil-promozzjoni ta’strateġiji, fl-iżvilupp ta’programmi ta’appoġġ relevanti u fil-koordinazzjoni ta’politika ta’tmexxija permezz ta’netwerks u sħubijiet reġjonali u lokali, |
O. |
billi komponent ewlieni tar-reazzjoni għall-impatt tal-bidla fil-klima huwa li tiżdied u titjieb l-edukazzjoni professjonali u dik pubblika fir-rigward tal-azzjonijiet ta’adattament, |
P. |
billi huwa evidenti li l-bidla fil-klima taffetwa l-kisbiet tal-iżvilupp u thedded l-iżvilupp b’suċċess fl-Ewropa, iżda għandha impatt iktar qawwi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi l-kwistjoni tal-iffinanzjar tal-miżuri ta’adattament għandha tkun evalwata iktar fil-fond kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f’termini ta’appoġġ provdut lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, |
Q. |
billi skond il-kunċett ta’integrazzjoni sistematika, l-adattament tal-bidla fil-klima għandha tkun inkluża fil-proċess tat-teħid ta’deċiżjonijiet wara li jkunu saru ċertu mistoqsijiet dwar kif u meta wieħed għandu jinvesti, billi d-dibattiti matul dan il-proċess ta’teħid ta’deċiżjonijiet għandu jinvolvi kemm lill-parteċipanti kkonċernati lokali u reġjonali kif ukoll lil dawk involuti fit-teħid ta’deċiżjonijiet, |
R. |
billi l-Green Paper dwar l-Adattament għall-Bidla fil-Klima ma tirrikonoxxix b’mod speċifiku l-eċċezzjonijiet ġeografiċi, klimatiċi u ta’żvilupp tar-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-UE li probabilment għandhom dgħjufijiet differenti minn dawk li wieħed jistenna li jsib fil-kontinent Ewropew, u lanqas ma teżamina l-kundizzjonijiet tal-klima tal-inħawi urbani u tal-partijiet l-iktar ippopolati fl-Ewropa, |
S. |
billi l-bidla fil-klima x’aktarx li taffetwa dawk ir-reġjuni li, minħabba l-karatteristiċi topografiċi tagħhom, huma partikolarment dipendenti fuq id-dinamika tan-natura (inter alja z-zoni glaċjali u r-reġjuni muntanjużi), u b’hekk l-ekonomija lokali, il-kultura u l-popolazzjoni b’mod ġenerali jiġu esposti għal pressjoni u spejjeż għoljin ta’adattament, filwaqt li potenzjalment tkompli żżid id-disparitajiet reġjonali, |
T. |
billi l-Ewropa tan-Nofsinnhar u l-Baċir Mediterranju huma tnejn miz-zoni l-aktar vulnerabbli fl-Ewropa li diġà qed jaffaċjaw nuqqas ta’ilma, nuqqas ta’xita u nirien fil-foresti, |
U. |
billi strateġiji ta’adattament b’suċċess biex tintlaqa’l-bidla inevitabbli fil-klima se jeħtieġu l-appoġġ tal-edukazzjoni u tal-komunikazzjoni permezz tal-involviment tal-midja tal-massa u tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fi kwistjonijiet ambjentali, |
V. |
billi l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tistma li 60 000 mewt fis-sena jistgħu jkunu diġa’attribwiti għad-diżastri naturali relatati mal-bidla fil-klima, billi l-iktar rapport riċenti tal-IPCC AR4 jenfasizza l-impatt tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa pubblika, billi hemm tħassib serju dwar il-propagazzjoni ta’mard tropikali u l-vektors ta’dan il-mard lejn reġjuni bi klima moderata, billi, bħala konsegwenza partikulari ta’dan, il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa mmirati lejn l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà x’aktarx huma l-aktar li jkollhom jadattaw għall-bidla fil-klima, |
W. |
billi l-bidla fil-klima se tikkawża aktar danni serji lill-ekosistemi u l-bijodiversità li diġà huma vulnerabbli u mhedda u tħalli impatt fuq il-bijodiversità Ewropea; billi danni bħal dawn se jinħassu l-aktar indirettament, permezz tad-degradazzjoni tal-ekosistemi li huma fundamentali għall-benesseri tal-bniedem, billi l-ħarsien tal-ekosistemi se jkun għalhekk fil-bażi ta’strateġija ta’adattament tal-UE, billi l-ħamrija hija l-akbar riżerva ta’karbonju organiku tal-art, u billi prattiki ta’mmaniġġjar tal-ħamrija li mhumiex adattati qed jikkontribwixxu biex din ir-riżerva tiċkien; billi huwa neċessarju li din it-tendenza tinbidel u li jiġi żgurat li miżuri li huma xierqa sabiex il-karbonju organiku tal-ħamrija jiġi ppreservat u – fejn dan ikun possibbli – jiżdied, ikunu parti integrali minn strateġija ta’adattament tal-UE; |
