Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Irkupru u riżoluzzjoni ta’ kontropartijiet ċentrali

Irkupru u riżoluzzjoni ta’ kontropartijiet ċentrali

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/23 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ kontropartijiet ċentrali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ kontropartijiet ċentrali (CCPs)1.
  • Dan huwa mfassal biex jiżgura li s-CCPs ikollhom miżuri fis-seħħ biex jgħinuhom jirkupraw minn problemi finanzjarji jew li jkunu jistgħu jkomplu l-kompiti ewlenin tagħhom jekk ikunu qed ifallu, jew x’aktarx ifallu, waqt li qed isir stralċ ta’ attivitajiet oħra permezz ta’ proċeduri normali ta’ insolvenza.
  • L-għan ġenerali huwa li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja u jiġu minimizzati l-ispejjeż għall-kontribwenti ta’ kwalunkwe falliment tas-CCP.

PUNTI EWLENIN

Kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) għandu r-responsabbiltajiet li ġejjin.

  • Ħatra ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni waħda jew aktar. Dawn:
    • jistgħu jkunu banek ċentrali nazzjonali, ministeri jew awtoritajiet pubbliċi b’setgħat amministrattivi;
    • ikollhom l-għarfien espert, ir-riżorsi, il-kapaċità operazzjonali u setgħat estensivi biex jaġixxu malajr u b’mod flessibbli;
    • ikunu responsabbli għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni, inklużi valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà u, fejn meħtieġ, jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni.
  • Il-ħatra ta’ ministeru wieħed b’responsabbiltà ġenerali għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati f’idejn il-ministeri skont il-leġiżlazzjoni.
  • L-applikazzjoni ta’ penali għall-ksur tal-leġiżlazzjoni.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistabbilixxu, jimmaniġġjaw u jippresjedu kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. Dan jinkludi l-awtoritajiet rilevanti u jipprovdi qafas biex:

  • jikkondividu l-informazzjoni;
  • ifasslu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni;
  • jevalwaw ir-riżolvibbiltà ta’ CCP u l-ostakli possibbli;
  • jikkoordinaw informazzjoni pubblika dwar pjanijiet u strateġiji ta’ riżoluzzjoni.

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA):

Awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u ESMA:

  • jikkooperaw mill-qrib biex iwettqu l-kompiti stabbiliti fir-regolament;
  • jibbażaw id-deċiżjonijiet fuq prinċipji bħal:
    • il-proporzjonalità fid-dawl tal-forma ġuridika, id-daqs, il-kumplessità u l-likwidità tas-CCP,
    • il-ħtieġa ta’ effikaċja u puntwalità, il-ħtieġa li l-ispejjeż jinżammu baxxi u l-ħtieġa, kemm jista’ jkun, li jiġi evitat l-użu tal-finanzi pubbliċi.

L-ippjanar tal-irkupru jeħtieġ li s-CCPs ifasslu u jżommu pjan ta’ rkupru li:

  • jistabbilixxi azzjonijiet, bi jew mingħajr inadempjenza, għar-restawr tal-qagħda finanzjarja soda;
  • jinkludi miżuri biex jindirizzaw ir-riskji kollha possibbli, jassorbu t-telf u jirrikostitwixxu r-riżorsi finanzjarji;
  • jkun fih indikaturi bbażati fuq il-profil tar-riskju ta’ CCP;
  • ma jassumix aċċess għal finanzi pubbliċi jew likwidità ta’ bank ċentrali;
  • jikkunsidra l-interessi tal-partijiet interessati kollha;
  • jiżgura li l-membri tal-ikklirjar ma jkollhomx espożizzjoni bla limitu għas-CCP.

Huwa jeħtieġ ukoll li l-awtorità kompetenti, il-kulleġġ superviżorju u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jevalwaw il-pjanijiet ta’ rkupru u jikkunsidraw kwalunkwe bidla.

L-ippjanar tar-riżoluzzjoni jeħtieġ dan li ġej.

