EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0625

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

COM/2020/625 final

Brussell, 30.9.2020

COM(2020) 625 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

{SWD(2020) 212 final}


L-edukazzjoni hija essenzjali għall-vitalità tas-soċjetà u għall-ekonomija Ewropea. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandha l-għan li tipprovdi lill-komunitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ bl-appoġġ li jeħtieġu biex iwettqu l-missjoni fundamentali tagħhom, fi żminijiet diffiċli u eċċitanti - il-President von der Leyen

1Introduzzjoni

Fil-Linji Gwida Politiċi tagħha, il-President tal-Kummissjoni von der Leyen impenjat ruħha li tagħmel iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni realtà sal-2025. L-edukazzjoni hija l-pedament għas-sodisfazzjon personali, l-impjegabbiltà, u ċ-ċittadinanza attiva u responsabbli. Id-dritt għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għat-tagħlim tul il-ħajja li huma ta’ kwalità u inklużivi huwa ddikjarat bħala l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-Unjoni qed tfassal mill-ġdid l-istrateġija tat-tkabbir tagħha, abbażi tas-sostenibbiltà, bit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali bħala l-ixprunaturi trasformattivi tiegħu. L-edukazzjoni hija fil-qalba tal-ħajja Ewropea, billi ssaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq soċjali u d-demokrazija b’libertà, diversità, drittijiet tal-bniedem u ġustizzja soċjali.

F’Lulju, il-Kunsill Ewropew laħaq qbil fuq pakkett ta’ rkupru mingħajr preċedent biex jiġu miġġielda l-effetti tal-COVID-19 fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, u biex jiġu promossi l-irkupru qawwi tal-Ewropa u t-trasformazzjoni u r-riforma tal-ekonomiji tagħna. F’dak il-kuntest, l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-użu effettiv tal-ħiliet se jkun kruċjali biex tiġi appoġġata l-prosperità ekonomika u soċjali tal-Ewropa.

Il-pandemija tal-Covid-19 għandha impatti kbar fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa. Qed tesponi aktar minn 100 miljun Ewropew, li huma parti mill-komunità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, għal realtajiet u modi ġodda u ta’ sfida, ta’ apprendiment, ta’ tagħlim u ta’ komunikazzjoni. Huwa essenzjali li l-kriżi tas-saħħa tieqaf milli ssir ostaklu strutturali għall-apprendiment u għall-iżvilupp tal-ħiliet li jkollu impatt fuq il-prospetti tal-impjieg u l-qligħ taż-żgħażagħ, kif ukoll fuq l-ugwaljanza u l-inklużjoni għas-soċjetà kollha kemm hi. L-Istati Membri jfittxu kooperazzjoni fil-livell tal-UE fir-reazzjonijiet tagħhom biex jibnu sistemi edukattivi reżiljenti u li jħarsu lejn il-futur, li jistabbilixxu l-pedamenti ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta approċċ imsaħħaħ biex sal-2025 tkun żgurata l-kisba ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni hija marbuta ma’ Next Generation EU u l-baġit fuq terminu twil tal-Unjoni Ewropea għall-2021-2027.

Biex titwitta t-triq u biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-irkupru u r-reżiljenza, politiki ċċentrati fuq in-nies huma aktar essenzjali minn qatt qabel. L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-iskejjel, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-edukazzjoni tal-adulti, kif ukoll l-apprendiment mhux formali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu. Dawn il-politiki jeħtieġ li jiżviluppaw approċċ olistiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ u jirrikonoxxu l-valur intrinsiku tagħhom li jipprovdu bażi komprensiva biex jiġu żgurati l-akbar kontribut u parteċipazzjoni fis-soċjetà.

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni hija msejsa fuq għexieren ta’ snin ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni fil-livell tal-UE. Il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) għen biex inbnew il-fiduċja u l-fehim reċiproku li appoġġaw l-ewwel inizjattivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 1 , riformi nazzjonali, u ffaċilitaw ir-rispons tal-komunità tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-pandemija tal-Covid-19.

Kisbiet tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ

S’issa, il-kooperazzjoni diġà kisbet riżultati sinifikanti rigward l-għoti tas-setgħa lill-għalliema, it-titjib tal-edukazzjoni ġenerali, l-adattament għat-trasformazzjoni diġitali, jew l-istabbiliment ta’ prinċipji ġodda għat-titjib tal-VET. Barra minn hekk, l-ET 2020 stabbilixxa miri komuni tal-UE (“punti ta’ riferiment”) u pprovda firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ apprendiment reċiproku u ta’ appoġġ għall-politika li ħeġġew lill-Istati Membri biex jiffukaw l-isforzi fuq l-aktar prijoritajiet urġenti. Fl-2020, kif muri hawn fuq, inkisbu r-riżultati li ġejjin:

-Kważi 95 % tat-tfal jattendu l-edukazzjoni bikrija tat-tfal mill-età ta’ 4 snin. Din il-fażi tal-edukazzjoni estremament importanti issa tista’ tagħti s-sehem sħiħ tagħha għall-istandards ta’ kwalità, b’mod partikolari għat-tfal li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati.

-Il-kisbiet fl-edukazzjoni terzjarja tal-adulti żgħażagħ żdiedu b’mod qawwi matul l-aħħar għaxar snin, tant li l-UE saħansitra qabżet il-mira ta’ 40 % stabbilita fl-2009. Il-kisbiet fl-edukazzjoni għolja jikkorrelataw ma’ opportunitajiet aħjar biex wieħed isib u jżomm l-impjieg, ma’ qligħ ogħla, u ma’ parteċipazzjoni akbar fil-ħajja demokratika.

-Il-proporzjon taż-żgħażagħ li jitilqu mill-edukazzjoni mingħajr diploma sekondarja tat-tieni livell u li m’għadhomx jieħdu sehem fit-taħriġ naqas minn 14 % fl-2009 għal 10,2 % fl-2019 u għalhekk prattikament laħaq il-mira tal-UE ta’ 10 %. Din il-kisba tgħin fil-ġlieda kontra n-nassa ta’ ħiliet baxxi għall-adulti żgħażagħ.

-L-UE ma laħqitx il-mira tagħha biex sal-2020 l-għadd ta’ tfal ta’ 15-il sena b’livelli baxxi tal-qari, tal-matematika u tax-xjenza jonqos għal inqas minn 15 %. L-UE inġenerali għadha lura fit-tliet oqsma kollha: fost iż-żgħażagħ ta’ 15-il sena, aktar minn wieħed minn kull ħamsa ma jafux jagħmlu kompiti sempliċi f’dawn is-suġġetti, u r-riżultati huma kkorrelatati sew mal-istatus soċjoekonomiku.

-Ir-rata tal-impjieg ta’ gradwati riċenti żdiedet għal 80,9 % fl-2019, u dan jindika rkupru stabbli mir-rekord baxx ta’ 74,3 % irreġistrat fl-2013 u huwa qrib il-mira tal-UE ta’ 82 %.

-Imxekkla parzjalment, mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, il-parteċipazzjoni tal-adulti fl-apprendiment ma laħqitx il-mira ta’ 15 % iżda żdiedet għal 10,8 % fl-2019, b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri.

L-Aġenda Strateġika Ġdida għall-UE għall-2019 – 2024 adottata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta’ Ġunju 2019 tenfasizza li l-Istati Membri jridu jżidu “l-investiment fil-ħiliet u l-edukazzjoni tan-nies”. Fl-ewwel dibattitu konġunt tagħhom dwar il-politika li qatt sar fit-8 ta’ Novembru 2019, il-Ministri tal-Edukazzjoni u l-Ministri tal-Finanzi qablu li l-investiment fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fil-kompetenzi huwa neċessità għall-Istati Membri kollha u għandu jkun prijorità strateġika għall-UE. 2 Għal xi Stati Membri, l-isfida immedjata hija li jiġi żgurat livell adegwat ta’ investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Għal oħrajn, il-kwistjoni ewlenija hija l-infiq effiċjenti u effettiv.

Il-programm Erasmus+ kien strumentali biex jiżdiedu l-prattiki ta’ suċċess u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni għar-riforma nazzjonali, u biex tiġi appoġġata finanzjarjament l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet fil-livell tal-UE, bħal pereżempju l-irfid tal-impenn tal-UE għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza, il-libertajiet fundamentali, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għamlu disponibbli l-finanzjament biex jitwettqu riformi nazzjonali sistemiċi. Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali pprovda appoġġ tekniku għar-riformi tal-Istati Membri fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

L-importanza ta’ dawn l-attivitajiet irċeviet l-ogħla rikonoxximent politiku, li żied l-ambizzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni. Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma ta’ Marzu 2017, il-Mexxejja tal-UE wegħdu li jaħdmu favur Unjoni li fiha “ż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjiegi mal-kontinent kollu” 3 . Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ddikjarat b’mod konġunt mill-Mexxejja tal-UE fis-Summit Soċjali ta’ Gothenburg tal-2017 jistabbilixxi, bħala l-ewwel prinċipju tiegħu, edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi 4 . Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 5 enfasizzaw li “l-edukazzjoni u l-kultura huma kruċjali għall-bini ta’ soċjetajiet inklużivi u koeżivi, u biex isostnu l-kompetittività tagħna” u identifikaw għadd ta’ linji ta’ ħidma ta’ prijorità – f’konformità mal-viżjoni tal-Kummissjoni għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 6 . Il-Kummissjoni mexxiet dan il-mandat ’il quddiem fl-inizjattivi inizjali taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni f’għadd ta’ oqsma 7 .

L-isforzi biex tiġi stabbilita ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se jaħdmu f’sinerġija mal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 8 , mal-politika mġedda dwar il-VET 9 u maż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex jiġi sfruttat l-għarfien, u b’hekk isir il-bażi tal-irkupru u l-prosperità tal-Ewropa, abbażi tal-prinċipji komuni tal-inklużjoni, il-mobbiltà u l-innovazzjoni. Dawn l-inizjattivi, flimkien mal-Istrateġija l-Ġdida tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 10 se jgħinu biex titrawwem tranżizzjoni bla xkiel mill-iskola għall-istudji akkademiċi, il-VET, kif ukoll ix-xogħol u jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà. Se jippromwovu wkoll kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol u se jgħinu fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluż l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneri.

Filwaqt li tibni fuq dawn il-kisbiet u f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ta’ Novembru 2019 11 , din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi viżjoni biex sal-2025 tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, u tippreżenta l-passi konkreti biex titwettaq din l-ambizzjoni.



2Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Ambizzjuża

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġu kkonsolidati l-isforzi li għaddejjin u li tiġi żviluppata ulterjorment iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fuq sitt dimensjonijiet.

2.1Kwalità:

L-edukazzjoni ta’ kwalità tagħti liż-żgħażagħ l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet biex jirnexxu fil-ħajja u jkampaw mal-isfidi numerużi li se jiffaċċjaw. Fil-livell tal-UE, il-viżjoni għall-kwalità fl-edukazzjoni tinkludi:

-Il-kisba ta’ ħiliet bażiċi, inkluż il-kompetenzi diġitali, li hija prerekwiżit biex wieħed jirnexxi fil-ħajja, isib impjiegi sodisfaċenti u jsir ċittadin attiv 12 . Fl-2018, ir-rata medja tal-insuffiċjenza fl-UE – il-proporzjon ta’ studenti li ma jirnexxilhomx jagħmlu kompiti bażiċi fil-matematika, fix-xjenza u fil-qari, skont l-istħarriġ PISA tal-OECD – kienet ta’ 22,5 % fil-qari, 22,9 % fil-matematika u 22,3 % fix-xjenza. Matul il-perjodu 2009-2018, il-prestazzjoni fix-xjenza u l-qari marret għall-agħar fil-livell tal-UE, filwaqt li baqgħet stabbli fil-matematika. Fl-2019, wieħed minn kull ħames żgħażagħ fl-Ewropa rrapporta li m’għandux ħiliet diġitali bażiċi. 13 Madankollu, xi pajjiżi tal-UE rnexxielhom itejbu l-prestazzjoni tagħhom matul iż-żmien, billi implimentaw riformi strutturali fl-edukazzjoni, żiedu l-awtonomija tal-iskejjel, indirizzaw l-inugwaljanzi minn snin bikrin u investew fl-għalliema. In-nuqqas ta’ kisba ta’ dawn il-ħiliet bażiċi, li huma meħtieġa għall-apprendiment ulterjuri, joħloq nuqqasijiet ta’ ħiliet li jkollhom konsegwenzi kbar matul il-ħajja tal-persuni u li jeħtieġu miżuri ta’ rimedju permezz ta’ apprendiment għall-adulti. 14  

-Il-kisba ta’ ħiliet trasversali bħall-ħsieb kritiku, l-intraprenditorija, il-kreattività u l-impenn ċiviku permezz ta’ approċċi transdixxiplinarji, iċċentrati fuq l-istudent u li huma bbażati fuq l-isfidi.