1. |
Jilqa’b’sodisfazzjon il-Green Paper dwar l-Adattament għall-Bidla fil-Klima u l-proċess ta’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha; |
2. |
Jenfasizza l-importanza tal-interkonnettività bejn l-isforzi ta’adattament u ta’mitigazzjoni biex jintużaw sinerġiji li għandhom jillimitaw il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif se tibbilanċja ż-żewġ sforzi b’mod reċiproku biex itejbu l-effettività tagħhom bil-għan li tiġi żviluppata strateġija ċara u ħolistika; |
3. |
Jirrikonoxxi li għalkemm fil-Green Paper dwar l-Adattament għall-Bidla fil-Klima l-kwistjonijiet huma ppreżentati fuq bażi settorjali, ħafna minn dawk is-setturi msemmija fiha huma interdipendenti bis-sħiħ; iqis li l-impatti fuq settur wieħed u d-deċiżjonijiet ta’adattament meħuda dwaru ta’sikwit se jkollhom effett fuq setturi oħra, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tqis dawn l-interazzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’adattament; |
4. |
Itenni l-bżonn għal iktar studji u mudelli xjentifiċi dwar approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jiġu analizzati, miftiehma u previsti aħjar l-impatti umani u soċjali tal-bidla fil-klima b’relazzjoni mal-mira ta’mitigazzjoni tal-UE ta’2 °C u d-dimensjoni tal-adattamenti lokali u reġjonali meħtieġ; |
5. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar l-ekonomiji tal-adattament, biex jiġu żviluppati sitwazzjonijiet li jistabbilixxu l-karta tal-bilanċ tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-adattament u biex tiġi stimulata u antiċipata l-azzjoni ekonomika; Jissottolinja l-importanza li jintuża approċċ settorjali minn isfel ghal fuq li jqis id-differenzi fl-ambjenti naturali tal-Ewropa bhal ma huma z-zoni muntanjużi; Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel rendikont tat-trasferimenti fl-impjieg kemm fis-setturi li qed jikbru kif ukoll fis-setturi li qed jiċkienu; |
6. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina u tappoġġja l-preparazzjoni xjentifika ta’bażijiet ta’data komuni Ewropej dwar id-dgħjufijiet sabiex wieħed jifhem kif gruppi tas-soċjetà u l-kultura Ewropea u l-wirt nazzjonali se jkunu affetwati u kif is-soċjetajiet jistgħu jirreaġixxu għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima fil-futur; Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti bażijiet ta’data li jinkludu informazzjoni importanti oħra dwar attivitajiet u politiki ta’adattament, bħal indiċijiet, politiki u miżuri, eċċ.; |
7. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina n-netwerks eżistenti ta’monitoraġġ ta’data ambjentali u, fejn xieraq, biex tgħaqqadhom ma’strutturi ġodda, bil-għan li jiġu kkompilati bażijiet ta’data b’miżuri omoġenji li jistgħu jintużaw biex jinħolqu mudelli li jippermettu li tiġi identifikata l-azzjoni l-aktar meħtieġa fuq livell kontinentali, reġjonali u lokali; |
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif tiżviluppa u tappoġġja iktar lil netwerk pan-Ewropew ta’universitajiet, lill-imsieħba soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikulari lill-organizzazzjonijiet nazzjonali għat-tbassir tat-temp, li għandhom riżorsi estensivi tad-data, u lil dawk involuti fit-teħid ta’deċiżjonijiet lokalment u reġjonalment sabiex jippromwovu sħubijiet transettorjali dwar adattamenti għall-iskambju tal-għarfien u l-politiki kif ukoll għall-iżvilupp ta’għodod li jkejlu s-suċċess tal-miżuri adottati u l-komunikazzjoni u t-tixrid ta’sejbiet u xenarji xjentifiċi dwar adattamenti neċessarji għat-tibdil tal-klima għall-pubbliku; |
