EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020A1231(03)

Dikjarazzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni, u dwar applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni u tal-Ftehim dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

ĠU L 444, 31.12.2020, p. 1475–1485 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/declar/2020/2252/oj

31.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 444/1475


Dikjarazzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni, u dwar applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni u tal-Ftehim dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-KOOPERAZZJONI REGOLATORJA FIS-SERVIZZI FINANZJARJI BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-RENJU UNIT

1.

L-Unjoni u r-Renju Unit jaqblu li jistabbilixxu kooperazzjoni regolatorja strutturata dwar is-servizzi finanzjarji, bil-għan li tiġi stabbilita relazzjoni dejjiema u stabbli bejn il-ġuriżdizzjonijiet awtonomi. Abbażi ta’ impenn komuni biex jiġu ppreservati l-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, u l-protezzjoni tal-investituri u l-konsumaturi, dawn l-arranġamenti se jippermettu:

skambji bilaterali ta’ fehmiet u analiżi relatati ma’ inizjattivi regolatorji u kwistjonijiet oħra ta’ interess;

trasparenza u djalogu xieraq fil-proċess ta’ adozzjoni, sospensjoni u rtirar ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza; kif ukoll

kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa inkluż f’korpi internazzjonali kif xieraq.

2.

Iż-żewġ Partijiet, sa Marzu 2021, se jiftiehmu dwar Memorandum ta’ Ftehim li jistabbilixxi l-qafas għal din il-kooperazzjoni. Il-partijiet se jiddiskutu, fost l-oħrajn , kif jimxu 'l quddiem fuq iż-żewġ naħat b’determinazzjonijiet ta’ ekwivalenza bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, mingħajr preġudizzju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet unilaterali u awtonomu ta’ kull naħa.

DIKJARAZZJONI POLITIKA KONĠUNTA DWAR IL-ĠLIEDA KONTRA REĠIMI TAT-TAXXA DANNUŻI

L-Unjoni Ewropea (1)u r-Renju Unit (“il-Parteċipanti”) japprovaw id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta li ġejja dwar il-Ġlieda kontra r-Reġimi tat-Taxxa Dannużi.

Il-parteċipanti, li jirriflettu l-prinċipji globali tal-kompetizzjoni ġusta tat-taxxa, jaffermaw l-impenn tagħhom li jiġġieldu kontra reġimi tat-taxxa dannużi, b’mod partikolari dawk li jistgħu jiffaċilitaw l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt f’konformità mal-Azzjoni 5 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS). F’dan il-kuntest, il-Parteċipanti jaffermaw l-impenn tagħhom li japplikaw il-prinċipji fil-ġlieda kontra reġimi tat-taxxa dannużi f’konformità ma’ din id-dikjarazzjoni politika konġunta.

Ir-reġimi tat-taxxa dannużi jkopru reġimi ta’ tassazzjoni tan-negozju, li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-post tal-attività tan-negozju, inkluż ta’ gruppi ta’ kumpaniji, fi ħdan il-Parteċipanti. Is-sistemi tat-taxxa jinkludu kemm liġijiet jew regolamenti kif ukoll prattiki amministrattivi.

Jekk reġim tat-taxxa jissodisfa l-kriterju gateway tal-impożizzjoni ta’ livell effettiv b’mod sinifikanti anqas ta’ tassazzjoni minn dawk il-livelli li ġeneralment japplikaw fil-Parteċipanti, inkluż tassazzjoni żero, dan jenħtieġ li jitqies bħala potenzjalment dannuż. Livell ta’ tassazzjoni bħal dan jista’ jopera bis-saħħa ta’ rata tat-taxxa nominali, il-bażi tat-taxxa jew kwalunkwe fattur relevanti ieħor.

F’dan il-kuntest, u meta jitqies l-approċċ stabbilit fil-livell globali, meta jiġi vvalutat jekk reġim ta’ tassazzjoni tan-negozju huwiex ta’ ħsara, jenħtieġ li jitqies jekk japplikax wieħed jew aktar mill-fatturi ewlenin li ġejjin:

a)

jekk il-vantaġġi humiex delimitati mill-ekonomija domestika sabiex ma jaffettwawx il-bażi tat-taxxa nazzjonali jew jingħataw biss lil dawk li mhumiex residenti;

b)

jekk ir-reġim li jagħti l-vantaġġi jonqosx milli jirrikjedi xi attività ekonomika sostanzjali u preżenza ekonomika sostanzjali fi ħdan il-Parteċipant li joffri dawn il-vantaġġi fiskali;

c)

jekk ir-regoli għad-determinazzjoni tal-profitt fir-rigward ta’ attivitajiet fi ħdan grupp multinazzjonali ta’ kumpaniji jitbiegħdux minn prinċipji aċċettati internazzjonalment, b’mod partikolari r-regoli miftiehma fi ħdan l-OECD;

d)

jekk ir-reġim tat-taxxa jkunx nieqes mit-trasparenza, inkluż fejn id-dispożizzjonijiet legali jiġu rilassati fil-livell amministrattiv b’mod mhux trasparenti jew fejn ma jkun hemm l-ebda skambju effettiv ta’ informazzjoni fir-rigward tar-reġim.

Il-parteċipanti jenħtieġ li jinkoraġġixxu, fil-qafas tal-arranġamenti kostituzzjonali tagħhom, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fit-territorji li għalihom għandhom responsabbiltajiet speċjali jew prerogattivi ta’ tassazzjoni.

Il-Parteċipanti jenħtieġ li jkollhom djalogu annwali biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ dawn il-Prinċipji .

