This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020H1563
Commission Recommendation (EU) 2020/1563 of 14 October 2020 on energy poverty
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku
C/2020/9600
ĠU L 357, 27.10.2020, p. 35–41
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 357/35 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1563
tal-14 ta’ Ottubru 2020
dwar il-faqar enerġetiku
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 168 u 194 tiegħu,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (1) (“id-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata”), u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tagħha,
Billi:
(1) |
Il-faqar enerġetiku huwa sitwazzjoni fejn l-unitajiet domestiċi ma jkunux jistgħu jaċċessaw servizzi essenzjali tal-enerġija. Bi kważi 34 miljun Ewropew li ma jistgħux jaffordjaw li jżommu djarhom sħan b’mod adegwat fl-2018 (2), il-faqar enerġetiku huwa sfida ewlenija għall-UE. |
(2) |
Kif rikonoxxut mill-koleġiżlaturi, it-tisħin, it-tkessiħ, id-dawl u l-enerġija għall-alimentazzjoni ta' apparati elettriċi adegwati huma servizzi essenzjali li huma l-bażi ta’ standard deċenti ta’ għajxien u saħħa. L-aċċess għas-servizzi tal-enerġija huwa essenzjali għall-inklużjoni soċjali. Għalhekk, l-indirizzar tal-faqar enerġetiku għandu l-potenzjal li jġib miegħu għadd ta’ benefiċċji, inkluż inqas infiq fuq is-saħħa, inqas tniġġis tal-arja (bis-sostituzzjoni tas-sorsi tat-tisħin li mhumiex adatti għall-iskop tagħhom), titjib fil-kumdità u fil-benesseri, u titjib fil-baġits tal-unitajiet domestiċi. Flimkien, dawn il-benefiċċji jagħtu spinta diretta lit-tkabbir ekonomiku u lill-prosperità fl-Unjoni Ewropea. |
(3) |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017, jinkludi l-enerġija fost is-servizzi essenzjali li kulħadd għandu d-dritt jaċċessa. Għandu jkun disponibbli appoġġ għall-aċċess għal dawn is-servizzi għal dawk fil-bżonn (3). |
(4) |
Tranżizzjoni ġusta lejn Unjoni newtrali għall-klima sal-2050 hija ċentrali għall-Patt Ekoloġiku Ewropew propost mill-Kummissjoni f’Diċembru 2019 (4). Wieħed mill-elementi ċentrali ta’ dan il-Patt Ekoloġiku huwa l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni (5), inizjattiva ewlenija mfassla biex tagħti spinta lir-rinnovazzjoni strutturali tal-bini privat u pubbliku u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet, jingħata spinta lill-irkupru u jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku. Tali rinnovazzjoni strutturali għandha tgħin biex tagħti spinta lill-isforzi tal-UE fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Għal din ir-raġuni, ġie kkunsidrat li huwa vitali li l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u din ir-Rakkomandazzjoni jiġu adottati b’mod konġunt sabiex jissaħħu b’mod reċiproku s-sejħiet biex jiġu indirizzati l-faqar enerġetiku u l-bini bl-agħar prestazzjoni. |
(5) |
Il-faqar enerġetiku huwa kunċett ewlieni konsolidat fil-pakkett leġiżlattiv intitolat “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha”, li huwa mfassal biex jiffaċilita tranżizzjoni enerġetika ġusta. Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (“ir-Regolament ta’ Governanza”) u d-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata, il-Kummissjoni hija meħtieġa tipprovdi gwida indikattiva dwar indikaturi xierqa għall-kejl tal-faqar enerġetiku (7) u dwar id-definizzjoni ta’ “għadd sinifikanti ta’ unitajiet domestiċi f’faqar enerġetiku” (8). Għad ma hemmx definizzjoni standard tal-faqar enerġetiku, u għalhekk, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiżviluppaw il-kriterji tagħhom skont il-kuntest nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-pakkett leġiżlattiv li ġie adottat dan l-aħħar jipprovdi prinċipji ġenerali u ideat utli dwar il-kawżi u l-konsegwenzi possibbli tal-faqar enerġetiku. Dan jenfasizza wkoll l-importanza tal-politiki li jindirizzaw il-problema, speċjalment dawk assoċjati mal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (“NECPs”) u mal-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul (“LTRSs”) (9). |
(6) |