9. |
Iqis li, sabiex ir-riċerka dwar l-impatt tal-bidla fil-klima tkun iktar effiċjenti, ir-riċerka li titwettaq taħt is-Seba’Programm ta’Qafas għandha tkun koordinata mar-riċerka li titwettaq fuq livell nazzjonali (b’mod partikulari l-programmi ta’osservazzjoni tad-Dinja mill-ispazju); |
10. |
Iqis li l-UE trid tagħmel sforzi sostanzjali biex jiżdied l-iżvilupp teknoloġiku fil-miżuri ta’adattament biex tiġi appoġġjata l-ekonomija tagħha u biex dawn it-teknoloġiji jiġu ttrasferiti lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; Jemmen li l-iżvilupp ta’teknoloġiji effettivi, sikuri u rħas huwa wieħed mill-modi essenzjali għall-adattament għall-bidla fil-klima u jqis li l-Konferenza/Laqgħa li jmiss tal-Partijiet f’Poznan (COP 14) għandha tiffoka fuq din il-kwistjoni; |
11. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi adattament fit-tfassil u l-modifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tal-istrateġiji u tal-proġetti ta’finanzjament b’impatt spazjali, eżistenti u dawk kollha li għad iridu jsiru, sabiex ikunu limitati l-effetti tal-bidla fil-klima; Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi komprensiva tal-istrumenti finanzjarji Ewropej eżistenti u l-użu tagħhom fil-miżuri ta’adattament għal bidla fil-klima fl-oqsma ta’applikazzjoni oriġinali tagħhom u biex tindika fejn se jkunu meħtieġa fondi; |
12. |
Iħeġġeġ b’qawwa lill-Kunsill biex jasal għal deċiżjoni, mingħajr aktar dewmien, dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi Fond ta’Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF), filwaqt li jżomm f’moħħu li l-Parlament ilu li adotta l-pożizzjoni tiegħu mit-18 ta’ Mejju 2006 (6); jemmen li r-regolament propost, flimkien ma’miżuri oħra, jbaxxu l-limiti għall-mobilizzazzjoni tal-EUSF, se jippermetti li tiġi indirizzata l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew magħmula mill-bniedem b’mod iktar effettiv, flessibbli u f’waqtu; Jinsisti li strument finanzjarju bħal dan huwa importanti ħafna, speċjalment minħabba li d-diżastri naturali huma mistennija wkoll li jiżdiedu fil-futur anki minħabba l-bidla fil-klima; |
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tinkludi miżuri finanzjarji ta’adattament fil-qafas finanzjarju għal żmien twil li jmiss għall-politiki reġjonali u għall-fondi strutturali kif ukoll sabiex tipproponi li r-riżorsi addizzjonali jiġu allokati sabiex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw il-bidla fil-klima; |
14. |
Jinnota li l-linji gwida strateġiċi għall-politika ta’koeżjoni tal-UE jiddiskrivu b’mod ċar il-bżonn li jissaħħu s-sinerġiji bejn l-ambjent u t-tkabbir; Jiddikjara li l-programmi ta’politika reġjonali jinvestu f’infrastruttura fl-oqsma tal-ilma, l-iskart u l-arja, fil-bijodiversità, il-promozzjoni tal-ippjanar tal-użu tal-art u t-trasport pubbliku; Jenfasizza li dawn jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-impenji marbuta mal-klima u jrawmu miżuri ta’prevenzjoni tar-riskju permezz ta’politiki ta’mmaniġġjar pubbliku inkluż, pereżempju, il-monitoraġġ preventiv; Jirreferi wkoll għall-bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-bżonn ta’koordinazzjoni tal-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni ċivili u l-ippjanar għal dak li jista’jinqala’; Jinnota, f’dan ir-rigward, għall-ħidma tal-Istrateġija Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Programm ta’Tnaqqis tad-Diżastri; |
15. |
