EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1963

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1963 tat-8 ta’ Novembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tas-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza fl-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni u li jikkoreġi dak ir-Regolament (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/7841

ĠU L 400, 12.11.2021, p. 18–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1963/oj

12.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 400/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1963

tat-8 ta’ Novembru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tas-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza fl-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni u li jikkoreġi dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1)(g), l-Artikolu 62(14) u (15) u l-Artikolu 72(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru, inkluż ir-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni.

(2)

l-punt 3.1(b) tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni approvati jridu, kif ikun xieraq għat-tip ta’ attività mwettqa u d-daqs tal-organizzazzjoni, jimplimentaw u jżommu sistema ta’ ġestjoni biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f’dak l-Anness, jiġġestixxu r-riskji tas-sikurezza u jimmiraw għat-titjib kontinwu ta’ dik is-sistema.

(3)

Skont l-Anness 19 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni approvati li jipprovdu servizzi lil operaturi ta’ ajruplani jew ta’ ħelikopters involuti fit-trasport kummerċjali internazzjonali bl-ajru jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza.

(4)

Għalhekk, sabiex ikun hemm konformità mal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”) stabbiliti fl-Anness 19 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jenħtieġ li tiġi introdotta sistema ta’ ġestjoni għall-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 (“organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni tal-Parti-145”)

(5)

L-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni tal-Parti-145 kollha huma meħtieġa jistabbilixxu sistema ta’ rapportar tal-okkorrenzi. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 jenħtieġ li jiġu emendati biex jiġi żgurat li s-sistema ta’ rapportar tal-okkorrenzi tiġi stabbilita bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tal-organizzazzjonijiet u li r-rekwiżiti jkunu allinjati ma’ dawk tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill (3).

(6)

Sabiex jitqiesu l-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni tal-Parti-145 li huma approvati wkoll bħala organizzazzjonijiet tal-Parti-CAMO, huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet ġenerali kif ukoll ir-rekwiżiti għall-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Anness II (Parti-145) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 jiġu armonizzati ma’ dawk stabbiliti fl-Anness Vc (Parti-CAMO) ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Jenħtieġ li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni suffiċjenti biex l-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni jkunu jistgħu jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament.

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (4) ma fihx dispożizzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-inġiniera tat-titjira. Għalhekk, il-punti 145.A.30(j)(3) u (4) tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 jenħtieġ li jiġu emendati biex titħassar ir-referenza għal-liċenzji tal-inġiniera tat-titjira. Madankollu, l-awtorizzazzjonijiet limitati eżistenti għaċ-ċertifikazzjoni tal-manutenzjoni maħruġa lil tali inġiniera tat-titjira abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jibqgħu validi sakemm jiskadu jew sakemm jiġu rrevokati. Għalhekk, l-Artikolu 5 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014 jenħtieġ li jiġi emendat.

(10)

Il-punt M.A.403(b) tal-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 u l-Appendiċi VII tal-Anness I (Parti-M) ta’ dak ir-Regolament fihom referenzi għal diversi elementi tal-punt M.A.801. Peress li l-punt M.A.801 ġie sostitwit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/1383 (5), il-punt M.A.403(b) u l-Appendiċi VII jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-punt M.A.904 tal-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 ġie emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1383 biex id-dispożizzjonijiet dwar l-importazzjoni jiġu estiżi għall-inġenji tal-ajru li ġejjin minn sistema regolatorja fejn ir-Regolament (UE) 2018/1139 ma japplikax. L-istess emenda jenħtieġ li ssir ukoll fil-punt ML.A.906 tal-Anness Vb (Parti-ML) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014, biex l-ambitu tad-dispożizzjonijiet dwar l-importazzjoni tal-Anness Vb (Parti-ML) jiġi armonizzat ma’ dak tal-Anness I (Parti-M). Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014 jenħtieġ li jiġi emendat.

(12)

Il-punt M.A.502(c) tal-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 jirreferi għall-organizzazzjonijiet tal-klassi B. Billi ma hemm l-ebda organizzazzjoni tal-klassi B fl-Anness Vd (Parti-CAO), il-punt M.A.502(c) jenħtieġ li jirreferi għal “organizzazzjoni tal-manutenzjoni tal-magni”. Għalhekk, il-punt M.A.502(c) tal-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 jenħtieġ li jiġi kkoreġut.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni Nru 4/2020 (6) tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 75(2)(b) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.   B’deroga mill-punti (1) u (2) tal-punt 145.B.350(d) tal-Anness II (Parti-145), organizzazzjoni tal-manutenzjoni li jkollha ċertifikat tal-approvazzjoni validu maħruġ f’konformità mal-Anness II (Parti-145) tista’ tikkoreġi, sat-2 ta’ Diċembru 2024, kwalunkwe sejba ta’ nuqqas ta’ konformità relatata mar-rekwiżiti tal-Anness II introdotti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1963 (*1)..

Jekk wara t-2 ta’ Diċembru 2024 l-organizzazzjoni ma tkunx għalqet dawn is-sejbiet, iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni għandu jiġi rrevokat, limitat jew sospiż kompletament jew parzjalment.;

(*1)  ĠU L 400, 12.11.2021, p. 18.”;"

(2)

fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.   Awtorizzazzjonijiet limitati ta’ persunal li jiċċertifika maħruġa lid-detenturi ta’ liċenzja ta’ inġinier tat-titjira skont il-punt 145.A.30(j)(3) jew (4) tal-Anness II (Parti-145) qabel t-2 ta’ Diċembru 2022 għandhom jibqgħu validi sakemm jiskadu jew sakemm jiġu rrevokati mill-organizzazzjoni tal-manutenzjoni.”;

(3)

l-Anness I (Parti-M) huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(4)

l-Anness II (Parti-145) huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(5)

l-Anness Vb (Parti-ML) huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness I (Parti-M) tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 huwa kkoreġut f’konformità mal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-2 ta’ Diċembru 2022.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw mit-2 ta’ Diċembru 2021:

(a)

L-Artikolu 2;

(b)

L-Anness, il-punti (2) u (4);

(c)

L-Anness III.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1383 tat-8 ta’ Lulju 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1321/2014 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza fl-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà u t-tnaqqis tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ġenerali b’rabta mal-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà (ĠU L 228, 4.9.2019, p. 1).

(6)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions


ANNESS I

L-Anness I (Parti-M) huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-werrej, it-titolu tal-Appendiċi IV huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

“Appendiċi IV — Sistema ta’ klassijiet u klassifikazzjonijiet għat-termini tal-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni msemmija fis-Subparti F tal-Anness I (Parti-M)”;

(2)

fil-punt M.A.403, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Huma biss il-persunal li jiċċertifika msemmi fil-punt M.A.801(b)(1) jew fis-Subparti F ta’ dan l-Anness jew fl-Anness II (Parti-145) jew fl-Anness Vd (Parti-CAO), jew il-persuna awtorizzata f’konformità mal-punt M.A.801(c) ta’ dan l-Anness li jistgħu jiddeċiedu, bl-użu tad-data tal-manutenzjoni msemmija fil-punt M.A.401 ta’ dan l-Anness, jekk difett fl-inġenju tal-ajru jipperikolax serjament is-sikurezza tat-titjira u għalhekk jiddeċiedu meta u liema azzjoni ta’ rettifika għandha tittieħed qabel titjira ulterjuri u liema rettifika tad-difett tista’ tiġi differita. Madankollu, dan ma japplikax meta l-MEL tintuża mill-bdot jew mill-persunal li jiċċertifika.”;

(3)

L-Appendiċi IV huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Appendiċi IV

Sistema ta’ klassijiet u klassifikazzjonijiet għat-termini tal-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni msemmija fis-Subparti F tal-Anness I (Parti-M)

”;

(b)

il-punti 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.

Għajr kif iddikjarat mod ieħor għall-iżgħar organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt 11, it-tabella fil-punt 12 tipprevedi s-sistema standard għall-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-manutenzjoni msemmija fis-Subparti F tal-Anness I (Parti-M). Organizzazzjoni trid tingħata approvazzjoni li tvarja minn klassi u klassifikazzjoni waħda b’limitazzjonijiet għall-klassijiet u l-klassifikazzjonijiet kollha b’limitazzjonijiet.

2.

Minbarra t-tabella msemmija fil-punt 12, l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni approvata hija meħtieġa tindika l-ambitu tax-xogħol tagħha fil-manwal tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tagħha.”;

(c)

il-punti 8 sa 12 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“8.

It-taqsima tal-limitazzjoni hija maħsuba biex tagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-flessibbiltà li jadattaw l-approvazzjoni għal kwalunkwe organizzazzjoni partikolari. Il-klassifikazzjonijiet għandhom jissemmew fuq l-approvazzjoni biss meta jkunu limitati kif xieraq. It-tabella msemmija fil-punt 12 tispeċifika t-tipi ta’ limitazzjoni possibbli. Filwaqt li l-manutenzjoni hija elenkata l-aħħar f’kull klassifikazzjoni tal-klassi, huwa aċċettabbli li wieħed jiġi aċċennat il-kompitu ta’ manutenzjoni aktar milli t-tip jew il-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew tal-magna, jekk dan ikun aktar xieraq għall-organizzazzjoni (pereżempju installazzjonijiet ta’ sistemi avjoniċi u manutenzjoni relatata). Din ir-referenza fit-taqsima tal-limitazzjoni tindika li l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tkun approvata biex twettaq manutenzjoni sa u inkluż dan it-tip/il-kompitu partikolari.

9.

Meta ssir referenza għal serje, tip u grupp fit-taqsima tal-limitazzjoni ta’ klassi A u B, serje tfisser serje ta’ tip speċifiku bħas-serje Cessna 150 jew Cessna 172 jew Beech 55 jew is-serje kontinentali O-200 eċċ; tip tfisser tip jew mudell speċifiku bħat-tip Cessna 172RG; jista’ jiġi kkwotat kwalunkwe numru ta’ serje jew tipi; grupp tfisser, pereżempju, inġenju tal-ajru Cessna b’pistun wieħed jew magni bil-pistuni mhux pressurizzati Lycoming eċċ.

10.

Meta tintuża lista ta’ kompetenzi twila li tista’ tkun soġġetta għal emendi frekwenti, f’dak il-każ dawn l-emendi jistgħu jitwettqu f’konformità mal-proċedura ta’ approvazzjoni indiretta msemmija fil-punti M.A.604(c) u M.B.606(c).

11.