-Il-promozzjoni tal-libertà doppja għall-istudenti u għall-għalliema li jkunu mobbli u għall-istituzzjonijiet li jassoċjaw ma’ xulxin b’mod liberu fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-mobbiltà għall-apprendiment u l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri huma xprunaturi qawwija għat-titjib tal-kwalità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Madankollu, ħafna edukaturi u studenti għadhom qed jiffaċċaw firxa wiesgħa ta’ ostakli meta jibdew esperjenzi ta’ mobbiltà tranżnazzjonali. Jista’ jkun li ma jkollhomx biżżejjed informazzjoni u gwida dwar il-mobbiltà għall-apprendiment, jew li ma jkunux ippreparati biżżejjed fir-rigward tal-apprendiment tal-lingwi jew jiffaċċaw sfidi ta’ aċċessibbiltà. Jista’ jkun hemm ostakli finanzjarji, nuqqas ta’ portabbiltà tas-sistemi ta’ appoġġ għall-istudenti, nuqqas ta’ rikonoxximent sħiħ tal-eżiti tal-apprendiment u l-kwalifiki miksuba matul il-mobbiltà, diffikultà biex il-mobbiltà tingħaqad mar-rekwiżiti tal-kurrikuli, li tiskoraġġixxi lill-istudenti u lill-edukaturi milli jeżerċitaw din il-libertà biex jiċċaqalqu. Il-mobbiltà għall-apprendiment fil-futur trid tkun ukoll aktar sostenibbli mil-lat ambjentali u lesta li tilqa’ l-isfidi u l-opportunitajiet diġitali.

-It-trawwim tal-apprendiment tal-lingwi u tal-multilingwiżmu. L-għarfien ta’ lingwi differenti huwa rekwiżit biex wieħed jistudja u jaħdem f’pajjiż barrani, u biex wieħed jiskopri bis-sħiħ id-diversità kulturali tal-Ewropa. Dan jippermetti lill-istudenti u lill-għalliema jibbenefikaw minn spazju ta’ apprendiment Ewropew ġenwin. Il-valutazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-kuntesti lingwistiċi tal-istudenti.

-L-appoġġ għall-għalliema biex jimmaniġġaw id-diversità lingwistika u kulturali fl-iskola huwa element ewlieni fit-trawwim tal-kwalità fl-edukazzjoni, b’mod partikolari billi jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet persistenti fil-litteriżmu. Approċċ bħal dan jappoġġa wkoll iż-żieda tal-eżiti tal-edukazzjoni tal-istudenti u taż-żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni.

-L-introduzzjoni ta’ perspettiva Ewropea fl-edukazzjoni għandha tipprovdi lill-istudenti b’għarfien dwar xi tfisser l-Ewropa inġenerali u l-Unjoni b’mod partikolari fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Din il-perspettiva Ewropea tikkomplementa l-perspettivi nazzjonali u reġjonali, u għandha tiġi indirizzata b’mod dinamiku u plurali, biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku.

-L-iżgurar li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jibqgħu ambjenti siguri, ħielsa mill-vjolenza, mill-bullying, minn diskors li jagħmel ħsara, mid-diżinformazzjoni u minn kull forma ta’ diskriminazzjoni.

2.2Inklużjoni u ugwaljanza bejn il-ġeneri

L-edukazzjoni qed tonqos milli tnaqqas l-inugwaljanzi marbuta mal-istatus soċjoekonomiku, minkejja l-fatt li s-sistemi tal-edukazzjoni bl-aqwa prestazzjoni huma dawk li qabel kollox jenfasizzaw l-ekwità. 15 Madwar l-Ewropa, l-esperjenzi edukattivi tal-individwi jsegwu tendenzi soċjali. Studenti minn sfondi żvantaġġati huma rrappreżentati żżejjed fost dawk b’insuffiċjenza fil-kisbiet. L-insuffiċjenza fil-kisbiet fil-qari u t-tluq bikri mill-iskola hu bħala medja ogħla fost is-subien milli fost il-bniet 16 . Iż-żoni rurali qed jaqgħu lura u l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni 17 jmorru agħar fl-iskola. Il-pandemija tal-Covid-19 enfasizzat b’mod aktar ċar l-importanza tal-inklużjoni u l-ġustizzja fl-edukazzjoni u wriet ir-rilevanza tal-post ġeografiku fejn jinsabu l-istudenti u l-familji. Biex tinqaleb il-folja, fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni:

-Il-kisbiet fl-edukazzjoni u l-kisbiet għandhom jinfirdu minn mal-istatus soċjali, ekonomiku u kulturali, sabiex jiġi żgurat li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ iżidu l-ħiliet ta’ kull individwu u jippermettu l-mobbiltà soċjali għall-aħjar. L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għandhom rwol kritiku f’dan ir-rigward 18 . Huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati b’mod inklużiv il-ħtiġijiet edukattivi tal-istudenti b’potenzjal kbir ta’ tagħlim.

-Is-sistemi tal-edukazzjoni fil-livelli kollha għandhom jikkonformaw mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

-Is-sistemi tal-VET, li jistgħu jappoġġaw liż-żgħażagħ biex jirnexxilhom jidħlu f’suq tax-xogħol li qed jinbidel u jiżguraw li l-adulti jipparteċipaw fi programmi mfassla għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, għandhom ikunu aktar aġli, reżiljenti u reżistenti għall-futur, f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET.

-Strateġiji sodi u inklużivi ta’ tagħlim tul il-ħajja għandhom jippermettu lil dawk li jkunu telqu mill-iskola kmieni biex jerġgħu jidħlu fl-edukazzjoni, u dawk li għandhom bżonnha għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw programmi tal-edukazzjoni għolja u VET biex jiksbu jew jaġġornaw il-ħiliet li jeħtieġu l-impjiegi tal-futur, anki għal dawk ikbar fl-età.

-Il-kooperazzjoni transfruntiera għandha tissaħħaħ, fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, kif ukoll fl-oqsma tal-isport u l-kultura, biex jiġi promoss it-tagħlim mhux formali inkluż ir-rabta tagħhom mal-edukazzjoni formali.

Bħala medja fl-UE, in-nisa għandhom livelli ta’ kisbiet fl-edukazzjoni ogħla mill-irġiel, u rati aktar baxxi ta’ tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Madankollu hemm distakk persistenti bejn il-ġeneri f’xi oqsma ta’ studju xjentifiċi, ħafna drabi dawk li jwasslu għal impjiegi b’paga aħjar. Minkejja l-kisba ta’ punteġġi akbar fil-litteriżmu diġitali fi stħarriġiet dwar l-edukazzjoni 19 , fl-2018, in-nisa rrappreżentaw 26 % tal-istudenti fl-inġinerija, fil-manifattura u fil-kostruzzjoni; u 18 % biss fl-istudji tal-ICT 20 . Barra minn hekk, in-nisa għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-edukazzjoni għolja. Fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jikkunsidraw dan li ġej:

-L-iżvilupp ta’ sensittività aħjar għall-ġeneru 21 fil-proċessi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Is-subien u l-bniet għandhom aċċess indaqs għall-edukazzjoni, iżda l-isfida l-ġdida għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni hija li s-subien u l-bniet kollha jkollhom l-istess rispett u kundizzjonijiet xierqa biex isiru adulti sodisfaċenti fl-iskejjel u fl-universitajiet. L-imġiba sessista u l-fastidju sesswali jaffettwaw primarjament lill-bniet u lin-nisa żgħażagħ u jxekklu l-esperjenza edukattiva tagħhom. L-ambjent edukattiv huwa opportunità unika biex jipprovdi l-bażi biex is-subien u l-bniet isiru adulti li jirrispettaw bis-sħiħ l-identità tagħhom stess u dik tal-pari tagħhom.

-L-isfidar u l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tal-ġeneri, speċjalment dawk li jillimitaw l-għażliet tas-subien u l-bniet rigward il-qasam tal-istudju tagħhom, iżda wkoll dawk kollha li jistgħu jitwasslu fi prattiki ta’ edukazzjoni u taħriġ u materjali ta’ tagħlim. Il-professjonijiet li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel jew min-nisa għandhom jinfetħu iktar għal persuni tal-ġeneru li mhuwiex irrappreżentat biżżejjed.

-Ħidma lejn bilanċ xieraq bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, inkluż fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

2.3Tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali:

Il-politiki u l-investimenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ immirati lejn tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali inklużivi għandhom iċ-ċavetta għar-reżiljenza u l-prosperità futuri tal-Ewropa. Skont it-Tbassir tas-Sajf tal-Kummissjoni, l-ekonomija tal-UE se tonqos bi 8,3 % fl-2020 u se tikber b’madwar 5,8 % fl-2021. Ir-rata tal-qgħad fl-UE se tiżdied minn 6,7 % fl-2019 għal 9 % fl-2020 qabel terġa’ tonqos għal 8 % fl-2021. 22 Iż-żgħażagħ li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol f’dan iż-żmien se jsibuha iktar diffiċli biex jiksbu l-ewwel impjieg tagħhom. Filwaqt li l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, is-sussidji tal-pagi u l-għajnuna għan-negozji għandhom jillimitaw it-telf ta’ impjiegi, il-pandemija tal-Covid-19 se jkollha impatt qawwi fuq is-suq tax-xogħol. Il-litteriżmu diġitali huwa essenzjali, iktar u iktar fid-dinja ta’ wara l-COVID-19. Prattikament kull apprendiment ulterjuri u impjieg fis-setturi kollha se jeħtieġ xi forma ta’ ħiliet diġitali, iżda bħala medja, tnejn minn kull ħames Ewropej fl-età ta’ 16-74 sena m’għandhomx dawn il-ħiliet. 23

It-tranżizzjoni għal ekonomija ambjentalment sostenibbli, ċirkolari u newtrali għall-klima għandha impatti sinifikanti fuq l-impjiegi u s-soċjetà. 24 Iċ-ċittadini jistennew li l-gvernijiet tagħhom jagħmlu l-protezzjoni tal-ambjent prijorità meta jippjanaw miżuri ta’ rkupru implimentati biex jingħelbu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi tal-Covid-19 sabiex jippromwovu t-tranżizzjoni għal dinja aktar ekoloġika u diġitali. 25 Huwa biss bil-ħiliet u l-edukazzjoni x-xierqa li l-Ewropa jista’ jkollha rkupru ekonomiku sostnut immirat lejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li turi tmexxija globali bl-eżempju, billi ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-kompetizzjoni globali, u tibqa’ leali lejn l-impenn tagħha għal tranżizzjoni ġusta. Sabiex titwettaq din l-ambizzjoni trasformattiva:

-Hemm bżonn li tiġi mħeġġa bidla profonda fl-imġiba u fil-ħiliet tan-nies, li tibda fis-sistemi u fl-istituzzjonijiet edukattivi bħala katalizzaturi. L-azzjonijiet għandhom ikunu mmirati lejn il-bidla fl-imġiba, it-tisħiħ tal-ħiliet għall-ekonomija ekoloġika, it-trawwim ta’ infrastruttura ġdida sostenibbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ u r-rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti (“mewġa ta’ rinnovazzjoni”), biex b’hekk joħolqu ambjenti favorevoli għal din il-bidla 26 .

-Barra minn hekk, it-tranżizzjoni ekoloġika teħtieġ investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiżdied l-għadd ta’ professjonisti li jaħdmu lejn ekonomija newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

- L-appoġġ effettiv għat-tranżizzjonijiet lejn is-sostenibbiltà permezz tal-integrazzjoni tal-perspettivi tas-sostenibbiltà ambjentali fix-xjenzi naturali u umani, u l-appoġġ għall-bidliet fil-ħiliet, il-metodi, il-proċessi u l-kulturi.

-L-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha għandhom jipprovdu lin-nies bil-ħiliet diġitali, iżda wkoll b’kompetenzi oħrajn, bħall-intraprenditorija u t-tagħlim ta’ kif wieħed jitgħallem, li huma meħtieġa biex wieħed jinnaviga s-suq tax-xogħol ittrasformat mill-bidla teknoloġika.

2.4Għalliema u ħarrieġa:

L-għalliema, il-ħarrieġa u l-staff edukattiv huma fil-qalba tal-edukazzjoni. Dawn għandhom l-aktar rwol importanti biex l-edukazzjoni ssir esperjenza siewja għall-istudenti kollha. Miljuni ta’ għalliema madwar l-Ewropa kellhom jadattaw malajr għall-għeluq tal-iskejjel minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Huma baqgħu fuq quddiem nett tar-rispons biex jiżguraw li l-apprendiment ikompli, filwaqt li ħarġu b’innovazzjonijiet fl-apprendiment mill-bogħod għall-istudenti tagħhom li kienu magħluqin ġewwa. Mingħajr l-għalliema u l-ħarrieġa, ma tista’ sseħħ l-ebda innovazzjoni, inklużjoni u esperjenza ta’ edukazzjoni trasformattiva għall-istudenti. Il-viżjoni għall-professjoni tal-edukazzjoni fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni hija waħda ta’ edukaturi kompetenti ħafna u mmotivati li jistgħu jibbenefikaw minn firxa ta’ opportunitajiet ta’ appoġġ u ta’ żvilupp professjonali matul il-karrieri varjati tagħhom. Fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ għandhom ikunu professjonijiet apprezzati:

-Hemm bżonn ta’ forza tax-xogħol professjonali li tkun kompetenti ħafna, entużjasta u ddedikata. L-ewwel pass huwa li jingħeleb in-nuqqas ta’ għalliema. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ għalliema, jew b’mod ġenerali jew f’suġġetti speċifiċi bħas-STEM jew it-tagħlim ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali. Peress li madwar terz tal-popolazzjoni tal-għalliema se tirtira fl-għaxar snin li ġejjin, iż-żamma u r-riġenerazzjoni jeħtieġu attenzjoni primarja.