jenfasizza l-bżonn għall-Istati Membri li jużaw il-fondi għall-Iżvilupp Rurali biex jissaħħaħ l-adattament għall-bidla fil-klima fl-agrikoltura u fl-imsaġar; ifakkar fl-irwol li għandha l-materja organika tal-ħamrija fir-rigward tal-fertilità tal-ħamrija u l-kapaċità tagħha li żżomm l-ilma u bħala baċin tal-karbonju, u jistieden lill-Komunità biex tadotta u tappoġġja prattiki xierqa ta’mmaniġġjar tal-ħamrija li jippreservaw il-livelli tal-materja organika tal-ħamrija fit-tipi kollha tal-ħamrija fl-Ewropa bħala mod effettiv biex ikun hemm adattament għaż-żieda fit-temperaturi u l-bidliet fl-ammont ta’xita li tagħmel; jenfasizza l-bżonn ta’prevenzjoni xierqa tal-kriżijiet u ta’miżuri għall-immaniġġjar tar-riskju kemm fuq livell tal-Komunità u kemm fuq livell nazzjonali u reġjonali minħabba li n-numru ta’kriżijiet fil-futur se jiżdied b’mod ċar, b’refernza partikulari għal sforz ta’mmaniġjar sistematiku tal-art li jiżgura perjodi itwal ta’preservazzjoni tal-ilma u piż inqas ta’nirien fuq il-foresti; jemmen li l-immaniġjar tar-riskju għandu jkun parti integrali u espliċita mill-politika ta’koeżjoni tal-UE; |
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas li japplika madwar l-UE kollha għall-ippjanar tal-adattament u t-tħejjija; jenfasizza l-bżonn li l–prinċipju ta’sussidjarjetà jitqies kif suppost meta jiġu trattati l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima permezz ta’miżuri adattivi, minħabba li reġjuni u awtoritajiet lokali fl-Ewropa se jkunu jistgħu jirrispondu iktar permezz ta’tweġibiet politiċi għall-esperjenzi tagħhom stess, jenfasizza madankollu l-bżonn ta’koerenza u koordinazzjoni fil-pjanijiet ta’adattament fil-livell tal-UE; |
17. |
Jenfasizza l-irwol ewlieni tal-komunitajiet lokali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għalhekk jitlob l-implimentazzjoni ta’strateġiji integrati ta’żvilupp urban, reġjonali u rurali sostenibbli, li jqis b’mod sħiħ il-miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni u l-adattament u biex jitwettqu studji xjentifiċi biex jiġi analizzat liema huma l-infrastrutturi l-iktar xierqa tista’tgħin biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima; |
18. |
Jitlob kooperazzjoni eqreb u skambju tal-aħjar prattiki bejn istituzzjonijiet Ewropej u awtoritajiet reġjonali u lokali u bejn dawk fl-iżvilupp ta’kostruzzjonijiet, utilitajiet u servizzi mmirati biex jinkiseb status newtrali ta’karbonju fl-oqsma rispettivi tagħhom, bħal skemi ta’tisħin distrettwali, servizzi ta’riċiklaġġ imtejba, trasport pubbliku integrat, bini effiċjenti f’sens ta’enerġija u ilma, il-produzzjoni u l-użu ikbar ta’enerġija alternattiva, u aktar għoti ta’informazzjoni pubblika dwar il-konsum tal-enerġija; |
19. |
Jenfasizza l-fatt li s-settur agrikolu huwa wieħed mill-aktar vulnerabbli għall-bidla fil-klima iżda li fl-istess ħin dan is-settur ġie akkużat li wettaq ħsara ambjentali; jemmen li l-miżuri ta’adattament f’dan is-settur għandhom jaħdmu lejn it-tnaqqis tal-vulnerabilità u ż-żieda tas-sostenibilità kemm minn perspettiva ambjentali u kif ukoll minn dik ekonomika; |
20. |
Jenfasizza l-fatt li l-adattament gradwali tas-settur tal-agrikoltura għall-bżonnijiet il-ġodda li jirriżultaw mill-bidla tal-klima għandu jkun eżaminat fil-kuntest tal-‘kontrolli tas-saħħa’; |
21. |
Jenfasizza li s-settur tal-agrikoltura jista’jadatta ruħu għall-bidla fil-klima u jnaqqas l-effetti tagħha permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li żżid is-sostenibilità u tippromwovi metodi ġodda dwar l-użu u l-immaniġġjar tal-ilma u riżorsi naturali oħra; |
22. |
Jenfasizza l-importanza tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fl-identifikazzjoni ta’infrastruttura tat-trasport li l-iktar li tista’tkun affetwata mill-kundizzjonijiet tal-bidla fil-klima u meta jkun hemm bżonn ta’sforzi addizzjonali li jiżguraw iffunzjonar kontinwu u sikur; |
23. |