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-UNJONI EWROPEA U R-RENJU UNIT DWAR IL-POLITIKA MONETARJA U L-KONTROLL TAS-SUSSIDJI

Il-Partijiet jikkonfermaw il-fehim reċiproku tagħhom li l-attivitajiet imwettqa minn bank ċentrali fl-insegwiment ta’ politiki monetarji ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 3 [Kontroll tas-sussidjarjetà] tat-Titolu XI [Kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni miftuħa u ġusta u l-iżvilupp sostenibbli] tal-Ewwel Intestatura [Kummerċ] tat-Tieni Parti tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-POLITIKI TA’ KONTROLL TAS-SUSSIDJI

L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit (“il-Parteċipanti”) japprovaw id-Dikjarazzjoni Politika li ġejja dwar il-Politiki tal-Kontroll tas-Sussidji.

Il-gwida f’din id-dikjarazzjoni konġunta tirrappreżenta l-fehim kondiviż tal-Parteċipanti tal-politiki ta’ sussidju xierqa fl-oqsma stabbiliti hawn taħt.

Filwaqt li mhijiex vinkolanti fuq il-Parteċipanti, huma jistgħu jqisu din il-gwida fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ kontroll tas-sussidji.

Il-Parteċipanti jistgħu jaqblu li jaġġornaw din il-gwida.

Sussidji għall-iżvilupp ta’ żoni żvantaġġati

1.

Jistgħu jingħataw sussidji għall-iżvilupp ta’ żoni jew reġjuni żvantaġġati jew żvantaġġati. Meta jiġi stabbilit l-ammont ta’ sussidju, jistgħu jiġu kkunsidrati dawn li ġejjin:

is-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żona żvantaġġata kkonċernata;

id-daqs tal-benefiċjarju; kif ukoll

id-daqs tal-proġett ta’ investiment.

2.

Il-benefiċjarju għandu jipprovdi l-kontribuzzjoni sostanzjali tiegħu għall-ispejjeż tal-investiment. Is-sussidju ma għandux ikollu bħala l-għan jew l-effett ewlieni tiegħu li jinċentiva lill-benefiċjarju biex jittrasferixxi l-istess attività jew waħda simili mit-territorju ta’ Parti waħda għat-territorju tal-Parti l-oħra.

Trasport

1.

Sussidji lill-ajruporti għal investimenti infrastrutturali u spejjeż operattivi jistgħu jingħataw filwaqt li jitqies id-daqs tal-ajruport f’termini ta’ volum annwali ta’ passiġġieri. Sabiex jirċievi sussidji biex jiffinanzja l-ispejjeż operattivi, ajruport, għajr ajruport reġjonali żgħir, għandu juri l-kapaċità tiegħu li jiżgura vijabbiltà futura f’perjodu ta’ żmien li jippermetti li s-sussidju jitneħħa progressivament.

2.

Is-sussidji għal proġetti ta’ infrastruttura tat-toroq jistgħu jingħataw jekk ma jkunux imfassla b’mod selettiv għall-benefiċċju ta’ attur jew settur ekonomiku individwali, iżda minflok jipprovdu benefiċċji lis-soċjetà inġenerali. Meta jingħata s-sussidju, għandu jiġi żgurat li l-aċċess miftuħ għall-infrastruttura jkun disponibbli għall-utenti kollha fuq bażi mhux diskriminatorja (2).

3.

Sussidji lill-portijiet jistgħu jingħataw għal tħammil jew għal proġetti ta’ infrastruttura jekk ikunu limitati għall-ammont minimu meħtieġ biex jinbeda l-proġett.

Riċerka u żvilupp

Jistgħu jingħataw sussidji għal attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (3). Dan jinkludi r-riċerka fundamentali, ir-riċerka industrijali u l-iżvilupp sperimentali, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida u innovattiva ħafna li tixpruna t-tkabbir tal-produttività u l-kompetittività, jekk ikunu meħtieġa, proporzjonati, u ma jkollhomx bħala l-għan jew l-effett ewlieni tagħhom it-trasferiment jew l-għeluq ta’ tali attivitajiet fit-territorju tal-Parti l-oħra. Is-sussidji jistgħu jingħataw ukoll b’rabta ma’ inizjattivi oħra, bħal pereżempju għal proċessi ta’ produzzjoni ġodda, infrastruttura rilevanti, raggruppamenti tal-innovazzjoni u ċentri diġitali. L-ammont ta’ sussidju għandu jirrifletti, fost fatturi oħra, ir-riskju u l-ammont ta’ innovazzjoni teknoloġika involuta fil-proġett, kemm il-proġett huwa qrib is-suq u l-kontribut tal-proġett għall-ġenerazzjoni tal-għarfien.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-UNJONI U R-RENJU UNIT DWAR L-ANNESS ENER-4

Il-partijiet jifhmu li l-għan li jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-kummerċ imsemmija fl-Anness ENER-4 ifisser li, fil-limiti stabbiliti f’dak l-Anness, l-arranġamenti kummerċjali:

jenħtieġ li jkunu effiċjenti kemm jista’ jkun; kif ukoll

jenħtieġ li, f’ċirkostanzi normali, jirriżulta fi l-flussi bejn l-interkonnetturi tal-elettriku li jkunu konsistenti mal-prezzijiet fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem tal-Partijiet.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU EXC.1 [EĊĊEZZJONIJIET ĠENERALI] U L-ARTIKOLU EXC.4 [EĊĊEZZJONIJIET TAS-SIGURTÀ]

Il-Partijiet jikkonfermaw il-fehim komuni tagħhom li:

1.

