Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02000L0060-20141120

Ilma ta’ kwalità tajba fl-Ewropa (id-direttiva tal-UE dwar l-ilma)

Ilma ta’ kwalità tajba fl-Ewropa (id-direttiva tal-UE dwar l-ilma)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2000/60/KE — qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi regoli li jwaqqfu d-deterjorament fl-istatus tal-korpi tal-ilma fl-Unjoni Ewropea (UE) u jiksbu “status tajjeb” għax-xmajjar, għal-lagi u għall-ilma ta’ taħt l-art fl-Ewropa sal-2015.

Dan speċifikament jinkludi:

  • il-protezzjoni tal-forom kollha tal-ilma (wiċċ *, taħt l-art *, intern * u ta’ tranżizzjoni *);
  • ir-restawr tal-ekosistemi f’dawn il-korpi tal-ilma u madwarhom;
  • it-tnaqqis tat-tniġġis fil-korpi tal-ilma;
  • il-garanzija tal-użu sostenibbli tal-ilma minn individwi u negozji.

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni tpoġġi responsabbiltajiet ċari fuq l-awtoritajiet nazzjonali. Huma għandhom:

  • jidentifikaw il-baċini tax-xmajjar individwali fit-territorju tagħhom – jiġifieri, l-artijiet tal-madwar li jiskulaw fis-sistemi tax-xmajjar partikolari;
  • jaħtru awtoritajiet sabiex jimmaniġġjaw dawn il-baċini f’konformità mar-regoli tal-UE;
  • janalizzaw l-karatteristiċi ta’ kull baċir tax-xmara u jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ referenza għal kull tip ta’ korp tal-ilma biex jikkwalifikaw l-istatus tagħhom;
  • janalizzaw l-impatt tal-attività tal-bniedem u valutazzjoni ekonomika tal-użu tal-ilma;
  • jimmonitorjaw l-istatus tal-ilma f’kull baċin;
  • jirreġistraw iż-żoni protetti, bħal dawk użati għall-ilma tax-xorb, li jirrikjedu attenzjoni speċjali;
  • jipproduċu u jimplimentaw “pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar” sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-ilma tal-wiċċ, jipproteġu u jtejbu l-ilma ta’ taħt l-art u jippreservaw iż-żoni protetti;
  • jiżguraw li l-ispiża tas-servizzi tal-ilma tiġi rkuprata sabiex b’hekk ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti u min iniġġes iħallas;
  • jipprovdu informazzjoni pubblika u konsultazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar tagħhom;

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-22 ta’ Ottubru 2000u kellha ssir liġi fl-Istati Membri tal-UE sat-22 ta’ Diċembru 2003.

SFOND

Fl-UE, l-ilma qed jispiċċa taħt pressjoni dejjem akbar mit-tkabbir kontinwu fid-domanda għal kwantitajiet suffiċjenti ta’ ilma ta’ kwalità tajba għal firxa wiesgħa ta’ użu. Din id-Direttiva tfittex li tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ilma.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

L-ilma tal-wiċċ: L-ilma intern kollu, ħlief l-ilma ta’ taħt l-art, l-ilma ta’ tranżizzjoni jew l-ilma kostali.
L-Ilma ta’ taħt l-art: L-ilma kollu taħt wiċċ l-art.
L-ilma intern: Kull ilma qiegħed jew li jnixxi fuq wiċċ l-art.
Ilmijiet ta’ tranżizzjoni: Ilmijiet qrib il-bokki tax-xmajjar, li huma parzjalment salini, iżda li fihom flussi sostanzjali ta’ ilma ħelu.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, pp. 1-73).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2000/60/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjini tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (ĠU L 372, 27.12.2006, pp. 19–31).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (ĠU L 288, 6.11.2007, pp. 27-34).

Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 84-97).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa (COM(2012) 673 final, 14.11.2012)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar: Azzjonijiet favur l-“ “istatus tajjeb” ” tal-ilma tal-UE u biex jitnaqqsu r-riskji tal-għargħar (COM(2015) 120 final, 9.3.2015).

l-aħħar aġġornament 09.09.2021

Fuq