IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.3.2021
COM(2021) 142 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY
Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal
Neħtieġu strateġija li tinkludi lit-tfal kollha u li tappoġġa lit-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u neħtieġu strateġija li tippromwovi u tappoġġa d-dritt tagħna li nipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jaffettwawna. Minħabba li xejn li jiġi deċiż għat-tfal ma għandu jiġi deċiż mingħajr it-tfal. Wasal iż-żmien li l-parteċipazzjoni tat-tfal tiġi normalizzata.
(Konklużjonijiet tat-tfal, it-13-il Forum Ewropew dwar id-drittijiet tat-tfal, 2020).
Introduzzjoni
Id-drittijiet tat-tfal huma drittijiet tal-bniedem. Kull tifel u tifla fl-Ewropa u madwar id-dinja għandhom igawdu l-istess drittijiet u jkunu jistgħu jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni, mir-rikriminazzjoni jew mill-intimidazzjoni ta’ kwalunkwe tip.
Dan huwa imperattiv soċjali, morali u uman li fuqu jiddependu t-tfal – li jirrappreżentaw kważi wieħed minn kull ħames persuni li jgħixu fl-UE
u wieħed minn kull tlieta fid-dinja
– u l-komunità usa’. Dan huwa biex niżguraw li t-tfal kollha jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom u jkollhom rwol ewlieni fis-soċjetà– kemm jekk fil-ġlieda għall-ġustizzja u l-ugwaljanza, it-tisħiħ tad-demokrazija jew fit-tmexxija tat-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali.
Din hija r-raġuni għaliex il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal huma objettiv ewlieni tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea kemm internament kif ukoll esternament
. Hija minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
li tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Hija tkopri l-oqsma kollha ta’ politika u tifforma parti mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea, kif stabbilit fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen.
L-ambizzjoni ġenerali ta’ din l-istrateġija hija li tibni l-aħjar ħajja possibbli għat-tfal fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja. Dan jirrifletti d-drittijiet u r-rwol tat-tfal fis-soċjetà tagħna. Dawn jispiraw u huma fuq quddiem nett fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kriżijiet tan-natura u tat-tibdil fil-klima, id-diskriminazzjoni u l-inġustizzja. Huma ċ-ċittadini u l-mexxejja tal-lum daqs kemm huma l-mexxejja ta’ għada. Din l-istrateġija tfittex li twettaq ir-responsabbiltà kondiviża tagħna biex ningħaqdu flimkien biex nirrispettaw, nipproteġu u nwettqu d-drittijiet ta’ kull tifel u tifla; u biex flimkien mat-tfal nibnu soċjetajiet aktar b’saħħithom, reżiljenti, aktar ġusti u ugwali għal kulħadd.
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), li l-Istati Membri kollha tal-UE rratifikaw, tkompli tiggwida l-azzjoni tagħna f’dan il-qasam. Aktar minn 30 sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha, sar progress sinifikanti u t-tfal qed jiġu rikonoxxuti dejjem aktar bħala li għandhom is-sett ta’ drittijiet tagħhom stess.
Il-Konvenzjoni tirrikonoxxi d-dritt tat-tfal kollha li jkollhom l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja, li jikbru kuntenti u b’saħħithom, u li jiżviluppaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan jinkludi d-dritt li wieħed jgħix f’dinja nadifa u b’saħħitha, ambjent protettiv u ta’ kura, li jirrilassa, jilgħab, u jgawdi minn attivitajiet kulturali u artistiċi, u li jgawdi u jirrispetta l-ambjent naturali. Il-familji u l-komunitajiet jeħtieġu wkoll li jingħataw l-appoġġ meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jiżguraw il-benessri u l-iżvilupp tat-tfal.
It-tfal madwar l-UE qatt qabel ma gawdew id-drittijiet, l-opportunitajiet u s-sigurtà li jgawdu llum. Dan huwa partikolarment grazzi għall-azzjonijiet ta’ politika, il-leġiżlazzjoni u l-finanzjament tal-UE matul l-aħħar għaxar snin, ħidma li twettqet spalla ma’ spalla mal-Istati Membri. F’dawn l-aħħar deċennji, il-Kummissjoni ressqet inizjattivi importanti li jindirizzaw it-traffikar tat-tfal, l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, it-tfal li jgħibu, u dwar il-promozzjoni ta’ sistemi ġudizzjarji adattati għat-tfal. Fassalna u inkludejna dispożizzjonijiet adattati għat-tfal fil-politiki u fil-liġi dwar l-ażil u l-migrazzjoni. Żidna l-isforzi biex l-internet isir aktar sikur għat-tfal u qed inkomplu niġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-linji Gwida mġedda tal-UE tal-2017 għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kienu pass importanti għad-drittijiet tat-tfal globalment, flimkien mal-ħafna programmi umanitarji u ta’ żvilupp li jippromwovu d-dritt għas-saħħa u l-edukazzjoni. L-impatt ta’ dawn l-inizjattivi tejjeb ħafna l-ħajja tat-tfal fl-UE, u t-twettiq konkret tad-drittijiet tagħhom.
Dan il-progress ma nkisibx faċilment iżda ma għandux jittieħed bħala fatt. Issa huwa ż-żmien li nibnu fuq dawk l-isforzi, nindirizzaw l-isfidi persistenti u emerġenti u niddefinixxu strateġija komprensiva għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fid-dinja tal-lum li dejjem qed tinbidel.
Hemm wisq tfal li għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ksur serju u regolari tad-drittijiet tagħhom. It-tfal għadhom qed ikunu vittmi ta’ forom differenti ta’ vjolenza; isofru minn esklużjoni soċjoekonomika u diskriminazzjoni, b’mod partikolari minħabba s-sess, l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà tagħhom – jew tal-ġenituri tagħhom. It-tħassib tat-tfal ma jingħatax biżżejjed widen, u l-fehmiet tagħhom spiss ma jitqisux biżżejjed fi kwistjonijiet importanti għalihom.
Il-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-isfidi u l-inugwaljanzi eżistenti u ħolqot oħrajn ġodda. It-tfal ġew esposti għal żieda fil-vjolenza domestika u l-abbuż u l-isfruttament online, il-bullying ċibernetiku
u aktar materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal ġie kondiviż online
. Proċeduri bħal dawk dwar l-ażil jew ir-riunifikazzjoni tal-familja esperjenzaw dewmien. Il-bidla għat-tagħlim mill-bogħod affettwat b’mod sproporzjonat lit-tfal żgħar ħafna, lil dawk bi bżonnijiet speċjali, lil dawk li jgħixu fil-faqar, f’komunitajiet marġinalizzati, bħat-tfal Rom, u f’żoni remoti u rurali, li ma għandhomx aċċess għal konnessjonijiet tal-internet u tagħmir tal-IT. Ħafna tfal tilfu l-ikla ta’ kuljum l-aktar nutrittiva tagħhom, kif ukoll aċċess għal servizzi li jipprovdu l-iskejjel. Il-pandemija affettwat ukoll b’mod qawwi s-saħħa mentali tat-tfal, b’żieda rrappurtata fl-ansjetà, l-istress u s-solitudni. Ħafna ma setgħux jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi, ta’ divertiment, artistiċi u kulturali li huma essenzjali għall-iżvilupp u l-benesseri tagħhom.
L-UE teħtieġ approċċ ġdid u komprensiv biex tirrifletti realtajiet ġodda u sfidi dejjiema. Bl-adozzjoni ta’ din l-ewwel strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal, il-Kummissjoni qed timpenja ruħha li tpoġġi lit-tfal u l-aħjar interessi tagħhom fil-qalba tal-politiki tal-UE, permezz tal-azzjonijiet interni u esterni tagħha u f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din l-istrateġija għandha l-għan li tgħaqqad flimkien l-istrumenti leġiżlattivi, ta’ politika u ta’ finanzjament eżistenti kollha tal-UE f’qafas komprensiv wieħed.
Hija tipproponi serje ta’ azzjonijiet immirati f’sitt oqsma tematiċi, li kull wieħed minnhom jiddefinixxi l-prijoritajiet għall-azzjoni tal-UE fis-snin li ġejjin. Dan se jkun appoġġat bit-tisħiħ tal-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki rilevanti kollha tal-UE. Il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi ta’ tfal, inklużi dawk f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltajiet multipli u li jiffaċċjaw forom intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni, jitqiesu kif xieraq.
Din l-istrateġija tibni fuq komunikazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal
, u fuq il-qafas legali u ta’ politika eżistenti
. Tikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-istrateġija hija ankrata fil-UNCRC u t-tliet Protokolli Fakultattivi tagħha, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u se tikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Hija torbot ukoll mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tat-tfal, kif ukoll mal-Istrateġija tiegħu għad-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021).
L-istrateġija tibbaża fuq il-kontribuzzjonijiet sostantivi mill-Parlament Ewropew
, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal, partijiet ikkonċernati oħra u individwi, miġbura matul il-fażi preparatorja, inkluż permezz ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħa
u l-Forum Ewropew tal-2020 dwar id-Drittijiet tat-Tfal
.