Fl-NECP tagħhom, l-Istati Membri jridu jivvalutaw l-għadd ta’ unitajiet domestiċi f’faqar enerġetiku. F’każ li Stat Membru jsib li għandu għadd sinifikanti ta’ unitajiet domestiċi f’faqar enerġetiku, għandu jinkludi fil-pjan tiegħu objettiv nazzjonali kif ukoll politiki u miżuri biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku. Fil-kuntest tal-ħames rapport tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni qed tippubblika dokumenti ta’ ħidma tal-persunal għal kull Stat Membru li jinkludu valutazzjonijiet individwali ta’ kull NECP finali. Dawn id-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal jivvalutaw ukoll kif il-pjanijiet finali jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet relatati tal-Kummissjoni tal-2019, inkluż dwar il-faqar enerġetiku u jinkludu gwida dwar l-implimentazzjoni tal-NECP. |
(7) |
Id-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku kull fejn dan jiġi identifikat, inkluż miżuri li jindirizzaw il-kuntest usa’ tal-faqar. L-Istati Membri jridu wkoll jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli, b’mod partikolari dawk f’żoni remoti. Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) fiha dispożizzjonijiet simili. |
(8) |
Novità fil-qafas leġiżlattiv il-ġdid hija li jeħtieġ li jiġi determinat l-għadd ta’ unitajiet domestiċi f’faqar enerġetiku. L-Artikolu 29 tad-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata jirreferi għall-obbligu tal-Istati Membri li jivvalutaw l-għadd ta’ unitajiet domestiċi f’faqar enerġetiku u jiddikjara li jridu jistabbilixxu u jippubblikaw il-kriterji li fuqhom tissejjes din il-valutazzjoni. Fejn hemm għadd sinifikanti ta’ unitajiet domestiċi bħal dawn, l-Istati Membri jridu jinkludu fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima, objettiv indikattiv għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku, jipprovdu limitu ta’ żmien, u jiddeskrivu l-politiki rilevanti. Huma mbagħad meħtieġa jirrapportaw lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament ta’ Governanza, dwar kwalunkwe progress li jagħmlu biex jilħqu l-objettiv li jitnaqqas l-għadd ta’ unitajiet domestiċi f’faqar enerġetiku. |
(9) |
Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002 (12), teħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw il-ħtieġa li jnaqqsu l-faqar enerġetiku fil-kuntest tal-obbligi tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija. L-Artikolu 7(11) jeħtieġ, sa fejn ikun xieraq, sehem mill-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija biex l-unitajiet domestiċi vulnerabbli jiġu indirizzati bħala prijorità, inklużi dawk milquta mill-faqar enerġetiku (13). Ir-Regolament dwar il-Governanza fih ukoll obbligi simili. |
(10) |
Skont il-verżjoni riveduta tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (UE) 2018/844, l-Istati Membri jridu jiddeskrivu l-miżuri nazzjonali rilevanti biex jgħinu jtaffu l-faqar enerġetiku, bħala parti mill-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom biex jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali ta’ bini residenzjali u mhux residenzjali (14). |
(11) |
Il-qafas leġiżlattiv tal-UE fih ukoll salvagwardji biex jiġi żgurat li l-miżuri meħudin biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku ma jfixklux il-ftuħ jew l-operat tas-suq. Swieq bl-imnut li joperaw mingħajr xkiel huma essenzjali għal tranżizzjoni ġusta. Dawn is-salvagwardji huma minquxa fl-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata u huma operazzjonalizzati prinċipalment fl-Artikolu 5(5) tagħha. |
(12) |
L-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata jsaħħaħ il-prinċipju billi jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-klijenti kollha tal-unitajiet domestiċi u, fejn l-Istati Membri jqisu xieraq, l-intrapriżi żgħar, igawdu minn servizz universali, jiġifieri d-dritt li jiġu pprovduti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet raġonevoli, komparabbli faċilment u b’mod ċar, trasparenti u nondiskriminatorji. Biex ikun żgurat il-forniment ta’ servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. |
(13) |