Organizzazzjoni tal-manutenzjoni li timpjega persuna waħda biss kemm biex tippjana kif ukoll biex twettaq il-manutenzjoni kollha jista’ jkollha biss klassifikazzjoni limitata tal-ambitu tal-approvazzjoni. Il-limiti massimi permissibbli huma:

KLASSI

KLASSIFIKAZZJONI

LIMITAZZJONI

KLASSI INĠENJI TAL-AJRU

AJRUPLANI TA’ KLASSI A2 TA’ 5 700  KG U INQAS

MAGNA BIL-PISTUNI TA’ 5 700  KG U INQAS

KLASSI INĠENJI TAL-AJRU

ĦELIKOPTERS TA’ KLASSI A3

MAGNA B’PISTUN WIEĦED TA’ 3 175  KG U INQAS

KLASSI INĠENJI TAL-AJRU

INĠENJI TAL-AJRU TA’ KLASSI A4 GĦAJR A1, A2, U A3

EBDA LIMITAZZJONI

KLASSI MAGNI

PISTUN TA’ KLASSI B2

INQAS MINN 450 HP

KLASSI KOMPONENTI GĦAJR MAGNI KOMPLUTI JEW APUs.

C1 SA C22

SKONT IL-LISTA TA’ KOMPETENZI

KLASSI SERVIZZI SPEĊJALIZZATI

D1 NDT

METODU/I TAL-NDT LI GĦANDU/GĦANDHOM JIĠI/U SPEĊIFIKAT(I).

Jenħtieġ li jiġi nnotat li din l-organizzazzjoni tista’ tkompli tiġi limitata mill-awtorità kompetenti fit-termini tal-approvazzjoni skont il-kompetenza tal-organizzazzjoni partikolari.

12.

Tabella

KLASSI

KLASSIFIKAZZJONI

LIMITAZZJONI

BAŻI

LINJA

INĠENJI TAL-AJRU

Ajruplani ta’ Klassi A2 ta’ 5 700  kg u inqas

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew il-grupp jew is-serje jew it-tip tal-ajruplan u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

Eżempju: Serje DHC-6 Twin Otter

Iddikjara jekk il-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà huwiex awtorizzat

[IVA/LE] (*1)

[IVA/LE] (*1)

Ħelikopters ta’ Klassi A3

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew il-grupp jew is-serje jew it-tip tal-ħelikopter u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

Eżempju: Robinson R44

[IVA/LE] (*1)

[IVA/LE] (*1)

Inġenji tal-ajru ta’ Klassi A4 għajr A1, A2 u A3

[Għandha tiddikjara l-kategorija (sailplane, ballun tal-arja, ġifen tal-ajru, eċċ.), il-manifattur jew il-grupp jew is-serje jew it-tip tal-inġenju tal-ajru u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

Iddikjara jekk il-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà huwiex awtorizzat

[IVA/LE] (*1)

[IVA/LE] (*1)”;

MAGNI

B1 Turbina

[Għandha tiddikjara s-serje jew it-tip tal-magna u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

Eżempju: Serje PT6A

B2 Pistun

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew il-grupp jew is-serje jew it-tip tal-magna u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

B3 APU

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew is-serje jew it-tip tal-magna u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

KOMPONENTI GĦAJR MAGNI KOMPLUTI JEW APUs

C1 Arja Kundizzjonata u Pressurizzazzjoni

[Għandha tiddikjara t-tip ta’ inġenju tal-ajru jew il-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew il-manifattur tal-komponent jew il-komponent partikolari u/jew tagħmel kontroreferenza għal lista ta’ kompetenzi fl-espożizzjoni u/jew fil-kompitu/i ta’ manutenzjoni.]

Eżempju: Kontroll tal-Fjuwil PT6A

C2 Titjira Awtomatika

C3 Komunikazzjonijiet u Navigazzjoni

C4 Bibien — Sportelli

C5 Potenza Elettrika u Dwal

C6 Tagħmir

C7 Magna — APU

C8 Kontrolli tat-Titjira

C9 Fjuwil

C10 Ħelikopter — Rotors

C11 Ħelikopter — Trażmissjoni

C12 Potenza Idrawlika

C13 Sistema ta’ indikazzjoni — reġistrazzjoni

C14 Tagħmir għall-Inżul

C15 Ossiġenu

C16 Skrejjen

C17 Pnewmatiku u Vakwu

C18 Protezzjoni mis-silġ/mix-xita/min-nar

C19 Twieqi

C20 Strutturali

C21 Saborra tal-ilma

C22 Awmentazzjoni tal-Propulsjoni

SERVIZZI SPEĊJALIZZATI

D1 Ittestjar Mhux Distruttiv

[Għandha tiddikjara metodu/i tal-NDT partikolari]

(d)

jitħassar il-punt 13.

(4)

fl-Appendiċi VII, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Dan li ġej jikkostitwixxi l-kompiti ta’ manutenzjoni kumplessi msemmija fil-punt M.A.801(b):”.


(*1)  Ħassar kif xieraq”;


ANNESS II

L-Anness II (Parti-145) huwa emendat kif ġej:

(1)

il-werrej huwa sostitwit b’dan li ġej:

“WERREJ

145.1

Awtorità kompetenti

TAQSIMA A — REKWIŻITI TEKNIĊI U TAL-ORGANIZZAZZJONI

145.A.10

Ambitu

145.A.15

Applikazzjoni għal ċertifikat tal-organizzazzjoni

145.A.20

Termini tal-approvazzjoni u ambitu tax-xogħol

145.A.25

Rekwiżiti tal-faċilità

145.A.30

Rekwiżiti tal-persunal

145.A.35

Persunal li jiċċertifika u persunal ta’ appoġġ

145.A.37

Persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà

145.A.40

Tagħmir u għodod

145.A.42

Komponenti

145.A.45

Data tal-manutenzjoni

145.A.47

Ippjanar tal-produzzjoni

145.A.48

Twettiq tal-manutenzjoni

145.A.50

Ċertifikazzjoni tal-manutenzjoni

145.A.55

Żamma tar-rekords

145.A.60

Rapportar tal-okkorrenzi

145.A.65

Proċeduri ta’ manutenzjoni

145.A.70

Espożizzjoni tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni (MOE)

145.A.75

Privileġġi tal-organizzazzjoni

145.A.85

Bidliet fl-organizzazzjoni

145.A.90

Validità kontinwata

145.A.95

Sejbiet

145.A.120

Mezzi ta’ konformità

145.A.140

Aċċess

145.A.155

Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza

145.A.200 S

istema ta’ ġestjoni

145.A.202

Skema ta’ rapportar tas-sikurezza interna

145.A.205

Kuntrattar u sottokuntrattar

TAQSIMA B — REKWIŻITI TAL-AWTORITÀ

145.B.005

Ambitu

145.B.115

Dokumentazzjoni tas-sorveljanza

145.B.120

Mezzi ta’ konformità

145.B.125

Informazzjoni lill-Aġenzija

145.B.135

Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza

145.B.200

Sistema ta’ ġestjoni

145.B.205

Allokazzjoni ta’ kompiti lil entitajiet kwalifikati

145.B.210

Bidliet fis-sistema ta’ ġestjoni

145.B.220

Żamma tar-rekords

145.B.300

Prinċipji tas-sorveljanza

145.B.305

Programm ta’ sorveljanza

145.B.310

Proċedura ta’ ċertifikazzjoni inizjali

145.B.330

Bidliet — organizzazzjonijiet

145.B.350

Sejbiet u azzjonijiet korrettivi; osservazzjonijiet

145.B.355

Sospensjoni, limitazzjoni u revoka

Appendiċi I

— Ċertifikat tar-Rilaxx Awtorizzat — Formola 1 tal-EASA

Appendiċi II

— Sistema ta’ klassijiet u klassifikazzjonijiet għat-termini tal-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni tal-Parti-145

Appendiċi III

— Ċertifikat tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni — Formola 3-145 tal-EASA

Appendiċi IV

— Kundizzjonijiet għall-użu ta’ persunal mhux kwalifikat f’konformità mal-Anness III (Parti-66) imsemmija fil-punti 145.A.30(j)1 u 2”;

(2)

il-punt 145.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.1   Awtorità kompetenti

Għall-fini ta’ dan l-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tkun:

(1)

għall-organizzazzjonijiet li jkollhom is-sede prinċipali tagħhom f’territorju li għalih Stat Membru jkun responsabbli skont il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), l-awtorità ddeżinjata minn dak l-Istat Membru, jew minn Stat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2018/1139, jew l-Aġenzija jekk ir-responsabbiltà tkun ġiet allokata mill-ġdid lill-Aġenzija f’konformità mal-Artikoli 64 jew 65 tar-Regolament (UE) 2018/1139, jew

(2)

għall-organizzazzjonijiet li jkollhom is-sede prinċipali tagħhom barra minn territorju li għalih Stat Membru jkun responsabbli skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-Aġenzija.”;

(3)

fit-Taqsima A, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

TAQSIMA A   REKWIŻITI TEKNIĊI U TAL-ORGANIZZAZZJONI”;

(4)

il-punt 145.A.10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.10   Ambitu

Din it-Taqsima tistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn organizzazzjoni biex tikkwalifika għall-ħruġ jew għall-kontinwazzjoni ta’ ċertifikat tal-approvazzjoni għall-manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru u ta’ komponenti.”;

(5)

il-punt 145.A.15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.15   Applikazzjoni għal ċertifikat tal-organizzazzjoni

(a)

Applikazzjoni għal ċertifikat jew emenda f’ċertifikat eżistenti f’konformità ma’ dan l-Anness għandha ssir f’forma u b’mod stabbiliti mill-awtorità kompetenti, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti applikabbli tal-Anness I (Parti-M), tal-Anness Vb (Parti-ML) u ta’ dan l-Anness.

(b)

L-applikanti għal ċertifikat inizjali skont dan l-Anness għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti bi:

1.

ir-riżultati ta’ awditu minn qabel imwettaq mill-organizzazzjoni skont ir-rekwiżiti applikabbli previsti fl-Anness I (Parti-M), fl-Anness Vb (Parti-ML) u f’dan l-Anness;

2.

dokumentazzjoni li turi kif dawn se jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.”;

(6)

il-punt 145.A.20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.20   Termini tal-approvazzjoni u ambitu tax-xogħol

(a)

L-ambitu tax-xogħol tal-organizzazzjoni għandu jiġi speċifikat fl-espożizzjoni tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni (MOE) f’konformità mal-punt 145.A.70.