  • L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tas-CCP trid tfassal pjan ta’ riżoluzzjoni li:
    • jistabbilixxi kif tuża s-setgħat ta’ riżoluzzjoni tagħha biex tassorbi t-telf u tiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tas-CCP;
    • iqis l-impatt tal-pjan fuq il-membri tal-ikklerjar, is-swieq finanzjarji u s-sistema finanzjarja;
    • ma jassumix aċċess għal finanzi pubbliċi jew għajnuna minn bank ċentrali;
    • jagħmel suppożizzjonijiet prudenti dwar finanzi li jistgħu jkunu disponibbli.
  • Is-CCPs taħt riżoluzzjoni għandhom jikkooperaw mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa kollha.
  • Il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għandu jaqbel dwar il-pjan, inkluż kwalunkwe bidla, fi żmien 4 xhur minn meta jirċeviha.

L-evalwazzjoni tar-riżolvibbiltà teħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, li qed tikkoordina mal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni:

  • tevalwa jekk CCP hijiex riżolvibbli, biex tippermettilha tkompli topera l-funzjonijiet kritiċi tagħha;
  • tidentifika kwalunkwe ostaklu għar-riżolvibbiltà u tagħti struzzjonijiet lis-CCP biex tieħu azzjoni biex tneħħihom.

Miżuri ta’ intervent bikri jippermettu lil awtorità kompetenti tagħti struzzjonijiet lil CCP li hija tqis li tista’ tkun qed tiffaċċja problemi finanzjarji biex:

  • tieħu azzjoni korrettiva;
  • tneħħi xi wħud jew il-membri kollha tal-maniġment superjuri jew tal-bord.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jqisu b’mod speċjali dan li ġej meta jimplimentaw il-pjanijiet tagħhom.

  • Għanijiet:
    • il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tas-CCP u tar-rabtiet ewlenin tagħha ma’ infrastrutturi tas-swieq finanzjarji oħra;
    • l-evitar ta’ ħsara lis-sistema finanzjarja;
    • il-protezzjoni ta’ fondi pubbliċi.
  • Kundizzjonijiet:
    • il-falliment attwali jew probabbli ta’ CCP;
    • in-nuqqas ta’ soluzzjoni alternattiva tas-settur privat;
    • ir-riżoluzzjoni li tkun fl-interess pubbliku.
  • Valutazzjoni:
    • żewġ valutazzjonijiet biex jiġi żgurat apprezzament ġust, prudenti u realistiku tal-assi, l-obbligazzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi tas-CCP.
  • Salvagwardji:
    • azzjonisti, il-membri tal-ikklerjar u kredituri oħra ma għandhomx jitilfu aktar milli kieku l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma intervjenietx (prinċipju ta’ “ebda kreditur ma jmur agħar”);
    • il-klijenti u l-klijenti indiretti li għalihom ingħatat telf mill-membri tal-ikklerjar tagħhom għandhom id-dritt għal sehem proporzjonat tal-kumpens li jistgħu jirċievu dawk il-membri tal-ikklerjar;
    • kull persuna affettwata minn ordni ta’ miżura ta’ kriżi jew azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha dritt ta’ appell.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu japplikaw il-miżuri li ġejjin, individwalment jew flimkien.

  • Allokazzjoni tal-pożizzjoni u t-telf. It-terminazzjoni ta’ kuntratti, it-tnaqqis tal-obbligi ta’ ħlas ta’ CCP lil membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti jew ir-rekwiżit li dawn tal-aħħar jagħmlu kontribuzzjoni fi flus lis-CCP.
  • Tniżżil u konverżjoni. It-tnaqqis jew il-konverżjoni tad-daqs tal-istrumenti tas-sjieda, tad-dejn jew ta’ obbligazzjonijiet mhux koperti oħra, li jeħtieġu li CCP tipprovdi u timplimenta pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.
  • Il-bejgħ ta’ negozju. Il-bejgħ ta’ sjieda jew kwalunkwe assi, drittijiet, obbligi jew obbligazzjonijiet ta’ CCP fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni.
  • CCP tranżitorja. It-trasferiment temporanju lil CCP oħra (CCP tranżitorja) ta’ sjieda jew kwalunkwe assi, drittijiet, obbligi jew obbligazzjonijiet ta’ CCP fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni.
  • Finanzjament alternattiv. Ikkuntrattar għas-self jew il-kisba ta’ forom oħra ta’ finanzjament biex jiġu indirizzati problemi temporanji tal-fluss ta’ kontanti.