Kif irrikapitolat fil-Premessa 59 tad-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata, il-faqar enerġetiku jirriżulta minn taħlita ta’ introjtu baxx, infiq kbir fuq l-enerġija, u faqar fl-effiċjenza fl-enerġija tal-abitazzjonijiet. L-impatt tal-prezzijiet volatili tas-suq tal-enerġija u ta’ effiċjenza fl-enerġija baxxa, speċjalment f’termini tal-prestazzjoni tal-bini, flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ fatturi soċjoekonomiċi assoċjati mal-faqar ġenerali u kwistjonijiet li jirriżultaw mis-sistemi tal-pussess ta’ akkomodazzjoni, jagħmlu l-kwistjoni waħda kumplessa biex tiġi indirizzata. |
(14) |
Fl-2018, 6,8 % tan-nies li jgħixu f’unitajiet domestiċi privati fl-UE (30,3 miljun persuna (15)) ma setgħux ilaħħqu mal-kontijiet tal-utilitajiet, inkluż mal-kontijiet tal-enerġija, u għalhekk kienu f’riskju li jkollhom il-provvista tagħhom maqtugħa. Sadanittant, 7,3 % tal-popolazzjoni tal-UE (37,4 miljun persuna) esperjenzaw temperaturi ambjentali skomdi fi djarhom. |
(15) |
Il-kriżi tal-Covid-19 enfasizzat l-urġenza li jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku jekk irridu noħolqu Ewropa soċjali li taqdi l-ħtiġijiet tal-abitanti kollha tagħha. Il-livelli tal-faqar enerġetiku fl-Istati Membri se jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif aktar Ewropej jistgħu jkollhom diffikultà biex jaffordjaw aċċess għall-enerġija essenzjali, b’mod partikolari minħabba l-qgħad li qed jiżdied. F’dan l-isfond, huwa vitali li jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, minkejja t-tfixkil bla preċedent attwali fl-ekonomiji tal-Ewropa. |
(16) |
Il-Pakkett għall-Irkupru Next Generation EU (16) ġie ppreżentat biex “jiggwida u jibni Ewropa aktar sostenibbli, reżiljenti u aktar ġusta għall-ġenerazzjoni li jmiss”. Il-pjanijiet ta’ rkupru tal-Ewropa jridu jkunu ggwidati mill-prinċipji tas-sostenibbiltà ambjentali, tas-solidarjetà, tal-koeżjoni u tal-konverġenza u bid-determinazzjoni li ma jitħalla barra l-ebda Stat Membru, reġjun jew individwu. Next Generation EU jikkonferma r-rwol tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni bħala faċilitatur ewlieni wieħed tal-irkupru ekoloġiku. |
(17) |
L-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul u strumenti oħra mfassla biex jilħqu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-2030 u l-2050 għandhom jiġu ggwidati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi li huma foqra fl-enerġija u għandhom jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija billi jgħinu lin-nies jiffrankaw il-flus fuq il-kontijiet tal-enerġija, jipprovdu kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar u jnaqqsu l-faqar enerġetiku. |
(18) |
L-identifikazzjoni tal-unitajiet domestiċi l-aktar fil-bżonn ta’ protezzjoni u tal-abitazzjonijiet l-aktar fil-bżonn ta’ rinnovazzjoni tgħin biex jiġu mmirati u ġestiti aħjar l-interventi pubbliċi, u b’hekk jiġu prodotti riżultati prattiċi għall-konsumaturi, titjieb l-effiċjenza fl-enerġija, u tiġi minimizzata kwalunkwe distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija. |
(19) |
Hija u tipprovdi din ir-Rakkomandazzjoni u tagħmel il-gwida tal-Kummissjoni dwar il-faqar enerġetiku disponibbli għall-Istati Membri f’dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha, il-Kummissjoni tkun qed tissodisfa l-obbligu msemmi hawn fuq u tkun qed tgħin lill-Istati Membri jittrasponu d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-faqar enerġetiku. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll informazzjoni dwar prattiki tajbin emerġenti (17). |
(20) |
Id-diffikultà ewlenija għal kwalunkwe definizzjoni hija kif tinkiseb data numerika affidabbli. Ġie żviluppat sett ta’ indikaturi statistiċi li jkejlu l-ixprunaturi possibbli tal-faqar enerġetiku u l-konsegwenzi tiegħu fil-livell tal-UE. Dawn huma indikaturi aggregati. Peress li l-faqar enerġetiku huwa fenomenu multidimensjonali, l-ebda indikatur uniku ma jista’ jirrifletti bis-sħiħ l-aspetti kollha tiegħu. |
(21) |
Ġew żviluppati indikaturi aggregati fil-livell Ewropew u huma elenkati fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Żviluppati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (“EUROSTAT”) u mill-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku (“EPOV”) u miksubin minn ġabriet tad-data tal-UE armonizzati, dawn l-indikaturi jippermettu li s-sitwazzjoni fl-UE kollha tkun immonitorjata u li jiġu identifikati speċifiċitajiet nazzjonali, kif ukoll li jiġi promoss tagħlim reċiproku u skambji tal-aħjar prattika aktar effiċjenti. L-indikaturi nazzjonali jistgħu jgħinu biex dawn jiġu kkumplimentati u biex jirfinaw l-identifikazzjoni tal-faqar enerġetiku, fejn rilevanti. |
