EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2108

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2108 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 fir-rigward tal-marka tas-saħħa li għandha tintuża għal ċertu laħam maħsub għall-konsum mill-bniedem fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/9304

ĠU L 427, 17.12.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/2108/oj

17.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 427/1


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2108

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li jemenda l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 fir-rigward tal-marka tas-saħħa li għandha tintuża għal ċertu laħam maħsub għall-konsum mill-bniedem fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja u l-punt (e) tal-Artikolu 18(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (2) jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem. L-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-marka tas-saħħa li, inter alia, tindika kemm il-laħam huwa tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

(2)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (UE) 2017/625 kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, se jkomplu japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni. Għal dik ir-raġuni, jeħtieġ li jiġu emendati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament li jikkonċerna l-marka tas-saħħa li jenħtieġ tintuża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(3)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(4)

Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51).


ANNESS

Fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627, il-paragrafu 1(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-isem tal-pajjiż li fih jinsab l-istabbiliment, li jista’ jinkiteb sħiħ b’ittri kbar jew muri bħala kodiċi b’żewġ ittri f’konformità mal-kodiċi ISO rilevanti. Madankollu, fil-każ tal-Istati Membri (*1), dawn il-kodiċi huma BE, BG, CZ, DK, DE, EE, IE, GR, ES, FR, HR, IT, CY, LV, LT, LU, HU, MT, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SK, FI, SE u UK(NI);


(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.””


Top