Ifaħħar ir-riżultat sinifikanti tal-MOP 3 f’Bali għat-tħaddim tal-Fond għall-Adattament li jiġbor flimkien proġetti konkreti ta’adattament permezz ta’finanzjament minn imposta fuq proġetti ta’Mekkaniżmi ta’Żvilupp Nadif (CDM) imwettqa f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma Partijiet għall-Protokoll ta’Kyoto; jenfasizza li din id-deċiżjoni rivoluzzjonarja biex jiġi ffinanzjat l-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw indipendentement mid-donaturi ttieħdet qabel ma ġie adottat il-Pjan ta’Azzjoni għal Bali; |
24. |
Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li, bħala parti mill-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, il-permessi kollha għall-bini u l-pjanijiet urbani jqisu x-xenarji ta’adattament differenti sabiex jiġu evitati investimenti f’infrastrutturi inkompatibbli; jinnota li f’ħafna każi ikun aktar xieraq li z-zoni vulnerabbli ma jiġux żviluppati, jew li jerġa’jiġi rrestawrat l-istat naturali taz-zoni li diġà ġew żviluppati, milli jinbnew difiżi bħala preparazzjoni għall-effetti negattivi tal-klima; |
25. |
Iqis li l-kooperazzjoni biex jiġu appoġġjati r-reġjuni ifqar tal-Ewropa u l-partijiet tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw bħala importanti ħafna peress li dawn iz-zoni x’aktarx jintlaqtu l-aktar ħażin mill-bidla fil-klima iżda huma l-inqas kapaċi li jaffaċċjaw il-konsegwenzi; jiddispjaċih li l-Green Paper dwar l-Adattament tal-Bidla fil-Klima ma tindirizzax b’mod suffiċjenti l-bżonn ta’kooperazzjoni dwar l-adattament bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; b’mod partikulari jenfasizza l-bżonn tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini ta’kapacità; f’dan il-kuntest jilqa’b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tniedi Alleanza Globali dwar il-Bidla fil-Klima iżda jenfasizza li attwalment din hija nieqsa għall-aħħar mill-fondi; |
26. |
Jirrikonoxxi rabta kondizzjonali bejn l-għanijiet ta’żvilupp u kemm il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattament għall-bidla fil-klima; jenfasizza li l-bida fil-klima għandha tkun integrata sistematikament fil-kooperazzjoni kollha tal-UE għall-iżvilupp, inklużi programmi eżistenti ta’sħubija bħad-djalogu EUROMED jew is-sħubija tal-enerġija bejn l-UE u l-Afrika; jenfasizza wkoll l-importanza kbira li jissaħħu s-sħubiji mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiżdiedu l-isforzi biex tiġi evitata d-deforestazzjoni, u jiġu pprovduti benefiċċji kemm ta’mitigazzjoni kif ukoll ta’adattament; |
27. |
Jitlob li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji sinifikanti u prevedibbli fil-qafas tal-politiki tal-UE, bħall-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet, sabiex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadattaw għall-impatti tal-bidla fil-klima u kif ukoll biex jipprovdu finanzjament għall-politiki ta’adattament fl-Istati Membri; |
28. |
Jinnota li l-bidla fil-klima tista’taċċellera t-tnaqqis tal-aċċess għar-riżorsi naturali; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri ulterjuri għall-adattament għal sfidi ġodda biex tiġi żgurata sigurtà fil-provvista tal-ikel u tal-enerġija; |
29. |
Jistieden lill-Kummisjoni biex teżamina fuq livell Ewropew u, fil-kuntest internazzjonali, kif jiġi inkorporat adattament neċessarju bħala tweġiba għall-bidla fil-klima fil-pjanijiet għall-iżvilupp u fin-negozjati dwar il-baġit; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga kif tapplika miżuri bħal dawn fil-politiki settorjali biex tmexxi fondi u investimenti pubbliċi u privati; jenfasizza li din l-inkorporazzjoni se tkopri l-oqsma tax-xjenza, tal-integrazzjoni sistematika, tal-ħolqien ta’kuxjenza, tal-informazzjoni, tal-kooperazzjoni u tal-monitoraġġ, filwaqt li b’mod ċar isegwi l-kriterji kkontrollati regolarment għall-konformità biex wieħed jiġġustifika iktar appoġġ u jirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kunsill; |
30. |