(b)

L-organizzazzjoni għandha tikkonforma mat-termini tal-approvazzjoni mehmuża maċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti, u mal-ambitu tax-xogħol speċifikat fl-MOE.”;

(7)

il-punt 145.A.30 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

L-organizzazzjoni għandha taħtar maniġer responsabbli li jkollu awtorità korporattiva biex jiżgura li l-attivitajiet ta’ manutenzjoni kollha tal-organizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati u mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-maniġer responsabbli għandu:

1.

jiżgura li r-riżorsi kollha meħtieġa jkunu disponibbli biex titwettaq il-manutenzjoni f’konformità ma’ dan l-Anness, mal-Anness I (Parti-M) u mal-Anness Vb (Parti-ML), kif ikun applikabbli, biex jiġi appoġġat iċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni;

2.

jistabbilixxi u jippromwovi l-politika tas-sikurezza speċifikata fil-punt 145.A.200(a)(2);

3.

juri fehim bażiku ta’ dan ir-Regolament.

(b)

Il-maniġer responsabbli għandu jinnomina persuna jew grupp ta’ persuni li jirrappreżentaw l-istruttura ta’ ġestjoni għall-funzjonijiet ta’ manutenzjoni u bir-responsabbiltà li jiġi żgurat li l-organizzazzjoni taħdem f’konformità mal-MOE u mal-proċeduri approvati. Fil-proċeduri għandu jiġi ċċarat minjidher f’isem persuna partikolari fil-każ ta’ assenza twila ta’ dik il-persuna.

(c)

Il-maniġer responsabbli għandu jinnomina persuna jew grupp ta’ persuni bir-responsabbiltà li jiġġestixxu l-funzjoni ta’ monitoraġġ tal-konformità bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni.”;

(b)

jiddaħħlu l-punti (ca), (cb) u (cc) li ġejjin:

“(ca)

Il-maniġer responsabbli għandu jinnomina persuna jew grupp ta’ persuni bir-responsabbiltà li jiġġestixxu l-iżvilupp, l-amministrazzjoni u l-manutenzjoni ta’ proċessi effettivi ta’ ġestjoni tas-sikurezza bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni.

(cb)

Il-persuna jew il-grupp ta’ persuni nnominati f’konformità mal-punti (b), (c) u (ca) għandu jkollhom responsabbiltà lejn il-maniġer responsabbli u aċċess dirett għalih(a) biex iżommuh(a) infurmat kif suppost dwar kwistjonijiet ta’ konformità u ta’ sikurezza.

(cc)

Il-persuna jew il-persuni nnominati f’konformità mal-punti (b), (c) u (ca) għandhom ikunu kapaċi juru l-għarfien, l-isfond u l-esperjenza sodisfaċenti rilevanti relatati mal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru jew tal-komponenti u juru għarfien operazzjonali ta’ dan ir-Regolament.”;

(c)

il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(d)

L-organizzazzjoni għandu jkollha pjan ta’ manutenzjoni kull siegħa biex tiżgura li din ikollha persunal suffiċjenti u kwalifikat kif xieraq biex jippjana, iwettaq, jissorvelja, jispezzjona u jimmonitorja l-attivitajiet tal-organizzazzjoni f’konformità mat-termini tal-approvazzjoni. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni għandu jkollha proċedura biex jiġi vvalutat mill-ġdid ix-xogħol maħsub li għandu jitwettaq meta titnaqqas id-disponibbiltà tal-persunal proprja meta mqabbel mal-livell ta’ persunal ppjanat għal xift jew perjodu ta’ xogħol partikolari.

(e)

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u tikkontrolla l-kompetenza tal-persunal involut fi kwalunkwe manutenzjoni, reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà, ġestjoni tas-sikurezza u monitoraġġ tal-konformità f’konformità ma’ proċedura u fi standard miftiehem mal-awtorità kompetenti. Minbarra l-għarfien espert meħtieġ relatat mal-funzjoni tax-xogħol, il-kompetenza tal-persunal trid tinkludi fehim tal-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ġestjoni tas-sikurezza, inklużi l-fatturi umani u l-kwistjonijiet tal-prestazzjoni umana, li jkun xieraq għall-funzjoni u għar-responsabbiltajiet tagħhom fl-organizzazzjoni.”;

(d)

il-punt (j) huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“(j)

B’deroga mill-punti (g) u (h), fir-rigward tal-obbligu ta’ konformità mal-Anness III (Parti-66), l-organizzazzjoni tista’ tuża persunal li jiċċertifika u persunal ta’ appoġġ li jkunu kkwalifikati f’konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:”;

(b)

il-punti (1) sa (4) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.

Għall-manutenzjoni bażi mwettqa f’post barra mit-territorju li għalih Stat Membru jkun responsabbli skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-persunal li jiċċertifika u l-persunal ta’ appoġġ jistgħu jkunu kkwalifikati f’konformità mar-regolamenti dwar l-avjazzjoni nazzjonali tal-Istat li fih tkun tinsab il-faċilità tal-manutenzjoni bażi, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifikati fl-Appendiċi IV ta’ dan l-Anness.

2.

Għall-manutenzjoni bil-linja mwettqa fi stazzjon bil-linja li jkun jinsab barra minn territorju li għalih Stat Membru jkun responsabbli skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-persunal li jiċċertifika jista’ jkun kwalifikat, soġġett għall-kundizzjonijiet speċifikati fl-Appendiċi IV ta’ dan l-Anness, f’konformità mal-kundizzjonijiet alternattivi li ġejjin:

ir-regolamenti dwar l-avjazzjoni nazzjonali tal-Istat li fih ikun jinsab l-istazzjon bil-linja;

ir-regolamenti dwar l-avjazzjoni nazzjonali tal-Istat li fih ikun jinsab is-sede prinċipali tal-organizzazzjoni.

3.

Għal direttiva ripetittiva dwar l-ajrunavigabbiltà ta’ qabel it-titjira li speċifikament tiddikjara li l-ekwipaġġ tat-titjira jista’ jwettaq din id-direttiva dwar l-ajrunavigabbiltà, l-organizzazzjoni tista’ toħroġ awtorizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni limitata lill-bdot abbażi tal-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira miżmuma. F’dak il-każ, l-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-bdot ikun wettaq biżżejjed taħriġ prattiku li jiżgura li l-bdot ikun jista’ jwettaq id-direttiva dwar l-ajrunavigabbiltà.

4.

Jekk inġenju tal-ajru jitħaddem lil hinn minn post appoġġat, l-organizzazzjoni tista’ toħroġ awtorizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni limitata lill-bdot abbażi tal-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira miżmuma, dment li tkun issodisfata li l-bdot ikun wettaq biżżejjed taħriġ prattiku li jiżgura li l-bdot ikun jista’ jwettaq il-kompitu speċifikat.”;

(e)

il-punt (k) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(k)

Jekk l-organizzazzjoni twettaq reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà u toħroġ iċ-ċertifikat tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà korrispondenti f’konformità mal-punt ML.A.903 tal-Anness Vb (Parti-ML), din għandu jkollha persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà li jkun kwalifikat u awtorizzat f’konformità mal-punt 145.A.37.”;

(8)

il-punt 145.A.35 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (d), (e) u (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(d)

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li kull persunal li jiċċertifika u persunal ta’ appoġġ jirċievi biżżejjed taħriġ rikorrenti f’kull perjodu ta’ sentejn biex jiġi żgurat li dawn ikollhom għarfien aġġornat tat-teknoloġiji, tal-proċeduri tal-organizzazzjoni u tal-ġestjoni tas-sikurezza rilevanti, inkluż il-kwistjonijiet relatati mal-fatturi umani.

(e)

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi programm għat-taħriġ rikorrenti għall-persunal li jiċċertifika u għall-persunal ta’ appoġġ, inkluż proċedura biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-punt u proċedura biex tiġi żgurata l-konformità mal-Anness III (Parti-66).

(f)

Għajr għall-każijiet mhux previsti speċifikati fil-punt 145.A.30(j)(5), l-organizzazzjoni għandha tivvaluta l-persunal li jiċċertifika kollu għall-kompetenza, il-kwalifiki u l-kapaċità tiegħu li jwettaq id-dmirijiet ta’ ċertifikazzjoni maħsuba tiegħu f’konformità ma’ proċedura fl-MOE qabel il-ħruġ jew il-ħruġ mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni skont dan l-Anness lil dan il-persunal.”;

(b)

il-punti (i) sa (n) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(i)

Il-persuna jew il-persuni msemmija fil-punt 145.A.30(c) li jkunu responsabbli għall-funzjoni ta’ monitoraġġ tal-konformità għandhom jibqgħu responsabbli wkoll għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni lill-persunal li jiċċertifika. Dak il-persunal jista’ jinnomina persuni oħrajn biex joħorġu jew jirrevokaw b’mod effettiv l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni f’konformità ma’ proċedura fl-MOE.

(j)

L-organizzazzjoni għandha tipprovdi lill-persunal li jiċċertifika b’kopja tal-awtorizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tiegħu f’forma dokumentata jew elettronika.

(k)

Il-persunal li jiċċertifika għandu jipproduċi l-awtorizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tiegħu lil kwalunkwe persuna awtorizzata fi żmien 24 siegħa.

(l)

L-età minima għall-persunal li jiċċertifika u għall-persunal ta’ appoġġ hija ta’ 21 sena.

(m)

Id-detentur ta’ liċenzja tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru tal-kategorija A jista’ jeżerċita biss il-privileġġi taċ-ċertifikazzjoni fuq tip ta’ inġenju tal-ajru speċifiku wara t-tlestija sodisfaċenti tat-taħriġ tal-kompiti rilevanti dwar l-inġenji tal-ajru tal-kategorija A mwettaq minn organizzazzjoni approvata kif xieraq f’konformità mal-Anness II (Parti-145) jew mal-Anness IV (Parti-147). Dan it-taħriġ għandu jinkludi taħriġ prattiku u taħriġ teoretiku kif xieraq għal kull kompitu awtorizzat. It-tlestija sodisfaċenti tat-taħriġ għandha tintwera permezz ta’ eżami jew permezz ta’ valutazzjoni fuq il-post tax-xogħol imwettqa mill-organizzazzjoni.

(n)

Id-detentur ta’ liċenzja tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru fil-kategorija B2 jista’ jeżerċita biss il-privileġġi taċ-ċertifikazzjoni deskritti fil-punt 66.A.20(a)(3)(ii) tal-Anness III (Parti-66) wara t-tlestija sodisfaċenti ta’:

(i)

it-taħriġ tal-kompiti rilevanti dwar l-inġenji tal-ajru tal-kategorija A; u

(ii)

sitt xhur ta’ esperjenza prattika dokumentata li tkopri l-ambitu tal-awtorizzazzjoni li tkun se tinħareġ.