(22) |
Dan jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u b’mod partikolari sforzi koordinati sew fil-livelli reġjonali u lokali, sabiex kwalunkwe analiżi bbażata fuq indikaturi fil-livell tal-UE jew nazzjonali tiġi kontroindikata u kkumplimentata b’approċċ minn isfel għal fuq. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jidentifikaw l-isfidi finanzjarji u soċjali ewlenin li qed jaffaċċjaw l-unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku u biex ikollhom rwol sinifikanti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni ekoloġika li hija ġusta, inklużiva u sostenibbli għal kulħadd fl-Ewropa. |
(23) |
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-iskambju ta’ prattiki tajbin bejn l-Istati Membri, kemm b’kooperazzjoni mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali kif ukoll b’modi oħra. Il-programmi ta’ finanzjament tal-UE, inkluż il-politika ta’ koeżjoni, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u forom oħra ta’ appoġġ jistgħu jiġu mmobilizzati biex jindirizzaw l-isfidi identifikati permezz ta’ kanali li jinkludu l-pjattaformi pprovduti mill-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku u l-Inizjattiva tal-Patt tas-Sindki. |
(24) |
Ir-raba’ rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija jħares ukoll lejn iċ-ċirkostanzi partikolari tan-nies li jgħixu fil-faqar enerġetiku u tal-konsumaturi vulnerabbli (18). Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari wkoll għal kif l-Istati Membri jimplimentaw l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata, li jippermetti l-intervent pubbliku fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lil klijenti li huma foqra fl-enerġija jew dawk li jgħixu f’unitajiet domestiċi vulnerabbli. |
B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:
1. |
Jiżviluppaw approċċ sistematiku għal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija, bil-għan li jaqsmu l-benefiċċji mas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà, b’mod partikolari dawk l-aktar fil-bżonn. |
2. |
Iqisu b’mod partikolari d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah li jipprovdi gwida dwar l-indikaturi dwar il-faqar enerġetiku kif ukoll dwar id-definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi ammont sinifikanti ta’ unitajiet domestiċi li huma foqra fl-enerġija. Huwa importanti li l-Istati Membri jużaw il-gwida tal-Kummissjoni meta jimplimentaw u jaġġornaw il-pjanijiet nazzjonali attwali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika. |
3. |
Jużaw l-indikaturi deskritti fl-Anness fil-valutazzjonijiet tal-faqar enerġetiku tagħhom. |
4. |
F’konformità mal-Premessa 60 tad-Direttiva dwar l-Elettriku riformulata, jipproduċu soluzzjonijiet ta’ politika integrati bħala parti mill-politika tal-enerġija u dik soċjali. Dawn għandhom jinkludu miżuri ta’ politika soċjali u titjib fl-effiċjenza fl-enerġija li jsaħħu lil xulxin, speċjalment fl-akkomodazzjoni. |
5. |
Jivvalutaw l-effetti distributtivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari l-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fil-kuntest nazzjonali, u jiddefinixxu u jimplimentaw politiki li jindirizzaw it-tħassib assoċjat. Għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-ostakli għall-investiment f’akkomodazzjonijiet effiċjenti fl-enerġija u l-profil tal-abitazzjonijiet l-aktar fil-bżonn ta’ rinnovazzjoni, f’konformità ma’ strateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul. |
6. |
Jiżviluppaw il-politiki kollha biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku abbażi ta’ proċessi ta’ parteċipazzjoni pubblika sinifikanti u responsabbli, u involviment usa' tal-partijiet ikkonċernati. |
7. |
Jiżviluppaw miżuri biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku li jibnu fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn il-livelli kollha tal-amministrazzjoni, li jippermettu, b’mod partikolari, kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-entitajiet tas-settur privat min-naħa l-oħra. |
8. |
Jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal li jintużaw il-fondi, il-programmi tal-Unjoni, inkluż mill-politika ta’ koeżjoni, biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku billi janalizzaw l-effetti distributtivi ta’ proġetti ta’ tranżizzjoni tal-enerġija u billi jipprijoritizzaw miżuri mmirati lejn gruppi vulnerabbli biex jiżguraw l-aċċess għall-appoġġ. |
9. |
Meta jallokaw fondi pubbliċi, speċjalment għotjiet, jimmiraw unitajiet domestiċi b'introjtu baxx f’dawk il-kategoriji ta’ benefiċjarji li għandhom riżorsi proprji limitati ħafna u aċċess limitat għal self kummerċjali. Jesploraw ir-rwol ta’ kumpaniji ta’ servizz ta’ enerġija (ESCOs) u kuntratti għall-prestazzjoni tal-enerġija fl-għoti ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament għar-rinnovazzjoni ta’ unitajiet domestiċi li huma foqra fl-enerġija, biex dawn l-unitajiet domestiċi vulnerabbli jkunu jistgħu jegħlbu bil-quddiem l-ispejjeż għoljin. |
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.
Għall-Kummissjoni
Kadri SIMSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.
(2) Data mill-2018. Eurostat, SILC [ilc_mdes01])
(3) EPSR, il-Prinċipju 20 “Aċċess għas-servizzi essenzjali”: https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt
(4) COM(2019) 640 final – Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja (COM(2020)662 final).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p.1).
(7) L-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1999.
(8) L-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2019/944.
(9) Skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13), emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).
(10) Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).
(11) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).
(12) Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).
(13) Dan jibni fuq obbligi eżistenti skont id-Direttiva 2012/27/UE. Ara wkoll l-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija emendata (C(2019) 6621 final).
(14) Dan jibni fuq obbligi eżistenti skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE li ġew trasferiti għad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u msaħħa fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku. Il-Premessa 11 tad-Direttiva (UE) 2018/844 tiċċara li l-ħtieġa li jittaffa l-faqar enerġetiku jenħtieġ li tiġi kkunsidrata, f’konformità ma’ kriterji ddefiniti mill-Istati Membri. Il-Premessa tiċċara wkoll li filwaqt li jiddeskrivu l-azzjonijiet nazzjonali li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku fl-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom id-dritt jistabbilixxu dawk li huma jikkunsidraw bħala azzjonijiet rilevanti.
(15) Ibbażat fuq popolazzjoni stmata tal-EU27 ta’ 446 miljun abitant fl-1 ta’ Jannar 2018: http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Population_and_population_change_statistics
(16) Il-Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss, tas-27 ta’ Mejju 2020
(17) Il-Premessa 59 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tappoġġja b’mod attiv l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva dwar il-faqar enerġetiku billi tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri.
(18) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa(COM(2020)951) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD (2020)951).
ANNESS
INDIKATURI TAL-FAQAR ENERĠETIKU
L-indikaturi deskritti hawn taħt huma disponibbli mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ewropew tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea u mill-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku għall-Istati Membri sabiex jikkonsultaw meta jivvalutaw il-livelli nazzjonali tal-faqar enerġetiku.
Sabiex tgħin lill-Istati Membri, il-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ tali indikaturi żviluppati fil-livell tal-UE biex jiġi kkwantifikat aħjar il-kunċett ta’ għadd sinifikanti ta’ unitajiet domestiċi li huma foqra fl-enerġija identifikati bid-definizzjonijiet nazzjonali tal-faqar enerġetiku (1).
L-Istati Membri jistgħu jiddiżaggregaw ukoll uħud mill-indikaturi elenkati fil-punti 1 u 2 biex jagħmlu analiżi fil-fond tal-ixprunaturi potenzjali tal-faqar enerġetiku fil-livell nazzjonali.