L-Istati Membri jistgħu, bħala l-aħħar miżura, jekk falliment ta’ CCP jhedded kriżi sistemika, jinjettaw flus kontanti jew jeħduhom fi sjieda pubblika (għodod ta’ stabbilizzazzjoni tal-gvern), sakemm il-miżuri jkunu temporanji u jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u l-Istat Membru jkollu arranġamenti biex jirkupra l-fondi pubbliċi.

Ir-regolament jemenda dan li ġej:

Taħt il-proċedura ta’ reviżjoni:

  • L-ESMA tevalwa l-ħtiġijiet tal-persunal u r-riżorsi tagħha sat-;
  • il-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rapport dwar il-leġiżlazzjoni sat- u rapport dwar l-effettività tal-arranġamenti ta’ governanza għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCPs fl-UE sat-.

Atti delegati

Il-Kummissjoni adottat seba’ atti delegati.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/840, li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 li jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu u l-manutenzjoni tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati li diġà ġew iffinanzjati għas-CCP (ara l-Artikolu 9).
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/450, li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 li jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-ordni li fiha s-CCPs għandhom iħallsu l-kumpens lill-membri tal-ikklerjar li mhumiex inadempjenti għat-telf tagħhom, in-numru massimu ta’ snin li matulhom dawk is-CCPs għandhom jużaw sehem tal-profitti annwali tagħhom għal tali pagamenti lill-pussessuri ta’ strumenti li jirrikonoxxu talba fuq il-profitti futuri tagħhom u s-sehem massimu ta’ dawk il-profitti li se jintuża għal dawk il-pagamenti (ara l-Artikolu 20).
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/451, li jispeċifika l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti u l-kulleġġ superviżorju meta jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru tas-CCPs.
  • Regolament Delegat (UE) 2023/1192 li jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-arranġamenti u proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1193 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjan tar-riżoluzzjoni
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1615, li jistabbilixxi l-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens, l-ekwivalenti fi flus ta’ tali kumpens jew kwalunkwe rikavat li jkunu dovuti skont ir-Regolament (UE) 2021/23 għandhom jiġu mogħtija lill-klijenti u lill-klijenti indiretti u l-kundizzjonijiet li skonthom it-trasferiment għandu jitqies proporzjonat.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1616 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:
    • iċ-ċirkostanzi fejn persuna tkun meqjusa li hi indipendenti mill-awtorità tar-riżoluzzjoni u mis-CCP.
    • il-metodoloġija għal assessjar tal-valur tal-assi u obbligazzjonijiet ta’ CCP;
    • is-separazzjoni tal-valutazzjonijiet;
    • il-metodoloġija għall-kalkolu tal-buffer għal telf addizzjonali li jrid ikun inkluż fil-valutazzjonijiet proviżorji; u
    • il-metodoloġija għat-twettiq tal-valutazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju “li l-ebda kreditur ma jmur agħar”.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2024/450 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw: l-elementi minimi li jridu jkunu inklużi fi pjan tar-riorganizzazzjoni tan-negozju u l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati għall-approvazzjoni tiegħu mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan daħal fis-seħħ fil- . Id-dispożizzjonijiet ewlenin relatati mal-ippjanar tal-irkupru ilhom japplikaw mit- u l-biċċa l-kbira tal-bqija tar-regolament ilu japplika mit-.

SFOND

  • Is-CCPs huma parti essenzjali mis-sistema finanzjarja billi jimmaniġġjaw ammont sinifikanti ta’ riskju tal-kontroparti u jaġixxu bħala rabta bejn diversi banek, kontropartijiet finanzjarji u kontropartijiet oħra.
  • L-adozzjoni tar-regolament dwar l-infrastruttura tas-suq Ewropew, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, żgurat li s-CCPs għenu biex tiżdied it-trasparenza tas-suq wara l-kriżi finanzjarja tal-2008.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

  1. Kontraparti ċentrali. Entitá li tqiegħed lilha nnifisha bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati f’suq finanzjarju wieħed jew aktar, u ssir il-bejjiegħ għal kull xerrej u x-xerrej għal kull bejjiegħ.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 22, , pp. 1–102).

l-aħħar aġġornament

Top