It-taħriġ tal-kompiti għandu jinkludi taħriġ prattiku u taħriġ teoretiku kif xieraq għal kull kompitu awtorizzat. It-tlestija sodisfaċenti tat-taħriġ għandha tintwera permezz ta’ eżami jew permezz ta’ valutazzjoni fuq il-post tax-xogħol. It-taħriġ tal-kompiti u l-eżami/il-valutazzjoni għandhom jitwettqu mill-organizzazzjoni tal-manutenzjoni li toħroġ l-awtorizzazzjoni tal-persunal li jiċċertifika. L-esperjenza prattika għandha tinkiseb ukoll f’din l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni.”;

(c)

jitħassar il-punt (o).

(9)

jitħassar il-punt 145.A.36;

(10)

jiddaħħal il-punt 145.A.37 li ġej:

“145.A.37   Persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà

(a)

Sabiex tiġi approvata biex twettaq reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà u toħroġ ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà (ARC) korrispondenti għall-inġenji tal-ajru koperti bl-Anness Vb (Parti-ML), l-organizzazzjoni għandu jkollha persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà li jikkonforma mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(1)

ikunu kisbu esperjenza fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ mill-inqas sena għas-sailplanes u għall-blalen tal-arja u ta’ mill-inqas tliet snin għall-inġenji tal-ajru l-oħrajn kollha;

(2)

ikollhom awtorizzazzjoni tal-persunal li jiċċertifika għall-inġenju tal-ajru korrispondenti;

(3)

ikunu kisbu għarfien tas-Subparti C tal-Anness I (Parti-M) jew tas-Subparti C tal-Anness Vb (Parti-ML);

(4)

ikunu kisbu għarfien tal-proċeduri tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni rilevanti għar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà u għall-ħruġ taċ-ċertifikat tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà.

(b)

Qabel ma l-organizzazzjoni toħroġ awtorizzazzjoni tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà lil kandidat, dik il-persuna għandha twettaq reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni ta’ persuna li tkun diġà awtorizzata bħala persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà mill-organizzazzjoni. Jekk dan ir-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà taħt superviżjoni jkun sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha taċċetta formalment lil dik il-persuna biex issir persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà.

(c)

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà jkun jista’ juri esperjenza xierqa reċenti fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà.”;

(11)

il-punt 145.A.45 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

L-organizzazzjoni għandha żżomm u tuża d-data tal-manutenzjoni attwali applikabbli li tkun meħtieġa fit-twettiq tal-manutenzjoni, inkluż il-modifiki u t-tiswijiet. “Applikabbli” tfisser rilevanti għal kwalunkwe inġenju tal-ajru, komponent jew proċess speċifikat fit-termini tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni u fi kwalunkwe lista ta’ kompetenzi assoċjata.

Fil-każ ta’ data tal-manutenzjoni pprovduta mill-persuna jew mill-organizzazzjoni li tkun qed titlob il-manutenzjoni, l-organizzazzjoni għandha żżomm din id-data waqt li x-xogħol ikun għaddej, għajr għall-ħtieġa ta’ konformità mal-punt 145.A.55(a)(3).”;

(b)

il-punti (c), (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi proċeduri biex tiżgura li jekk jinstabu proċedura, prattika, informazzjoni jew struzzjoni ta’ manutenzjoni mhux preċiżi, mhux kompluti jew ambigwi fid-data tal-manutenzjoni użata mill-persunal tal-manutenzjoni, dawn jiġu rreġistrati bħala parti mill-iskema ta’ rapportar tas-sikurezza interna msemmija fil-punt 145.A.202 u nnotifikati lill-awtur tad-data tal-manutenzjoni.

(d)

L-organizzazzjoni tista’ timmodifika biss l-istruzzjonijiet ta’ manutenzjoni f’konformità ma’ proċedura li tkun speċifikata fl-MOE. Fir-rigward tal-bidliet fl-istruzzjonijiet ta’ manutenzjoni, l-organizzazzjoni għandha turi li dawn jirriżultaw fi standards ta’ manutenzjoni ekwivalenti jew imtejba, u għandha tinforma lill-awtur tal-istruzzjonijiet ta’ manutenzjoni dwar dawn il-bidliet. Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “struzzjonijiet ta’ manutenzjoni” tfisser struzzjonijiet dwar kif għandu jitwettaq kompitu ta’ manutenzjoni partikolari; dawn jeskludu d-disinn tal-inġinerija tat-tiswijiet u tal-modifikazzjonijiet.

(e)

L-organizzazzjoni għandha tipprovdi sistema komuni ta’ karti tal-ħidma jew ta’ worksheet li għandha tintuża fil-partijiet rilevanti kollha tal-organizzazzjoni. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni għandha jew tittraskrivi b’mod preċiż id-data tal-manutenzjoni msemmija fil-punti (b) u (d) fuq dawn il-karti tal-ħidma jew worksheets, jew tagħmel referenza preċiża għall-kompitu jew il-kompiti ta’ manutenzjoni partikolari li jinsabu f’dik id-data tal-manutenzjoni. Il-karti tal-ħidma u l-worksheets jistgħu jiġu ġġenerati minn kompjuter u jinżammu f’bażi tad-data elettronika li tkun protetta minn tibdil mhux awtorizzat, u li għaliha jkun hemm bażi tad-data elettronika ta’ backup li għandha tiġi aġġornata fi żmien 24 siegħa wara li tkun saret entrata fil-bażi tad-data elettronika ewlenija. Il-kompiti ta’ manutenzjoni kumplessi jew twal għandhom jiġu traskritti fuq il-karti tal-ħidma jew il-worksheets u suddiviżi fi stadji ċari biex jiġi żgurat li jkun hemm rekord tat-twettiq tal-kompitu ta’ manutenzjoni kollu.

Meta l-organizzazzjoni tipprovdi servizzi ta’ manutenzjoni lil operatur tal-inġenji tal-ajru li jirrikjedi li tintuża s-sistema tal-karti tal-ħidma jew ta’ worksheets tiegħu stess, f’dak il-każ tista’ tintuża din is-sistema tal-karti tal-ħidma jew ta’ worksheets. F’dak il-każ, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi proċedura biex tiżgura li dawk il-karti tal-ħidma jew il-worksheets jimtlew b’mod korrett.”;

(12)

il-punt 145.A.47 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni, l-ippjanar tal-kompiti ta’ manutenzjoni, u l-organizzazzjoni tax-xiftijiet, għandhom iqisu l-limitazzjonijiet tal-prestazzjoni umana, inkluż ir-riskju ta’ għeja għall-persunal tal-manutenzjoni.”;

(b)

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni assoċjati ma’ timijiet ta’ ħidma esterni li jkunu qed iwettqu manutenzjoni fil-faċilitajiet tal-organizzazzjoni jitqiesu mis-sistema ta’ ġestjoni tal-organizzazzjoni.”;

(13)

il-punt 145.A.48 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.48   Twettiq tal-manutenzjoni

(a)

L-organizzazzjoni tista’ twettaq biss manutenzjoni fuq inġenju tal-ajru jew komponent li għalih din tkun approvata meta jkunu disponibbli l-faċilitajiet, it-tagħmir, l-għodod, il-materjal, id-data tal-manutenzjoni u l-persunal kollha meħtieġa.

(b)

L-organizzazzjoni għandha tkun responsabbli għall-manutenzjoni li titwettaq fl-ambitu tal-approvazzjoni tagħha.

(c)

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li:

(1)

wara li titlesta l-manutenzjoni, titwettaq verifika ġenerali biex jiġi żgurat li l-inġenju tal-ajru jew il-komponent ma jkollhom l-ebda għodda, tagħmir u parti jew materjal estranji, u li l-pannelli ta’ aċċess kollha li jkunu tneħħew ikunu twaħħlu mill-ġdid;

(2)

metodu ta’ qbid tal-iżbalji jiġi implimentat wara t-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu ta’ manutenzjoni kritiku;

(3)

ir-riskju ta’ żbalji matul il-manutenzjoni u r-riskju li l-iżbalji jiġu ripetuti f’kompiti ta’ manutenzjoni identiċi jiġu mminimizzati;

(4)

il-ħsara tiġi vvalutata, u l-modifiki u t-tiswijiet jitwettqu bl-użu tad-data speċifikata fil-punt M.A.304 tal-Anness I (Parti-M) jew fil-punt ML.A.304 tal-Anness Vb (Parti-ML), kif ikun applikabbli;

(5)

il-valutazzjoni tad-difetti tal-inġenji tal-ajru titwettaq f’konformità mal-punt M.A.403(b) tal-Anness I (Parti-M) jew ML.A.403(b) tal-Anness Vb (Parti-ML), kif ikun applikabbli.”;

(14)

il-punt 145.A.50 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Ċertifikat tar-rilaxx għas-servizz għandu jinħareġ minn persunal li jiċċertifika awtorizzat kif xieraq f’isem l-organizzazzjoni meta dak il-persunal li jiċċertifika jkun ivverifika li l-manutenzjoni kollha ordnata tkun twettqet kif suppost mill-organizzazzjoni f’konformità mal-proċeduri speċifikati fil-punt 145.A.70, filwaqt li jitqiesu d-disponibbiltà u l-użu tad-data tal-manutenzjoni speċifikata fil-punt 145.A.45, u li ma jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità magħruf li jipperikola s-sikurezza tat-titjira.”;

(b)

il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

Difetti ġodda jew ordnijiet ta’ xogħol ta’ manutenzjoni mhux kompluti identifikati matul il-manutenzjoni għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-persuna jew tal-organizzazzjoni responsabbli għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru għall-fini speċifiku li jinkiseb ftehim biex jiġu rrettifikati dawn id-difetti jew biex jitlestew l-elementi neqsin tal-ordni ta’ xogħol ta’ manutenzjoni. Fil-każ li dik il-persuna jew l-organizzazzjoni jonqsu milli jkollhom din il-manutenzjoni mwettqa skont dan il-punt, japplika l-punt (e).