Artikolu EXC.1 [Eċċezzjonijiet Ġenerali] u l-Artikolu EXC.4 [Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtà] ma jeskludux lil xulxin. B’mod partikolari, mhuwiex eskluż li interess ta’ sigurtà ta’ Parti jikkwalifika simultanjament bħala ‘interess essenzjali ta’ sigurtà’ għall-finijiet tal-Artikolu EXC.4 [Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtà] u bħala kwistjoni ta’ ‘sigurtà pubblika’ jew ‘ordni pubblika’ għall-finijiet tal-Artikolu EXC.1 [Eċċezzjonijiet Ġenerali].

2.

Artikolu EXC.1 [Eċċezzjonijiet ġenerali] u Artikolu EXC.4 [Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtà], inklużi b’ mod partikolari t-termini ‘interessi essenzjali ta’ sigurtà’, ‘sigurtà pubblika’, ‘morali pubblika’ u ‘ordni pubbliku’ għandhom jiġu interpretati f’konformità mar-regoli ta’ interpretazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, kif stabbilit fl-Artikolu COMPROV.13 [Interpretazzjoni] u l-Artikolu OTH. [4a] [każistika tad-WTO].

DIKJARAZZJONI POLITIKA KONĠUNTA DWAR IT-TRASPORTATURI BIT-TRIQ

Il-Partijiet jinnotaw li filwaqt li l-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ma jittrattax l-arranġamenti tal-viża jew tal-fruntieri għat-trasportaturi bit-triq li joperaw fit-territorju tal-parti l-oħra, il-ġestjoni tajba u effiċjenti tal-arranġamenti tal-viża u tal-fruntieri għat-trasportaturi bit-triq hija importanti għall-moviment tal-merkanzija, b’mod partikolari bejn il-fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni.

Għal dan il-għan, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ kull Parti li tirregola d-dħul ta’ persuni fiżiċi, jew is-soġġorn temporanju tagħhom, fit-territorju tagħha, il-Partijiet jaqblu li jiffaċilitaw b’mod xieraq, fil-liġijiet rispettivi tagħhom, id-dħul u s-soġġorn temporanju tax-xufiera li jwettqu l-attivitajiet permessi skont it-Titolu I [Trasport tal-merkanzija bit-triq] tat-Tielet Intestatura [Trasport bit-triq] tat-Tieni Parti [Kummerċ, trasport u sajd] ta’ dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI POLITIKA KONĠUNTA DWAR L-ASIL U R-RITORNI

Filwaqt li l-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar l-asil, ir-ritorn, ir-riunifikazzjoni tal-familja għal minorenni mhux akkumpanjati, jew il-migrazzjoni illegali, il-Partijiet jinnotaw l-importanza ta’ ġestjoni tajba tal-flussi migratorji, u jirrikonoxxu ċ-ċirkostanzi speċjali li jirriżultaw mill-arranġamenti ta’ kontroll imħallta, is-servizzi roll-on roll-off ferry, iċ-Channel Fixed Link u ż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar.

Għal dan il-għan, il-Partijiet jieħdu nota tal-intenzjoni tar-Renju Unit li jidħol f’diskussjonijiet bilaterali mal-Istati Membri l-aktar ikkonċernati biex jiddiskuti arranġamenti prattiċi xierqa dwar l-asil, ir-riunifikazzjoni tal-familja għal minorenni mhux akkumpanjati jew il-migrazzjoni illegali, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

DIKJARAZZJONI POLITIKA KONĠUNTA DWAR IT-TITOLU III [PNR] TAT-TIELET PARTI [L-INFURZAR TAL-LIĠI U L-KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F’MATERJI KRIMINALI]

Il-partijiet jirrikonoxxu li l-użu effettiv tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) li tikkonċerna modi ta’ trasport minbarra titjiriet, bħat-trasportaturi marittimi, ferrovjarji u bit-triq, jippreżenta valur operazzjonali għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità serja, u jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jirrevedu u, jekk ikun meħtieġ, jestendu l-ftehim milħuq fit-Titolu III tal-Parti Tlieta tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jekk l-Unjoni tistabbilixxi qafas legali intern għat-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR għal modi oħra ta’ trasport.

Il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri u r-Renju Unit jidħlu fi ftehimiet bilaterali u joperawhom għal sistema għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-PNR minn fornituri tat-trasport għajr dawk speċifikati fil-Ftehim, dment li l-Istati Membri jaġixxu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

DIKJARAZZJONI POLITIKA KONĠUNTA DWAR IT-TITOLU VII [KONSENJA] TAT-TIELET PARTI [INFURZAR TAL-LIĠI U KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F’MATERJI KRIMINALI]

L-Artikolu LAW.SURR.77 [Prinċipju ta’ proporzjonalità] tat- Titolu VII [Konsenja][tat-Tielet Parti [Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali] jipprevedi li l-kooperazzjoni dwar il-konsenja għandha tkun neċessarja u proporzjonata, b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna rikjesta u l-interessi tal-vittmi, u b’kont meħud tal-gravità tal-att, il-piena probabbli li tiġi imposta u l-possibbiltà li Stat jieħu miżuri inqas koerċittivi mill-konsenja tal-persuna rikjesta, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu evitati perjodi twal ta’ qabel id-detenzjoni bla bżonn.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rilevanti matul il-proċess kollu li jwassal għad-deċiżjoni ta’ ċediment stabbilita fit-Titolu VII [Konsenja]. Meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha tħassib dwar il-prinċipju tal-proporzjonalità, hija għandha titlob l-informazzjoni supplimentari meħtieġa biex l-awtorità ġudizzjarja emittenti tkun tista’ tistabbilixxi l-fehmiet tagħha dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Iż-żewġ Partijiet jinnotaw li l-Artikoli LAW.SURR 77 [Prinċipju ta’ proporzjonalità] u 93 [Deċiżjoni ta’ konsenja]jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istati jikkunsidraw il-proporzjonalità u t-tul possibbli tad-detenzjoni ta’ qabel il-proċess meta jimplimentaw it-Titolu VII [Konsenja], u jinnotaw li dan huwa konsistenti mal-liġijiet domestiċi rispettivi tagħhom.