-Il-professjoni tat-tagħlim bħala tali teħtieġ li tiġi vvalutata mill-ġdid, f’termini soċjali u, f’xi Stati Membri, anke f’termini finanzjarji. Wieħed biss minn kull ħames għalliema fl-iskejjel sekondarji tal-ewwel livell iqis il-professjoni tiegħu bħala apprezzata mis-soċjetà u madwar nofshom indikaw piż amministrattiv għoli bħala fattur ta’ stress fil-professjoni. 27

-L-għalliema u min iħarreġ jeħtieġu opportunitajiet kontinwi ta’ żvilupp professjonali. L-Istħarriġ Internazzjonali dwar it-Tagħlim u l-Apprendiment tal-OECD (TALIS) wera li għadd sinifikanti ta’ għalliema jesprimu l-ħtieġa li jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom għat-tagħlim ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali, l-użu ta’ teknoloġiji diġitali, u t-tagħlim fi klassijiet multilingwi u multikulturali. 28

-Il-mobbiltà internazzjonali tal-istudenti, l-għalliema u dawk li jħarrġu lill-għalliema għandha ssir parti mill-edukazzjoni tal-għalliema biex jitwessa’ l-aċċess għad-diversità ta’ approċċi ta’ tagħlim ta’ kwalità sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-istudenti.

2.5Edukazzjoni għolja:

Il-mobbiltà tal-istudenti u tal-istaff fetħet progressivament l-edukazzjoni għolja u saħħet il-bażi għal kooperazzjoni strutturata. Il-proċess ta’ Bolonja kellu rwol ewlieni fl-internazzjonalizzazzjoni u l-mobbiltà. Il-valur miżjud tal-mobbiltà huwa ċar: l-evidenza turi li esperjenza ta’ studju barra mill-pajjiż tgħin b’mod sinifikanti fil-prospetti tal-karriera. 80 % tal-gradwati tal-Erasmus+ jiġu impjegati f’anqas minn 3 xhur wara li jiggradwaw. Madankollu, 5 % biss tal-istudenti jista’ jkollhom l-esperjenza tal-Erasmus+. It-tħassib finanzjarju jibqa’ wieħed mill-aktar raġunijiet frekwenti għall-istudenti biex ma jistudjawx barra minn pajjiżhom, segwit mill-qrib minn tħassib dwar ir-rikonoxximent tat-tagħlim. Bil-41 proġett pilota tal- Universitajiet Ewropej , aktar minn 280 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja madwar l-UE qed jesperimentaw u jittestjaw mudelli ġodda ta’ kooperazzjoni aktar profonda u aktar ambizzjuża. 29

Is-settur tal-edukazzjoni għolja wera r-reżiljenza tiegħu biex ilaħħaq mal-bidla matul il-pandemija tal-Covid-19. Madankollu, il-kriżi żiedet ukoll l-isfidi fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni, il-pedagoġiji innovattivi, l-inklużjoni u l-benesseri, l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-appoġġ għall-istaff, il-mobbiltà u l-finanzjament. Is-sistemi tal-edukazzjoni għolja Ewropej għandhom jimmiraw lejn:

-Kooperazzjoni aktar mill-qrib u aktar profonda bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, li tista’ twassal għal aktar żvilupp konġunt tal-kurrikulu u korsijiet komuni u tippermetti lill-istudenti biex jiċċaqilqu b’mod aktar faċli bejn is-sistemi edukattivi f’pajjiżi differenti u b’hekk jiżviluppaw ġabra ta’ talent pan-Ewropea, inkluż fl-aħħar teknoloġiji u dixxiplini xjentifiċi avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà u l-computing ta’ prestazzjoni għolja.

-Qafas ta’ politika transfruntier li jippermetti kooperazzjoni tranżnazzjonali bla xkiel, li jippermetti lill-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jiksbu l-vantaġġi tagħhom, filwaqt li jiġbru flimkien ir-riżorsi online u fiżiċi, il-korsijiet, l-għarfien espert, id-data u l-infrastruttura tagħhom fost id-dixxiplini.

- L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja bħala atturi ċentrali tal-“kwadru ta’ għarfien”: l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-servizz għas-soċjetà, il-qadi ta’ rwol ewlieni fit-tmexxija tal-irkupru mill-Covid-19 u l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa filwaqt li jgħinu l-edukazzjoni, ir-riċerka u s-suq tax-xogħol biex jibbenefikaw mill-flussi tat-talent.

-Ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki u l-perjodi ta’ studju barra mill-pajjiż għall-iskop ta’ apprendiment ulterjuri, l-assigurazzjoni tal-kwalità ta’ attivitajiet tranżnazzjonali konġunti u r-rikonoxximent u l-portabbiltà ta’ korsijiet qosra li jwasslu għal mikrokredenzjali. Dan jippermetti lill-Istati Membri biex ikunu aktar profondi u rapidi fil-kooperazzjoni tagħhom, meta mqabbel ma’ dak li huma kapaċi jagħmlu bħalissa fil-kuntest tal-proċess ta’ Bolonja. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tista’ sservi ta’ xprunatur għall-proċess ta’ Bolonja, billi tispira u tappoġġa lil pajjiżi membri oħra taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja biex jibbenefikaw minn mogħdija simili.

-Enfasi aktar qawwija fuq programmi edukattivi speċjalizzati f’ħiliet diġitali avvanzati bħal fl-aktar teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà u l-computing ta’ prestazzjoni għolja peress li hemm nuqqas kbir ta’ esperti f’dawn l-oqsma.

2.6Dimensjoni ġeopolitika:

Il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni gradwalment saret strument importanti għall-implimentazzjoni tal-politiki esterni tal-UE bħala strument indiskutibbli ta’ setgħa ta’ persważjoni. Il-programmi ta’ skambju tal-Unjoni jgħinu biex jagħqdu lin-nies minn madwar id-dinja, billi jilħqu għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż is-soċjetà ċivili. Dawn jgħinu biex jipproġettaw immaġni pożittiva tal-Ewropa fid-dinja, billi jxerrdu l-messaġġi u l-valuri fundamentali tagħha. Huma jikkontribwixxu għat-tiswir tar-relazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi u reġjuni oħrajn. Il-kooperazzjoni internazzjonali ta’ kwalità għolja fl-edukazzjoni u t-taħriġ hija wkoll essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi globali eżistenti u emerġenti. Hija essenzjali għall-kisba tal-prijoritajiet ġeopolitiċi tal-Unjoni u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030.

Il-bidla fl-ordni globali (pereżempju, iż-żieda fil-pożizzjoni taċ-Ċina, l-irtirar tal-Istati Uniti mill-ordni multilaterali) titlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali Ewropea, inkluż fl-edukazzjoni. Il-promozzjoni tal-interessi u l-valuri Ewropej se tkun meħtieġa. Fid-dimensjoni internazzjonali taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, ir-reċiproċità, il-kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd, kif ukoll l-istandards etiċi u tal-integrità se jkunu parti ċentrali tat-tnedija ta’ sħubiji ambizzjużi ma’ pajjiżi sħab madwar id-dinja.

L-internazzjonalizzazzjoni saret aktar u aktar enfasizzata mhux biss fl-edukazzjoni għolja, iżda wkoll fl-iskejjel primarji u sekondarji. Xi studenti Ewropej iqattgħu wkoll parti mill-edukazzjoni tagħhom, jew l-edukazzjoni sħiħa tagħhom, barra mill-UE. Madankollu, għad hemm potenzjal enormi li mhux qed jiġi sfruttat f’setturi oħrajn tal-edukazzjoni, b’mod partikolari għall-VET u s-settur taż-żgħażagħ. L-edukazzjoni terzjarja għandha tingħata attenzjoni partikolari minħabba l-importanza tagħha fit-tfassil tal-ħsieb tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja u intraprendituri f’pajjiżi sħab madwar id-dinja. Kull sena diversi mijiet ta’ eluf ta’ studenti minn pajjiżi terzi jiġu fl-UE biex isegwu l-edukazzjoni terzjarja. Il-liġi tal-UE 30 tiżgura qafas legali trasparenti u koerenti biex l-istudenti internazzjonali jiġu fl-UE. Il-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha tgħin biex jiġi attirat l-aħjar talent minn madwar id-dinja, u biex tippromwovi t-tagħlim bejn il-pari u proġetti konġunti internazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni.

Fl-Afrika, fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tal-Viċinat b’mod partikolari, il-proċess kontinwu ta’ riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tar-riċerka għandu l-għan li jagħti spinta lill-impjieg taż-żgħażagħ, lill-intraprenditorija u lill-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, u għandu jsaħħaħ il-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà. It-twessigħ tal-assoċjazzjoni tal-pajjiżi mhux tal-UE għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, speċjalment dawk tal-Balkani tal-Punent, huwa parti integrali mill-viżjoni li trid tinkiseb sal-2025.

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, il-programm Erasmus+ ħoloq u saħħaħ ir-rabtiet bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-bqija tad-dinja. Kull sena, l-universitajiet tal-Ewropa jiskambjaw madwar 50 000 student u membru tal-istaff mal-universitajiet f’partijiet oħra tad-dinja. 31 Is-sħubijiet internazzjonali ffaċilitaw l-iżvilupp ta’ kurrikuli innovattivi u ta’ lawrji konġunti, u rawmu proġetti konġunti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni. Dan ikkontribwixxa biex l-Ewropa ssir destinazzjoni attraenti, u biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-ħolqien tal-impjiegi. Bl-istess mod, l-azzjonijiet tal-bini tal-kapaċitajiet kienu strumentali għall-internazzjonalizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi sħab, u b’hekk appoġġaw ir-riforma soċjoekonomika u l-konsolidazzjoni demokratika.

3Mezzi u Stadji Importanti

Filwaqt li tikkomplementa l-inizjattivi li ilhom għaddejjin mill-2018, il-Kummissjoni se tipproponi għadd ta’ inizjattivi ġodda biex sal-2025, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ambizzjuża, skont is-sitt dimensjonijiet ippreżentati fit-taqsima preċedenti 32 .

3.1Tiżdied il-kwalità fl-edukazzjoni

Iż-żieda tal-kwalità fl-edukazzjoni teħtieġ sforzi kkoordinati mfassla apposta għall-isfidi ta’ kull sistema. Miri għall-UE kollha jorjentaw l-azzjoni mill-Istati Membri u l-ekosistemi edukattivi tagħhom biex jiffukaw fuq il-livelli tal-ħiliet, u jżidu l-parteċipazzjoni u l-kisba. L-iskambju tal-esperjenzi u l-appoġġ bejn il-pari fil-livell tal-UE għandu l-għan li joffri għarfien għat-tfassil tal-politika tal-Istati Membri. B’mod partikolari:

-Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta’ riformi politiċi effettivi li jappoġġaw kisbiet aħjar fil-ħiliet bażiċi. Dan se jikkonċerna speċifikament il-kurrikulu u l-valutazzjoni, kif ukoll il-kapaċità tal-istituzzjonijiet u l-istaff li jkunu innovattivi u jiżviluppaw l-approċċi u l-ambjenti tat-tagħlim tagħhom. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati, l-assoċjazzjonijiet tal-għalliema u l-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema biex jaħdmu flimkien u jipprovdu kontribut għar-rakkomandazzjonijiet tal-politika dwar l-approċċi innovattivi u multidixxiplinari tat-tagħlim u tal-apprendiment ta’ ħiliet bażiċi. L-azzjoni nazzjonali tista’ tieħu vantaġġ minn sorsi oħra, bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jew ir-riżorsi disponibbli fi ħdan il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

-Il-Kummissjoni qed tippjana li takkumpanja l-programm tal-Erasmus imsaħħaħ billi taġġorna l-qafas tal-mobbiltà tat-tagħlim. Dan se jippermetti li aktar studenti u għalliema jkunu jistgħu jegħlbu l-ostakli u jibbenefikaw minn opportunità ta’ mobbiltà. Il-qafas rivedut se jindirizza sfida tripla: (i) l-iżgurar ta’ opportunitajiet għal varjetà ferm usa’ ta’ parteċipanti, (ii) il-mobbiltà ekoloġika u diġitali, inkluż permezz tat-taħlit ta’ skambji online u fiżiċi, (iii) l-inkoraġġiment ta’ mobbiltà bbilanċjata.

-Biex jitrawwem il-multilingwiżmu, il-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-iskola huma mistiedna jimplimentaw aktar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2019 dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, inkluż fil-VET. Permezz tal-finanzjament futur tal-programm Erasmus u l-attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari, il-Kummissjoni se timmira li tappoġġa lill-Istati Membri biex jippromwovu l-hekk imsejħa “skejjel konxji mil-lingwi”, u fl-aħħar mill-aħħar isaħħu l-profiċjenza fil-lingwa tal-iskola fost studenti minn sfondi diversi. 33 Il-programm Erasmus għandu l-għan li jkompli jappoġġa l-kompetenzi fil-lingwi f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja billi jipprovdi opportunitajiet għal perjodi ta’ mobbiltà tat-tagħlim u l-apprendiment f’pajjiżi oħra, iżda wkoll billi jappoġġa aktar kooperazzjoni bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha.

-It-trawwim ta’ ħiliet trasversali bħall-ħsieb kritiku, l-intraprenditorija, il-kreattività u l-impenn ċiviku huma kruċjali għall-ġenerazzjonijiet li jmiss ta’ studenti, riċerkaturi u innovaturi biex tinbena soċjetà reżiljenti 34 . Il-programm Erasmus futur għandu l-għan li jipprovdi firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet għall-istudenti fil-livelli kollha biex jiżviluppaw dawn il-ħiliet, b’mod partikolari billi joffri aktar opportunitajiet għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiżviluppaw f’kooperazzjoni mal-ekosistemi tal-għarfien tagħhom approċċi aktar transdixxiplinarji, iffukati fuq l-istudent u bbażati fuq l-isfidi. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jistgħu jappoġġaw azzjonijiet biex jiżviluppaw ħiliet bħal dawn fil-livell reġjonali u nazzjonali.