Jenfasizza l-importanza ta’ħtieġa akbar ta’użu razzjonali tal-ilma permezz ta’‘mmaniġġjar tad-domanda għall-ilma’, peress li l-ilma qed isir riżors skars; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri integrattivi biex ikunu żgurati d-disponibilità, l-aċċessibilità, l-użu u l-konservazzjoni tal-ilma, u biex ikunu promossi teknoloġiji u prattiki innovattivi inklużi proġetti pilota li jgħinu biex jitnaqqas id-dannu tal-perjodi bla xita u r-riskji tal-għargħar; f’dan il-kuntest, jirrikonoxxi l-importanza ta’approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fil-prevenzjoni u l-assorbiment tal-impatti tal-erożjoni tal-ħamrija, l-għargħar, id-deżertifikazzjoni, żieda fil-livelli tal-baħar, speċi aljeni li jinfirxu fl-ambjent, u reżistenza akbar għan-nirien tal-foresti; |
31. |
Jirrikonoxxi li l-bidla fil-klima tikkontribwixxi għall-piż globali tal-mard u l-imwiet prematuri billi taffettwa b’mod partikulari l-gruppi l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni; jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa biex jadattaw għall-effetti avversi tal-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni sabiex twaqqaf sistema mifruxa mal-UE għall-immonitorjar u s-sorveljanza tal-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li t-theddid mill-bidla fil-klima għas-saħħa tal-bniedem ikunu fiċ-ċentru tal-politika ta’adattament u ta’mitigazzjoni tal-UE; |
32. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta’approċċ iddivrenzjat klimatiku u tal-iżvilupp f’dak li għandu x’jaqsam ma’oqsma u reġjuni partikularment vulnerabbli għall-bidla fil-klima, bħal ma huma zoni muntanjużi jew kostali, gżejjer jew, per eżempju, is-seba’reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE, li, minħabba l-karatteristiċi topografiċi tagħhom u l-iżvantaġġi strutturali, huma dipendenti b’mod speċjali fuq id-dinamika ta’avvenimenti naturali; jistieden f’dan il-kuntest lill-Kummissjoni sabiex tespandi l-lista taz-zoni l-aktar vulnerabbli u sabiex tikkopera ma’inizjattivi reġjonali eżistenti bħal ma huma l-Konvenzjoni Alpini u l-Konvenzjoni ta’Karpazja sabiex jagħmlu l-aħjar użu minn għarfien eżistenti li nkiseb minn inizjattivi bħal dawn; |
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-irwol vitali li ekosistemi b’saħħithom jista’jkollhom fil-politika tal-adattament; jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (i.e. id-Direttiva tal-Għasafar (7) u d-Direttiva dwar l-habitat naturali (8), Natura 2000 u d-Direttiva ta’Qafas dwar l-Ilma (9)) jistgħu jgħinu sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-ogħla prijorità għall-implimentazzjoni ta’din il-politika, sabiex jassiguraw adattament rapidu u effiċjenti għall-bidla fil-klima; |
34. |
Jilqa’b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twaqqaf Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Adattament għall-Bidla fil-Klima u jenfasizza l-bżonn li dan il-grupp ta’esperti jipprovdi l-kapacitajiet għar-realizzazzjoni ta’strateġiji intersettorjali koerenti fil-livell tal-UE kif ukoll għat-tisħiħ tal-oqfsa ta’politika li jistgħu jipprovdu inċentivi għall-investiment fl-attivitajiet ta’mitigazzjoni u adattament għall-bidla fil-klima; |
35. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni bħala l-kontribut tal-Parlament għall-proċess ta’konsultazzjoni dwar il-Green Paper mibdi mill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 280E, 18.11.2006, p. 120.
(2) ĠU C 287E, 24.11.2006, p. 182.
(3) ĠU C 303E, 13.12.2006, p. 119.
(4) ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 344.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2007)0537.
(6) ĠU C 297E, 7.12.2006, p. 331.
(7) Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’għasafar selvaġġi (ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).
(8) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE.
(9) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).