EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0585

2009/585/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 31 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2008/965/KE dwar għajnuna finanzjarja mill-Komunità għas-sena 2009 għal ċerti laboratorji ta' referenza tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u tal-annimali ħajjin (notifikata bid-dokument numru C(2009) 5947)

ĠU L 201, 1.8.2009, p. 65–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/585/oj

1.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/65


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Lulju 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2008/965/KE dwar għajnuna finanzjarja mill-Komunità għas-sena 2009 għal ċerti laboratorji ta' referenza tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u tal-annimali ħajjin

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5947)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2009/585/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1) u b' mod partikolari l-Artikolu 31(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 31(1) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE laboratorji ta’ referenza tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u tal-annimali ħajjin jistgħu jingħataw għajnuna Komunitarja.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/965/KE (3) tat għajnuna finanzjarja tal-Komunità sa massimu ta’ EUR 400 000 b’rata ta’ 100 % tan-nefqa eliġibbli, kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1754/2006 tat-28 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Komunità lill-laboratorji Komunitarji ta’ referenza għall-għalf u l-ikel tal-annimali u għas-settur tas-saħħa tal-annimali (4) li jiġġarbu mill-Veterinary Laboratories Agency (VLA), New Haw, Weybridge, tar-Renju Unit, u l-Community Reference Laboratory (CRL) għall-influwenza avjarja, għall-programm ta’ ħidma li se jiġi implimentat fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2009.

(3)

Il-programm ta’ ħidma approvat tas-CRL għall-influwenza avjarja jipprevedi li, fid-dawl ta’ okkorrenza ta’ influwenza fl-għasafar u l-annimali oħrajn, jeħtieġ li l-impatt żoonotiku li jista’ jseħħ mir-riskju ta’ dawn il-vajrusis tal-influwenza jiġi analizzat.

(4)

Il-vajrus il-ġdid tal-influwenza A/H1N1 irrapportat reċentement fil-bnedmin fil-Messiku, fl-Istati Uniti tal-Amerika u mbagħad f’pajjiżi oħrajn madwar id-dinja fih materjal ġenetiku tal-vajrusis tal-influwenza tal-ħnieżer, l-għasafar u l-bnedmin, iżda jidher li huwa differenti minn vajrusis oħrajn tal-H1N1 li nafu li jseħħu fil-ħnieżer. Is-sejba tal-vajrus il-ġdid tal-influwenza A/H1N1 f’merħla tal-ħnieżer fil-Kanada hija l-ewwel każ irrapportat possibbli ta’ trażmissjoni mill-bniedem għall-annimali ta’ dan is-sottotip partikolari ta’ vajrus ġdid. Madankollu, l-importanza ta’ dawn is-sejbiet għadha trid tinftiehem kollha u tiġi vvalutata mill-komunità xjentifika hekk kif ikun hemm dejta xjentifika biżżejjed disponibbli.

(5)

L-investigazzjoni tad-dinamika tal-infezzjoni, il-patoġenesi, is-suxxettibbiltà tal-organiżmu li jirċievi l-vajrus u t-trasmissibbiltà tal-vajrus il-ġdid attwali tal-influwenza A/H1N1 fi speċijiet differenti tal-annimali, u b’mod partikolari fil-ħnieżer hija essenzjali biex tipprovdi l-provi xjentifiċi meħtieġa għall-valutazzjoni veterinarja tar-riskji. Riżultat ewlieni tal-istudju se jkun l-iżvilupp ta’ 'għodda’ ta’ reaġenti u materjali għad-dijanjosi fil-laboratorju.

(6)

Dawn l-investigazzjonijiet għandhom jiġu inkorporati fil-programm annwali ta’ ħidma għall-influwenza avjarja tas-CRL għall-2009 li diġà żviluppa mudelli għall-istudju ta’ parametri tal-infezzjoni u wettaq xi testijiet bil-vajrusis tal-influwenza minn sorsi differenti. Investigazzjonijiet komplementari se jużaw il-ħnieżer, u, b’kombinazzjoni ta’ miżuri multifattorjali se jkollhom l-għan li jipprovdu prova għas-suxxettibbiltà u l-konsegwenzi potenzjali ta’ infezzjoni tal-ħnieżer bil-vajrus il-ġdid tal-influwenza A/H1N1. L-esperimenti kollha (kemm fuq l-annimali kif ukoll fil-laboratorju) se jitwettqu taħt kundizzjonijiet stretti ta’ bijosikurezza u trażżin bijoloġiku li diġà ntużaw fis-CRL għall-influwenza avjarja.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1754/2006 jipprovdi li l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandha tingħata jekk il-programmi ta’ ħidma approvati jitwettqu b’mod effiċjenti u l-benefiċjarji jfornu kull informazzjoni meħtieġa f’ċerti limiti ta’ żmien.

(8)

Il-Kummissjoni vvalutat il-programm komplementari ta’ ħidma kif emendat u l-istimi tal-baġit korrispondenti emendati mibgħuta mis-CRL għall-influwenza avjarja.

(9)

Għalhekk skont dan, għandha tingħata għajnuna finanzjarja addizzjonali tal-Komunità, lis-CRL għall-influwenza avjarja biex twettaq l-investigazzjonijiet komplementari fuq il-vajrus il-ġdid tal-influwenza A/H1N1.

(10)

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni (5), il-qerda tal-mard tal-annimali u l-programmi ta’ kontroll (il-miżuri veterinarji) għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). Barra minn hekk, l-Artikolu 13, it-tieni paragrafu ta' dak ir-Regolament jipprevedi li f'każijiet eċċezzjonali ġġustifikati kif jixraq, għal miżuri u programmi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (6), l-infiq relatat ma’ spejjeż tal-amministrazzjoni u l-persunal imġarrba mill-Istati Membri u l-benefiċjarji ta' għajnuna mill-FAEG għandhom jitħallsu mill-Fond, u f’dan il-każ in-nefqa proposta tikkwalifika bħala ġġustifikata. Għal skopijiet ta' kontroll finanzjarju, japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2008/965/KE “EUR 400 000” tinbidel għal “EUR 530 000”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Veterinary Laboratories Agency (VLA) Weybridge, New Haw, Addlestone, Surrey KT15 3NB, tar-Renju Unit; Is-Sur Ian Brown, Tel. +44 1932357339.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 344, 20.12.2008, p. 112.

(4)  ĠU L 331, 29.11.2006, p. 8.

(5)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.


Top