EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1211

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1211 tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023

ST/9867/2022/INIT

ĠU L 187, 14.7.2022, p. 31–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1211/oj

14.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/31


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1211

tat-12 ta’ Lulju 2022

dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 140(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (3),

Wara li kkunsidra d-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (4),

Billi:

(1)

It-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (“UEM”) beda fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 1999 (5).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE (6) il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE (7), il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE (8) u 2007/504/KE (9), il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. Permezz tad-Deċiżjoni 2008/608/KE (10), il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2010/416/UE (11), il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2013/387/UE (12), il-Kunsill iddeċieda li l-Latvja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2014/509/UE (13), il-Kunsill iddeċieda li l-Litwanja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.

(3)

F’konformità mal-punt 1 tal-Protokoll Nru 16 dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u mad-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern f’Edinburgu f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kinitx ser tieħu sehem fit-tielet fażi tal-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE, l-Iżvezja huwa Stat Membru b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) TFUE. F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 (14), ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja huma lkoll Stati Membri b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) TFUE. F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 (15), il-Bulgarija u r-Rumanija huma t-tnejn Stati Membri b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) TFUE. F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012 (16), il-Kroazja huwa Stat Membru b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) TFUE.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) ġie stabbilit fl-1 ta’ Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu tar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta’ Ġunju 1997 (17). Il-proċeduri għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-Żona tal-Euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (18).

(6)

L-Artikolu 140(2) TFUE jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-derogi tal-Istati Membri kkonċernati. Mill-inqas darba kull sentejn, jew b’talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE iridu jirrappurtaw lill-Kunsill f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 140(1) TFUE.

(7)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inkluż l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, għandha tiġi adattata skont il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-Artikoli 130 u 131 TFUE u mal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“Statut tas-SEBĊ u tal-BĊE”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jipprovdu valutazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta’ konverġenza anness mat-TFUE, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE ifisser li l-prestazzjoni ta’ Stat Membru fir-rigward tal-prezzijiet tkun sostenibbli u li r-rata ta’ inflazzjoni tiegħu tkun medja, osservata matul perjodu ta’ sena qabel l-analiżi, li ma tkunx taqbeż b’iżjed minn punt perċentwali u nofs dik ta’ mhux aktar mit-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni fl-istabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel permezz tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (harmonised index of consumer prices, HICPs) definit fir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). Għall-valutazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta’ Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili relattivament għall-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili mill-perjodu ta’ qabel. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE ntuża valur referenzjarju kkalkulat bħala l-medja aritmetika sempliċi tar-rati ta’ inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hija l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta’ 1,5 punti perċentwali. Fil-perjodu ta’ sena li jagħlaq f’April 2022, il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni ġie kkalkulat li kien 4,9 %, bi Franza, il-Finlandja u l-Greċja bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’dik li hi l-istabbiltà ta’ prezzijiet, b’rati ta’ inflazzjoni ta’ 3,2 %, 3,3 %u 3,6 %, rispettivament. Huwa ġustifikat li jiġu esklużi mil-lista tal-pajjiżi bl-aħjar riżultati dawk il-pajjiżi li r-rati ta’ inflazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu meqjusa bħala valur referenzjarju sinifikanti għal Stati Membri oħra. Fil-passat tali pajjiżi kienu identifikati fir-Rapporti dwar il-Konverġenza tal-2004, l-2010, l-2013, l-2014 u l-2016. Bħalissa huwa ġustifikat li Malta u l-Portugall jiġu esklużi mill-pajjiżi bl-aħjar prestazzjoni — f’April 2022, ir-rata ta’ inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ta’ Malta u l-Portugall kienu 2,1 % u 2,6 % rispettivament u dik taż-żona tal-euro 4,4 %. Għall-kalkolu tal-valur ta’ referenza, Malta u l-Portugall huma sostitwiti mill-Finlandja u l-Greċja, l-Istati Membri b’rati ta’ inflazzjoni medja li jmiss l-aktar baxxi.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE ifisser li meta ssir l-analiżi, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) TFUE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

(10)