(d)

Ċertifikat tar-rilaxx għas-servizz għandu jinħareġ minn persunal li jiċċertifika awtorizzat kif xieraq f’isem l-organizzazzjoni wara li l-manutenzjoni ordnata tkun twettqet fuq komponent waqt li dan ma kienx fuq l-inġenju tal-ajru. Iċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat “Formola 1 tal-EASA” imsemmi fl-Appendiċi II tal-Anness I (Parti-M) jikkostitwixxi ċ-ċertifikat tal-komponent tar-rilaxx għas-servizz għajr jekk ikun speċifikat mod ieħor fil-punt M.A.502 tal-Anness I (Parti-M) jew ML.A.502 tal-Anness Vb (Parti-ML), kif ikun applikabbli. Meta organizzazzjoni żżomm komponent għall-użu tagħha stess, il-Formola 1 tal-EASA tista’ ma tkunx meħtieġa jekk il-proċeduri ta’ rilaxx intern tal-organizzazzjoni fl-MOE tagħha jipprevedu dan.”;

(c)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

B’deroga mill-punt 145.A.50(a) u mill-punt 145.A.42, meta inġenju tal-ajru ma jitħalliex itir f’post għajr l-istazzjon bil-linja ewlieni jew il-bażi għall-manutenzjoni ewlenija minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ komponent biċ-ċertifikat tar-rilaxx xieraq, l-organizzazzjoni kuntrattata għall-manutenzjoni ta’ dak l-inġenju tal-ajru tista’ temporanjament twaħħal komponent mingħajr iċ-ċertifikat tar-rilaxx xieraq għal massimu ta’ 30 siegħa ta’ titjira jew sakemm l-inġenju tal-ajru jirritorna għall-ewwel darba fl-istazzjon bil-linja ewlieni jew fil-bażi għall-manutenzjoni ewlenija, skont liema jkun eqreb, soġġett għall-qbil tal-persuna jew tal-organizzazzjoni responsabbli għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru u soġġett għal li dak il-komponent ikollu ċertifikat tar-rilaxx adattat iżda mill-bqija f’konformità mar-rekwiżiti tal-manutenzjoni u dawk operazzjonali applikabbli kollha. Dawn il-komponenti għandhom jitneħħew sal-limitu ta’ żmien previst fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt sakemm fil-frattemp ma jkunx inkiseb ċertifikat tar-rilaxx xieraq skont il-punti 145.A. 50(a) u 145.A.42.”;

(15)

il-punt 145.A.55 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.55    Żamma tar-rekords

(a)

Rekords ta’ manutenzjoni

(1)

L-organizzazzjoni għandha tirreġistra d-dettalji tax-xogħol ta’ manutenzjoni li jitwettaq fl-ambitu tal-approvazzjoni tagħha. Bħala minimu, l-organizzazzjoni għandha żżomm ir-rekords kollha li jkunu meħtieġa biex tagħti prova li r-rekwiżiti kollha jkunu ġew issodisfati għall-ħruġ taċ-ċertifikat tar-rilaxx għas-servizz, inkluż, jekk ikun hemm, id-dokumenti tar-rilaxx tas-sottokuntrattur.

(2)

L-organizzazzjoni għandha tipprovdi kopja ta’ kull ċertifikat tar-rilaxx għas-servizz lill-operatur jew lill-klijent, flimkien ma’ kopji tar-rekords ta’ manutenzjoni dettaljati li jkunu assoċjati mal-ħidma mwettqa u li jkunu meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-punt M.A.305 tal-Anness I (Parti-M) jew ML.A.305 tal-Anness Vb (Parti-ML), kif ikun applikabbli.

(3)

L-organizzazzjoni għandha żżomm kopja tar-rekords ta’ manutenzjoni dettaljati kollha (inklużi ċ-ċertifikati tar-rilaxx għas-servizz) u ta’ kwalunkwe data tal-manutenzjoni assoċjata għal tliet snin mid-data meta l-inġenju tal-ajru jew il-komponent li magħhom ikun relatat ix-xogħol ikun inħarġilhom ċertifikat tar-rilaxx għas-servizz.

(4)

Jekk organizzazzjoni ttemm l-operazzjoni tagħha, din għandha tittrasferixxi r-rekords ta’ manutenzjoni miżmuma kollha li jkopru l-aħħar tliet snin lill-aħħar klijent jew sid tal-inġenju tal-ajru jew komponent rispettivi, jew għandha taħżinhom bil-mod speċifikat mill-awtorità kompetenti.

(b)

Rekords ta’ reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà

(1)

Jekk organizzazzjoni jkollha l-privileġġ imsemmi fil-punt 145.A.75(f), din għandha żżomm kopja ta’ kull ċertifikat tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà li tkun ħarġet, flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn kollha, u għandha tagħmel dawk ir-rekords disponibbli, fuq talba, għas-sid tal-inġenju tal-ajru.

(2)

L-organizzazzjoni għandha żżomm kopja tar-rekords kollha msemmija fil-punt (1) għal 3 snin wara l-ħruġ taċ-ċertifikat tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà.

(3)

Jekk organizzazzjoni ttemm l-operazzjoni tagħha, din għandha tittrasferixxi r-rekords ta’ reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà miżmuma kollha li jkopru l-aħħar 3 snin lill-aħħar sid jew operatur tal-inġenju tal-ajru rispettiv, jew għandha taħżinhom bil-mod speċifikat mill-awtorità kompetenti.

(c)

Rekords tas-sistema ta’ ġestjoni, ta’ kuntrattar u ta’ sottokuntrattar

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li r-rekords li ġejjin jinżammu għal perjodu minimu ta’ 5 snin:

(i)

rekords tal-proċessi ewlenin tas-sistema ta’ ġestjoni msemmija fil-punt 145.A.200;

(ii)

kuntratti, kemm għall-ikkuntrattar kif ukoll għas-sottokuntrattar, imsemmija fil-punt 145.A.205.

(d)

Rekords tal-persunal

(1)

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li jinżammu r-rekords li ġejjin:

(i)

rekords tal-kwalifiki, tat-taħriġ u tal-esperjenza tal-persunal involut fil-manutenzjoni, fil-monitoraġġ tal-konformità u fil-ġestjoni tas-sikurezza;

(ii)

rekords tal-kwalifiki, tat-taħriġ u tal-esperjenza tal-persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà kollu.

(2)

Ir-rekords tal-persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà kollu għandhom jinkludu d-dettalji ta’ kwalunkwe kwalifika xierqa miżmuma, flimkien ma’ sommarju tal-esperjenza u tat-taħriġ rilevanti tagħhom fil-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà, u kopja tal-awtorizzazzjoni tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà maħruġa lil dak il-persunal mill-organizzazzjoni.

(3)

Ir-rekords tal-persunal li jiċċertifika u tal-persunal ta’ appoġġ kollu għandhom jinkludu dan li ġej:

(i)

id-dettalji ta’ kwalunkwe liċenzja tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru miżmuma skont l-Anness III (Parti-66) jew ekwivalenti;

(ii)

l-ambitu tal-awtorizzazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni li jkunu nħarġu lil dak il-persunal, meta jkun rilevanti;

(iii)

id-dettalji tal-persunal li kellu awtorizzazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni limitati jew ta’ darba msemmija fil-punt 145.A.30(j).

(4)

Ir-rekords tal-persunal għandhom jinżammu sakemm persuna tkun għadha taħdem għall-organizzazzjoni, u għandhom jinżammu għal mill-inqas tliet snin wara li l-persuna tkun ħalliet l-organizzazzjoni, jew wara li tkun ġiet irtirata awtorizzazzjoni maħruġa lil dik il-persuna.

(5)

L-organizzazzjoni għandha tagħti lill-persunal imsemmi fil-punti (2) u (3), fuq talba tiegħu, aċċess għar-rekords tal-persunal tiegħu kif dettaljat f’dawk il-punti. Barra minn hekk, fuq talba tiegħu, l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni għandha tforni lil kull persunal b’kopja tar-rekords tal-persunal tiegħu malli jħalli l-organizzazzjoni.

(e)

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ żamma tar-rekords li tippermetti ħżin adegwat u traċċabbiltà affidabbli tal-attivitajiet kollha tagħha.

(f)

Il-format tar-rekords għandu jiġi speċifikat fil-proċeduri tal-organizzazzjoni.

(g)

Ir-rekords għandhom jinħażnu b’mod li jiżgura li dawn jiġu protetti mill-ħsara, mit-tibdil u mis-serq.”;

(16)

il-punt 145.A.60 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.60    Rapportar tal-okkorrenzi

(a)

Bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tagħha, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm sistema ta’ rapportar tal-okkorrenzi, inkluż rapportar obbligatorju u volontarju. Għall-organizzazzjonijiet li jkollhom is-sede prinċipali tagħhom fi Stat Membru, tista’ tiġi stabbilita sistema waħda biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u l-atti ta’ implimentazzjoni tiegħu u tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

(b)

L-organizzazzjoni għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti tagħha u lid-detentur tal-approvazzjoni tad-disinn tal-inġenju tal-ajru jew tal-komponent kwalunkwe avveniment jew kundizzjoni relatati mas-sikurezza ta’ inġenju tal-ajru jew ta’ komponent identifikati mill-organizzazzjoni li jipperikolaw jew, jekk ma jiġux ikkoreġuti jew indirizzati, jistgħu jipperikolaw inġenju tal-ajru, l-okkupanti tiegħu jew kwalunkwe persuna oħra, u b’mod partikolari kwalunkwe aċċident jew inċident serju.

(c)

L-organizzazzjoni għandha tirrapporta wkoll kwalunkwe avveniment bħal dan jew kundizzjoni bħal din li jaffettwaw inġenju tal-ajru lill-persuna jew lill-organizzazzjoni li tkun responsabbli għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta’ dak l-inġenju tal-ajru f’konformità mal-punt M.A.201 tal-Anness I (Parti-M) jew mal-punt ML.A.201 tal-Anness Vb (Parti-ML), kif ikun applikabbli. Għal avvenimenti jew kundizzjonijiet li jaffettwaw il-komponenti tal-inġenji tal-ajru, l-organizzazzjoni għandha tirrapporta lill-persuna jew lill-organizzazzjoni li tkun talbet il-manutenzjoni.