DIKJARAZZJONI POLITIKA KONĠUNTA DWAR IT-TITOLU IX [SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI TA’ REKORDS KRIMINALI] TAT-TIELET PARTI [L-INFURZAR TAL-LIĠI U L-KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F’MATERJI KRIMINALI]

Il-Partijiet jirrikonoxxu li huwa importanti għal min iħaddem li jkollu informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ kundanni kriminali u dwar kwalunkwe skwalifika rilevanti li tirriżulta minn tali kundanni, fir-rigward ta’ persuni li jirreklutaw għal attivitajiet volontarji professjonali jew organizzati li jinvolvu kuntatti diretti u regolari ma’ adulti vulnerabbli. Il-Partijiet jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jirrevedu u, jekk ikun meħtieġ, jestendu it-Titolu IX [ Skambju ta’ informazzjoni ta’ rekords kriminali] tal-Parti Tlieta [L-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali] jekk l-Unjoni temenda l-qafas legali tagħha f’dan ir-rigward.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA BEJN L-UE U R-RENJU UNIT DWAR L-ISKAMBJU U L-PROTEZZJONI TA’ INFORMAZZJONI KLASSIFIKATA

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jidħlu malajr kemm jista’ jkun f’arranġamenti li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. F’dan ir-rigward, il-Partijiet se jagħmlu ħilithom kollha biex itemmu n-negozjati dwar l-arranġament ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni, hekk kif ikun raġonevolment prattikabbli, biex il-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni jkun jista’ japplika, kif meħtieġ skont l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim. Sadanittant, il-Partijiet jistgħu jiskambjaw informazzjoni klassifikata, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI FIL-PROGRAMMI TAL-UNJONI U L-AĊĊESS GĦAS-SERVIZZI TAL-PROGRAMM

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-benefiċċju reċiproku fil-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni, bħax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni, ir-riċerka nukleari u l-ispazju. Sabiex jinkoraġġixxu kooperazzjoni futura f’dawn l-oqsma, hija l-intenzjoni tal-Partijiet li jistabbilixxu bażi formali għall-kooperazzjoni futura fil-forma tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi korrispondenti tal-Unjoni b’kundizzjonijiet ġusti u xierqa u, fejn xieraq, fil-forma ta’ aċċess għal ċerti servizzi pprovduti taħt il-programmi tal-Unjoni.

Il-Partijiet jirrikonoxxu li t-test tal-Protokoll I “Programmi u attivitajiet li fihom jipparteċipa r-Renju Unit” li jistabbilixxi assoċjazzjoni tar-Renju Unit għall-parteċipazzjoni f’ċerti programmi u attivitajiet tal-Unjoni, u l-Protokoll II “dwar l-aċċess tar-Renju Unit għal ċerti servizzi pprovduti taħt il-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni” ma setax jiġi ffinalizzat matul in-negozjati tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, peress li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali u l-istrumenti legali korrispondenti tal-Unjoni għadhom ma ġewx adottati fil-mument tal-iffirmar tal-Ftehim.

Il-Partijiet jaffermaw li l-abbozz tal-protokolli stabbiliti hawn taħt ġew maqbula fil-prinċipju u se jiġu ppreżentati lill-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-adozzjoni. Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jirriżervaw id-dritt tagħhom li jikkunsidraw mill-ġdid il-parteċipazzjoni fil-programmi, l-attivitajiet u s-servizzi elenkati fil-Protokolli [I u II] qabel ma jiġu adottati peress li l-istrumenti legali li jirregolaw il-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni jistgħu jkunu soġġetti għal tibdil. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li l-abbozz tal-protokolli jiġi emendat biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom ma’ dawn l-istrumenti kif adottati.

Hija l-intenzjoni soda tal-Partijiet li l-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni jadotta l-Protokolli mal-ewwel opportunità biex jippermetti l-implimentazzjoni tagħhom malajr kemm jista’ jkun, b’mod partikolari bl-ambizzjoni li l-entitajiet tar-Renju Unit ikunu jistgħu jipparteċipaw mill-bidu tal-programmi u l-attivitajiet identifikati, filwaqt li jiżgura li l-arranġamenti u l-ftehimiet rilevanti jkunu fis-seħħ, sa fejn ikun possibbli u f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Il-Partijiet ifakkru wkoll fl-impenn tagħhom għall-programm PEACE+ li se jkun is-suġġett ta’ ftehim ta’ finanzjament separat.

ABBOZZ TA’ PROTOKOLL I

Programmi u attivitajiet li fihom jipparteċipa r-Renju Unit

Artikolu 1: Ambitu tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit

1.

Ir-Renju Unit għandu jipparteċipa u jikkontribwixxi [mill-1 ta’ Jannar 2021] għall-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, stabbiliti mill-atti bażiċi li ġejjin:

a)

Ir-Regolament XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE (4), sa fejn dan jikkonċerna r-regoli applikabbli għall-komponent imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament; [Copernicus]

b)

Ir-Regolament XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni (5), sa fejn dan jikkonċerna r-regoli applikabbli għall-komponenti msemmija fil-paragrafu 3 (a) u (aa) tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament;

c)

Id-Deċiżjoni XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (6);

d)

Ir-Regolament tal-Kunsill XXX li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Euratom, għall-perjodu 2021–2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (7) (il- “Programm Euratom”) ;

e)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER (“F4E”) u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi (“id-Deċiżjoni tal-Kunsill F4E”) (8)

Artikolu 2: Ambitu tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit

1.