-Il-Kummissjoni se tiġbor il-partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri biex tistimula t-tagħlim bejn il-pari u l-iżvilupp ta’ perspettiva Ewropea fl-edukazzjoni. Għandha l-għan li taħdem biex twessa’ u ssaħħaħ l-Azzjonijiet Jean Monnet billi tqarribhom lejn l-iskejjel bil-ħsieb li tippromwovi l-istil ta’ ħajja Ewropew, is-sostenibbiltà u l-valuri tal-UE 35 .

-Sabiex jinbnew ambjenti ta’ edukazzjoni demokratiċi ħielsa mill-bullying, mid-diskors li jweġġa’ u mid-diżinformazzjoni, il-Kummissjoni qed tippjana li permezz tal-programm Erasmus tkompli tappoġġa lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim. 36  

3.2L-edukazzjoni u t-taħriġ isiru aktar inklużivi u sensittivi għall-ġeneru

Il-Kummissjoni se tlaqqa’ l-esperti tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati permezz ta’ pjattaformi apposta għat-tagħlim reċiproku u l-kooperazzjoni biex tappoġġa l-ġbir tad-data u l-innovazzjoni għal edukazzjoni inklużiva u ugwali għall-ġeneri, li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-politika tal-Istati Membri. Dan għandu jgħin biex l-investiment nazzjonali u tal-UE jiffoka fuq il-gruppi u l-oqsma l-aktar fil-bżonn.

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid, se tingħata attenzjoni partikolari għall-inklużjoni, l-ugwaljanza u d-diversità fil-Programmi tal-Erasmus u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Se tistabbilixxi approċċ multidimensjonali biex il-programm isir aktar inklużiv, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ formati aktar flessibbli u aċċessibbli; miżuri ta’ appoġġ biex jgħinu fit-tħejjija u fl-akkumpanjament tal-parteċipanti; u miżuri finanzjarji biex jappoġġaw lil dawk li jsibuha diffiċli biex jipparteċipaw fil-programm.

Barra minn hekk, l-inizjattivi li ġejjin jikkontribwixxu biex tingħata spinta lid-dimensjoni inklużiva tal-edukazzjoni:

-L-inizjattiva Mogħdijiet għas-Suċċess fl-Iskejjel għandha tgħin lill-istudenti kollha jilħqu livell bażiku ta’ profiċjenza 37 fil-ħiliet bażiċi. L-inizjattiva se tiffoka b’mod speċjali fuq gruppi li huma aktar f’riskju ta’ nuqqas ta’ insuffiċjenza fil-kisbiet u ta’ tluq bikri mill-iskola. Filwaqt li tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex flimkien jiżviluppaw gwida politika dwar it-tnaqqis tal-kisbiet baxxi u ż-żieda fil-kisba tal-edukazzjoni sekondarja. Din se tibni fuq l-erba’ pilastri ta’ i) monitoraġġ (li jippermetti traċċar u azzjoni mmirata), ii) prevenzjoni (b’mod partikolari għal gruppi f’riskju), iii) intervent bikri (għal studenti li diġà qed juru diffikultajiet), u iv) kumpens (għal dawk li diġà kellhom riżultati ħżiena u li jeħtieġu opportunità oħra). 38 Il-Kummissjoni se timmobilizza wkoll is-Semestru Ewropew. Se tipprovdi appoġġ ta’ politika mfassal apposta lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jgħollu l-livelli ta’ kompetenza, b’attenzjoni speċjali għad-diżakkoppjar tal-kisbiet edukattivi mill-isfond soċjoekonomiku. L-inizjattiva se tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-Kummissjoni se tiżgura koordinazzjoni mill-qrib mal-azzjonijiet previsti fil-proposta riċenti dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa 39 .

-Il-Kummissjoni se tlaqqa’ grupp ta’ esperti biex jiżviluppa proposti dwar strateġiji għall-ħolqien ta’ ambjenti ta’ tagħlim ta’ appoġġ għal gruppi f’riskju ta’ insuffiċjenza fil-kisbiet 40 u għall-appoġġ tal-benessri fl-iskola. Dawn se jinkludu l-indirizzar ta’: sfidi speċifiċi għall-ġeneri bħall-isterjotipi tal-ġeneri fl-edukazzjoni u fil-karrieri edukattivi kif ukoll l-insuffiċjenza fil-kisbiet tas-subien; u bullying u fastidju sesswali. Fil-kuntest tal-aħħar, in-nisa u l-bniet għandhom jiġu appoġġati wkoll biex jiżviluppaw is-self defence kontra l-vjolenza online. Għal azzjoni fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jieħdu vantaġġ minn diversi strumenti ta’ finanzjament, mill-Fond Soċjali Ewropew jew mir-riżorsi disponibbli fi ħdan il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

-Peress li l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal hija fattur determinanti importanti għall-kisba ta’ ħiliet bażiċi aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kwalità Ewropew għal sistemi edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità għolja tat-tfal. 41 Biex it-tfal jitħejjew aħjar biex jirnexxu f’kuntesti edukattivi tul il-ħajja kollha, fl-2021, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli sett ta’ għodod li juża l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kontribut tal-esperti u l-partijiet interessati, għall-inklużjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u ħarsa ġenerali lejn il-kompetenzi ewlenin tal-istaff f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll fuq Garanzija għat-Tfal.

-Biex tingħata spinta lill-inklussività u l-kwalità tas-sistemi tal-VET, kif imħabbar fl-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, il-Kummissjoni qed tippjana li tappoġġa l-istabbiliment ta’ 50 Ċentru ta’ Eċċellenza Vokazzjonali bil-finanzjament tal-programm Erasmus. Iċ-ċentri ta’ eċċellenza vokazzjonali se jsiru punti ta’ referenza kemm għat-taħriġ inizjali taż-żgħażagħ kif ukoll għat-tkomplija tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid tal-adulti.

-Is-sistemi tal-edukazzjoni għolja u tal-VET jeħtieġ li jadattaw biex isaħħu r-rwol ewlieni tagħhom fl-appoġġ għat-tagħlim tul il-ħajja u biex jilħqu grupp ta’ studenti aktar divers. Dan jeħtieġ bidla sħiħa fil-mentalità, fil-kultura u fl-istruttura. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tilħaq dan l-objettiv, u qed tippjana li tipprovdi appoġġ bil-programm Erasmus u fondi u strumenti oħra tal-UE. Barra minn hekk, kif stipulat fl-Aġenda għall-Ħiliet, il-Kummissjoni se taħdem lejn l-iżvilupp ta’ Approċċ Ewropew għall-mikro-kredenzjali, biex tgħin twessa’ l-opportunitajiet ta’ tagħlim u ssaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fit-tagħlim tul il-ħajja billi tipprovdi opportunitajiet ta’ tagħlim aktar flessibbli u modulari. Dawn huma utli mhux biss għall-professjonisti, iżda jistgħu wkoll jikkomplementaw il-kurrikulu għall-istudenti fil-livelli ta’ Baċellerat, Master u Mottorat. Numru dejjem jikber ta’ adulti, bi jew mingħajr lawrja tal-edukazzjoni għolja, se jkollhom bżonn li jerġgħu jitħarrġu mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet permezz ta’ alternattivi aktar flessibbli minn lawrja sħiħa sabiex jegħlbu d-differenza bejn l-eżiti tal-apprendiment tal-kwalifiki formali inizjali tagħhom u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet emerġenti fis-suq tax-xogħol. Il-ħtieġa għal mogħdijiet ta’ tagħlim aktar flessibbli u inklużivi żdiedet hekk kif il-popolazzjoni tal-istudenti qed issir aktar diversa u t-tagħlim jeħtieġ li jkun aktar dinamiku. Filwaqt li numru dejjem jikber ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inklużi l-Universitajiet Ewropej, diġà qed jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ dawn il-mikrokredenzjali, hemm nuqqas ta’ definizzjoni komuni u approċċ komuni dwar il-validazzjoni u r-rikonoxximent tagħhom. F’dan il-kuntest, kif imħabbar fl-Aġenda għall-Ħiliet, il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fl-2021. L-għan tar-rakkomandazzjoni se jkun li l-azzjonijiet Ewropej jappoġġaw il-bini tal-fiduċja fil-mikrokredenzjali madwar l-Ewropa u jimmiraw li sal-2025 ikollhom il-passi kollha meħtieġa għall-użu, il-portabbiltà u r-rikonoxximent usa’ tagħhom.

-It-tagħlim mhux formali, inkluż il-volontarjat, jgħin biex jinkisbu l-ħiliet u l-kompetenzi professjonali u tal-ħajja. Dawn il-ħiliet u l-kompetenzi jeħtieġ li jitrawmu, jingħataw valur u jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ 42 . Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà integra bis-sħiħ il-valur tat-tagħlim u r-rikonoxximent ta’ dan fl-objettivi u fl-operazzjonijiet tiegħu. Madankollu għad hemm ostakli għall-mobbiltà tal-volontarjat transfruntier, inkluż ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment fost dawk li jħaddmu. Filwaqt li tibni fuq ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni eżistenti tal-Kunsill tal-2008 dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ 43 , fl-2021 il-Kummissjoni se tipprovdi gwida politika aġġornata biex tindirizza l-ostakli legali, finanzjarji u amministrattivi li għadhom ifixklu l-volontarjat u s-solidarjetà transfruntiera taż-żgħażagħ. Din se tgħin biex tkompli ssaħħaħ l-inklużività, il-kwalità u r-rikonoxximent tal-esperjenzi transfruntiera taħt il-programm futur tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

-Il-gvernijiet flimkien mal-partijiet ikkonċernati għandhom irawmu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż permezz tal-iżgurar tal-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għas-subien u l-bniet, in-nisa u l-irġiel, fid-diversità kollha tagħhom.

-Il-gvernijiet flimkien mal-partijiet ikkonċernati għandhom irawmu l-edukazzjoni inklużiva fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’konformità mal-impenji tal-Istati Membri u l-UE lejn l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

-Il-Kummissjoni qed tippjana li tgħin fit-tisħiħ tar-riċerka, inkluż bl-appoġġ ta’ Orizzont Ewropa, filwaqt li tesplora r-rwol tal-ġeneri fil-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll ir-rabtiet bejn il-ġeneru, l-edukazzjoni u s-suċċess soċjali u ekonomiku.

-Moduli ddedikati taħt l-Akkademji tal-Għalliema jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet biex jitrawwem b’mod effettiv it-tagħlim sensittiv għall-ġeneru fl-iskejjel.

-Aġenda ġdida għat-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja se tippromwovi l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-karrieri akkademiċi u fl-għażla tal-istudju, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kurrikuli mill-universitajiet. L-azzjonijiet taħt l-aġenda l-ġdida se jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

-Il-Kummissjoni se tipproponi flussi ta’ ħidma ddedikati fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li jippermettu qafas biex tiġi żviluppata gwida politika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan se jinkludi gwida dwar kif għandhom jiġu żviluppati proċessi ta’ edukazzjoni li huma sensittivi għall-ġeneru. Il-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-evidenza, l-istudji u l-analiżijiet li jappoġġaw iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se tindirizza d-dimensjoni tal-ġeneri.

3.3Jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll permezz tagħhom

Sabiex jinkisbu ż-żewġ tranżizzjonijiet, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-azzjonijiet jiġu prijoritizzati biex jgħinu lin-nies jiksbu għarfien, ħiliet, valuri u attitudnijiet meħtieġa biex jgħixu fi, jiżviluppaw u jappoġġaw soċjetà u ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Programmi ta’ finanzjament li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, jistgħu jintużaw ukoll biex jappoġġaw l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-objettivi ewlenin tagħhom; L-Istati Membri huma mħeġġin jikkunsidraw bir-reqqa l-possibbiltajiet u jressqu proposti xierqa. Bl-istess mod, l-esperjenza diġitali prattika fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd se tgħin lin-nies jikkontribwixxu u jikbru f’soċjetà iperkonnessa.

-Sa tmiem l-2020, il-Kummissjoni se tniedi Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima biex timmobilizza l-għarfien espert, tipprovdi riżorsi għan-networking u tappoġġa approċċi kreattivi mal-għalliema, it-tfal u l-istudenti. F’sinerġija mal-Patt Klimatiku Ewropew, se tkun rabta bejn inizjattivi minn isfel għal fuq u azzjoni fil-livell tal-UE, filwaqt li tappoġġa wegħdiet u azzjonijiet konkreti biex tinbidel l-imġiba tas-sostenibbiltà madwar l-UE.