F’konformità l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jeħtieġ li Stat Membru jkun irrispetta l-marġnijiet normali ta’ fluttwazzjoni previsti mill-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (exchange-rate mechanism, ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea, mingħajr tensjonijiet severi għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-analiżi. B’mod partikolari, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess għall-istess perjodu. Mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-valutazzjoni tat-twettiq tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta’ dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta’ sentejn li ntemm fit-18 ta’ Mejju 2022.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju ta’ konverġenza tar-rati ta’ imgħax li jissemma fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta’ sena qabel l-analiżi, Stat Membru kellu medja tar-rati ta’ imgħax nominali fuq perjodu fit-tul li ma taqbiżx b’aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta’, l-aktar, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Il-kriterju użat biex tiġi vvalutata l-konverġenza tar-rati tal-imgħax kien kumparabbli fuq bonds tal-gvern ta’ referenza ta’ għaxar snin. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi vvalutat it-twettiq tal-kriterju tar-rati ta’ interess, tqies il-valur referenzjarju kkalkulat bħala l-medja aritmetika sempliċi tar-rati ta’ interessi nominali fuq perjodu fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hija l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta’ żewġ punti perċentwali. Il-valur referenzjarju huwa bbażat fuq ir-rati tal-imgħax fuq perjodu fit-tul fi Franza (0,3 %), il-Finlandja (0,2 %) u l-Greċja (1,4 %) u fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’April 2022 kien ta’ 2,6 %.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 13, id-data użata fil-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza kienet pprovduta mill-Kummissjoni.Il-Kummissjoni tat data baġitarja wara li l-Istati Membri rrappurtaw qabel l-1 ta’ April 2022, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (20).

(13)

Fuq il-bażi tar-rapporti li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar mill-Kroazja fl-issodisfar tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-ksib tal-unjoni ekonomika u monetarja, ġie konkluż li fil-Kroazja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli mal-Artikoli 130 u 131 tat-Trattat u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(14)

Fuq il-bażi tar-rapporti li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar mill-Kroazja fl-issodisfar tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-ksib tal-unjoni ekonomika u monetarja, ġie konkluż li, fir-rigward tal-issodisfar, min-naħa tal-Kroazja, tal-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-erba’ inċiżi tal-Artikolu 140(1) TFUE: ir-rata medja tal-inflazzjoni fil-Kroazja fis-sena li għalqet f’April 2022 kienet ta’ 4,7 %, li hija aktar baxxa mill-valur referenzjarju, u x’aktarx tibqa’ taħt il-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin; il-Kroazja mhijiex is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv; il-Kroazja ilha membru tal-ERM II mill-10 ta’ Lulju 2020 u matul is-sentejn ta’ qabel il-valutazzjoni, ir-rata tal-kambju tal-kuna (HRK) ma kinitx soġġetta għal tensjonijiet serji u l-Kroazja ma żvalutatx ir-rata ċentrali bilaterali tal-HRK meta mqabbla mal-euro b’inizjattiva tagħha stess; u fis-sena li għalqet f’April 2022, ir-rata tal-imgħax fit-tul fil-Kroazja kienet, fil-medja, 0,8 %, li huwa ferm taħt il-valur referenzjarju.

(15)

Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà legali u tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza kif ukoll il-fatturi addizzjonali, il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Id-deroga msemmija fl-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012 titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. STANJURA


(1)  Ir-Rapport tal-1 ta’ Ġunju 2022 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Rapport tal-1 ta’ Ġunju 2022 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tal-5 ta’ Lulju 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU C 238, 21.6.2022, p. 1.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/317/KE tat-3 ta’ Mejju 1998 f’konformità mal-Artikolu 109j(4) tat-Trattat (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/427/KE tad-19 ta’ Ġunju 2000 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001 min-naħa tal-Greċja (ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/495/KE tal-11 ta’ Lulju 2006 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2007 min-naħa tas-Slovenja (ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/503/KE tal-10 ta’ Lulju 2007 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Ċipru tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/504/KE tal-10 ta’ Lulju 2007 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni minn Malta tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/608/KE tat-8 ta’ Lulju 2008 f’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2009 (ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/416/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 f’konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta’ Jannar 2011, ĠU L 196, 28.7.2010, p. 24).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/387/UE tad-9 ta’ Lulju 2013 dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta’ Jannar 2014 (ĠU L 195, 18.7.2013, p. 24).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/509/UE tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-adozzjoni tal-euro mil-Litwanja fl-1 ta’ Jannar 2015 (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 29).

(14)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

(15)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

(16)  ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.

(17)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

(18)  ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.

(19)  Ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 11).

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).


Top