Din l-istrateġija ġiet żviluppata għat-tfal u flimkien mat-tfal. L-opinjonijiet u s-suġġerimenti ta’ aktar minn 10 000 tifel u tifla ġew ikkunsidrati fit-tħejjija ta’ din l-istrateġija. It-tfal kienu involuti wkoll fit-tħejjija tal-verżjoni adattata għat-tfal
. Dan jimmarka kapitolu ġdid u pass importanti għall-UE lejn parteċipazzjoni ġenwina tat-tfal fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha.
1.Parteċipazzjoni fil-ħajja politika u demokratika: UE li tagħti s-setgħa lit-tfal biex ikunu ċittadini u membri attivi ta’ soċjetajiet demokratiċi
“Jekk mhux aħna, min?” (Tifel ta’ 16-il sena, it-tlettax-il Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 2020)
Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:
-tistabbilixxi, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal, Pjattaforma ta’ Parteċipazzjoni tat-Tfal tal-UE, biex tgħaqqad il-mekkaniżmi eżistenti għall-parteċipazzjoni tat-tfal fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE, u tinvolvi lit-tfal fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE.
-toħloq spazju għat-tfal biex isiru parteċipanti attivi tal-Patt Klimatiku Ewropew permezz ta’ pleġġijiet jew billi jsiru Ambaxxaturi tal-Patt. Bl-involviment tal-iskejjel fl-edukazzjoni dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent sostenibbli, il-Koalizzjoni għall-Edukazzjoni dwar il-Klima se tgħin lit-tfal isiru aġenti tal-bidla fl-implimentazzjoni tal-Patt Klimatiku u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
-tiżviluppa u tippromwovi verżjonijiet u formati aċċessibbli, diġitalment inklużivi u adattati għat-tfal tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u strumenti ewlenin oħra tal-UE;
-tiżviluppa u tippromwovi linji gwida dwar l-użu ta’ lingwaġġ adattat għat-tfal f’dokumenti u f’avvenimenti u laqgħat tal-partijiet ikkonċernati ma’ parteċipanti tfal;
-tinkludi lit-tfal fil-Forum dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;
-twettaq konsultazzjonijiet speċifiċi għat-tfal għal inizjattivi futuri rilevanti;
-issaħħaħ l-għarfien espert u l-prattika dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal fost il-persunal tal-Kummissjoni u l-persunal tal-aġenziji tal-UE, inkluż dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-politiki ta’ salvagwardja.
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri biex:
2.L-inklużjoni soċjoekonomika, is-saħħa u l-edukazzjoni: UE li tiġġieled il-faqar fost it-tfal, tippromwovi soċjetajiet u sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni inklużivi u adattati għat-tfal.
“Naħseb li f’xi punt inħoss ċerta ansjetà. “Nixtieq nitkellem ma’ psikologu biex jagħtini opinjoni dwar kif ikun tajjeb li nindirizza l-affarijiet.” (Tifel mill-Greċja).
“L-iskola tħallik tinfetaħ għad-dinja u titkellem man-nies. L-iskola hija l-ħajja.” (Tifel li qed ifittex ażil, Franza).
It-tfal kollha għandhom id-dritt għal standard ta’ għajxien adegwat, u għal opportunitajiet indaqs, mill-aktar stadju bikri tal-ħajja. It-tisħiħ tal-inklużjoni soċjoekonomika tat-tfal huwa essenzjali biex jiġi indirizzat it-trasferiment tal-faqar u l-iżvantaġġ minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-protezzjoni soċjali u l-appoġġ għall-familji huma essenzjali f’dan ir-rigward.
It-tfal kollha għandhom id-dritt għall-ogħla standard possibbli ta’ kura tas-saħħa u edukazzjoni ta’ kwalità, irrispettivament mill-isfond tagħhom u fejn jgħixu. Madankollu, huwa aktar probabbli li t-tfal f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali jesperjenzaw diffikultajiet biex jaċċessaw servizzi essenzjali, b’mod partikolari f’żoni rurali, remoti u żvantaġġati.
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 “L-Investiment fit-Tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”
jibqgħu għodod importanti biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal u jittejjeb il-benesseri tat-tfal. L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE huma ugwalment kruċjali biex jappoġġaw dawn l-objettivi ta’ politika. Bejn l-2021 u l-2027, l-Istati Membri b’rata ta’ tfal fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali ogħla mill-medja tal-UE (fl-2017-2019) se jkollhom jallokaw 5 % tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, filwaqt li l-oħrajn kollha għandhom huma wkoll jallokaw ammonti xierqa. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) se jikkontribwixxi għall-investimenti fl-infrastruttura, it-tagħmir u l-aċċess għal servizzi regolari u ta’ kwalità, b’enfasi qawwija fuq l-ifqar reġjuni tal-Unjoni, fejn is-servizzi pubbliċi għandhom it-tendenza li jkunu inqas żviluppati. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tgħin biex jinkiseb irkupru rapidu u inklużiv mill-pandemija tal-COVID-19, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.
2.1Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u t-trawwim ta’ opportunitajiet indaqs
Minkejja tnaqqis matul dawn l-aħħar snin, fl-2019, 22,2 % tat-tfal fl-UE kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Skont l-Istat Membru, ir-riskju ta’ faqar għat-tfal imrobbija minn ġenitur wieħed, f’familji bi tliet itfal jew aktar, li jgħixu f’żoni rurali u l-aktar remoti tal-UE, jew bi sfond ta’ migrazzjoni jew Rom huwa sa tliet darbiet ogħla minn dak ta’ tfal oħra
. Madwar nofs it-tfal li l-livell ta’ edukazzjoni tal-ġenituri tagħhom kien baxx, kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, meta mqabbla ma’ inqas minn 10 % tat-tfal li l-livell ta’ edukazzjoni tal-ġenituri tagħhom kien għoli. Tfal minn familji bi dħul baxx huma f’riskju ogħla ta’ privazzjoni ta’ abitazzjoni severa jew iffullar, u huma aktar esposti għall-possibiltà li jkunu bla dar.
Dan jissarraf f’inugwaljanza profonda tal-opportunitajiet, li tibqa’ kwistjoni għat-tfal anke f’pajjiżi b’livelli baxxi ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Tfal minn sfond żvantaġġat huma inqas probabbli mill-pari tagħhom li jmorru tajjeb fl-iskola, igawdu saħħa tajba u jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom aktar tard fil-ħajja.
It-tfal kollha, inklużi dawk b’diżabilità u minn gruppi żvantaġġati, għandhom dritt ugwali li jgħixu mal-familji tagħhom u f’komunità. Sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal, inklużi l-prevenzjoni effettiva, l-intervent bikri u l-appoġġ tal-familja, għandhom jipprovdu lit-tfal mingħajr il-kura tal-ġenituri, jew f’riskju li jitilfuha, il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi evitata s-separazzjoni tal-familja. Il-faqar qatt ma għandu jkun l-unika raġuni biex it-tfal ma jibqgħux taħt il-kura tal-ġenituri tagħhom. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-bidla għal kura ta’ kwalità bbażata fuq il-komunità u l-familja, u l-appoġġ għat-tixjiħ barra mill-kura.
Bil-pjan ta’ Azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni stabbiliet il-mira ambizzjuża li tnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun in-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali fl-UE sal-2030 – inklużi mill-inqas ħames miljun tifel u tifla. Wieħed mir-riżultati tanġibbli ewlenin tagħha huwa l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal, li tikkomplementa din l-Istrateġija u titlob miżuri speċifiċi għat-tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Il-proposta tirrakkomanda lill-Istati Membri li jiggarantixxu aċċess għal servizzi ewlenin ta’ kwalità għat-tfal fil-bżonn: l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni (inklużi attivitajiet ibbażati fl-iskejjel), il-kura tas-saħħa, in-nutrizzjoni, u l-akkomodazzjoni.
Il-Kummissjoni timmonitorja kif l-Istati Membri jindirizzaw il-faqar jew l-esklużjoni soċjali fost it-tfal fil-proċess tas-Semestru Ewropew u, fejn meħtieġ, tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti . Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ
imsaħħa tistipula li ż-żgħażagħ kollha mill-età ta’ 15-il sena jirċievu offerta ta’ impjieg, edukazzjoni, traineeship jew apprendistat fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jitilqu mill-edukazzjoni formali.
Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:
-tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal;
-tiżgura l-komplementarjetà mal-Istrateġija Ewropea għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità biex twieġeb għall-ħtiġijiet tat-tfal b’diżabilità u tipprovdi aċċess aħjar għas-servizzi integrati u l-għajxien indipendenti.
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri biex:
-jadottaw malajr fil-Kunsill il-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha;
-jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa u jippromwovu l-involviment taż-żgħażagħ fis-servizzi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.
|
2.2Jiżguraw id-dritt għall-kura tas-saħħa għat-tfal kollha
It-tilqim huwa l-għodda ewlenija għall-prevenzjoni ta’ mard serju, kontaġġjuż, u xi kultant fatali, u huwa element bażiku tal-kura tat-tfal. Bis-saħħa tat-tilqim mifrux, il-ġidri nqered u l-Ewropa saret ħielsa mill-poljo. Madankollu, it-tifqigħat ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim għadhom iseħħu minħabba rati ta’ kopertura tat-tilqim insuffiċjenti. Il-pandemija tal-COVID-19 heddet ukoll il-kontinwità tal-programmi tat-tilqim tat-tfal fl-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE jikkondividu l-objettivi li jiġġieldu d-diżinformazzjoni, itejbu l-fiduċja fit-tilqim, u jiżguraw aċċess ekwu għat-tilqim għal kulħadd.