Ir-Renju Unit għandu jipparteċipa fil-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni, jew f’partijiet minnhom, imsemmija fl-Artikolu 1 [Ambitu tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit ] mill- [1 ta’ Jannar 2021] għat-tul ta’ żmien tagħhom jew għat-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, skont liema jkun l-iqsar .

2.

L-entitajiet tar-Renju Unit jew tar-Renju Unit għandhom ikunu eliġibbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu UNPRO.1.4 [Konformità mar-regoli tal-programm] , fir-rigward tal-proċeduri tal-għoti tal-Unjoni, li jimplimentaw l-impenji baġitarji tal-programmi u l-attivitajiet jew partijiet minnhom, imsemmija fl-Artikolu 1 [Kamp ta’ applikazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit ] fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu .

3.

Dan il-Protokoll għandu jiġi estiż u japplika għall-perjodu 2026–2027 bl-istess termini u kundizzjonijiet għas-suċċessur tal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Euratom (“il-Programm Euratom”), sakemm fi żmien 3-il xahar mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ dak il-programm suċċessur, kull Parti tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li ma testendix dan il-Protokoll għal dak il-programm suċċessur. Fil-każ ta’ tali notifika, dan il-Protokoll ma għandux japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 fir-rigward tas-suċċessur tal-Programm Euratom. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi programmi u attivitajiet oħra tal-Unjoni, jew partijiet minnhom.

Artikolu 3: Termini u kundizzjonijiet speċifiċi ta’ parteċipazzjoni fil-Programm Spazjali

1.

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u b’mod partikolari l-Artikolu UNPRO.1.4 [Konformità mar-regoli tal-programm], ir-Renju Unit għandu jipparteċipa fil-komponent Copernicus tal-programm Spazjali u jibbenefika mis-servizzi u l-prodotti ta’ Copernicus bl-istess mod bħal pajjiżi parteċipanti oħra (9).

2.

Ir-Renju Unit għandu jkollu aċċess sħiħ għas-Servizz ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenzi ta’ Copernicus. Il-modalitajiet ta’ attivazzjoni u użu għandhom ikunu soġġetti għal ftehim speċifiku.

Regoli dettaljati għall-aċċess għal tali servizzi għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehimiet rispettivi inkluż fir-rigward tal-operazzjoni speċifika tal-Artikoli UNPRO.3.1 (4) , UNPRO.3.2 (4) u UNPRO.3.3 (5) .

3.

Ir-Renju Unit għandu jkollu aċċess bħala utent awtorizzat għall-komponenti tas-Servizz tas-Sigurtà ta’ Copernicus sa fejn ikun hemm qbil dwar il-kooperazzjoni bejn il-partijiet fl-oqsma ta’ politika rilevanti. Il-modalitajiet ta’ attivazzjoni u użu għandhom ikunu soġġetti għal ftehimiet speċifiċi.

Regoli dettaljati għall-aċċess għal tali servizzi għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehimiet rispettivi inkluż fir-rigward tal-operazzjoni speċifika tal-Artikoli UNPRO.3.1 (4) , UNPRO.3.2 (4) u UNPRO.3.3 (5) .

4.

Għall-finijiet tal-paragrafu 3, in-negozjati bejn ir-Renju Unit jew l-entitajiet tar-Renju Unit u l-korp rilevanti tal-Unjoni għandhom jibdew malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet stabbilita l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’Copernicus f’dan il-Protokoll u f’konformità mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għal tali servizzi.

Jekk tali ftehim jiddewwem sostanzjalment jew jirriżulta impossibbli, il-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni għandu jeżamina kif jaġġusta l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’Copernicus u l-finanzjament tiegħu filwaqt li jqis din is-sitwazzjoni.

5.

Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tar-Renju Unit fil-laqgħat tal-Bord għall-Akkreditament tas-Sigurtà għandha tkun irregolata mir-regoli u l-proċeduri għall-parteċipazzjoni f’dan il-bord b’kont meħud tal-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz.

Artikolu 4: Termini u kundizzjonijiet speċifiċi ta’ parteċipazzjoni fil-Programm Orizzont Ewropa

1.

Soġġett għall-Artikolu 6, Ir-Renju Unit għandu jipparteċipa bħala pajjiż assoċjat fil-partijiet kollha tal-programm Orizzont Ewropa kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament XXX implimentat permezz tal-programm speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni XXX dwar l-istabbiliment tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008.

2.

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u b’mod partikolari l-Artikolu UNPRO.1.4 [Konformità mar-regoli tal-programm], entitajiet mir-Renju Unit jistgħu jipparteċipaw f’azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) u f’azzjonijiet indiretti b’kundizzjonijiet ekwivalenti bħal dawn applikabbli għal entitajiet oħra tal-Unjoni.

3.

Meta l-Unjoni tadotta miżuri għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , l-entitajiet tar-Renju Unit u tar-Renju Unit jistgħu jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa skont dawk id-dispożizzjonijiet, f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni relatati mal-istabbiliment ta’ dawn l-istrutturi legali.

4.

Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (10), kif emendat, u d-Deċiżjoni XXX dwar l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021-2027: It-tisħiħ tat-Talent u l-Kapaċità ta’ Innovazzjoni tal-Ewropa (11), kif emendat, għandu japplika għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet tar-Renju Unit fil-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni f’konformità mal-Artikolu UNPRO.1.4 [Konformità mar-regoli tal-programm] .

5.

Fejn entitajiet tar-Renju Unit jipparteċipaw f’azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, ir-rappreżentanti tar-Renju Unit għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, mingħajr drittijiet tal-vot. Soġġetta għal dik il-kondizzjoni, tali parteċipazzjoni għandha tkun irregolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri, inklużi d-drittijiet tat-taħdit u l-proċeduri għar-riċeviment ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward ta’ punt li jikkonċerna r-Renju Unit.