-Biex tgħin fl-integrazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà fl-iskejjel, fl-edukazzjoni għolja u fit-taħriġ professjonali, fl-2021, il-Kummissjoni se tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni għal sostenibbiltà ambjentali. Din se tipprovdi gwida għall-iskejjel, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-għalliema dwar kif għandhom jikkooperaw u jiskambjaw esperjenzi madwar l-Istati Membri dwar l-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà ambjentali. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll Qafas Ewropew ta’ Kompetenza biex jgħin fl-iżvilupp u fil-valutazzjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-attitudnijiet dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, li jista’ jkun marbut mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

-Il-Kummissjoni se tippromwovi l-ekoloġizzazzjoni tal-infrastruttura tal-edukazzjoni. L-infrastruttura tal-edukazzjoni tirrappreżenta medja ta’ 8 % tan-nefqa tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-pajjiżi tal-UE. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-binjiet tal-iskejjel u ħafna binjiet universitarji mhumiex mgħammra biex jiffaċċaw id-domanda għal kompetenzi u pedagoġiji ġodda, jew ma jissodisfawx l-istandards tal-enerġija tal-lum, u hemm potenzjal sinifikanti biex jittejbu ż-żoni ekoloġiċi fil-bini tal-iskejjel biex jinkoraġġixxu l-interazzjoni u l-apprendiment. Il-Kummissjoni biħsiebha taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment, inkluż permezz tal-programm InvestEU, 44 biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jisfruttaw is-sorsi disponibbli kollha ta’ finanzjament tal-iżvilupp tal-infrastrutturi kemm diġitali kif ukoll fiżiċi għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll biex jibnu l-kapaċitajiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom.

-L-inizjattiva “Riċerkaturi fl-Iskejjel” għandha l-għan li ġġib ix-xjenza fl-iskejjel, billi tippermetti lir-riċerkaturi żgħażagħ appoġġati mill-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie biex jitkellmu mal-għalliema u mal-istudenti dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni, is-saħħa u kwistjonijiet oħra koperti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

-Biex tindirizza d-diskrepanza fil-ħiliet diġitali 45 minn perspettiva ta’ apprendiment tul il-ħajja u ssaħħaħ il-kapaċità diġitali u r-reżiljenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Ewropa, il-Kummissjoni llum qed tipproponi approċċ komprensiv ġdid għall-apprendiment u l-edukazzjoni diġitali fil-livell Ewropew, taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali l-ġdid. Dan fih azzjonijiet ambizzjużi li jindirizzaw żewġ prijoritajiet strateġiċi: il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ ekosistema Ewropea tal-edukazzjoni diġitali u t-titjib tal-kompetenzi u l-ħiliet diġitali għat-trasformazzjoni diġitali. 46  

-Il-Programm Ewropa Diġitali futur jipprevedi finanzjament għall-ħiliet diġitali avvanzati f’oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, u l-computing ta’ prestazzjoni għolja biex tiġi appoġġata l-ħtieġa tal-Istati Membri għal esperti diġitali.

-F’kooperazzjoni mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KICs) tiegħu, u ma’ partijiet oħra tal-Orizzont Ewropa, iżid il-workshops dwar il-ħiliet diġitali u intraprenditorjali (40 000 student) u jorganizza skemi ta’ kollokament għal studenti nisa f’oqsma diġitali u dawk relatati mas-STEM tal-UE fis-setturi ekonomiċi differenti.

-F’konformità mal-proposti, il-programmi futuri tal-Erasmus u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jkunu aktar ekoloġiċi u aktar diġitali. Il-mobbiltà virtwali u mħallta tista’ tikkomplementa l-mobbiltà fiżika. Is-suġġetti ekoloġiċi u diġitali suppost li jirċievu prijorità fil-proġetti ta’ kooperazzjoni bil-karattru strateġiku u li jħares ’il quddiem tagħhom. Il-programmi għandhom jissimplifikaw id-dimensjoni diġitali fl-azzjonijiet ta’ mobbiltà u kooperazzjoni u għandhom l-intenzjoni li jappoġġaw mezzi ta’ kooperazzjoni u eżekuzzjoni tal-proġetti li jirrispettaw il-klima. Inizjattivi oħrajn bħal inċentivi għall-ivvjaġġar tal-mobbiltà fiżika li jnaqqas l-impronta tal-karbonju jikkomplementaw il-miżuri

3.4Jittejbu l-kompetenza u l-motivazzjoni fil-professjoni tal-edukazzjoni

Dawk li jfasslu l-politika u l-esperti nazzjonali enfasizzaw il-potenzjal għal kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex tissaħħaħ il-professjoni tal-edukazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tniedi għadd ta’ inizjattivi biex tappoġġa aħjar l-iżvilupp tal-kompetenzi u l-mogħdijiet tal-karriera tal-għalliema, ta’ min iħarreġ u tal-mexxejja tal-edukazzjoni fl-iskejjel, u biex tappoġġa l-attraenza tal-professjoni tal-edukazzjoni. Dawn l-inizjattivi se jgħinu biex jitjiebu l-opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali u r-rikonoxximent tal-iżvilupp tal-kompetenzi individwali miksub f’kuntesti differenti. Se jippromwovu d-diversifikazzjoni tal-opportunitajiet tal-karriera għall-għalliema, għal min iħarreġ u għall-mexxejja tal-iskejjel u se jkunu ta’ benefiċċju għall-iżvilupp personali, tal-iskola u tas-sistema. Barra minn hekk, dawn se jtejbu l-kwalità u n-numru tal-mobbiltà tat-tagħlim tal-għalliema u se jintegraw il-mobbiltà bħala parti integrali mill-edukazzjoni inizjali u kontinwa tagħhom. Barra minn hekk, dawn l-inizjattivi se jħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-għalliema, il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-edukazzjoni tal-għalliema bbażata fuq ir-riċerka. Fl-aħħar, iżda importanti, dawn l-inizjattivi se jappoġġaw is-setgħa tat-tlaqqigħ tal-għalliema biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom stess u jilħqu lis-soċjetà, biex isemmgħu leħinhom aħjar. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet:

-Il-Kummissjoni qed tippjana li tniedi Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus fi ħdan il-Programm Erasmus il-ġdid fl-2021 biex toħloq networks ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-għalliema u assoċjazzjonijiet tal-għalliema. Maż-żmien, l-Akkademji se joħolqu komunitajiet ta’ prattika, b’mod partikolari dwar l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu biex jinfurmaw il-politiki nazzjonali u Ewropej dwar l-edukazzjoni tal-għalliema u jappoġġaw l-innovazzjoni fil-prattika tal-għalliema. Dawn in-networks se jipprovdu lill-għalliema u lill-istudenti b’opportunitajiet ta’ tagħlim dwar kwistjonijiet pedagoġiċi ta’ interess komuni. Moduli ddedikati se jindirizzaw kwistjonijiet bħad-djalogu mas-soċjetà, l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, jew it-tagħlim fi klassijiet multilingwi. L-Akkademji tal-Għalliema ta’ Erasmus se jieħdu vantaġġ minn sħubiji strutturali u programmi konġunti bejn l-istituzzjonijiet u fornituri u assoċjazzjonijiet oħra tal-edukazzjoni tal-għalliema, b’taħriġ u tagħlim transfruntier bħala karatteristika regolari. Sal-2025, għandhom jiġu żviluppati 25 akkademja tal-għalliema tal-Erasmus.

-Il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida Ewropea għall-iżvilupp ta’ oqfsa nazzjonali tal-karrieri matul l-2021-2022, u b’hekk se tkun qed tappoġġa l-progress fil-karriera tal-professjonisti tal-edukazzjoni fl-iskejjel. Dan se jitwettaq permezz ta’ tagħlim reċiproku bejn il-pajjiżi huma u jadattaw u jdaħħlu fis-seħħ il-kunċett ta’ Qafas koerenti għall-Karrieri fl-Edukazzjoni fl-Iskejjel. 47  

-Bħala parti mill-ħidma tagħha dwar qafas ta’ mobbiltà futur u f’konformità mal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus, il-Kummissjoni se tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, qafas ta’ politika biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-mobbiltà tat-tagħlim tal-għalliema fl-Ewropa abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-mobbiltà tagħhom.

-Sal-2021, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Premju Ewropew għat-Tagħlim Innovattiv biex tirrikonoxxi x-xogħol tal-għalliema (u l-iskejjel tagħhom) li jagħmlu kontribut eċċezzjonali għall-professjoni. Din l-inizjattiva se tibni fuq prattika tajba bħat-tikketta Ewropea għal-lingwi, il-premju Jan Amos Comenius, kif ukoll il-premjijiet nazzjonali u Ewropej tal-eTwinning.

3.5Jissaħħu l-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa huma fil-qalba kemm taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni kif ukoll taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u jinsabu f’pożizzjoni partikolarment tajba biex jgħaqqduhom flimkien. Biex jiġu żgurati sinerġiji sħaħ bejniethom, il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fil-ħolqien ta’ qafas ta’ politika li jippermetti kooperazzjoni tranżnazzjonali bla xkiel u ambizzjuża bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. Dan se jibni fuq l-esperjenzi tal-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej magħżula taħt il-programm Erasmus+ appoġġati wkoll taħt Orizzont 2020.

L-għan huwa li jiġu pprovduti inċentivi għal aktar minn 5 000 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa biex jadattaw għall-kundizzjonijiet ta’ wara l-COVID-19 u jħarrġu lill-ġenerazzjonijiet futuri fil-ħolqien konġunt ta’ għarfien bejn il-fruntieri, id-dixxiplini u l-kulturi għal soċjetà reżiljenti, inklużiva u sostenibbli. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mas-settur tal-edukazzjoni għolja u l-Istati Membri biex flimkien joħolqu inċentivi għal trasformazzjoni aċċellerata tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa b’mod miftuħ u inklużiv.

Trasformazzjoni bħal din se tiffoka fuq il-konnettività fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, iżda wkoll mal-ekosistemi u s-soċjetà ta’ madwarhom, sabiex l-erba’ missjonijiet kollha tal-universitajiet ikunu koperti: l-edukazzjoni u r-riċerka, it-twassil għall-innovazzjoni u s-servizz lis-soċjetà. L-inklużjoni se tkun ukoll objettiv ewlieni sabiex jiġu żgurati istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja aċċessibbli, li jkunu miftuħa għal korp divers ta’ studenti u ta’ riċerkaturi, u li joffru aktar opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja. It-tielet nett, it-trasformazzjoni se tindirizza t-tħejjija u r-reżiljenza diġitali u ekoloġiċi biex tappoġġa lill-universitajiet fl-isforzi tagħhom biex jibnu, isaħħu u jqawwu l-kapaċità diġitali u ekoloġika u l-għodod diġitali. F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, se ssaħħaħ il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tal-ħtiġijiet tal-istudenti, tal-istaff u tar-riċerkaturi. Minħabba li l-edukazzjoni għolja hija kruċjali biex jinkisbu l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, it-trasformazzjoni se tappoġġa l-integrazzjoni u s-simplifikazzjoni tat-tagħlim u t-taħriġ għall-iżvilupp sostenibbli fid-dixxiplini kollha u fil-livelli kollha permezz ta’ approċċ interdixxiplinarju u bbażat fuq l-isfidi, li l-innovazzjoni se tkun komponent kruċjali tiegħu. Minbarra l-innovazzjoni marbuta mar-riċerka, huwa daqstant ieħor importanti li tiġi żgurata l-innovazzjoni fit-tagħlim u l-apprendiment li huma ċċentrati fuq l-istudenti u tagħlim aktar flessibbli u modulari u mogħdijiet ta’ karriera. L-azzjonijiet taħt il-Programm Ewropa Diġitali se jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-akkademja, ir-riċerka u n-negozju f’oqsma diġitali speċifiċi, bl-għan li jsaħħu dawn l-ekosistemi biex jattiraw, iħarrġu u jħarrġu mill-ġdid it-talenti.

Għal dan il-għan, din is-sena l-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika online, ikkomplementata minn avvenimenti ta’ konsultazzjoni mmirati. Din se tagħti bidu għall-ħolqien konġunt ta’ aġenda ta’ trasformazzjoni għall-edukazzjoni għolja sa tmiem l-2021.

L-inizjattivi konkreti li ġejjin se jappoġġaw din l-aġenda ta’ trasformazzjoni:

-L-objettiv tal-Kummissjoni huwa li tinvolvi ruħha fit-tnedija sħiħa tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej taħt il-programm Erasmus f’sinerġija mal-Orizzont Ewropa, mal-Programm Ewropa Diġitali u ma’ strumenti oħra tal-UE. Abbażi tal-eżitu tal-esperjenzi tal-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej li bdew fl-2019 u l-2020, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri u s-settur tal-edukazzjoni għolja biex tottimizza l-viżjoni tal-Universitajiet Ewropej u biex tindirizza l-ostakli konkreti li jiltaqgħu magħhom biex jippermettu lis-settur tal-Edukazzjoni Għolja jwettaq l-ambizzjonijiet għoljin tagħhom.

-Bl-appoġġ tal-Koalizzjoni STEM tal-UE, 48 il-Kummissjoni se tgħin biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ kurrikuli ġodda tal-edukazzjoni għolja għall-inġinerija u l-ICT ibbażati fuq l-approċċ STEAM 49 . F’konformità mal-azzjonijiet imħabbra fl-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, se tesplora modi u mezzi biex l-oqsma STEM isiru aktar attraenti għan-nisa. Dan se jgħin biex jiżdied il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-istudenti u l-istaff akkademiku kif ukoll il-ġabra ta’ ħiliet u kompetenzi f’dan il-qasam tant meħtieġ.

-F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se teżamina wkoll, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, l-iżvilupp ta’ Lawrja Ewropea li tista’ tipprovdi qafas biex jiffaċilita l-provvista ta’ lawrji konġunti ta’ alleanzi ta’ Universitajiet bħall-Universitajiet Ewropej. Lawrja Ewropea bħal din hija element fundamentali biex jippermetti lill-istudenti fil-livelli kollha u fid-dixxiplini kollha jagħżlu xi jridu jistudjaw, fejn u meta fi ħdan il-membri ta’ alleanza ta’ universitajiet tranżnazzjonali, skont gwida pedagoġika soda.