Fl-2020, aktar minn 15 500 tifel u tifla u adolexxenti ġew dijanjostikati bil-kanċer, u aktar minn 2 000 pazjent żagħżugħ tilfu ħajjithom minħabba l-kanċer. Il-kanċer jikkostitwixxi l-kawża ewlenija tal-mewt minħabba mard mill-età ta’ sena ’l fuq. Sa 30 % tat-tfal affettwati mill-kanċer isofru konsegwenzi severi fit-tul u l-għadd ta’ superstiti tal-kanċer fit-tfulija qed ikompli jikber.
L-adozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu u attiv f’età żgħira se tgħin ukoll biex jitnaqqsu r-riskji tal-kanċer aktar tard fil-ħajja. Il-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer
iżid l-azzjonijiet preventivi bikrija u jniedi inizjattivi ġodda dwar il-kanċer pedjatriku biex jgħin lill-pazjenti żgħażagħ jirkupraw u jiżguraw kwalità ta’ ħajja ottimali. It-tfal li jbatu bil-kanċer spiss ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom għadd imnaqqas ta’ trattamenti vvalidati. Ir-Regolament rivedut dwar il-mediċini għat-tfal, inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija Farmaċewtika għall-UE, għandu l-għan li jrawwem prodotti mediċinali mmirati għat-tfal, inkluż l-onkoloġija pedjatrika.
It-tfulija hija stadju kruċjali fil-ħajja biex tiġi determinata s-saħħa fiżika u mentali futura. Madankollu, il-kwistjonijiet tas-saħħa mentali tat-tfal huma mifruxa u xi kultant jistgħu jkunu marbuta ma’ iżolament, ambjent edukattiv, inklużjoni soċjali u faqar, u l-użu fit-tul ta’ għodod diġitali. Sa 20 % tat-tfal madwar id-dinja jesperjenzaw kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, li jekk ma jiġux trattati, jinfluwenzaw serjament l-iżvilupp, il-kisba edukattiva u l-potenzjal tagħhom li jgħixu ħajja sodisfaċenti. L-iskola hija rikonoxxuta fost il-fatturi determinanti fundamentali tas-saħħa mentali tat-tfal. Iż-żona Ewropea tal-Edukazzjoni se tindirizza wkoll is-saħħa mentali u l-benesseri fl-edukazzjoni. Il-parteċipazzjoni kulturali, iż-żmien li wieħed iqatta’ fin-natura u l-eżerċizzju fiżiku jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq is-saħħa mentali tat-tfal, billi jibnu l-awtostima, l-awtoaċċettazzjoni, il-fiduċja u l-valur proprju.
It-tfal migranti ta’ spiss isofru minn problemi ta’ saħħa mentali minn sitwazzjonijiet esperjenzati fil-pajjiż ta’ oriġini, fuq ir-rotta migratorja, minn inċertezza jew trattament degradanti fil-pajjiż tal-wasla. Il-ħidma li għaddejja tan-Netwerk tal-Vulnerabbli (“VEN”) tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) tiffoka, fost affarijiet oħra, fuq is-saħħa mentali għal dawk li jfittxu l-ażil. Xi gruppi oħra ta’ tfal, bħat-tfal b’diżabbiltà u t-tfal LGBTIQ, jista’ jkollhom ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward tas-saħħa mentali u fiżika li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod xieraq.
Dieta sana, flimkien ma’ attività fiżika regolari, huma essenzjali għall-iżvilupp fiżiku u mentali sħiħ tat-tfal. Anke llum, hemm tfal fl-UE li jbatu mill-ġuħ, b’mod partikolari t-tfal Rom u Travellers
, u dan jagħmilhom aktar suxxettibbli għall-mard u jipprevjeni l-iżvilupp xieraq tal-moħħ tagħhom. It-tfal mingħajr dar u t-tfal migranti li jgħixu f’faċilitajiet ta’ akkoljenza ffullati żżejjed jew ta’ kwalità inferjuri jiffaċċjaw ukoll problemi simili.
Min-naħa l-oħra, matul dawn l-aħħar 30 sa 40 sena, iż-żieda fid-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ ikel ultraproċessat u mhux tajjeb għas-saħħa, wasslet għal żieda fil-piż żejjed u l-obeżità. Wieħed minn kull tlett itfal fl-UE li għandhom bejn is-sitt snin u disa’ snin għandhom piż żejjed jew huma obeżi. Dan jista’ jżid ir-riskju ta’ dijabete, kanċer, mard kardjovaskulari jew imwiet prematuri. L-azzjonijiet tal-Kummissjoni jinkludu l-iskema tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib għall-Iskejjel
, u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE 2014-2020 dwar l-Obeżità fit-Tfal
, li se jiġi evalwat fid-dawl ta’ segwitu.
L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt tal-Kummissjoni
tistieden lill-industrija tal-ikel u lis-setturi tal-bejgħ bl-imnut biex jagħmlu għażliet tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli dejjem aktar disponibbli u affordabbli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tipproponi tikkettar obbligatorju armonizzat dwar in-nutrizzjoni fuq quddiem tal-pakkett biex tiffaċilita għażliet infurmati u tajbin għas-saħħa tal-ikel, u se tistabbilixxi profili nutrittivi biex tirrestrinġi l-promozzjoni (permezz ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa) ta’ ikel b’kontenut għoli ta’ xaħam, zokkor u melħ. Il-kampanja HealthyLifestyle4All se tippromwovi stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa għal kulħadd, fil-ġenerazzjonijiet u l-gruppi soċjali differenti, b’mod partikolari t-tfal.
Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:
-iżżid l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE dwar il-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim
;
-tipprovdi informazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki biex tiġi indirizzata s-saħħa mentali tat-tfal, permezz tal-Portal tal-Aħjar Prattika
u l-Pjattaforma tal-Politika dwar is-Saħħa;
-twettaq rieżami tal-qafas legali tal-iskema tal-iskejjel tal-UE biex tiffoka mill-ġdid fuq ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli;
-tiżviluppa l-aħjar prattiki u kodiċi ta’ kondotta volontarju biex titnaqqas il-kummerċjalizzazzjoni online għat-tfal ta’ prodotti b’kontenut għoli ta’ zokkor, xaħam u melħ fl-Azzjoni Konġunta dwar l-Implimentazzjoni tal-Aħjar Prattiki Validati fin-Nutrizzjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri biex:
-jidentifikaw lit-tfal bħala grupp fil-mira ta’ prijorità fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għas-saħħa mentali;
-jibnu netwerks mal-iskejjel, iż-żgħażagħ, u partijiet ikkonċernati u istituzzjonijiet oħra involuti fis-saħħa mentali tat-tfal.
2.3Il-bini ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità
It-tfal kollha għandhom id-dritt li jiżviluppaw il-kompetenzi u t-talenti ewlenin tagħhom, li jibdew fit-tfulija bikrija u matul l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom, anke f’ambjenti ta’ tagħlim mhux formali. L-aċċess għal edukazzjoni inklużiva, mhux segregata u ta’ kwalità għandu jkun garantit, fost l-oħrajn, permezz ta’ trattament mhux diskriminatorju irrispettivament mill-oriġini razzjali u etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, in-nazzjonalità, l-istatus ta’ residenza, is-sess u l-orjentazzjoni sesswali.
L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) huma ta’ benefiċċju partikolari għall-iżvilupp konjittiv, lingwistiku u soċjali tat-tfal. Kemm il-punt ta’ riferiment tal-ET2020 kif ukoll l-objettivi ta’ Barċellona dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC intlaħqu fil-livell tal-UE, għalkemm b’varjazzjoni wiesgħa bejn l-Istati Membri.
Ir-rati ta’ reġistrazzjoni fl-ECEC għal tfal b’diżabilità u tfal minn gruppi żvantaġġati, tfal bi sfond ta’ migrazzjoni u tfal Rom, huma ħafna aktar baxxi, minkejja li huma fost it-tfal li jibbenefikaw l-aktar mill-parteċipazzjoni. Il-pajjiżi għandhom miżuri mmirati biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-ECEC fl-ewwel snin tat-tfulija għal tfal li jgħixu fil-faqar, iżda ftit pajjiżi jimmiraw miżuri ta’ appoġġ għal tfal minn sfond ta’ migrazzjoni jew dawk minn minoranzi reġjonali jew etniċi. Dan huwa partikolarment problematiku għal tfal bi sfond ta’ migrazzjoni, li għalihom l-aċċess għall-ECEC huwa partikolarment ta’ benefiċċju f’termini ta’ żvilupp tal-lingwa. Il-Kummissjoni se tipproponi r-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona biex tappoġġa aktar konverġenza ’l fuq fost l-Istati Membri ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal.
It-tfassil ta’ edukazzjoni inklużiva fl-iskola jfisser il-bini ta’ esperjenzi ta’ tagħlim sinifikanti f’ambjenti differenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tressaq proposti biex tappoġġa t-tagħlim online u mill-bogħod fl-edukazzjoni primarja u sekondarja li se jippromwovu l-iżvilupp ta’ edukazzjoni aktar flessibbli u inklużiva permezz ta’ taħlita ta’ ambjenti differenti ta’ tagħlim (fis-sit tal-iskola u b’distanza) u għodod (diġitali, inkluż online, u mhux diġitali), filwaqt li jqisu l-kwistjonijiet partikolari ta’ gruppi u komunitajiet żvantaġġati.