6.

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni operazzjonali skont l-Artikolu UNPRO.2.1(5) l-approprjazzjonijiet ta’ impenn inizjali mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottati definittivament għas-sena applikabbli għall-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, inkluża n-nefqa ta’ appoġġ tal-programm, għandhom jiżdiedu bl-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern skont [l-Artikolu XXX] tar-Regolament tal-Kunsill [XXX] li jistabbilixxi Strument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea biex jappoġġa l-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19 (12).

7.

Id-drittijiet tar-Renju Unit għar-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u s-sottogruppi tiegħu għandhom ikunu dawk applikabbli għall-pajjiżi assoċjati.

8.

Ir-Renju Unit jista’ jipparteċipa f’Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (“ERIC”) f’konformità mal-atti legali li jistabbilixxu dak l-ERIC u b’kont meħud tal-parteċipazzjoni tiegħu f’Orizzont 2020 f’konformità mat-termini li japplikaw għal dik il-parteċipazzjoni immedjatament qabel ma daħal fis-seħħ dan il-Protokoll u l-parteċipazzjoni tiegħu f’Orizzont Ewropa kif stabbilit f’dan il-Protokoll.

Artikolu 5: Modalitajiet dwar l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatiku għall-Programm Orizzont Ewropa skont l-Artikolu UNPRO.2.2 [Programmi li għalihom japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatiku]

1.

L-Artikolu UNPRO.2.2 [Programmi li għalihom japplika mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatiku] għandu japplika għall-programm Orizzont Ewropa.

2.

Għandhom japplikaw il-modalitajiet li ġejjin:

a)

għall-finijiet tal-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika, “għotjiet kompetittivi” tfisser għotjiet mogħtija permezz ta’ sejħiet għal proposti fejn il-benefiċjarji finali jistgħu jiġu identifikati fil-mument tal-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika bl-eċċezzjoni tal-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi kif definit fl-Artikolu 204 tar-Regolament Finanzjarju (13) applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni;

b)

meta jiġi ffirmat impenn legali ma’ koordinatur ta’ konsorzju, l-ammonti użati biex jiġu stabbiliti l-ammonti inizjali tal-impenn legali msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu UNPRO.2.2 [Programmi li għalihom japplika mekkaniżmu awtomatiku ta’ korrezzjoni] għandhom ikunu l-ammonti inizjali kumulattivi allokati fl-impenn legali lill-membri ta’ konsorzju li huma entitajiet tar-Renju Unit.

c)

L-ammonti kollha tal-impenji legali għandhom jiġu stabbiliti bl-użu tas-sistema elettronika tal-Kummissjoni Ewropea eCorda;

d)

“spejjeż mhux ta’ intervent” tfisser spejjeż tal-programm operazzjonali minbarra għotjiet kompetittivi, inklużi nefqa ta’ appoġġ, amministrazzjoni speċifika għall-programm, azzjonijiet oħra (14);

e)

l-ammonti allokati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħala entitajiet legali li huma l-benefiċjarju finali (15) għandhom jitqiesu bħala spejjeż mhux ta’ intervent.

3.

Il-mekkaniżmu għandu jiġi applikat kif ġej:

a)

Il-korrezzjonijiet awtomatiċi għas-sena N fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għas-sena N għandhom jiġu applikati abbażi ta’ data dwar is-sena N u s-sena N+1 mill-eCorda msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 fis-sena N+2 wara li kwalunkwe aġġustament skont l-Artikolu UNPRO.2.1 (8) ikun ġie applikat għall-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għal Orizzont Ewropa. L-ammont ikkunsidrat se jkun l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi li għalihom id-data hija disponibbli.

b)

L-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għandu jiġi kkalkulat billi tittieħed id-differenza bejn:

i)

l-ammont totali ta’ dawn l-għotjiet kompetittivi mqassma lill-entitajiet tar-Renju Unit bħala impenji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet tal-baġit tas-sena N; kif ukoll

ii)

l-ammont tal-kontribuzzjoni aġġustata tar-Renju Unit għas-sena N immultiplikat bil-proporzjon bejn:

(A)

l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi magħmula fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N għal dan il-programm, u

(B)

it-total tal-impenji legali kollha li saru fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N, inkluża n-nefqa ta’ appoġġ.

Fejn isir kwalunkwe aġġustament għal sitwazzjonijiet fejn l-entitajiet tar-Renju Unit huma esklużi, skont l-applikazzjoni tal-Artikolu UNPRO.2.1 (8), l-ammonti tal-għotja kompetittiva korrispondenti ma għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu.

Artikolu 6: Esklużjoni mill-Fond Ewropew tal-Kunsill tal-Innovazzjoni

1.

Ir-Renju Unit u l-entitajiet tar-Renju Unit ma għandhomx jipparteċipaw fil-Fond tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) stabbilit taħt Orizzont Ewropa. Il-Fond EIC huwa l-istrument finanzjarju li huwa l-parti tal-Aċċelleratur tal-EIC ta’ Orizzont Ewropa li jipprovdi investiment permezz ta’ ekwità jew forma oħra ripagabbli (16).

2.

Mill-2021, u sal-2027, kull sena, il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għal Orizzont Ewropa għandha tiġi aġġustata b’ammont miksub billi jiġu mmultiplikati l-ammonti stmati li għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarji tal-Fond EIC stabbilit skont il-programm, eskluż l-ammont li ġej minn pagamenti lura u rimborżi, bil-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni kif definit fl-Artikolu UNPRO.2.1 (6).

3.