(d)

Għall-organizzazzjonijiet li ma jkollhomx is-sede prinċipali tagħhom fi Stat Membru:

(1)

ir-rapporti obbligatorji inizjali għandhom:

(i)

jissalvagwardjaw kif xieraq il-kunfidenzjalità tal-identità ta’ min ikun għamel ir-rapport u tal-persuni msemmija fir-rapport;

(ii)

isiru malajr kemm jista’ jkun, iżda fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa wara li l-organizzazzjoni tkun saret konxja tal-okkorrenza sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jipprevjenu dan;

(iii)

isiru f’forma u b’mod stabbiliti mill-awtorità kompetenti;

(iv)

ikun fihom l-informazzjoni pertinenti kollha dwar il-kundizzjoni magħrufa mill-organizzazzjoni;

(2)

meta jkun rilevanti, għandu jsir rapport ta’ segwitu li jipprovdi dettalji tal-azzjonijiet li l-organizzazzjoni tkun beħsiebha tieħu biex tipprevjeni okkorrenzi simili fil-futur malli dawk l-azzjonijiet ikunu ġew identifikati; dawk ir-rapporti ta’ segwitu għandhom:

(i)

jintbagħtu lill-entitajiet imsemmija fil-punti (b) u (c) li lilhom ikun intbagħat ir-rapport inizjali;

(ii)

isiru f’forma u b’mod stabbiliti mill-awtorità kompetenti.”;

(17)

il-punt 145.A.65 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.65   Proċeduri ta’ manutenzjoni

(a)

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi proċeduri li jiżguraw li jitqiesu l-fatturi umani u l-prattiki ta’ manutenzjoni tajba matul il-manutenzjoni, inklużi l-attivitajiet sottokuntrattati, u li jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan l-Anness, tal-Anness I (Parti-M) u tal-Anness Vb (Parti-ML). Dawn il-proċeduri għandhom jiġu miftiehma mal-awtorità kompetenti.

(b)

Il-proċeduri ta’ manutenzjoni stabbiliti skont dan il-punt għandhom:

(1)

jiżguraw li jkunu ġew miftiehma ordni jew kuntratt ta’ xogħol ta’ manutenzjoni ċari bejn l-organizzazzjoni u l-persuna jew l-organizzazzjoni li titlob il-manutenzjoni, biex tiġi stabbilita b’mod ċar il-manutenzjoni li jkollha titwettaq sabiex l-inġenji tal-ajru u l-komponenti jkunu jistgħu jiġu rilaxxati għas-servizz f’konformità mal-punt 145.A.50;

(2)

ikopru l-aspetti kollha tat-twettiq tal-manutenzjoni, inklużi l-forniment u l-kontroll tas-servizzi speċjalizzati, u jistabbilixxu l-istandards li skonthom l-organizzazzjoni tkun beħsiebha taħdem.”;

(18)

il-punt 145.A.70 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.70   Espożizzjoni tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni (MOE)

(a)

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm espożizzjoni tal-organizzazzjoni tal-manutenzjoni (MOE) li tinkludi, direttament jew permezz ta’ referenza, l-elementi kollha li ġejjin:

(1)

dikjarazzjoni ffirmata mill-maniġer responsabbli li tikkonferma li l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni se taħdem f’kull ħin f’konformità ma’ dan l-Anness, mal-Anness I (Parti-M) u mal-Anness Vb (Parti-ML), kif ikun applikabbli, u mal-MOE approvata. Jekk il-maniġer responsabbli ma jkunx l-uffiċjal kap eżekuttiv tal-organizzazzjoni, f’dak il-każ l-uffiċjal kap eżekuttiv għandu jikkontrofirma d-dikjarazzjoni;

(2)

il-politika tas-sikurezza tal-organizzazzjoni u l-objettivi tas-sikurezza relatati msemmija fil-punt 145.A.200(a)(2);

(3)

it-titolu/i u l-isem/ismijiet tal-persuna/i nnominata/i skont il-punti 145.A.30(b), (c) u (ca);

(4)

id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni nnominati skont il-punti 145.A.30(b), (c) u (ca), inklużi l-kwistjonijiet li jistgħu jiġu ttrattati direttament mal-awtorità kompetenti f’isem l-organizzazzjoni;

(5)

ċart tal-organizzazzjoni li turi r-responsabbiltà u l-linji ta’ responsabbiltà assoċjati, stabbilita f’konformità mal-punt 145.A.200(a)(1), bejn il-persuni kollha msemmija fil-punti 145.A.30(a), (b), (c) u (ca);

(6)

lista tal-persunal li jiċċertifika u, jekk ikun applikabbli, tal-persunal ta’ appoġġ u tal-persunal tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà bl-ambitu tal-awtorizzazzjoni tagħhom;

(7)

deskrizzjoni ġenerali tar-riżorsi tal-manodopera u tas-sistema li tkun fis-seħħ biex tiġi ppjanata d-disponibbiltà tal-persunal, kif meħtieġ mill-punt 145.A.30(d);

(8)

deskrizzjoni ġenerali tal-faċilitajiet f’kull post approvat;

(9)

speċifikazzjoni tal-ambitu tax-xogħol tal-organizzazzjoni li jkun rilevanti għat-termini tal-approvazzjoni kif meħtieġ mill-punt 145.A.20;

(10)

il-proċedura li tistabbilixxi l-ambitu tal-bidliet li ma jkunux jirrikjedu approvazzjoni minn qabel u li tiddeskrivi kif dawn il-bidliet se jiġu ġestiti u nnotifikati lill-awtorità kompetenti, kif meħtieġ mill-punt 145.A.85(c);

(11)

il-proċedura għall-emendar tal-MOE;

(12)

il-proċeduri li jispeċifikaw kif l-organizzazzjoni tiżgura l-konformità ma’ dan l-Anness;

(13)

lista tal-operaturi kummerċjali li għalihom l-organizzazzjoni tipprovdi servizzi regolari ta’ manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, u l-proċeduri assoċjati;

(14)

meta jkun applikabbli, lista tal-organizzazzjonijiet sottokuntrattati msemmija fil-punt 145.A.75(b);

(15)

lista tal-postijiet approvati inkluż, meta jkun applikabbli, il-postijiet ta’ manutenzjoni bil-linja msemmija fil-punt 145.A.75(d);

(16)

lista tal-organizzazzjonijiet kuntrattati;

(17)

lista tal-mezzi ta’ konformità alternattivi approvati attwalment użati mill-organizzazzjoni.

(b)

Il-ħruġ inizjali tal-MOE għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti. Dan għandu jiġi emendat kif ikun meħtieġ sabiex jibqa’ deskrizzjoni aġġornata tal-organizzazzjoni.

(c)

L-emendi fil-MOE għandhom jiġu ġestiti kif stabbilit fil-proċeduri msemmija fil-punti (a)(10) u (a)(11). Kwalunkwe emenda li ma tkunx inkluża fl-ambitu tal-proċedura msemmija fil-punt (a)(10), kif ukoll kwalunkwe emenda relatata mal-bidliet elenkati fil-punt 145.A.85(a), għandhom jiġu approvati mill-awtorità kompetenti.”;

(19)

il-punt 145.A.75 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“F’konformità mal-MOE, l-organizzazzjoni għandha tkun intitolata twettaq il-kompiti li ġejjin:”;

(b)

il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

iżżomm kwalunkwe inġenju tal-ajru jew komponent li għalih tkun approvata fil-postijiet identifikati fiċ-ċertifikat u fl-MOE;

(b)

torganizza l-manutenzjoni ta’ kwalunkwe inġenju tal-ajru jew komponent li għalih tkun approvata f’organizzazzjoni sottokuntrattata oħra li taħdem taħt is-sistema ta’ ġestjoni tal-organizzazzjoni. Dan huwa limitat għax-xogħol permess skont il-proċeduri stabbiliti f’konformità mal-punt 145.A.65 u ma għandux jinkludi kontroll tal-manutenzjoni bażi ta’ inġenju tal-ajru, jew kontroll sħiħ tal-manutenzjoni tal-workshop jew overhaul ta’ magna jew ta’ modulu ta’ magna;”;

(c)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

jekk tkun approvata speċifikament biex tagħmel dan għall-inġenji tal-ajru koperti mill-Anness Vb (Parti-ML) u jekk ikollha s-sede prinċipali tagħha f’wieħed mill-Istati Membri, l-organizzazzjoni tista’ twettaq reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà u toħroġ iċ-ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà korrispondenti taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt ML.A.903 tal-Anness Vb (Parti-ML).”;

(20)

jitħassar il-punt 145.A.80;

(21)

il-punt 145.A.85 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.85   Bidliet fl-organizzazzjoni

(a)

Il-bidliet li ġejjin fl-organizzazzjoni għandhom jirrikjedu approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti:

(1)

bidliet fiċ-ċertifikat, inklużi t-termini tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni;

(2)

bidliet fil-persuni msemmija fil-punti 145.A.30(a), (b), (c) u (ca);

(3)

bidliet fil-linji ta’ rapportar bejn il-persunal innominat f’konformità mal-punti 145.A.30(b), (c) u (ca), u l-maniġer responsabbli;

(4)

il-proċedura fir-rigward ta’ bidliet li ma jkunux jirrikjedu approvazzjoni minn qabel imsemmija fil-punt (c);

(5)

postijiet addizzjonali tal-organizzazzjoni għajr dawk li jkunu soġġetti għall-punt 145.A.75(c).

(b)

Għall-bidliet imsemmija fil-punt (a) u għall-bidliet l-oħrajn kollha li jkunu jirrikjedu approvazzjoni minn qabel f’konformità ma’ dan l-Anness, l-organizzazzjoni għandha tapplika għal u tikseb approvazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti. L-applikazzjoni għandha titressaq qabel isiru dawn il-bidliet sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiddetermina li jkun hemm konformità kontinwa ma’ dan l-Anness u temenda, jekk ikun meħtieġ, iċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni u t-termini tal-approvazzjoni relatati li jkunu mehmuża miegħu.

L-organizzazzjoni għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti.

Il-bidla għandha tiġi implimentata biss mal-wasla ta’ approvazzjoni formali mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt 145.B.330.

L-organizzazzjoni għandha topera taħt il-kundizzjonijiet preskritti mill-awtorità kompetenti matul dawn il-bidliet, kif ikun applikabbli.

(c)

Il-bidliet kollha li ma jkunux jirrikjedu approvazzjoni minn qabel għandhom jiġu ġestiti u nnotifikati lill-awtorità kompetenti kif stabbilit fi proċedura approvata mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt 145.B.310(h).”;

(22)

il-punt 145.A.90 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.90   Validità kontinwata

(a)

Iċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni għandu jibqa’ validu, soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)

l-organizzazzjoni tibqa’ f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-punt 145.B.350 ta’ dan l-Anness relatati mat-trattament tas-sejbiet;

(2)

l-awtorità kompetenti tingħata aċċess għall-organizzazzjoni kif speċifikat fil-punt 145.A.140;

(3)

iċ-ċertifikat ma jkunx ġie ċedut mill-organizzazzjoni, jew sospiż jew revokat mill-awtorità kompetenti skont il-punt 145.B.355.