-L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jiffaċilitaw it-twassil aktar effettiv ta’ programmi konġunti modulari. Minbarra r-rekwiżiti formali għad-diplomi maħruġa, dan jikkonċerna wkoll l-akkreditazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se ttejjeb l-implimentazzjoni tal-għodod ta’ trasparenza meħtieġa flimkien maċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra. Din il-ħidma se tibni fuq proġetti ta’ suċċess tal-Erasmus+ bħall-bażi tad-data ta’ rapporti esterni dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-użu u l-promozzjoni tas-Suppliment għad-Diploma diġitali, il-ħolqien tal-katalogi tal-korsijiet online u tal-bażijiet tad-data tal-programmi ta’ studju u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda bħall-blockchain biex jgħinu fl-implimentazzjoni tar-rikonoxximent awtomatiku għal apprendiment ulterjuri. Sistema Ewropea tar-Rikonoxximent u l-Assigurazzjoni tal-Kwalità ġenwina se tiżgura li l-assigurazzjoni tal-kwalità esterna tissalvagwardja l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u fl-istess ħin iżżomm il-fiduċja pubblika għar-rikonoxximent awtomatiku għal apprendiment ulterjuri fl-Istati Membri u bejniethom. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tirrevedi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità 50 f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-settur tal-edukazzjoni għolja 51 .

-F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u s-settur tal-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni se tesplora l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ statut legali għall-alleanzi tal-universitajiet bħall-Universitajiet Ewropej. Jekk ikunu ġġustifikati, azzjonijiet li jiffaċilitaw kooperazzjoni aktar profonda u sostenibbli bħal din bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni minn Stati Membri differenti jistgħu jsegwu mill-2023 ’il quddiem. Azzjoni possibbli tista’ tinkludi soluzzjonijiet għall-kooperazzjoni transfruntiera relatata mal-finanzjament, l-akkreditazzjoni, l-assigurazzjoni tal-kwalità, ir-relazzjonijiet bejn l-istudenti u l-impjiegi, u l-ġestjoni tal-infrastruttura. L-użu possibbli tal-istatuti nazzjonali u Ewropej eżistenti, bħar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali, se jiġi skrutinizzat biex jiġi vverifikat jekk jistgħux ikunu adattati għall-iskop b’aġġustamenti, jew jekk humiex meħtieġa soluzzjonijiet oħra.

-L-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti, identifikata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin biex ikomplu “jiġu promossi l-mobbiltà u l-parteċipazzjoni tal-istudenti f’attivitajiet edukattivi u kulturali”, hija pass importanti fil-kisba tal-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u tagħmilha faċli kemm jista’ jkun għall-istudenti madwar l-Ewropa biex ikunu mobbli. Permezz taż-żewġ komponenti ewlenin tagħha, l-App tal-Mowbajl ta’ Erasmus+ u d-diġitalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-mobbiltà tal-istudenti, l-inizjattiva tikkostitwixxi rivoluzzjoni reali għas-simplifikazzjoni tal-mod kif l-universitajiet jimmaniġġaw il-mobbiltà tal-istudenti. Bil -ħolqien ta’ one-stop-shop diġitali permezz tal-App tal-Mowbajl ta’ Erasmus+, l-istudenti se jkollhom aċċess faċli u sigur għall-informazzjoni u s-servizzi kollha li jeħtieġu qabel, matul u wara l-mobbiltà tagħhom barra minn pajjiżhom. 52 Dawn ikunu jistgħu japplikaw għal mobbiltà, jagħżlu l-korsijiet li se jsegwu, jirċievu rikonoxximent awtomatiku tal-krediti miksuba barra mill-pajjiż, jiksbu aċċess aktar mgħaġġel għal servizzi bħal-librerija, it-trasport, l-akkomodazzjoni u l-aċċess faċli għall-informazzjoni dwar avvenimenti u attivitajiet organizzati mill-unjoni lokali ta’ studenti jew fergħat lokali ta’ organizzazzjonijiet tal-istudenti pan-Ewropej. Il-kontribuzzjoni għall-għanijiet tal-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti 53 , qafas għal skambju transfruntier affidabbli ta’ data tal-identifikazzjoni f’konformità mar-Regolament eIDAS dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji se jkun permess mill-pjattaforma tal-e-Card tal-Istudenti tal-UE.

-

L-inizjattiva għandha l-għan li tagħmel il-ġestjoni tal-mobbiltà aktar faċli, aktar effiċjenti u aktar ekoloġika għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Dan se jiddiġitalizza l-passi amministrattivi kollha u jgħaqqad is-sistemi tal-IT interoperabbli varji tal-universitajiet mal-pajjiżi tal-programm Erasmus+, u eventwalment jikseb mobbiltà mingħajr karti tal-Erasmus+ u b’rispett sħiħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-inizjattiva tippromwovi wkoll identità Ewropea qawwija tal-istudenti billi tippermetti lill-universitajiet iżidu ologramma “tal-Istudenti Ewropej” u numru tal-kard uniku mal-kards tal-istudenti eżistenti tagħhom sabiex l-istudenti mobbli tagħhom ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi u l-iskonti tal-istudenti meta jkunu barra minn pajjiżhom. Bl-appoġġ tal-programm Erasmus, il-programmi Ewropa Diġitali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kummissjoni se tibda t-tnedija gradwali ta’ dawn is-servizzi, li se tibda bl-istudenti tal-Erasmus fl-2021, bil-għan li jibbenefikaw l-istudenti mobbli kollha fl-Ewropa sal-2025.

-F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż 54 , kwalifika mogħtija fi Stat Membru wieħed għandha tkun valida fi kwalunkwe Stat Membru ieħor għall-fini ta’ aċċess għal attivitajiet ta’ apprendiment ulterjuri. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li se jagħmlu possibbli r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku sal-2025. Dan jinvolvi wkoll kooperazzjoni mill-qrib maċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (NARIC), appoġġata mill-programm Erasmus+. Erasmus+ iffinanzja l-ħolqien ta’ Tim ta’ Appoġġ Tekniku għan-network NARIC li se jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tar-rikonoxximent awtomatiku. Dan se jipprovdi assistenza lin-network tar-rikonoxximent bil-bini tal-kapaċità, taħriġ u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar ir-rikonoxximent awtomatiku. Fl-2022, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, abbażi tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri.

-Skont l-Aġenda għall-ħiliet, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja bl-użu tal-għodod standard Ewropej disponibbli fil-Europass biex joħorġu kredenzjali diġitali awtentiċi, inklużi d-diploma diġitali u l-mikrokredenzjali. Il-kredenzjali diġitali maħruġa permezz ta’ għodod Ewropej komuni jistgħu jiffaċilitaw ir-rikonoxximent, jagħmlu l-proċessi ta’ ammissjoni u reklutaġġ aktar effiċjenti u jnaqqsu l-frodi.

-Ir-rispons mill-gradwati wara li jispiċċaw l-edukazzjoni tagħhom huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-istudenti jkunu ta’ kwalità għolja u rilevanti għad-dinja tax-xogħol tal-lum u ta’ għada. Ir-rispons mill-istħarriġ huwa utli mhux biss għall-universitajiet li jistgħu jadattaw il-kurrikuli u t-tagħlim tagħhom, iżda wkoll għal dawk li jfasslu l-politika li għandhom l-għan li jtejbu l-impjegabbiltà tal-gradwati, jindirizzaw id-differenzi fil-ħiliet u n-nuqqas ta’ qbil tal-ħiliet u jippromwovu l-inklużjoni soċjali, l-aċċessibbiltà u l-mobbiltà, u jappoġġaw istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp tal-kurrikuli tagħhom. Din hija l-qalba tal-inizjattiva Ewropea ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2017 dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati. 55 L-inizjattiva rat ħafna pajjiżi jistabbilixxu jew isaħħu l-mekkaniżmi tagħhom għall-monitoraġġ tal-istudju u l-eżiti tal-impjiegi tal-gradwati. Fl-2022, il-Kummissjoni se tqis il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni, bl-istennija li tara 80 % adozzjoni sa tmiem l-2024. Biex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea, l-Istati Membri qed jaħdmu f’kollaborazzjoni biex jiżguraw il-komparabbiltà tad-data u ħafna minnhom se jkunu qegħdin jistħarrġu lill-gradwati b’sett ta’ mistoqsijiet maqbula b’mod konġunt sabiex ikunu jistgħu jqabblu r-riżultati. Il-Kummissjoni qed tistenna li tikseb implimentazzjoni madwar l-Ewropa kollha tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati sal-2025. Din l-inizjattiva mhux biss tista’ tgħin lill-universitajiet iżda se tinforma dwar it-tfassil tal-politiki tal-UE biex tappoġġa l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp tal-ħiliet it-tajba għat-tranżizzjoni ekoloġika.

-Orizzont Ewropa u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jkollhom rwol ewlieni fl-appoġġ tad-dimensjoni tar-riċerka u fl-innovazzjoni tal-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej u l-bini tal-ekosistemi tal-għarfien. Barra minn hekk, l-analitika tad-data intensiva u t-tagħlim awtomatiku għandhom jaqdu r-rwol tagħhom fl-appoġġ tat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tagħlim fiż-Żona tal-Edukazzjoni Ewropea, filwaqt li jirrispettaw l-istandards tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza. F’sinerġija maż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u b’appoġġ mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-Kummissjoni se tniedi inizjattivi biex issaħħaħ il-kontribuzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Ewropa.

3.6L-edukazzjoni bħala parti minn Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tista’ tikkontribwixxi għall-għanijiet ġeopolitiċi tal-Unjoni Ewropea billi ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-bqija tad-dinja. Il-kooperazzjoni internazzjonali għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu biex tappoġġa s-sistemi edukattivi fil-pajjiżi sħab.

Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-edukazzjoni fil-politiki esterni tal-UE, anki fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, jistgħu jiġu previsti l-azzjonijiet li ġejjin:

-L-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tkun immirata lejn il-ħolqien ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa, li jrawwem kooperazzjoni akbar mal-Istati Membri tal-UE dwar l-attivitajiet esterni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’partijiet differenti tad-dinja u b’hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE bħala sieħba fl-edukazzjoni fil-livell globali 56 . Dan għandu jiġi implimentat fir-rigward tal-kompetenzi tal-UE u fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi r-regoli tal-votazzjoni, stabbiliti mit-Trattati tal-UE. L-UE waħedha hija attur relattivament żgħir, iżda l-UE u l-Istati Membri tagħha jammontaw għal aktar minn nofs il-kooperazzjoni internazzjonali kollha għall-edukazzjoni, inklużi l-edukazzjoni bażika, l-edukazzjoni sekondarja, il-VET u l-edukazzjoni għolja. L-edukazzjoni u t-taħriġ għalhekk għandhom rwol integrali bħala dawk li jlaqqgħu flimkien Tim Ewropa. Dan jinkludi allinjament aktar mill-qrib tal-azzjonijiet Ewropej ta’ kooperazzjoni internazzjonali dwar l-edukazzjoni, inkluż il-programm Erasmus+ u l-kontribuzzjoni tal-UE għal inizjattivi ta’ edukazzjoni globali, mal-prijoritajiet tal-UE fil-livell bilaterali, reġjonali u globali. L-UE se tkompli wkoll tgħin lit-tfal milquta minn kriżijiet umanitarji biex ikollhom aċċess għal edukazzjoni primarja u sekondarja sigura, ta’ kwalità, u akkreditata permezz ta’ proġetti ta’ edukazzjoni f’emerġenzi. L-UE se tippromwovi l-ugwaljanza fl-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità fil-livelli kollha billi żżomm il-finanzjament għall-edukazzjoni f’emerġenzi f’livell ta’ 10 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja. Approċċ bħal dan jista’ joħloq sinerġiji aktar b’saħħithom bejn l-edukazzjoni u l-bqija tal-aġenda ta’ sħubija tal-UE.

-Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-UE għandha tappoġġa t-triq diġitali tal-internazzjonalizzazzjoni tal-fornituri tal-edukazzjoni, b’mod partikolari l-istituti tal-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali, billi żżid l-opportunitajiet diġitali tal-istaff, l-għalliema u l-istudenti inkluż permezz ta’ korsijiet online u mudelli ta’ apprendiment imħallat.

-L-UE għandha wkoll issaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab globali strateġiċi (pereżempju, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Istati Uniti), filwaqt li tissalvagwardja aħjar l-interess, l-għarfien u l-valuri tal-Unjoni, u tippromwovi r-reċiproċità u l-kundizzjonijiet ekwi.

-Dimensjoni internazzjonali estiża tal-programm Erasmus tista’ tkun għodda ewlenija biex trawwem id-dimensjoni globali taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Il-programm Erasmus għandu jintuża dejjem aktar b’mod immirat biex jattira t-talent lejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tal-UE u biex juża n-networks tal-alumni biex jinvolvi ruħu b’mod strateġiku ma’ mexxejja żgħażagħ u futuri fil-pajjiżi sħab. Għandha ssir enfasi qawwija fuq il-kooperazzjoni mal-viċinat u b’mod partikolari mal-Afrika, b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija komprensiva tal-UE għall-Afrika li tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku tar-reġjun billi tappoġġa l-proċess kontinwu ta’ riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tar-riċerka.