Wara kwalunkwe sena N li fiha jkun sar aġġustament skont il-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għandha fi snin sussegwenti tiġi aġġustata ‘l fuq jew’ l isfel, billi tiġi mmultiplikata d-differenza bejn l-ammont stmat allokat lill-benefiċjarji tal-Fond EIC, kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) , u l-ammont allokat lill-benefiċjarji tal-Fond EIC fis-sena N, bil-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni, kif definit fl-Artikolu UNPRO 2.1 (6).

Artikolu 7: Termini u kundizzjonijiet speċifiċi ta’ parteċipazzjoni fil-Programm Euratom

1.

Ir-Renju Unit għandu jipparteċipa bħala pajjiż assoċjat fil-partijiet kollha tal-Programm Euratom.

2.

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u b’mod partikolari l-Artikolu UNPRO.1.4 [Konformità mar-regoli tal-programm], entitajiet mir-Renju Unit jistgħu jipparteċipaw fl-aspetti kollha tal-Programm Euratom b’kundizzjonijiet ekwivalenti bħal dawk applikabbli għal entitajiet oħra tal-Euratom.

3.

L-entitajiet tar-Renju Unit jistgħu jipparteċipaw f’azzjonijiet diretti tal-JRC skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 8: Termini u kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, il-Ftehim ITER u l-Ftehim ta’ Approċċ Usa’

1.

Ir-Renju Unit għandu jipparteċipa bħala membru tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (F4E) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-F4E, u l-Istatuti tagħha mehmuża magħha (l-“Istatuti tal-F4E”), kif emendati l-aħħar jew li għandhom jiġu emendati fil-futur, li jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika futura fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata permezz tal-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-Programm Euratom.

2.

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u b’mod partikolari l-Artikolu UNPRO.1.4 [Konformità mar-regoli tal-programm], entitajiet mir-Renju Unit jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet kollha tal-F4E bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal entitajiet ġuridiċi tal-Euratom.

3.

Ir-rappreżentanti tar-Renju Unit għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-F4E skont l-Istatuti tal-F4E.

4.

F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-F4E, ir-Renju Unit għandu japplika l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-Impriża Konġunta, id-Direttur tagħha u l-persunal b’rabta mal-attivitajiet tagħhom skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-F4E. F’konformità mal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-F4E, ir-Renju Unit għandu wkoll jikkonferixxi l-vantaġġi kollha previsti fl-Anness III għat-Trattat Euratom lill-Impriża Konġunta F4E fl-ambitu tal-attivitajiet uffiċjali tiegħu.

5.

Il-Partijiet jaqblu li:

a)

Il-Ftehim dwar l-Istabbiliment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni konġunta tal-proġett ITER (il-Ftehim ITER) għandu japplika għat-territorju tar-Renju Unit, u għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu , dan il-Protokoll għandu jitqies bħala ftehim rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 21 tal-Ftehim ITER;

b)

Il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet) għandu japplika għat-territorju tar-Renju Unit, u għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu , dan il-Protokoll għandu jitqies bħala ftehim rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet; kif ukoll

c)

Il-Ftehim bejn l-Euratom u l-Gvern tal-Ġappun għall-implimentazzjoni konġunta tal-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa’ fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni (Ftehim ta’ Approċċ Usa’ ) għandu japplika għat-territorju tar-Renju Unit, b’mod partikolari l-privileġġi u l-immunitajiet skont l-Artikoli 13 u 14.5 , u għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu , dan il-Protokoll għandu jitqies bħala ftehim rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 26 tal-Ftehim dwar l-Approċċ Usa’.

6.

Ir-Renju Unit għandu jiġi infurmat mill-Euratom jekk il-Ftehim ITER, il-Ftehim ta’ Approċċ Usa’ jew il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ikunux se jiġu emendati. Kwalunkwe emenda li taffettwa d-drittijiet jew l-obbligi tar-Renju Unit għandha f’dan ir-rigward tiġi diskussa fil-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni bil-ħsieb li tiġi aġġustata l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit għas-sitwazzjoni l-ġdida. Kwalunkwe emenda li taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tar-Renju Unit teħtieġ il-qbil formali tar-Renju Unit qabel ma tidħol fis-seħħ fir-rigward tar-Renju Unit.

7.

Il-Euratom u r-Renju Unit jistgħu jaqblu fi ftehim speċifiku li l-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw f’attivitajiet tar-Renju Unit relatati mal-attivitajiet imwettqa mill-F4E.

Artikolu 9: Reċiproċità

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu “entità tal-Unjoni” tfisser kwalunkwe tip ta’ entità, kemm jekk persuna fiżika, persuna ġuridika jew tip ieħor ta’ entità, li tirrisjedi jew li hija stabbilita fl-Unjoni.

L-entitajiet eliġibbli tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw fi programmi tar-Renju Unit ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1 [Ambitu tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit ] ta’ dan il-Protokoll f’konformità mal-liġi u r-regoli tar-Renju Unit.

Artikolu 10: Proprjetà intellettwali

Għall-programmi u l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 1 [Kamp ta’ applikazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit ] u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u b’mod partikolari l-Artikolu UNPRO.1.4 [Konformità mar-regoli tal-programm ], l-entitajiet tar-Renju Unit li jipparteċipaw fi programmi koperti minn dan il-Protokoll għandhom, fir-rigward tas-sjieda, l-isfruttament u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni u tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn tali parteċipazzjoni, ikollhom drittijiet u obbligi ekwivalenti bħall-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni li jipparteċipaw fil-programmi u l-attivitajiet inkwistjoni. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għar-riżultati miksuba minn proġetti mibdija qabel l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

ABBOZZ TA’ PROTOKOLL II

dwar l-aċċess tar-Renju Unit għal servizzi stabbiliti skont ċerti programmi u attivitajiet tal-Unjoni li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax

Artikolu: 1 Ambitu tal-aċċess

Ir-Renju Unit għandu jkollu aċċess għas-servizzi li ġejjin skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, l-atti bażiċi u kwalunkwe regola oħra li tappartjeni għall-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet rilevanti tal-Unjoni:

a)

Servizzi ta’ Sorveljanza u Traċċar mill-Ispazju (Space Surveillance and Tracking, SST) kif definit fl-Artikolu 54 tar-Regolament XXX (17) [ir-Regolament dwar l-Ispazju].