(b)

Maċ-ċediment jew mar-revoka, iċ-ċertifikat għandu jintbagħat lura lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien.”;

(23)

il-punt 145.A.95 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“145.A.95   Sejbiet u osservazzjonijiet

(a)

Wara li tirċievi notifika tas-sejbiet f’konformità mal-punt 145.B.350, l-organizzazzjoni għandha:

(1)

tidentifika l-kawża/i ewlenija/ewlenin ta’ u l-fattur(i) kontribwenti għan-nuqqas ta’ konformità;

(2)

tiddefinixxi pjan ta’ azzjoni korrettiva;

(3)

turi l-implimentazzjoni tal-azzjoni korrettiva għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti.

(b)

L-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a) għandhom jitwettqu fil-perjodu miftiehem ma’ dik l-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt 145.B.350.

(c)

L-osservazzjonijiet li jaslu f’konformità mal-punt 145.B.350(f) għandhom jitqiesu debitament mill-organizzazzjoni. L-organizzazzjoni għandha tirreġistra d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ dawk l-osservazzjonijiet.”;

(24)

jiżdied il-punt 145.A.120 li ġej:

“145.A.120   Mezzi ta’ konformità

(a)

Organizzazzjoni tista’ tuża kwalunkwe mezz ta’ konformità alternattiv biex tistabbilixxi l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

(b)

Jekk organizzazzjoni tkun tixtieq tuża mezz ta’ konformità alternattiv, din għandha, qabel tużah, tipprovdi lill-awtorità kompetenti b’deskrizzjoni sħiħa. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe reviżjoni għall-manwali jew għall-proċeduri li tista’ tkun rilevanti, kif ukoll spjegazzjoni li tindika kif tinkiseb il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-organizzazzjoni tista’ tuża dawk il-mezzi ta’ konformità alternattivi soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti.”;

(25)

jiżdied il-punt 145.A.140 li ġej:

“145.A.140   Aċċess

Għall-fini tad-determinazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1139 u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-aċċess għal kwalunkwe faċilità, inġenju tal-ajru, dokument, rekord, data, proċedura jew għal kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għall-attività tagħha soġġett għaċ-ċertifikazzjoni, kemm jekk ikun sottokuntrattat kif ukoll jekk le, jingħata lil kwalunkwe persuna awtorizzata minn waħda mill-awtoritajiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti ddefinita fil-punt 145.1;

(b)

l-awtorità li tkun qed twettaq il-kompiti ta’ sorveljanza f’konformità mal-punt 145.B.300(d).”;

(26)

jiżdied il-punt 145.A.155 li ġej:

“145.A.155   Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza

L-organizzazzjoni għandha timplimenta:

(a)

kwalunkwe miżura ta’ sikurezza b’mandat mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt 145.B.135;

(b)

kwalunkwe informazzjoni obbligatorja rilevanti dwar is-sikurezza maħruġa mill-Aġenzija.”;

(27)

jiżdied il-punt 145.A.200 li ġej:

“145.A.200   Sistema ta’ ġestjoni

(a)

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm sistema ta’ ġestjoni li tinkludi:

(1)

ir-responsabbiltà u l-linji ta’ responsabbiltà ddefiniti b’mod ċar fl-organizzazzjoni kollha, inkluża r-responsabbiltà diretta għas-sikurezza tal-maniġer responsabbli;

(2)

deskrizzjoni tal-filosofiji u l-prinċipji ġenerali tal-organizzazzjoni fir-rigward tas-sikurezza (“il-politika tas-sikurezza”), u l-objettivi tas-sikurezza relatati;

(3)

l-identifikazzjoni tal-perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni, l-evalwazzjoni tagħhom u l-ġestjoni tar-riskji assoċjati, inkluż it-teħid ta’ azzjonijiet biex jittaffew ir-riskji u tiġi vverifikata l-effettività tagħhom;

(4)

iż-żamma ta’ persunal imħarreġ u kompetenti biex iwettaq il-kompiti tiegħu;

(5)

dokumentazzjoni tal-proċessi ewlenin kollha tas-sistema ta’ ġestjoni, inkluż proċess biex il-persunal isir konxju tar-responsabbiltajiet tiegħu u l-proċedura għall-emendar ta’ dik id-dokumentazzjoni;

(6)

funzjoni għall-monitoraġġ tal-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti rilevanti. Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jinkludi sistema ta’ feedback tas-sejbiet lill-maniġer responsabbli biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet korrettivi kif ikun meħtieġ;

(b)

Is-sistema ta’ ġestjoni għandha tikkorrispondi għad-daqs tal-organizzazzjoni u għan-natura u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li tqis il-perikli u r-riskji assoċjati inerenti f’dawk l-attivitajiet.

(c)

Jekk l-organizzazzjoni jkollha ċertifikat tal-organizzazzjoni addizzjonali wieħed jew aktar fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2018/1139, is-sistema ta’ ġestjoni tista’ tiġi integrata ma’ dik meħtieġa skont iċ-ċertifikat(i) addizzjonali miżmum(a).”;

(28)

jiżdied il-punt 145.A.202 li ġej:

“145.A.202   Skema ta’ rapportar tas-sikurezza interna

(a)

Bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tagħha, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi skema ta’ rapportar tas-sikurezza interna biex tippermetti l-ġbir u l-evalwazzjoni ta’ dawn l-okkorrenzi li għandhom jiġu rrapportati skont il-punt 145.A.60.

(b)

L-iskema għandha tippermetti wkoll il-ġbir u l-evalwazzjoni ta’ dawk l-iżbalji, kważi aċċidenti u perikli rrapportati internament li ma jaqgħux taħt il-punt (a).

(c)

Permezz ta’ dik l-iskema, l-organizzazzjoni għandha:

(1)

tidentifika l-kawżi ta’ u l-fatturi kontribwenti għall-iżbalji, il-kważi aċċidenti u l-perikli rrapportati, u tindirizzahom bħala parti mill-proċess ta’ ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza tagħha f’konformità mal-punt 145.A.200(a)(3);

(2)

tiżgura evalwazzjoni tal-informazzjoni kollha magħrufa u rilevanti relatata mal-iżbalji, mal-kważi aċċidenti, mal-perikli u mal-inabbiltà li jiġu segwiti l-proċeduri, u metodu biex l-informazzjoni tiġi ċċirkolata kif ikun meħtieġ.

(d)

L-organizzazzjoni għandha tagħmel arranġamenti biex tiżgura l-ġbir ta’ kwistjonijiet ta’ sikurezza relatati ma’ attivitajiet sottokuntrattati.”;

(29)

jiżdied il-punt 145.A.205 li ġej:

“145.A.205   Kuntrattar u sottokuntrattar

(a)

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li meta tikkuntratta jew tissottokuntratta kwalunkwe parti mill-attivitajiet ta’ manutenzjoni tagħha:

(1)

il-manutenzjoni tkun tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli;

(2)

kwalunkwe periklu għas-sikurezza tal-avjazzjoni assoċjat ma’ dan l-ikkuntrattar jew is-sottokuntrattar jitqies bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tal-organizzazzjoni.

(b)

Jekk l-organizzazzjoni tissottokuntratta kwalunkwe parti mill-attivitajiet ta’ manutenzjoni tagħha lil organizzazzjoni oħra, l-organizzazzjoni sottokuntrattata għandha taħdem fl-ambitu tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni sottokontraenti.”;

(30)

It-Taqsima B hija sostitwita b’dan li ġej:

TAQSIMA B

REKWIŻITI TAL-AWTORITÀ

145.B.005   Ambitu

Din it-taqsima tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kompiti ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar kif ukoll ir-rekwiżiti tas-sistema amministrattiva u ta’ ġestjoni li għandhom jiġu segwiti mill-awtorità kompetenti li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tat-Taqsima A.

145.B.115   Dokumentazzjoni tas-sorveljanza

L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-atti leġiżlattivi, l-istandards, ir-regoli, il-pubblikazzjonijiet tekniċi, u d-dokumenti relatati kollha lill-persunal rilevanti sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu u jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu.

145.B.120   Mezzi ta’ konformità

(a)

L-Aġenzija għandha tiżviluppa mezzi ta’ konformità aċċettabbli (“AMC”) li jistgħu jintużaw biex tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

(b)

Jistgħu jintużaw mezzi ta’ konformità alternattivi biex tiġi stabbilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

(c)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar kwalunkwe mezz ta’ konformità alternattiv użat mill-organizzazzjonijiet taħt is-sorveljanza tagħhom jew minnhom stess biex tiġi stabbilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

145.B.125   Informazzjoni lill-Aġenzija

(a)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinnotifika lill-Aġenzija f’każ ta’ kwalunkwe problema sinifikanti bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu fi żmien 30 jum minn meta l-awtorità tkun saret konxja tal-problemi.

(b)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-Aġenzija mill-aktar fis possibbli bi kwalunkwe informazzjoni sinifikanti għas-sikurezza li tirriżulta mir-rapporti tal-okkorrenzi maħżuna fil-bażi tad-data nazzjonali skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014.

145.B.135   Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza

(a)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred kif xieraq l-informazzjoni dwar is-sikurezza.

(b)

L-Aġenzija għandha timplimenta sistema biex tanalizza kif xieraq kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza li tkun waslet u, mingħajr dewmien żejjed, tipprovdi lill-awtorità rilevanti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet korrettivi li għandhom jittieħdu, li dawn ikunu jeħtieġu biex jirreaġixxu fil-ħin għal problema ta’ sikurezza li tkun tinvolvi prodotti, parts, apparati, persuni jew organizzazzjonijiet li jkunu soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

(c)

Malli tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b), l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri adegwati biex tindirizza l-problema ta’ sikurezza.

(d)

L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika minnufih il-miżuri meħuda skont il-punt (c) lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet kollha li jeħtieġ li jikkonformaw magħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll dawk il-miżuri lill-Aġenzija u, meta tkun meħtieġa azzjoni kombinata, lill-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati.