Minkejja l-progress reċenti, dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għadhom jirrappreżentaw madwar 10 % taż-żgħażagħ fl-UE (u aktar minn 60 % fost iż-żgħażagħ Rom) u 83 % biss lestew l-edukazzjoni sekondarja għolja (28 % biss fost ir-Rom). Mit-tfal Rom fl-iskejjel primarji, 44 % jattendu skejjel primarji segregati, u dan jimmina ċ-ċansijiet tagħhom li jirnexxu fi stadji sussegwenti tal-edukazzjoni. It-tfal b’diżabilità jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, u inqas studenti b’diżabilità jlestu lawrja universitarja (differenza ta’ 14,4 punti perċentwali). Hemm disparità persistenti bejn is-sessi, b’aktar subien milli bniet jitilqu kmieni mill-iskola. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-2018 mill-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) juru li wieħed minn kull ħames żgħażagħ Ewropej għad ma għandux kompetenzi adegwati fil-qari, fil-matematika jew fix-xjenza. Biex tgħin tindirizza din it-tendenza u tappoġġa lill-istudenti kollha biex ilestu l-edukazzjoni sekondarja għolja tagħhom, il-Kummissjoni se tressaq rakkomandazzjoni biex tiftaħ perkorsi għas-suċċess tal-iskola b’enfasi fuq studenti żvantaġġati.
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) jistgħu jgħinu biex l-istudenti jiġu mgħammra b’taħlita bbilanċjata ta’ ħiliet vokazzjonali u kompetenzi ewlenin biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà li qed jevolvu, kif ukoll biex irawmu l-inklużività u l-opportunitajiet indaqs.
Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea
-tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2020 dwar l-ETV għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza;
-tippromwovi s-Sett ta’ Għodod għall-inklużjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal.
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri biex:
-jaħdmm biex jintlaħqu l-miri proposti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni;
-tkompli timplimenta bis-sħiħ, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, l-azzjonijiet rilevanti kollha rakkomandati fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2024 fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
3.Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal u l-iżgurar tal-protezzjoni tat-tfal: UE li tgħin lit-tfal jikbru mingħajr vjolenza
“Il-fatt li ngħixu f’istituzzjoni ma jgħid assolutament xejn dwarna, ħlief li diġà esperjenzajna xi ħaġa f’ħajjitna.” (Tifel mis-Slovenja).
“Nixtieq li jkun hemm inqas ġlied u tensjonijiet fil-familja tiegħi.” (Tifel mill-Greċja).
Il-vjolenza kontra t-tfal, fil-forom kollha possibbli tagħha, hija mifruxa. It-tfal jistgħu jkunu vittmi, xhieda, kif ukoll awturi ta’ vjolenza – li tibda minn djarhom stess, fl-iskola, f’attivitajiet ta’ divertiment u rikreattivi, fis-sistema ġudizzjarja, offline kif ukoll online.
Huwa stmat li nofs it-tfal kollha madwar id-dinja jsofru xi forma ta’ vjolenza kull sena. Kważi tliet kwarti tat-tfal tad-dinja bejn l-età ta’ sentejn u erba’ snin regolarment ibatu minn kastig fiżiku u/jew vjolenza psikoloġika f’idejn il-ġenituri u l-persuni li jieħdu ħsiebhom. Fl-Ewropa, wieħed minn kull ħamest itfal se jisfaw vittmi ta’ xi forma ta’ vjolenza sesswali, filwaqt li t-tfal jirrappreżentaw kważi kwart tal-vittmi tat-traffikar fl-UE - il-maġġoranza huma bniet ittraffikati għall-isfruttament sesswali. Aktar minn 200 miljun mara u tifla madwar id-dinja huma superstiti tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, inkluż aktar minn 600 000 fl-UE. 62 % tal-persuni intersesswali li kienu għaddew minn operazzjoni kirurġika ma qalu li la huma u lanqas il-ġenituri tagħhom ma taw kunsens infurmat bis-sħiħ qabel trattament mediku jew intervent biex jimmodifikaw il-karatteristiċi tas-sess tagħhom.
Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal żieda f’ċerti forom ta’ vjolenza, bħall-vjolenza domestika, filwaqt li l-mekkaniżmi tal-ilmenti u tar-rappurtar jeħtieġ li jadattaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda. Il-kapaċità u l-aċċess għal-linji telefoniċi għall-għajnuna għat-tfal (116 111) u l-hotlines għat-tfal li jisparixxu (116 000) jeħtieġ li jittejbu.
L-esponiment għall-vjolenza jaffettwa serjament l-iżvilupp fiżiku, psikoloġiku u emozzjonali tat-tfal. Dan jista’ jaffettwa l-kapaċità tagħhom li jmorru l-iskola, li jinteraġixxu soċjalment u li jirnexxu. Dan jista’ jwassal għal kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, mard kroniku, tendenzi ta’ awtoħsara, anke suwiċidju. It-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jistgħu jiġu affettwati b’mod partikolari.
Il-vjolenza fl-iskejjel u fost il-pari hija komuni. Skont ir-riżultati tal-PISA tal-2018, 23 % tal-istudenti rrappurtaw li kienu bbuljati fl-iskola (bullying fiżiku, verbali jew relazzjonali) mill-inqas ftit drabi fix-xahar. Stħarriġ reċenti dwar l-LGBTI mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali sab li 51 % tar-rispondenti ta’ bejn it-15 u l-17 sena rrappurtaw fastidju fl-iskejjel.
Fl-2019, 12 % tal-migranti internazzjonali globali (jew 33 miljun) kienu tfal. It-tfal migranti, inklużi tfal refuġjati, spiss ikunu esposti għal riskji ta’ abbuż u jkunu sofrew minn forom estremi ta’ vjolenza – gwerra, kunflitt vjolenti, sfruttament, traffikar tal-bnedmin, abbuż fiżiku, psikoloġiku u sesswali - qabel u/jew wara l-wasla tagħhom fit-territorju tal-UE. It-tfal jistgħu jgħibu jew jinfirdu minn mal-familji. Ir-riskji jiżdiedu meta t-tfal jivvjaġġaw mhux akkumpanjati jew ikunu obbligati jaqsmu faċilitajiet iffullati żżejjed ma’ persuni adulti. Il-vulnerabbiltà partikolari tat-tfal fil-kuntest tal-migrazzjoni jew minħabba l-isfond migratorju tagħhom teħtieġ protezzjoni u appoġġ addizzjonali u mmirati. Dan huwa minnu wkoll għal dawk barra mill-UE, bħal kważi 30 000 tifel u tifla, inklużi tfal ta’ ġellieda barranin, stmati li jgħixu fil-kamp Al Hol fis-Sirja, li jbatu minn trawma ta’ kunflitt u kundizzjonijiet ta’ għajxien estremament ħżiena.
Il-Kummissjoni se tindirizza u tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-vjolenza, inkluża l-vjolenza sessista, kontra t-tfal kollha. Bħala parti minn dan, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni tal-2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti.
Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tqajjem kuxjenza dwar il-forom kollha ta’ vjolenza biex tiżgura prevenzjoni, protezzjoni u appoġġ effettivi għat-tfal vittmi u xhieda tal-vjolenza. Il-programm CERV se jkompli jiffinanzja proġetti għall-protezzjoni tat-tfal.
Il-Kummissjoni se tfittex soluzzjonijiet biex tindirizza n-nuqqas ta’ data komparabbli, diżaggregata skont l-età u bejn is-sessi dwar il-vjolenza kontra t-tfal fil-livelli nazzjonali u tal-UE, u se tuża l-għarfien espert tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, kif xieraq.
Din l-istrateġija se tikkumplimenta, u ssaħħaħ fejn meħtieġ, l-azzjonijiet previsti taħt l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll l-istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal. Bħala parti minn dan, il-Kummissjoni qed tesplora wkoll it-twaqqif ta’ ċentru Ewropew għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal, u l-ġlieda kontrih, biex taħdem ma’ kumpaniji u korpi tal-infurzar tal-liġi, biex tidentifika l-vittmi u tressaq lit-trażgressuri quddiem il-ġustizzja.
Il-promozzjoni ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal hija intrinsikament marbuta mal-prevenzjoni tal-vjolenza u l-protezzjoni minnha. Bit-tfal fiċ-ċentru, l-awtoritajiet u s-servizzi rilevanti kollha għandhom jaħdmu flimkien biex jipproteġu u jappoġġaw lill-minorenni, fl-aħjar interessi tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-istabbiliment ta’ djar tat-tfal (Barnahus) fl-UE. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-miżuri ta’ prevenzjoni, inkluż l-appoġġ tal-familja.
Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:
-tressaq proposta leġiżlattiva ġdida biex tiġġieled il-vjolenza sessista fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, filwaqt li tappoġġa l-finalizzazzjoni tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-ġlieda kontriha;
-tressaq rakkomandazzjoni dwar il-prevenzjoni ta’ prattiki dannużi kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili;
-tippreżenta inizjattiva mmirata biex tappoġġa l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal, li se tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet u s-servizzi rilevanti kollha biex jaħdmu flimkien aħjar f’sistema li tqiegħed lit-tfal fiċ-ċentru;
-tappoġġa l-iskambju ta’ prattiki tajbin dwar it-tmiem ta’ kirurġija mhux vitali u intervent mediku fuq trabi intersesswali u adolexxenti biex tagħmilhom konformi mad-definizzjoni tipika ta’ rġiel jew nisa mingħajr il-kunsens infurmat bis-sħiħ tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom (mutilazzjoni ġenitali intersesswali).
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri biex:
-iqajmu kuxjenza dwar, u jinvestu fil-bini tal-kapaċità u miżuri għal (i) prevenzjoni aktar effettiva tal-vjolenza, (ii) protezzjoni tal-vittmi u x-xhieda, inkluż bis-salvagwardji meħtieġa għal tfal suspettati jew akkużati;
-jipprovdu appoġġ adegwat lit-tfal b’vulnerabbiltajiet speċifiċi li jsofru vjolenza, kif ukoll għall-vjolenza li sseħħ fl-iskejjel;
-jekk leġiżlazzjoni biex tipprojbixxi l-piena korporali fl-ambjenti kollha għadha mhix disponibbli, jadottawha, u jaħdmu lejn l-eliminazzjoni tal-piena korporali;
-itejjbu l-funzjonament tas-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari:
üjistabbilixxu (fejn għadhom mhumiex disponibbli), u jtejbu l-linja telefonika għall-għajnuna għat-tfal (116 111) u l-linja diretta għat-tfal neqsin (116 000), inkluż permezz ta’ finanzjament u bini ta’ kapaċità;
üjippromwovu strateġiji u programmi nazzjonali biex iħaffu d-deistituzzjonalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn servizzi ta’ kura ta’ kwalità, ibbażati fuq il-familja u l-komunità inkluż b’fokus adegwat fuq it-tħejjija tat-tfal biex jitilqu mill-kura, inkluż għal tfal migranti mhux akkumpanjati.
4.Ġustizzja adattata għat-tfal; UE li fiha s-sistema ġudizzjarja tiddefendi d-drittijiet u l-ħtiġijiet tat-tfal
“[Ġustizzja adattata għat-tfal hija...] Tifel/tifla imdawwra b’sistema li fiha huwa/hija huwa/hija protett/mismugħ/sikur”. (Tifla, 17-il sena, ir-Rumanija).
It-tfal jistgħu jkunu vittmi, xhieda, suspettati jew akkużati li wettqu reat, jew ikunu parti fi proċedimenti ġudizzjarji — f’ġustizzja ċivili, kriminali jew amministrattiva. Fil-każijiet kollha, it-tfal għandhom iħossuhom komdi u sikuri biex jipparteċipaw b’mod effettiv u jinstemgħu. Il-proċedimenti ġudizzjarji jridu jiġu adattati għall-età u l-ħtiġijiet tagħhom, iridu jirrispettaw id-drittijiet kollha tagħhom u jagħtu kunsiderazzjoni primarja lill-aħjar interessi tat-tfal. Filwaqt li l-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam s’issa kienet sinifikanti, u ġew stabbiliti standards fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa, is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali għandhom ikunu mgħammra aħjar biex jindirizzaw il-ħtiġijiet u d-drittijiet tat-tfal. Xi drabi l-professjonisti ma jkollhomx taħriġ biex jinteraġixxu mat-tfal b’mod adattat għall-età, inkluż meta jikkomunikaw dwar ir-riżultati ta’ proċediment, u biex jirrispettaw l-aħjar interessi tat-tfal. Id-dritt tat-tfal li jinstemgħu mhux dejjem jiġi osservat u mhux dejjem ikun hemm mekkaniżmi biex jiġu evitati seduti ta’ smigħ jew laqgħat ta’ evidenza multipli tat-tfal.
It-tfal jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw il-ġustizzja u biex jiksbu rimedji effettivi għall-ksur tad-drittijiet tagħhom, inkluż fil-livell Ewropew u internazzjonali. It-tfal vulnerabbli spiss ikunu esposti għal forom multipli u intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni. It-tfal b’diżabilità jesperjenzaw diffikultajiet minħabba aċċessibbiltà mnaqqsa tas-sistemi ġudizzjarji u l-proċedimenti ġudizzjarji, u ma jkollhomx informazzjoni aċċessibbli dwar id-drittijiet u r-rimedji. Il-ġbir tad-data dwar it-tfal involuti fi proċedimenti ġudizzjarji, inkluż fil-kuntest ta’ qrati speċjalizzati, għandu jittejjeb.
Il-pandemija tal-COVID-19 amplifikat l-isfidi relatati mat-tfal u l-ġustizzja. Xi proċedimenti tal-qorti waqfu jew ġew ittardjati; id-dritt li żżur membri tal-familja fil-ħabs ġie affettwat.
It-tfal ikunu f’kuntatt mas-sistema tal-ġustizzja ċivili wara s-separazzjoni jew id-divorzju tal-ġenituri tagħhom; jew meta jiġu adottati jew jitqiegħdu fil-kura. Il-liġi sostantiva tal-familja hija kompetenza nazzjonali. F’każijiet transfruntiera, ir-Regolament Brussell IIa (bir-Riformulazzjoni tiegħu tal-2019) jew ir-Regolament dwar il-Manteniment, u kooperazzjoni ġudizzjarja aktar mill-qrib huma kruċjali biex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal u jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja. Filwaqt li separazzjoni tal-familja bla bżonn għandha tiġi evitata, kwalunkwe deċiżjoni dwar it-tqegħid ta’ minuri fil-kura għandha tiżgura r-rispett tad-drittijiet tat-tfal. Meta l-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali jkunu konxji ta’ konnessjoni mill-qrib tal-minuri ma’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri xierqa biex jiżguraw dawn id-drittijiet fl-aktar stadju bikri possibbli.
Fl-2022, il-Kummissjoni se taġġorna l-Gwida Prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa (Riformulazzjoni). Jinħolqu sfidi speċifiċi f’sitwazzjonijiet transfruntiera, — inkluż għal familji b’ġenituri divorzjati jew separati, u għal familji qawsalla.
Fl-2020, terz tal-għadd totali ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati kienu tfal. Il-prinċipju ta’ fl-aħjar interessi tat-tfal irid ikun il-kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet jew fid-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw it-tfal fil-migrazzjoni. Minkejja l-progress li sar s’issa inkluż bl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti, it-tfal mhux dejjem jingħataw informazzjoni adatta għall-età dwar il-proċedimenti, u lanqas gwida u appoġġ effettivi matul il-proċeduri tal-asil jew tar-ritorn. Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Asil enfasizza l-ħtieġa kemm li jiġu implimentati kif ukoll li jissaħħu s-salvagwardji tal-liġi tal-UE u l-istandards ta’ protezzjoni għat-tfal migranti. Ir-regoli l-ġodda, ladarba jiġu adottati, se jħaffu l-ħatra ta’ rappreżentanti għat-tfal mhux akkumpanjati, u se jiżguraw ir-riżorsi biex jappoġġaw il-ħtiġijiet speċjali tagħhom, inkluża t-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta u l-għajxien indipendenti. It-tfal dejjem se jiġu offruti akkomodazzjoni u assistenza adegwati, inkluża assistenza legali, matul il-proċeduri. Ir-regoli l-ġodda se jsaħħu wkoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri fl-iżgurar ta’ protezzjoni sħiħa għat-tfal mhux akkumpanjati.
Anke llum fl-Ewropa, hemm tfal li huma apolidi, jew mit-twelid jew, spiss, minħabba l-migrazzjoni. In-nuqqas ta’ nazzjonalità jagħmilha diffiċli biex wieħed ikollu aċċess għal xi wħud mis-servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u jista’ jwassal għal sitwazzjoni ta’ vjolenza u sfruttament.
Għat-tfal vittmi tal-kriminalità, spiss ikun hemm nuqqas serju ta’ rappurtar minħabba l-età tal-vittma, nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet tagħhom u nuqqas ta’ servizzi ta’ rappurtar u appoġġ aċċessibbli, adattati għall-età u għall-ġeneru. Jinħolqu sfidi speċifiċi fl-identifikazzjoni tal-vittmi ta’ ċerti reati, bħat-traffikar jew l-abbuż sesswali, kif enfasizzat fl-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi.
L-istudju Globali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2019 dwar it-tfal imċaħħda mil-libertà enfasizza li wisq tfal għadhom imċaħħda mil-libertà tagħhom minħabba li huma f’kunflitt mal-liġi jew relatati mal-proċeduri tal-migrazzjoni u l-asil. L-awtoritajiet nazzjonali, inkluż fl-Istati Membri tal-UE, jeħtieġ li jagħmlu disponibbli u jżidu l-użu ta’ miżuri mhux ta’ kustodja vijabbli u effettivi, f’konformità mal-acquis tal-UE, u jiżguraw li d-detenzjoni tintuża biss bħala l-aħħar għażla u għall-iqsar żmien xieraq. Meta l-ġenituri jintbagħtu l-ħabs, għandhom jitrawmu wkoll politiki u prattiki li jirrispettaw id-dritt tat-tfal tagħhom. L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni sħiħa u korretta fil-prattika tad-Direttiva dwar is-Salvagwardji Proċedurali se tiżgura protezzjoni aħjar tat-tfal suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali.
Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:
-fl-2022 tipproponi inizjattiva leġiżlattiva orizzontali dwar ir-rikonoxximent tal-paternità bejn l-Istati Membri;
-tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-professjonisti tal-ġustizzja dwar id-drittijiet tal-ġustizzja adatta għat-tfal u għat-tfal, f’konformità mal-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024, u permezz tan-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), il-programmi Ġustizzja u CERV, kif ukoll il-Pjattaforma Ewropea għat-Taħriġ tal-portal tal-ġustizzja elettronika tal-UE;
-issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-2010 dwar Ġustizzja adatta għat-Tfal mal-Kunsill tal-Ewropa;
-tipprovdi appoġġ finanzjarju mmirat għal proġetti transnazzjonali u innovattivi għall-protezzjoni tat-tfal migranti taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) il-ġdid;
-tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ alternattivi effettivi u vijabbli għad-detenzjoni tat-tfal fi proċeduri ta’ migrazzjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri biex:
-jappoġġaw lill-fornituri tat-taħriġ ġudizzjarju u lill-korpi rilevanti kollha tal-professjonisti biex jindirizzaw id-drittijiet tat-tfal u l-ġustizzja aċċessibbli u adatta għat-tfal fl-attivitajiet tagħhom. Għal dan il-għan, jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għall-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità msemmija hawn fuq, u tieħu vantaġġ mill-appoġġ tal-FRA biex issaħħu l-kapaċitajiet dwar suġġetti bħall-ġustizzja adattata għat-tfal u t-tfal migranti;
-jiżviluppaw alternattivi robusti għall-azzjoni ġudizzjarja: minn alternattivi għad-detenzjoni, għall-użu ta’ ġustizzja restorattiva u medjazzjoni fil-kuntest tal-ġustizzja ċivili;
-jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar tfal b’ġenituri miżmuma l-ħabs;
-isaħħu s-sistemi ta’ tutela għat-tfal mhux akkumpanjati kollha, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew tal-Kustodja;
-jippromwovu u jiżguraw aċċess universali, liberu u immedjat għar-reġistrazzjoni tat-twelid u ċ-ċertifikazzjoni għat-tfal kollha. Barra minn hekk, tiżdied il-kapaċità tal-uffiċjali tal-ewwel linja biex jirrispondu għall-apolidija u l-problemi relatati man-nazzjonalità fil-kuntest tal-migrazzjoni;
-tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’każijiet b’implikazzjonijiet transfruntiera, biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tat-tfal.
5.Is-soċjetà Diġitali u tal-Informazzjoni: UE li fiha it-tfal jistgħu jinnavigaw b’mod sikur fl-ambjent diġitali u jisfruttaw l-opportunitajiet tiegħu
“Ma kellix kompjuter, l-internet ma wasalx fil-villaġġ tiegħi, u ma kelli l-ebda data. (…)Ma stajtx nikkonnektja għal dawn l-aħħar tliet xhur, u kelli nirrepeti.” (Tifla, 15-il sena, Spanja).
Madankollu, il-preżenza online tat-tfal iżżid l-esponiment tagħhom għal kontenut dannuż jew illegali, bħall-abbuż jew l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-pornografija u l-kontenut tal-adulti, is-sessaġġ, id-diskors ta’ mibegħda online jew id-diżinformazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ sistemi effettivi ta’ kontroll/ta’ verifika tal-età mill-ġenituri. L-esponiment online fih ukoll riskji ta’ kuntatt dannuż u illegali, bħall-grooming ċibernetiku u s-solleċitazzjoni sesswali, il-bullying fuq l-internet jew l-abbuż u l-fastidju online. Kważi terz tal-bniet u 20 % tas-subien esperjenzaw kontenut inkwetanti darba fix-xahar fl-aħħar sena; u tfal minn minoranzi jiltaqgħu ma’ avvenimenti ta’ taqlib online aktar ta’ spiss. Fost ir-rispondenti LGBTI ta’ 15-17-il sena, 15 % esperjenzaw fastidju ċibernetiku minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Aktar u aktar traffikanti jużaw il-pjattaformi tal-Internet biex jirreklutaw u jisfruttaw il-vittmi, peress li t-tfal huma grupp fil-mira partikolarment vulnerabbli.
Fil-kuntest tal-istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, il-Kummissjoni ressqet proposta interim biex tippermetti lill-kumpaniji tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) ikomplu jirrappurtaw b’mod volontarju l-abbuż sesswali tat-tfal lill-awtoritajiet sa fejn dawn il-prattiki jkunu legali, u tistieden lill-koleġiżlaturi biex jaqblu malajr dwar l-adozzjoni tagħha. Fuq medda itwal ta’ żmien, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tindirizza b’mod effettiv l-abbuż sesswali tat-tfal online.
L-esponiment żejjed għall-iskrins u l-attivitajiet online huwa ta’ tħassib għas-saħħa tat-tfal, il-benessri mentali, li jwassal għal stress akbar, nuqqas ta’ attenzjoni, problemi fil-vista u nuqqas ta’ attività fiżika u sport.
L-UE żviluppat strumenti legali u inizjattivi ta’ politika biex taqdi d-drittijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali. Meta jkun meħtieġ, dawn għandhom jiġu adattati u aġġornati hekk kif jitfaċċaw theddidiet ġodda jew jinbidlu l-iżviluppi u t-teknoloġiji. Id-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva saħħet il-protezzjoni tat-tfal minn kontenut dannuż u komunikazzjonijiet kummerċjali mhux xierqa. L-att reċenti dwar is-Servizzi Diġitali jipproponi obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-fornituri tas-servizzi biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utenti online, inklużi t-tfal. Il-kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni se jistabbilixxi reġim koregolatorju mfassal biex jindirizza r-riskji marbuta mat-tixrid tad-diżinformazzjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għall-Edukazzjoni Diġitali (2021–2027) jippromwovi l-litteriżmu diġitali bil-għan li tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u jpoġġi l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qalba ta’ dan l-isforz. Fuq livell internazzjonali, għadha kif inħarġet gwida dwar l-interpretazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali.
Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ permezz tal-Programm Diġitali liċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur u lill-pjattaforma Internet Aħjar għat-Tfal biex titqajjem kuxjenza dwar il-bullying fuq l-internet u tinbena l-kapaċità dwarha, ir-rikonoxximent ta’ mis- u diżinformazzjoni, u l-promozzjoni ta’ mġiba b’saħħitha u responsabbli online. L-inizjattiva li jmiss Perkorsi lejn is-Suċċess fl-Iskejjel se tippromwovi l-prevenzjoni tal-bullying fuq l-internet. Il-programm Erasmus+ se jiffinanzja inizjattivi li jappoġġaw l-akkwist ta’ ħiliet diġitali mit-tfal kollha.
L-intelliġenza artifiċjali (IA) għandha u se jkollha impatt kbir fuq it-tfal u d-drittijiet tagħhom, pereżempju fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-rikreazzjoni u l-għoti tal-kura tas-saħħa. Madankollu, dan jista’ jinvolvi wkoll xi riskji relatati mal-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà. Il-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar qafas legali orizzontali għall-IA se tidentifika l-użu ta’ sistemi tal-IA b’riskju għoli li joħolqu riskji sinifikanti għad-drittijiet fundamentali, inkluż għat-tfal.
Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:
-tadotta Strateġija aġġornata għal Internet Aħjar għat-Tfal fl-2022;
-toħloq u tiffaċilita proċess immexxi mit-tfal immirat lejn l-iżvilupp ta’ sett ta’ prinċipji li għandhom jiġu promossi u osservati mill-industrija;
-tippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta’ ICT aċċessibbli u teknoloġiji ta’ assistenza għat-tfal b’diżabilità bħar-rikonoxximent tat-taħdit, il-captioning magħluq u oħrajn, inkluż fil-konferenzi u l-avvenimenti tal-Kummissjoni;
-tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà;
-tintensifika l-ġlieda kontra kull forma ta’ abbuż sesswali tat-tfal online, pereżempju billi tipproponi l-leġiżlazzjoni meħtieġa inklużi obbligi għall-fornituri tas-servizzi online rilevanti biex jidentifikaw u jirrappurtaw materjal magħruf ta’ abbuż sesswali tat-tfal online.
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri biex:
6.Id-Dimensjoni Globali: UE li tappoġġa, tipproteġi u tagħti s-setgħa lit-tfal globalment, inkluż matul il-kriżi u l-konflitt.
“L-UE għandha forza li tgħaqqad ħafna pajjiżi tad-dinja għall-paċi, il-kooperazzjoni, l-ugwaljanza bejn in-nies, tiffinanzja proġetti għal organizzazzjonijiet li jaħdmu biex jipproteġu d-drittijiet tat-tfal”. (Tifel/Tifla, l-Albanija).
“Trid tidħol fil-fond fil-fossa tal-minjieri permezz ta’ ħabel, tieħu dak li ordnawlek u mbagħad tmur lura fil-wiċċ. Kważi soffokajt ġewwa l-fosos minħabba provvista inadegwata ta’ ossiġenu” (Tifel, 11-il sena, Tanzanija).