Sakemm jidħlu fis-seħħ l-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-pajjiż terz għat-tliet servizzi tal-SST disponibbli pubblikament, is-servizzi tal-SST kif imsemmija fl-Artikolu 5.1 tad-Deċiżjoni 541/2014/UE għandhom jiġu pprovduti lir-Renju Unit u lis-sidien ta’ inġenji spazjali pubbliċi u privati u lill-operaturi li joperaw fir-Renju Unit jew minnu f’konformità mal-Artikolu 5.2 ta’ din id-deċiżjoni (jew kwalunkwe leġiżlazzjoni li tissostitwixxiha b’modifika jew mingħajrha).

Artikolu 2: Tul ta’ żmien tal-aċċess

Ir-Renju Unit għandu jkollu aċċess għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 1 għat-tul kollu tagħhom jew għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, skont liema jkun l-iqsar.

Artikolu 3: Termini u kundizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess għas-servizzi tal-SST

L-aċċess tar-Renju Unit għas-servizzi tal-SST disponibbli pubblikament imsemmija fil-punt (a), (b) u (c) tal-Artikolu 54(1) ta’ dak ir-Regolament għandu jingħata (18) f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament XXX, fuq talba u soġġett għall-kondizzjonijiet applikabbli għal pajjiżi terzi.

L-aċċess tar-Renju Unit għas-servizzi tal-SST imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 54(1) tal-att bażiku għandu, meta disponibbli (19), ikun soġġett għall-kundizzjonijiet applikabbli għal pajjiżi terzi.

DIKJARAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI TA’ DEĊIŻJONIJIET TA’ ADEGWATEZZA FIR-RIGWARD TAR-RENJU UNIT

Il-Partijiet jieħdu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tniedi minnufih il-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza fir-rigward tar-Renju Unit skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, u l-intenzjoni tagħha li taħdem mill-qrib għal dak il-għan mal-korpi u l-istituzzjonijiet l-oħra involuti fil-proċedura rilevanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet.


(1)  Għall-finijiet tal-impenji f’din id-Dikjarazzjoni, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi għall-Parteċipanti huma mifhuma bħala li huma għall-Unjoni Ewropea, għall-Istati Membri tagħha, jew għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont ma jkun il-każ.

(2)  Għal dan il-għan, id-diskriminazzjoni tfisser li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u d-differenzazzjoni ma tkunx iġġustifikata oġġettivament.

(3)  Riċerka u Żvilupp kif definiti fil-Manwal ta’ Frascati tal-OECD

(4)  [daħħal ir-referenza tal-ĠU]

(5)  [daħħal ir-referenza tal-ĠU]

(6)  [daħħal ir-referenza tal-ĠU]

(7)  [daħħal ir-referenza tal-ĠU]

(8)  [daħħal ir-referenza tal-ĠU]

(9)  Ir-referenzi għal “pajjiżi parteċipanti” għandhom jiġu ffinalizzati f’konformità mat-terminoloġija tal-atti bażiċi meta jiġu adottati

(10)  ĠU L 97, 9.4.2008.

(11)  [ĠU L …]

(12)  [ĠU L …; COM(2020) 441]

(13)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU UE L 193, 30.7.2018, p. 1).

(14)  “Azzjonijiet oħra” jistgħu jinkludu premjijiet, strumenti finanzjarji, forniment ta’ servizzi tekniċi/xjentifiċi mill-JRC, Sottoskrizzjonijiet (OECD, Eureka, IPEEC, IEA,...), ftehimiet ta’ delega, Esperti (evalwaturi, monitoraġġ ta’ proġetti).

(15)  L-organizzazzjonijiet internazzjonali jitqiesu biss bħala spejjeż mhux ta’ intervent jekk ikunu benefiċjarji finali. Dan mhux se japplika meta organizzazzjoni internazzjonali tkun koordinatur ta’ proġett (tqassam fondi lil koordinaturi oħra)

(16)  Din id-definizzjoni għandha tiġi sostitwita bid-definizzjoni minn att leġislattiv b’referenza f’nota f’qiegħ il-paġna għal dan l-att leġislattiv fil-verżjoni finali tal-protokoll (l-aħħar definizzjoni tal-Fond EIC f’Orizzont 2020 hija d-deċiżjoni C(2020) 4001 tad-deċiżjoni emendatorja tal-Kummissjoni C(2019) 5323). F’każ li ma jkun hemm l-ebda definizzjoni disponibbli fir-rigward ta’ Orizzont Ewropa meta l-protokoll jiġi ffinalizzat, jista’ jkun li d-definizzjoni jkollha tiġi riveduta.

(17)  Ir-Regolament XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE [COM/2018/447 final] [ĠU L ...].

(18)  Dan ikun soġġett għall-kundizzjoni finali tal-att bażiku u dment li ż-żewġ Partijiet jaqblu dwar il-kundizzjoni għall-forniment tas-servizz tal-SST.

(19)  Dan ikun soġġett għall-kundizzjoni finali tal-att bażiku u dment li ż-żewġ Partijiet jaqblu dwar il-kundizzjoni għall-forniment tas-servizz tal-SST.


Top