L-indikaturi jistgħu jinqasmu f’erba’ gruppi:
(a) |
indikaturi li jqabblu l-infiq fuq l-enerġija mal-introjtu: dawn jikkwantifikaw il-faqar enerġetiku billi jqabblu l-ammont li l-unitajiet domestiċi jonfqu fuq l-enerġija ma’ miżura tal-introjtu (eż. il-perċentwal jew l-għadd ta’ unitajiet domestiċi li jonfqu aktar minn ċertu proporzjon tal-introjtu disponibbli tagħhom fuq is-servizzi tal-enerġija domestika) |
(b) |
indikaturi bbażati fuq l-awtovalutazzjoni: l-unitajiet domestiċi jintalbu direttament kemm iħossuhom kapaċi jaffordjaw l-enerġija (eż. il-kapaċità li jżommu d-dar sħuna biżżejjed fix-xitwa u friska biżżejjed fis-sajf) |
(c) |
indikaturi bbażati fuq kejl dirett: dawn l-indikaturi jkejlu l-varjabbli fiżiċi biex jiddeterminaw l-adegwatezza tas-servizzi tal-enerġija (eż. it-temperatura ambjentali) |
(d) |
indikaturi indiretti: dawn ikejlu l-faqar enerġetiku permezz ta’ fatturi assoċjati, bħal arretrati fuq kontijiet tal-utilità, għadd ta’ skonnessjonijiet, u l-kwalità tal-akkomodazzjoni. |
1. Indikaturi li jiffukaw fuq l-affordabbiltà tas-servizzi tal-enerġija
— |
Is-sehem tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar (anqas minn 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali) li ma tistax iżżomm id-dar tagħha sħuna b’mod adegwat, abbażi tal-mistoqsija “Tista’ l-unità domestika tiegħek taffordja li żżomm id-dar tagħha sħuna b’mod adegwat?” (Eurostat, SILC [ilc_mdes01]) |
— |
Is-sehem tal-popolazzjoni totali li ma tistax iżżomm id-dar tagħha sħuna b’mod adegwat, abbażi tal-mistoqsija “Tista’ l-unità domestika tiegħek taffordja li żżomm id-dar tagħha sħuna b’mod adegwat?” (Eurostat, SILC [ilc_mdes01]) |
— |
Arretrati fuq kontijiet tal-utilitajiet: is-sehem tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar (inqas minn 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali) li għandha arretrati fuq il-kontijiet tal-utilitajiet (Eurostat, SILC, [ilc_mdes07]) |
— |
Arretrati fuq kontijiet tal-utilitajiet: is-sehem tal-popolazzjoni li għandha arretrati fuq il-kontijiet tal-utilitajiet (Eurostat, SILC, [ilc_mdes07]) |
— |
In-nefqa fuq l-elettriku, il-gass u fjuwils oħra bħala proporzjon tan-nefqa totali tal-unitajiet domestiċi |
— |
Il-proporzjon tal-unitajiet domestiċi li s-sehem tagħhom mill-introjtu tan-nefqa fuq l-enerġija huwa aktar mid-doppju tas-sehem medjan nazzjonali (sors Eurostat, Stħarriġ Baġitarju tal-Unitajiet Domestiċi, 2015) |
— |
Is-sehem tal-unitajiet domestiċi li n-nefqa assoluta tagħhom fuq l-enerġija hija inqas minn nofs il-medjan nazzjonali. (Eurostat, Stħarriġ Baġitarju tal-Unitajiet Domestiċi, 2015) |
2. Indikaturi komplimentari
— |
Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi — il-faxxa medja tal-konsum (Eurostat, [nrg_pc_204]) |
— |
Il-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi — il-faxxa medja tal-konsum (Eurostat, [nrg_pc_202]) |
— |
Il-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, l-iktar faxxa baxxa tal-konsum (Eurostat, [nrg_pc_202]) |
— |
Is-sehem tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar (inqas minn 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali) bi tnixxija, b’umdità jew b’taħsir fid-dar tagħha (Eurostat, SILC [ilc_mdho01]) |
— |
Is-sehem tal-popolazzjoni bi tnixxija, b’umdità jew b’taħsir fid-dar tagħha — popolazzjoni totali (Eurostat SILC, [TESSI292]) |
— |
Il-konsum finali tal-enerġija għal kull metru kwadru fis-settur residenzjali, ikkoreġut għall-klima (il-bażi tad-data tal-proġett Odyssee-MURE) |
(1) SWD(2020)960 “Gwida tal-UE dwar il-Faqar Enerġetiku”