-Il-Kummissjoni se tkompli tiftaħ għad-dinja l-azzjonijiet bħal pereżempju l-Lawrji ta’ Master Konġunt tal-Erasmus Mundus biex issaħħaħ is-sħubiji internazzjonali u tiżgura li l-edukazzjoni għolja Ewropea ssir dejjem aktar attraenti. Dan għandu jgħin biex tiġi promossa aktar l-internazzjonalizzazzjoni, l-attraenza u l-kompetittività globali tal-universitajiet fl-Ewropa.

L-istadji importanti internazzjonali se jinkludu ż-żieda fil-parteċipazzjoni f’arranġamenti ta’ apprendiment reċiproku u kooperazzjoni. Minbarra l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ dawk il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea 57 , il-Balkani tal-Punent ukoll għandhom ikunu assoċjati bis-sħiħ maż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u mal-programm Erasmus 58 , skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli.

4Qafas ta’ Abilitazzjoni biex Tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025

Biex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir realtà sal-2025, se jiġi implimentat qafas ta’ abilitazzjoni.

4.1Kompiti tal-qafas ta’ abilitazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

Il-qafas ta’ abilitazzjoni se jgħin biex tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni bil-modi li ġejjin:

-L-ewwel nett, se jippermetti lill-Istati Membri, lill-UE u lill-komunità usa’ tal-edukazzjoni u t-taħriġ iwettqu l-inizjattivi mressqa f’din il-Komunikazzjoni biex tinkiseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Abbażi ta’ gwida msaħħa mill-Kunsill, se tagħti spinta lill-metodi ta’ kooperazzjoni flessibbli u ssaħħaħ is-sinerġiji ma’ inizjattivi oħra fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-proċessi ta’ Copenhagen u ta’ Bolonja. Minbarra s-Summits Ewropej dwar l-Edukazzjoni u l-azzjonijiet ta’ impenn fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, bħall-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima jew il-Hackathon Diġitali, il-Kummissjoni se tippromwovi attivitajiet u kampanji regolari ta’ komunikazzjoni biex trawwem l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali u reġjonali.

-It-tieni, il-qafas ta’ abilitazzjoni se jidentifika miri u indikaturi li jiggwidaw u jimmonitorjaw il-progress lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Minbarra li jiġi segwit il-progress fuq il-miri eżistenti, jeħtieġ li jiġi żviluppat, flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha, approċċ ġdid għall-indikaturi u l-miri għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni skont is-sitt dimensjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u mal-komunità usa’ tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex tiġbor evidenza komparabbli u tiżviluppa indikaturi bil-għan li trawwem politika bbażata fuq l-evidenza fil-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

-It-tielet nett, il-qafas ta’ abilitazzjoni se jrawwem l-integrazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fis-Semestru Ewropew biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19. Is-Semestru Ewropew se jistabbilixxi l-kuntest usa’ li fih il-progress lejn l-ilħuq taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se jiġi rivedut flimkien ma’ politiki soċjali u ekonomiċi oħra. Se jipprovdi wkoll evidenza u analiżi dwar kif l-edukazzjoni u t-taħriġ jinteraġixxu ma’ politiki oħra, biex jgħinu jinfurmaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. F’kooperazzjoni mal-Kunsill, il-Kummissjoni se tesplora għażliet ġodda għall-kontribut volontarju tal-Istati Membri fis-Semestru, bħal pereżempju permezz ta’ reviżjonijiet volontarji bejn il-pari. Il-qafas ta’ abilitazzjoni se jkun kruċjali biex jiggwida l-appoġġ għall-finanzjament permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tal-Kummissjoni (l-eks Programmi ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali). Il-finanzjament sinifikanti disponibbli permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jipprovdi wkoll appoġġ kbir għar-riformi u l-investimenti fl-edukazzjoni, mill-infrastruttura u l-kostruzzjoni għal taħriġ, apparat diġitali jew il-finanzjament għal riżorsi edukattivi miftuħa. L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli għall-2021 enfasizzat il-ħtieġa għal investimenti mingħajr preċedent fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u għamlet dan wieħed mis-seba’ investimenti ewlenin.

-Ir-raba’ nett, il-qafas ta’ abilitazzjoni se joħloq il-bażi għall-istabbiliment ta’ qafas ta’ governanza komprensiv għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom. Dan il-qafas ġdid ta’ governanza se jeħtieġ tmexxija politika ta’ livell għoli biex jittieħdu deċiżjonijiet f’ekosistema kumplessa. Biex dan iseħħ, il-qafas il-ġdid ta’ governanza għandu jsaħħaħ l-għanijiet strateġiċi tal-UE u jgħin biex ikun hemm rabta mal-inizjattivi globali, inklużi dawk fil-kuntesti tan-NU jew tal-OECD. Għandu jġib aktar effiċjenza u effettività għall-ministeri u l-esperti meta niġu għall-involviment tagħhom fil-livell tal-UE. U fl-aħħar nett, għandu jgħin biex irawwem soluzzjonijiet u riformi ta’ politika effettivi fil-prattika. B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni se tgħin biex tintensifika l-ħidma fuq l-investiment bħala parti miż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Dan se jinkludi t-trawwim ta’ dibattitu f’fora politiċi ta’ livell għoli, bħal skambji konġunti bejn il-ministri tal-finanzi tal-UE u l-ministri tal-edukazzjoni tal-UE, kif ukoll ma’ istituzzjonijiet oħra, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Parlament Ewropew. Fil-livell tekniku, grupp ta’ esperti dwar l-investiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ se jappoġġa dan il-proċess, u se jgħin biex tinżamm l-attenzjoni fuq l-investiment nazzjonali u reġjonali. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll appoġġ speċifiku lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex tiffaċilita t-tagħlim reċiproku, l-analiżi u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba dwar l-investiment fl-infrastruttura tal-edukazzjoni.

4.2Deskrizzjoni tal-qafas ta’ abilitazzjoni

Fil-perjodu sal-2025, il-Kummissjoni tipproponi li l-qafas ta’ abilitazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jżomm l-arranġamenti kollha tat-tagħlim reċiproku li ġew ippruvati u ttestjati tal-ET 2020, bħall-gruppi ta’ ħidma, formazzjonijiet tad-Diretturi Ġenerali, strumenti ta’ tagħlim bejn il-pari, b’appoġġ finanzjarju b’mod partikolari mill-programm Erasmus. Korpi rilevanti oħrajn ta’ governanza, bħall-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, għandhom ikunu involuti wkoll.

Sabiex jiżdiedu d-domandi dejjem aktar kumplessi u li jinbidlu malajr tas-soċjetà u l-ekonomija diġitali, il-qafas ta’ abilitazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se jiffaċilita l-involviment u l-interazzjoni fi ħdan l-ekosistema tal-edukazzjoni usa’, u jiffavorixxi bilanċ tajjeb bejn il-laqgħat onlajn u dawk wiċċ imb’wiċċ.

Il-karatteristiċi ewlenin ta’ dan il-qafas ta’ abilitazzjoni se jkunu:

-Il-Kunsill hu mistieden jorganizza diskussjonijiet konġunti regolari bejn il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport u konfigurazzjonijiet oħra tal-Kunsill biex jgħinu fit-teħid ta’ approċċ governattiv sħiħ għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u biex isaħħu l-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-prijoritajiet politiċi tal-UE 59 , filwaqt li jappoġġaw il-ħidma dwar l-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew.

-Bord ta’ Tmexxija għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jevalwa u jiżgura l-momentum ta’ dawn l-inizjattivi kollha li jwasslu għall-kisba taż-ŻEE. Il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tiegħu għandhom jiġu definiti mal-Istati Membri sal-aħħar ta’ Ġunju 2021.

-Ħidma strutturata mtejba bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex flimkien joħolqu azzjonijiet ta’ politika u ta’ finanzjament, inkluż permezz ta’ inizjattivi minn isfel għal fuq u użu aktar qawwi tal-fondi tal-UE.

-Pjattaforma permanenti għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni bħala portal pubbliku għall-azzjonijiet u s-servizzi tagħha. Il-Pjattaforma tiżgura t-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, u tipprovdi spazju li faċli taċċessah b’informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-eżiti tal-qafas ta’ abilitazzjoni. Il-Pjattaforma se tinkludi wkoll pjattaforma interattiva biex tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambji bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati.

4.3Traċċar tal-progress

L-evidenza turi li l-miri tal-UE jinfluwenzaw kwistjonijiet edukattivi fuq l-aġenda nazzjonali u jrawmu l-monitoraġġ tal-progress. Dawn huma punti ta’ referenza ewlenin għas-Semestru Ewropew u jiggwidaw il-finanzjament tal-UE. Bħala mezz biex jitkompla l-intraċċar tal-progress fl-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Kummissjoni tipproponi sett ta’ miri li għandhom jintlaħqu sal-2030, li jikkoinċidu mal-iskeda taż-żmien tal-SDGs. L-iskala taż-żmien tipprovdi lill-Istati Membri biż-żmien meħtieġ għall-introduzzjoni u għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti tal-politika meħtieġa, u biex l-impatt tagħhom isir viżibbli.

Dawn il-miri għandhom ikunu bbażati fuq data komparabbli internazzjonalment, ibbażata fuq aggregati tal-pajjiżi individwali u medja ponderata tal-UE. Huma għandhom jiġu mmonitorjati b’mod li mhuwiex aggregat skont il-ġeneru. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jistabbilixxi l-impenn għall-UE kollha kemm hi biex jintlaħqu l-miri li ġejjin sal-2030 60 :

-Is-sehem ta’ dawk ta’ 15-il sena li jkollhom livell baxx ta’ ħiliet fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza għandu jkun anqas minn 15 %.

-Is-sehem ta’ dawk fit-tmien sena li jkollhom livell baxx ta’ ħiliet fil-litteriżmu tal-kompjuter u tal-informazzjoni għandu jkun anqas minn 15 %.

-Mill-anqas 98 % tat-tfal bejn l-età ta’ 3 snin u l-età meta wieħed jibda l-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw f’edukazzjoni bikrija.

-Is-sehem ta’ persuni li għandhom bejn 20-24 sena li għandhom mill-anqas kwalifika sekondarja tat-tieni livell għandu jkun ta’ 90 %.

-Is-sehem ta’ dawk bejn it-30 u l-34 sena li kisbu edukazzjoni terzjarja għandu jkun mill-inqas 50 %.

Barra minn hekk, kif ippreżentat fl-Aġenda għall-Ħiliet, sal-2025, 50 % tal-popolazzjoni adulta fl-UE għandha tipparteċipa fit-tagħlim kull sena.

Il-miri proposti taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u dawk dwar it-tagħlim tal-adulti, il-VET u l-impjegabbiltà ppreżentati fl-Aġenda għall-Ħiliet u l-proposta għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku, filwaqt li jkopru l-ispettru sħiħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Kummissjoni se tirrevedi regolarment il-progress lejn dawn is-settijiet ta’ miri u, fejn meħtieġ, se tipproponi l-estensjoni u r-reviżjoni tagħhom għall-2030.

Kull sena l-Kummissjoni se tippubblika l-Monitor Ewropew tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ biex tirrevedi s-sitwazzjoni fil-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Monitor se jinkludi l-profili tal-pajjiżi u l-progress fuq il-miri tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-UE u tal-pajjiżi u tiġi offruta boxxla għar-riformi tal-politika. Se janalizza b’mod konsistenti d-data skont il-ġeneru, l-istatus soċjoekonomiku, il-ħtiġijiet edukattivi speċjali, u l-isfond ta’ minoranza jew ta’ migrazzjoni.

Il-miri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn firxa ta’ għodod analitiċi u ta’ tagħlim bejn il-pari, li se jkejlu l-progress permezz ta’ data komparabbli internazzjonalment u miġbura regolarment. Il-monitoraġġ tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE se jikkonsisti wkoll minn indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi oħrajn, kif ukoll minn studji u riżultati tar-riċerka. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri, mal-esperti, mal-partijiet ikkonċernati u mas-sħab internazzjonali biex tiżviluppa indikaturi f’oqsma li mhumiex koperti mill-ġabriet ta’ data internazzjonali eżistenti, iżda li feġġew bħala għanijiet prijoritarji taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Sabiex jiġi evalwat il-progress lejn il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, isir dibattitu dwar il-passi li ġejjin u tingħata spinta ġdida, il-Kummissjoni se tippubblika Rapport dwar il-Progress taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni fl-2022 u se torganizza avveniment ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu flimkien mal-Parlament Ewropew fl-2023. Rapport sħiħ mill-Kummissjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se jsegwi fl-2025.

5Konklużjoni

Kif ippreżentat f’din il-Komunikazzjoni, is-suċċess taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se jiddependi mil-legat tal-kooperazzjoni, minn impenn imġedded biex jintlaħqu għanijiet komuni, u minn qafas robust biex dan iseħħ u jsir realtà sal-2025. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex japprova s-sitt dimensjonijiet li fuqhom hija bbażata ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-mezzi u l-istadji prinċipali tagħha, u l-qafas ta’ abilitazzjoni propost tagħha sal-2025. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tipprovdi perspettiva għall-futur tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni Ewropea. Tidentifika kwistjonijiet ewlenin u tistabbilixxi modi kif isir progress f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u b’rispett sħiħ tal-kompetenzi tal-Istati Membri għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-edukazzjoni u t-taħriġ se jkunu l-ixprunatur ewlieni għall-kisba ta’ rkupru mmirat lejn it-tranżizzjonijiet Ekoloġiċi u Diġitali. Barra minn hekk, il-ħidma fuq iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se tgħin biex tikkontribwixxi għall-pożizzjonament ġeopolitiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ biex sal-2025 tikseb iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u tappella lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn, lill-Istati Membri, lill-komunità tal-edukazzjoni u t-taħriġ u lil dawk kollha li għalihom hija importanti l-edukazzjoni biex jingħaqdu biex flimkien jagħtu ħajja ġdida lis-setgħa tal-edukazzjoni li ssawwar dinja sostenibbli u ġeneruża.