L-impenn tal-UE li tippromwovi, tipproteġi, tissodisfa u tirrispetta d-drittijiet tat-tfal huwa impenn globali. Permezz ta’ din l-istrateġija, l-UE għandha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha wkoll bħala attur globali ewlieni f’dan ir-rigward. L-UE diġà għandha rwol ewlieni fil-protezzjoni u l-appoġġ tat-tfal globalment, billi ssaħħaħ l-aċċess għall-edukazzjoni, is-servizzi, is-saħħa, u fil-protezzjoni minn kull forma ta’ vjolenza, abbuż u negliġenza, inkluż fil-kuntest umanitarju.
Minkejja progress sinifikanti matul dawn l-aħħar deċennji, għadd kbir wisq ta’ tfal madwar id-dinja għadhom isofru minn jew jinsabu f’riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kriżi umanitarja, kriżi ambjentali u klimatika, nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni, malnutrizzjoni, faqar, inugwaljanzi u esklużjoni. Is-sitwazzjoni tal-bniet hija partikolarment diffiċli; huma għadhom vittmi ta’ diskriminazzjoni u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru inkluż żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, u ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili sa mill-età ta’ erba’ snin.
Kważi żewġ terzi tat-tfal tad-dinja jgħixu f’pajjiż milqut minn kunflitt. Minn dawn, waħda minn kull sitta jgħixu sa 50 km minn żona ta’ kunflitt. Dan mhux biss jhedded is-saħħa fiżika u mentali tat-tfal iżda spiss jista’ jċaħħadhom mill-edukazzjoni
u jħalli impatt negattiv fuq l-opportunitajiet tal-ħajja futuri tagħhom, kif ukoll fuq dawk tal-komunitajiet li jiġu minnhom.
It-tfal huma wkoll vittmi ta’ reklutaġġ u użu f’kunflitti armati. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-konflitt taffettwa serjament il-benessri fiżiku, psikoloġiku u emozzjonali tagħhom. Kemm is-suldati tfal bniet kif ukoll subien huma wkoll vittmi ta’ vjolenza sesswali, li spiss tintuża bħala arma tal-gwerra.
Huwa stmat li kull sena jmutu 5.2 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin, l-aktar minħabba kawżi li jistgħu jiġu evitati u li jistgħu jiġu ttrattati, li ħafna minnhom huma xprunati mill-faqar, l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni, in-normi tal-ġeneru u n-negliġenza tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem. Il-pandemija tal-COVID-19 u t-tibdil fil-klima komplew jaggravaw il-forom eżistenti ta’ diskriminazzjoni kontra t-tfal kif ukoll l-esponiment għal sitwazzjonijiet vulnerabbli tat-tfal u tal-familji madwar id-dinja. Fl-eqqel tal-pandemija, madwar 1,6 biljun tifel u tifla kienu barra mill-iskola globalment.
L-azzjoni tal-UE fid-dimensjoni esterna ser tkun konformi mal-impenji stabbiliti fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024 u appoġġata minn azzjonijiet immirati inklużi f’inizjattivi rilevanti oħra, bħal-Linji Gwida dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, il-Linji Gwida dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għal azzjoni esterna (2021-2025), u s-Sett ta’ Għodod dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
Fil-kuntesti kollha, l-UE se tkompli tikkontribwixxi biex tiżgura edukazzjoni ta’ kwalità, sikura u inklużiva, protezzjoni soċjali, servizzi tas-saħħa, nutrizzjoni, ilma tax-xorb nadif, akkomodazzjoni, arja interna nadifa, u sanità adegwata. B’mod partikolari, il-politiki ta’ żvilupp tal-UE se (i) javvanzaw il-kopertura tas-saħħa universali biex jiżguraw servizzi essenzjali għas-saħħa materna, tat-trabi tat-twelid, tat-tfal u tal-adolexxenti, inklużi s-saħħa mentali u l-appoġġ psikosoċjali; (ii) jappellaw biex is-sistemi tal-ikel jipprovdu dieti nutrittivi, sikuri, affordabbli u sostenibbli li jissodisfaw il-ħtiġijiet u d-drittijiet tat-tfal u (iii) jinvestu aktar fl-iżvilupp ta’ sistemi edukattivi ta’ kwalità u aċċessibbli, inkluż l-edukazzjoni bikrija, primarja, sekondarja baxxa u għolja. Barra minn hekk, l-assistenza finanzjarja se tappoġġa l-aċċess għal konnettività affordabbli u sostenibbli għall-iskejjel, kif ukoll biex tinkludi ħiliet diġitali fil-kurrikuli tal-iskejjel u fit-taħriġ tal-għalliema.
Fi kriżijiet umanitarji, l-UE se tkompli tappoġġa lit-tfal filwaqt li tapplika approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet f’konformità mal-prinċipji umanitarji, kif ukoll tiżgura li l-għajnuna tagħha tkun sensittiva għall-ġeneru u l-età. L-UE se tkompli tagħmel enfasi fuq il-protezzjoni tat-tfal, billi tindirizza t-tipi kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal kif ukoll tipprovdi appoġġ għas-saħħa mentali u psikosoċjali. Barra minn hekk, l-aċċess kontinwu għal edukazzjoni sikura, ta’ kwalità u inklużiva, huwa ta’ importanza kbira biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mgħammra b’ħiliet essenzjali, biex joffru protezzjoni u sens ta’ normalità, kif ukoll biex jikkontribwixxu għall-paċi, u biex ikunu mezz għar-riintegrazzjoni u r-reżiljenza.
Total ta’ 152 miljun tifel u tifla (9,6 % tat-tfal kollha globalment) huma vittmi tat-tħaddim tat-tfal, b’73 miljun f’xogħol perikoluż li x’aktarx jagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza u lill-iżvilupp tagħhom. Il-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni ħabbru approċċ ta’ tolleranza żero kontra t-tħaddim tat-tfal, u b’hekk ikkontribwew għall-isforzi globali fil-qafas tas-Sena Internazzjonali tan-NU għall-Eliminazzjoni tax-Xogħol tat-Tfal 2021. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jinkludi wkoll azzjoni biex titnaqqas sostanzjalment l-inċidenza globali tat-tħaddim tat-tfal, f’konformità mad-data fil-mira tal-2025 ipproklamata min-Nazzjonijiet Uniti għall-eliminazzjoni sħiħa tat-tħaddim tat-tfal madwar id-dinja. Dan se jkopri l-appoġġ għal edukazzjoni obbligatorja bla ħlas u faċilment aċċessibbli għat-tfal sakemm jilħqu l-età minima għax-xogħol, kif ukoll l-estensjoni tal-programmi ta’ assistenza soċjali biex jgħinu lill-familji joħorġu mill-faqar.
F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, l-UE se iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura parteċipazzjoni sinifikanti tat-tfal; il-prevenzjoni, il-ġlieda u r-rispons għall-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal, inkluża l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; l-eliminazzjoni taż-żwieġ prekoċi, furzat u tat-tfal, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar tat-tfal, il-kuntrabandu, it-talb, l-isfruttament (sesswali) u n-negliġenza. Se tiġi intensifikata wkoll il-ħidma għall-prevenzjoni u t-tmiem tal-ksur serju kontra t-tfal affettwati minn konflitt armat, inkluż b’attivitajiet ta’ promozzjoni li jippromwovu l-konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali. Il-Pjan ta’ Azzjoni jappoġġa wkoll lill-pajjiżi sħab fil-bini u t-tisħiħ ta’ sistemi ta’ ġustizzja u protezzjoni tat-tfal adatti għat-tfal, inkluż għal tfal migranti, refuġjati u spostati bil-forza u tfal li jappartjenu għal minoranzi, b’mod partikolari r-Rom. L-UE se tkompli tappoġġa r-risistemazzjoni ta’ tfal u persuni vulnerabbli oħra li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali fl-UE. L-UE se tappoġġa azzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjoni tat-tfal tat-triq kif ukoll tinvesti fl-iżvilupp ta’ kura alternattiva ta’ kwalità u t-tranżizzjoni minn kura bbażata fuq l-istituzzjonijiet għal kura bbażata fuq il-familja u l-komunità ta’ kwalità għal tfal mingħajr kura tal-ġenituri u tfal b’diżabilità.
L-UE se tkompli tinkludi d-drittijiet tat-tfal fid-djalogu politiku mal-pajjiżi sħab, u b’mod partikolari fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni. Se tippromwovi wkoll miżuri biex jiġu indirizzati l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, b’mod partikolari kontra t-tfal vulnerabbli, inkluż l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-UE se tappoġġa l-monitoraġġ u l-ġbir ta’ data diżaggregata dwar is-sitwazzjoni tat-tfal fir-reġjun, u se tkompli tirrapporta dwar dan fil-pakkett annwali dwar it-tkabbir tar-rapporti tal-pajjiżi.
Biex jinkisbu dawn l-objettivi , l-UE ser tikkoordina l-użu tal-programmi ta’ nfiq kollha tagħha disponibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, b’mod partikolari l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III (IPA III) u l-istrument ta’ għajnuna umanitarja.
Hija ser tippromwovi wkoll azzjonijiet f’fora multilaterali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kampanji ta’ promozzjoni u sensibilizzazzjoni, kif ukoll mas-soċjetà ċivili, it-tfal u l-adolexxenti, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-akkademja, is-settur tan-negozju u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.
Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:
-jiddedikaw 10 % tal-finanzjament globali taħt l-NDICI fl-Afrika Sub-Saħarjana, l-Asja u l-Paċifiku, u l-Ameriki u l-Karibew għall-edukazzjoni;
-tkompli talloka 10 % tal-finanzjament tal-għajnuna umanitarja għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul, u tippromwovi l-approvazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri;
-taħdem biex il-ktajjen tal-provvista tal-kumpaniji tal-UE jsiru ħielsa mit-tħaddim tat-tfal, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwar il-governanza korporattiva sostenibbli;
-tippromwovi u tipprovdi assistenza teknika biex jissaħħu s-sistemi ta’ spezzjoni tax-xogħol għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-liġijiet dwar it-tħaddim tat-tfal;
-tipprovdi assistenza teknika bħala Team Europe lill-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi sħab permezz tal-programmi u l-faċilitajiet tagħha, bħal SOCIEUX+, l-Istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) u l-programmi TWINING;
-tħejji Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ sal-2022 biex tippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tat-tfal madwar id-dinja;
-jinnominaw punti fokali għaż-Żgħażagħ u jsaħħu l-kapaċitajiet għall-protezzjoni tat-tfal fi ħdan id-Delegazzjonijiet tal-UE.
7.L-integrazzjoni tal-perspettiva tat-tfal fl-azzjonijiet kollha tal-UE
Biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-istrateġija, il-Kummissjoni se tiżgura li l-perspettiva tad-drittijiet tat-tfal tiġi integrata fil-politiki, fil-leġiżlazzjoni u fil-programmi ta’ finanzjament rilevanti kollha. Dan se jkun parti mill-isforzi biex tinħoloq kultura adattata għat-tfal fit-tfassil tal-politika tal-UE u se jkun appoġġat billi jiġu pprovduti taħriġ u bini tal-kapaċità lill-persunal tal-UE, u koordinazzjoni interna msaħħa permezz tat-tim tal-koordinatur tal-Kummissjoni għad-drittijiet tat-tfal. Se tiġi żviluppata lista ta’ kontroll tal-integrazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal.
Hemm bżonn ta’ data affidabbli u komparabbli biex jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza. Il-Kummissjoni se tistieden lill-FRA biex ikomplu jipprovdu assistenza teknika u appoġġ metodoloġiku lill-Istati Membri dwar, fost l-oħrajn, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ ġbir ta’ data. Se tiġi segwita wkoll id-data tal-Eurostat aktar skont l-etajiet u diżaggregazzjoni skont is-sess, u data ġġenerata minn aġenziji oħra tal-UE, kif ukoll ir-riċerka dwar oqsma tematiċi speċifiċi koperti minn din l-istrateġija. Dan se jsir permezz tal-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa (2021-2027).
L-istrateġija se tgħin ukoll fl-integrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-inizjattivi fil-livell nazzjonali u fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tal-obbligi legali internazzjonali u tal-UE eżistenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll in-Netwerk tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal sa tmiem l-2021. Filwaqt li jibni fuq il-ħidma tal-grupp ta’ esperti informali eżistenti dwar id-drittijiet tat-tfal, in-Netwerk se jsaħħaħ id-djalogu u t-tagħlim reċiproku bejn l-UE u l-Istati Membri dwar id-drittijiet tat-tfal, u jappoġġa l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija. Se jkun magħmul minn rappreżentanti nazzjonali, u se jinkludi f’xi wħud mill-attivitajiet tiegħu organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi, rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u t-tfal, fost oħrajn. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u ma’ istituzzjonijiet rilevanti oħra, organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-ombudspersons għat-tfal.
Din l-istrateġija għandha tinqara flimkien mal-Istrateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE, u l-pjan ta’ azzjoni għad-Demokrazija Ewropea. Hija tikkumplimenta sforzi mmirati biex id-drittijiet u l-valuri tal-UE jsiru aktar tanġibbli f’oqsma bħall-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni, l-ugwaljanza u l-inklużjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-pluraliżmu, id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE, id-drittijiet tal-vittmi, il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, id-drittijiet soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ . Huwa wkoll konformi mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija.
7.1 Kontribuzzjoni tal-fondi tal-UE għall-implimentazzjoni tal-istrateġija
Il-finanzjament tal-UE huwa essenzjali biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fl-Istati Membri. B’din l-istrateġija, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi tal-UE fl-inizjattivi tagħhom biex jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tat-tfal. Għandha tinkoraġġixxi wkoll l-ibbaġitjar tad-drittijiet tat-tfal u tesplora modi biex jiġi traċċat l-infiq tal-baġit tal-UE f’dan il-qasam, sabiex il-fondi jiġu diretti lejn l-aktar ħtiġijiet urġenti. Il-finanzjament għad-drittijiet tat-tfal għandu jingħata prijorità mill-Istati Membri fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE, skont il-ħtiġijiet identifikati fil-livell nazzjonali u reġjonali. Taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027,
Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jappoġġaw investimenti fil-kapaċità tal-bniedem u l-iżvilupp tal-infrastruttura, it-tagħmir u l-aċċess għas-servizzi fl-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, il-kura soċjali, tas-saħħa u tat-tfal, kif ukoll il-bidla minn servizzi istituzzjonali għal dawk ibbażati fuq il-familja u l-komunità.
L-Istati Membri li għandhom rata ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali ogħla mill-medja tal-UE (fl-2017-2019) se jkollhom jallokaw 5 % tal-FSE+ għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, filwaqt li Stati Membri oħra se jkunu meħtieġa jallokaw ammont xieraq. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 20212027, l-Istati Membri għandhom jissodisfaw diversi kundizzjonijiet abilitanti, li jista’ jkollhom rabta mill-qrib mal-miżuri dwar id-drittijiet tat-tfal. Dan jinkludi oqfsa ta’ politika fil-qasam tat-tnaqqis tal-faqar, l-inklużjoni tar-Rom u l-konformità mal-UNCRPD u l-Karta. L-AMIF il-ġdid se jsaħħaħ il-protezzjoni ta’ tfal migranti mhux akkumpanjati billi jirrikonoxxi u jipprovdi appoġġ finanzjarju u inċentivi għall-akkoljenza, l-akkomodazzjoni u bżonnijiet speċjali oħra partikolari tagħhom, b’rata ta’ kofinanzjament sa 75 %, li tista’ tiżdied għal 90 % għal proġetti implimentati taħt azzjonijiet speċifiċi.
Fondi u programmi oħra tal-UE jistgħu jintużaw għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tat-tfal, inkluż il-Programm Ġustizzja, il-Programm CERV, Erasmus+, Orizzont 2020, il-Programm Diġitali, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), REACT-EU, u InvestEU. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’, fuq talba, jipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jiżviluppaw azzjonijiet ta’ bini ta’ kapaċità.
L-istrateġija tindirizza wkoll l-inugwaljanzi li saru agħar bil-kriżi tal-COVID-19, li affettwat b'mod sproporzjonat tfal vulnerabbli. Bħala parti minn din il-ħidma, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti minn NextGenerationEU biex jittaffa l-impatt sproporzjonat tal-kriżi, u se tgħin lill-Istati Membri jintegraw id-drittijiet tat-tfal fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.
Biex isir progress reali fil-prattika, jeħtieġ li din l-istrateġija tkun akkumpanjata minn impenji u investimenti fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw, fejn għadhom mhumiex disponibbli, strateġiji nazzjonali robusti u bbażati fuq l-evidenza dwar id-drittijiet tat-tfal, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi t-tfal; u f’sinerġija ma’ strateġiji u pjanijiet nazzjonali rilevanti oħra. Tappella wkoll lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Protokolli Fakultattivi kollha tal-UNCRC u l-protokolli fakultattivi tal-UNCRPD, u jikkunsidraw kif xieraq l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-azzjonijiet kollha rakkomandati f’din l-istrateġija permezz ta’ riżorsi finanzjarji xierqa, inkluż il-finanzjament tal-UE.
Konklużjoni
Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ biex tappoġġa lit-tfal jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom bħala ċittadini impenjati u responsabbli. Biex dan iseħħ, il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika jeħtieġ li tibda matul it-tfulija. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom, u li dawn jitqiesu. Sabiex nippermettu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom, irridu wkoll nindirizzaw il-faqar, l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni biex inkissru ċ-ċiklu interġenerazzjonali tal-iżvantaġġ.
Din l-istrateġija hija inklużiva mid-disinn u se tkun inklużiva fl-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrateġija fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u tirrapporta dwar il-progress fil-Forum Ewropew annwali dwar id-drittijiet tat-tfal. It-tfal se jkunu parti mill-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-Pjattaforma ta’ Parteċipazzjoni tat-Tfal futura. L-azzjonijiet tal-istrateġija se jiġu adattati fejn meħtieġ.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw l-istrateġija u jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jippromwovu d-djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili.
Ilkoll għandna r-responsabbiltà li nisimgħu lit-tfal u naġixxu issa. L-użu tal-kliem espress minn wieħed mill-membri tal-Kunsill tat-Tfal Eurochildren: “Ħidma tajba hija aħjar minn kliem sew”.