(1)

Dawn ġew żviluppati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(2)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni titlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni “jippromwovu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ evidenza tal-benefiċċji tal-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, peress li għarfien, data u analiżi mtejba rigward il-benefiċċji ta’ investiment pubbliku effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jiżviluppaw sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar inklużivi, effettivi u risponsivi, filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi addizzjonali fuq l-Istati Membri”.

(3)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma (2017) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/03/25/rome-declaration/pdf

(4)

https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights_mt

(5)

https://www.consilium.europa.eu/media/32220/14-final-conclusions-rev1-mt.pdf

(6)

COM(2017) 673 final

(7)

L-Iżvilupp tal-Universitajiet Ewropej; li jagħmilha aktar faċli għaż-żgħażagħ biex jistudjaw barra minn pajjiżhom b’servizzi ġodda żviluppati bħala parti mill-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti; li l-kwalifiki u l-apprendiment barra mill-pajjiż isiru rikonoxxuti b’mod awtomatiku u reċiproku fl-Istati Membri kollha; li jittejbu t-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi; li jiġu mħaddna valuri komuni; li jissaħħu s-sistemi ta’ kwalità tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal; li jiġi stabbilit qafas strateġiku ġdid għaż-żgħażagħ; li jiġu traċċati l-impjegabbiltà u l-perkors tal-apprendiment ulterjuri tal-gradwati; li jingħata appoġġ għall-kisba ta’ kompetenzi ewlenin; u li jissaħħaħ it-tagħlim diġitali permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”, COM(2020)274 final, https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223

(9)

Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, COM(2020)275 final.

(10)

https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/qanda_20_357

(11)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġati sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur, ĠU C 389, 18.11.2019, p. 1, https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/9f1d16d1-09d1-11ea-8c1f-01aa75ed71a1

(12)

Għar-rwol kruċjali ta’ ħiliet bażiċi, ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja, ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

(13)

  Digital Economy and Society Index 2019

(14)

Hanushek, E.A. and Woessmann, L., The Economic Benefits of Improving Educational Achievement in the European Union: An Update and Extension, European Expert Network on Economics of Education (EENEE), Rapport Analitiku Nru 39, 2019

(15)

L-insuffiċjenza fil-kisbiet fil-livell tal-EU27 hija ta’ 9,5 % biss fost l-istudenti li ġejjin mill-ogħla kwart tal-indiċi soċjoekonomiku. Iżda din titla’ sa 36,4 % fost l-istudenti li ġejjin mill-aktar kwart baxx fuq l-iskala soċjoekonomika (PISA 2018, Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2019).

(16)

Għal analiżi tal-korrelazzjonijiet bejn l-eżiti tal-apprendiment u l-istatus ta’ persuni li la huma impjegati u lanqas fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ (NEET) fost iż-żgħażagħ irġiel u nisa, jekk jogħġbok ara l-OECD (2015). The ABC of Gender Equality on education: Aptitude, Behaviour. Pariġi: PISA, OECD Publishing, Pariġi, Disponibbli fuq: https://doi.org/10.1787/9789264229945-en, paġna 32: “Pereżempju, il-kisbiet edukattivi, il-profiċjenza fil-litteriżmu u l-qasam tal-istudju flimkien jiddeterminaw il-probabbiltà li dawk li għandhom bejn 16 u 29 sena jsibu ruħhom la f’impjieg u lanqas fl-edukazzjoni jew f’taħriġ. OECD (2015). The ABC of Gender Equality on education: Aptitude, Behaviour. Pariġi: PISA, OECD Publishing, Pariġi, Disponibbli fuq: https://doi.org/10.1787/9789264229945-en

(17)

Il-kunċett ta’ “persuni bi sfond ta’ migrazzjoni” jinkludi kemm l-immigranti kif ukoll it-tfal tagħhom imwielda fil-pajjiż (l-hekk imsejħa “it-tieni ġenerazzjoni”). Id-definizzjoni tal-PISA tal-OECD għall-istudenti ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni tinkludi l-istudenti kollha mwielda barra mill-pajjiż (kemm tal-UE kif ukoll mhux tal-UE), kif ukoll l-istudenti mwielda fil-pajjiż b’ġenituri mwielda barra mill-pajjiż.

(18)

  Dawn ġew elaborati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(19)

Dan jirreferi għall-punteġġ tal-litteriżmu fil-kompjuter u l-informazzjoni fl-istħarriġ tal-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u l-Informazzjoni (ICILS) tal-2018. Aktar minn: https://www.iea.nl/studies/iea/icils/2018

(20)

Data for ISCED 5-8, sors educ_uoe_enra03

(21)

Skont l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-politiki u programmi sensittivi għall-ġeneru huma dawk li jqisu l-partikolaritajiet relatati mal-ħajja kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, filwaqt li jimmiraw li jeliminaw l-inugwaljanzi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż distribuzzjoni ugwali tar-riżorsi, u b’hekk l-indirizzar u l-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneri.

(22)

Il-Kummissjoni Ewropea (2020) Tbassir Ekonomiku għas-Sajf 2020: Reċessjoni profonda u mhux omoġenja, irkupru inċert, DG ECFIN

(23)

Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI): https://digital-agenda-data.eu/charts/analyse-one-indicator-and-compare-countries

(24)

Id-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”

(25)

 Skont stħarriġ tal-IPSOS li sar f’16-il pajjiż maġġuri madwar id-dinja f’Mejju 2020, tlieta minn kull erba’ persuni jistennew li l-gvern tagħhom jagħti prijorità lill-protezzjoni tal-ambjent meta jippjana l-irkupru mill-pandemija tal-coronavirus.

(26)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun: Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final

(27)

https://ec.europa.eu/education/sites/education/files/document-library-docs/volume-1-2019-education-and-training-monitor.pdf

(28)

https://read.oecd-ilibrary.org/education/talis-2018-results-volume-i_1d0bc92a-en#page1

(29)

L-Universitajiet Ewropej huma alleanzi tranżnazzjonali ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li qed jiżviluppaw kooperazzjoni strutturali u sostenibbli fit-tul. Huma jimmobilizzaw timijiet multidixxiplinarji ta’ studenti u akkademiċi permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-isfidi, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-riċerka, in-negozju u s-soċjetà ċivili. L-Universitajiet Ewropej se jiġbru flimkien ir-riżorsi online u fiżiċi, il-korsijiet, l-għarfien espert, id-data u l-infrastruttura tagħhom biex jiksbu l-vantaġġi tagħhom u jagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjonijiet li jmiss biex flimkien jindirizzaw l-isfidi attwali li l-Ewropa u d-dinja qed jiffaċċaw. Huma jippromwovu l-forom kollha ta’ mobbiltà (fiżika, online, imħallta) kif ukoll il-multilingwiżmu permezz tal-kampusijiet inklużivi Ewropej interuniversitarji tagħhom.

(30)

Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing.

(31)

Il-130 programm ta’ Lawrja ta’ Master Konġunt tal-Erasmus Mundus tal-lum jipprovdu aktar minn 2 500 borża ta’ studju ffinanzjata mill-UE kull sena biex studenti madwar id-dinja jistudjaw programm ta’ Master integrat f’żewġ universitajiet Ewropej jew aktar. Fil-livell istituzzjonali, is-sħubijiet għall-bini tal-kapaċitajiet għall-edukazzjoni għolja jiżviluppaw tagħlim ġdid, jagħtu spinta lill-ħiliet u jtejbu l-governanza tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u fl-ekonomiji emerġenti jew li qed jiżviluppaw aktar ’il bogħod. Il-150 proġett magħżula kull sena jużaw l-edukazzjoni għolja bħala xprunatur għal żvilupp soċjali u ekonomiku usa’, u jgħaqqdu b’mod effettiv mal-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni.

(32)

Il-finanzjament ta’ ċerti inizjattivi jista’ jkun soġġett għall-adozzjoni tal-atti bażiċi tal-programmi rispettivi u għandu jiġi implimentat skont ir-regoli tagħhom.

(33)

Kif deskritt fir- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi . ĠU C 189, 5.6.2019, p. 15

(34)

L-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet tipprevedi azzjonijiet biex titjieb il-validazzjoni tal-ħiliet trasversali.

(35)

  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi “Erasmus” – COM(2018) 367 final

(36)

 ĠU C 195, 7.6.2018, p. 1

(37)

 Livell bażi ta’ profiċjenza jirreferi għal Livell 2 fl-istħarriġ PISA tal-OECD, li jiddefinixxi l-faxex ta’ profiċjenza fuq skala ta’ 6 punti. Profiċjenza ta’ Livell 2 fil-qari tikkorrispondi għal livell li fih “il-qarrejja jibdew juru l-kompetenzi li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod effettiv u produttiv fil-ħajja bħala studenti li jkomplu, ħaddiema u ċittadini’. Fil-PISA, il-persuni b’insuffiċjenza fil-kisbiet huma dawk l-istudenti li jonqsu milli jilħqu Livell 2, li huwa l-livell minimu ta’ profiċjenza meħtieġ biex jipparteċipaw b’suċċess fis-soċjetà. Ir-relazzjoni bejn il-kunċetti tal-livell bażi u l-insuffiċjenza fil-kisbiet tinforma l-miri tal-UE dwar l-insuffiċjenza fil-kisbiet ta’ ħiliet bażiċi u dwar l-insuffiċjenza fil-kisbiet ta’ kompetenza diġitali.

(38)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel, ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1. .

(39)

Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pont għall-Impjiegi - Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, COM(2020)277 final.

(40)

Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa inizjattivi speċifiċi għal gruppi żvantaġġati, inkluż ir-Rom, il-migranti u r-refuġjati.

(41)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal,. ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4

(42)

Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2012/C 398/01) u l-evalwazzjoni riċenti tagħha, SWD(2020)121.

(43)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, ĠU C 319, 13.12.2008, p. 8

(44)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU COM/2018/439 final

(45)

Id-diġitalizzazzjoni hija rivoluzzjoni ta’ kif ngħixu, ngħallmu, nitgħallmu, naħdmu u nikkomunikaw. Fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jsiru kompletament reżistenti għal bidliet diġitali biex jagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġiji l-ġodda u mill-metodi tat-tagħlim u l-apprendiment. Fl-istess ħin, is-sistemi edukattivi tal-Ewropa se jkollhom rwol kruċjali biex itaffu r-riskji u jisfruttaw l-opportunitajiet ta’ teknoloġiji ġodda u intelliġenza artifiċjali. Fl-2019, 56 % tal-popolazzjoni tal-UE ta’ bejn 16-74 sena rrapportaw li kellhom mill-anqas ħiliet diġitali bażiċi, u fadal qrib nofs il-popolazzjoni mingħajr il-ħiliet għall-maġġoranza tal-impjiegi tal-lum.

(46)

Eżempju wieħed huwa l-appoġġ li ngħata lill-għalliema, lill-istudenti u lill-ġenituri min-network Ewropew iffinanzjat mill-UE ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri u mill-portal tal-UE betterinternetforkids.eu b’riżorsi edukattivi għall-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-minorenni online.

(47)

Kif żviluppat taħt ET2020 –“A framework for teacher and school leader careers” of European Commission (2020) Supporting teacher and school leader careers: a policy guide. Disponibbli fuq https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/6e4c89eb-7a0b-11ea-b75f-01aa75ed71a1/language-mt  

(48)

Il-Koalizzjoni STEM tal-UE hija network mal-UE kollha appoġġat mill-Programm Erasmus li jaħdem biex jibni edukazzjoni STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Matematika) aħjar fl-Ewropa.

(49)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(50)

 Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla, ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60

(51)

Oqfsa tal-kwalifiki, sistemi ta’ kreditu, strumenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità li jagħmlu l-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki tal-istudenti jinftiehmu u komparabbli.

(52)

 Bħala riżultat tal-fażi ta’ pilotaġġ li rnexxiet li bdiet fl-2018, attwalment aktar minn 2 000 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja huma involuti fl-ittestjar tal-ġestjoni tal-mobbiltà diġitali; l-App tal-Mowbajl tal-Erasmus+ tniżżlet u ġiet installata aktar minn 85 000 darba; u ġew prodotti madwar 2.3 miljun Kard Ewropea tal-Istudenti bl-Ologramma tal-Istudenti Ewropej.

(53)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura - Il-Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għal-laqgħa tal-Mexxejja f’Gothenburg, COM(2017) 673 final

(54)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1

(55)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2017 dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati, ĠU C 423, 9.12.2017, p. 1.

(56)

Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Komunikazzjoni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19, JOIN(2020) 11 final

(57)

L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja huma assoċjati bis-sħiħ (l-istatus ta’ pajjiżi tal-programm) mal-programm Erasmus+ (2014-2020).

(58)

Il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja diġà huma assoċjati bis-sħiħ (l-istatus ta’ pajjiżi tal-programm) mal-programm Erasmus+ (2014-2020).

(59)

Inkluż il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(60)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jistabbilixxi s-sorsi tad-data għal dawn il-miri.

Top