145.B.200   Sistema ta’ ġestjoni

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm sistema ta’ ġestjoni, li bħala minimu tinkludi:

(1)

politiki u proċeduri dokumentati li jiddeskrivu l-organizzazzjoni tagħha, u l-mezzi u l-metodi li tuża biex tistabbilixxi l-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-proċeduri għandhom jinżammu aġġornati, u jservu bħala d-dokumenti ta’ ħidma bażiċi f’dik l-awtorità kompetenti għall-kompiti relatati kollha tagħha;

(2)

għadd suffiċjenti ta’ persunal biex iwettaq il-kompiti tiegħu u jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu. Għandu jkun hemm sistema fis-seħħ biex tiġi ppjanata d-disponibbiltà tal-persunal sabiex tiġi żgurata t-tlestija xierqa tal-kompiti kollha;

(3)

persunal li jkun kwalifikat biex iwettaq il-kompiti allokati lilu u li jkollu l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa u jirċievi taħriġ inizjali u rikorrenti biex jiżgura l-kontinwità tal-kompetenza;

(4)

faċilitajiet adegwati u akkomodazzjoni f’uffiċċji għall-persunal biex iwettaq il-kompiti allokati lilu;

(5)

funzjoni għall-monitoraġġ tal-konformità tas-sistema ta’ ġestjoni mar-rekwiżiti rilevanti, u tal-adegwatezza tal-proċeduri, inkluż l-istabbiliment ta’ proċess ta’ awditu intern u ta’ proċess ta’ ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza. Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jinkludi sistema ta’ feedback tas-sejbiet tal-awditu lill-maniġment superjuri tal-awtorità kompetenti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet korrettivi kif ikun meħtieġ;

(6)

persuna jew grupp ta’ persuni li jkollhom responsabbiltà lejn il-maniġment superjuri tal-awtorità kompetenti għall-funzjoni ta’ monitoraġġ tal-konformità.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha, għal kull qasam ta’ attività, inkluż is-sistema ta’ ġestjoni, taħtar persuna waħda jew aktar bir-responsabbiltà ġenerali għall-ġestjoni tal-kompitu/i rilevanti.

(c)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni fi skambju reċiproku tal-informazzjoni u tal-assistenza kollha meħtieġa ma’ kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kkonċernata, kemm jekk mill-istess Stat Membru kif ukoll jekk minn Stati Membri oħrajn, inkluż dwar:

(1)

is-sejbiet kollha indikati u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu meħuda bħala riżultat tas-sorveljanza ta’ persuni u organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda ċċertifikati mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija;

(2)

informazzjoni li tirriżulta minn rapportar tal-okkorrenzi obbligatorju u volontarju kif meħtieġ minn 145.A.60.

(d)

Kopja tal-proċeduri relatati mas-sistema ta’ ġestjoni u tal-emendi tagħhom għandha tkun disponibbli għall-Aġenzija għall-fini tal-istandardizzazzjoni.

145.B.205   Allokazzjoni ta’ kompiti lil entitajiet kwalifikati

(a)

L-awtorità kompetenti tista’ talloka kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni inizjali jew mal-kontinwità tas-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet, soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, lil entitajiet kwalifikati. Meta talloka l-kompiti, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li din tkun:

(1)

stabbiliet sistema fis-seħħ biex tivvaluta inizjalment u kontinwament jekk l-entità kwalifikata tikkonformax mal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2018/1139. Dik is-sistema u r-riżultati tal-valutazzjonijiet għandhom jiġu dokumentati;

(2)

stabbiliet ftehim bil-miktub mal-entità kwalifikata, approvat miż-żewġ partijiet fil-livell tal-ġestjoni xieraq, li jistabbilixxi:

(i)

il-kompiti li għandhom jitwettqu;

(ii)

id-dikjarazzjonijiet, ir-rapporti u r-rekords li għandhom jiġu pprovduti;

(iii)

il-kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati meta jitwettqu dawn il-kompiti;

(iv)

il-kopertura tar-responsabbiltà relatata;

(v)

il-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni miksuba meta jitwettqu dawn il-kompiti.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-proċess ta’ awditu intern u l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza stabbiliti skont il-punt 145.B.200(a)(5) ikunu jkopru l-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u ta’ kontinwità tas-sorveljanza kollha mwettqa mill-entità kwalifikata f’isimha.

145.B.210   Bidliet fis-sistema ta’ ġestjoni

(a)

L-awtorità kompetenti għandu jkollha sistema fis-seħħ biex tidentifika l-bidliet li jaffettwaw il-kompetenza tagħha li twettaq il-kompiti tagħha u taqdi r-responsabbiltajiet tagħha kif iddefinit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu. Dik is-sistema għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti tieħu l-azzjoni li tkun meħtieġa biex tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni tagħha tibqa’ adegwata u effettiva.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha taġġorna fil-ħin is-sistema ta’ ġestjoni tagħha biex tirrifletti kwalunkwe bidla fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

(c)

L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Aġenzija bi kwalunkwe bidla li tkun qed taffettwa l-kompetenza tagħha li twettaq il-kompiti tagħha u taqdi r-responsabbiltajiet tagħha kif previst fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

145.B.220   Żamma tar-rekords

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi sistema ta’ żamma tar-rekords li tippermetti l-ħżin adegwat, l-aċċessibbiltà u t-traċċabbiltà affidabbli ta’:

(1)

il-politiki u l-proċeduri dokumentati tas-sistema ta’ ġestjoni;

(2)

it-taħriġ, il-kwalifiki u l-awtorizzazzjonijiet tal-persunal tagħha;

(3)

l-allokazzjoni tal-kompiti, li tkopri l-elementi meħtieġa mill-punt 145.B.205, kif ukoll id-dettalji tal-kompiti allokati;

(4)

il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ kontinwità tas-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet ċertifikati, inkluż:

(i)

l-applikazzjoni għal ċertifikat tal-organizzazzjoni;

(ii)

il-programm ta’ kontinwità tas-sorveljanza tal-awtorità kompetenti, inklużi l-valutazzjonijiet, l-awditi u r-rekords tal-ispezzjonijiet kollha;

(iii)

iċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni, inkluż kwalunkwe bidla fih;

(iv)

kopja tal-programm ta’ sorveljanza, li telenka d-dati meta jkunu dovuti l-awditi u meta jkunu twettqu l-awditi;

(v)

kopji tal-korrispondenzi formali kollha;

(vi)

rakkomandazzjonijiet għall-ħruġ jew għall-kontinwazzjoni ta’ ċertifikat, dettalji tas-sejbiet u azzjonijiet meħuda mill-organizzazzjonijiet biex jagħlqu dawk is-sejbiet, inklużi d-data tal-għeluq, l-azzjonijiet ta’ infurzar u l-osservazzjonijiet;

(vii)

kwalunkwe valutazzjoni, awditu u rapport ta’ spezzjoni maħruġ minn awtorità kompetenti oħra skont il-punt 145.B.300(d);

(viii)

kopji tal-MOEs jew tal-manwali tal-organizzazzjoni kollha, u ta’ kwalunkwe emenda fihom;

(ix)

kopji ta’ kwalunkwe dokument ieħor approvat mill-awtorità kompetenti;

(5)

dokumenti li jappoġġaw l-użu ta’ mezzi ta’ konformità alternattivi;

(6)

informazzjoni dwar is-sikurezza pprovduta f’konformità mal-punt 145.B.125 u miżuri ta’ segwitu;

(7)

l-użu ta’ dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u flessibbiltà f’konformità mal-Artikolu 70, mal-Artikolu 71(1) u mal-Artikolu 76(4) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha żżomm lista taċ-ċertifikati tal-organizzazzjoni kollha li din tkun ħarġet.

(c)

Ir-rekords kollha msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ 5 snin, soġġetti għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(d)

Ir-rekords kollha msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom ikunu disponibbli, fuq talba, għal awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew għall-Aġenzija.

145.B.300   Prinċipji tas-sorveljanza

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tivverifika:

(1)

il-konformità mar-rekwiżiti li jkunu applikabbli għall-organizzazzjonijiet, qabel jinħareġ ċertifikat tal-organizzazzjoni;

(2)

il-kontinwità tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-organizzazzjonijiet li din tkun iċċertifikat;

(3)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sikurezza xierqa b’mandat mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punti 145.B.135(c) u (d).

(b)

Din il-verifika għandha:

(1)

tkun appoġġata minn dokumentazzjoni maħsuba speċifikament biex tipprovdi lill-persunal responsabbli għas-sorveljanza bi gwida biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu;

(2)

tipprovdi lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati bir-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza;

(3)

tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet, awditi u spezzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, spezzjonijiet mhux imħabbra;

(4)

tipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-evidenza meħtieġa f’każ li tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri, inklużi l-miżuri previsti fil-punt 145.B.350.

(c)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-ambitu tas-sorveljanza stabbilita fil-punti (a) u (b) filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza preċedenti u l-prijoritajiet tas-sikurezza.

(d)

Jekk il-faċilitajiet ta’ organizzazzjoni jkunu jinsabu f’aktar minn Stat wieħed, l-awtorità kompetenti, kif iddefinita fil-punt 145.1, tista’ taqbel li l-kompiti ta’ sorveljanza jitwettqu mill-awtorità(jiet) kompetenti tal-Istat(i) Membru/i fejn ikunu jinsabu l-faċilitajiet, jew mill-Aġenzija għall-faċilitajiet li jkunu jinsabu barra minn territorju li għalih l-Istati Membri jkunu responsabbli skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago. Kwalunkwe organizzazzjoni li tkun soġġetta għal dan il-ftehim għandha tiġi infurmata bl-eżistenza tiegħu u bl-ambitu tiegħu.

(e)

Għal kwalunkwe attività ta’ sorveljanza li titwettaq f’faċilitajiet li jkunu jinsabu fi Stat Membru għajr fejn l-organizzazzjoni jkollha s-sede prinċipali tagħha, l-awtorità kompetenti, kif iddefinit fil-punt 145.1, għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru qabel twettaq kwalunkwe awditu jew spezzjoni fuq il-post tal-faċilitajiet.

(f)

L-awtorità kompetenti għandha tiġbor u tipproċessa kwalunkwe informazzjoni meqjusa bħala meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ sorveljanza.

145.B.305   Programm ta’ sorveljanza

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm programm ta’ sorveljanza li jkopri l-attivitajiet ta’ sorveljanza meħtieġa mill-punt 145.B.300.

(b)

Il-programm ta’ sorveljanza għandu jqis in-natura speċifika tal-organizzazzjoni, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, ir-riżultati ta’ attivitajiet preċedenti ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ sorveljanza, jew tat-tnejn li huma, u għandu jkun ibbażat fuq il-valutazzjoni tar-riskji assoċjati. Dan għandu jinkludi, f’kull ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza:

(1)

valutazzjonijiet, awditi u spezzjonijiet, inkluż, kif ikun xieraq:

(i)

valutazzjonijiet tas-sistema ta’ ġestjoni u awditi tal-proċessi;

(ii)

awditi tal-prodotti ta’ kampjun rilevanti tal-manutenzjoni mwettqa mill-organizzazzjoni;

(iii)

kampjunar tar-reviżjonijiet tal-ajrunavigabbiltà mwettqa;

(iv)

spezzjonijiet mhux imħabbra;

(2)

laqgħat imsejħa bejn il-maniġer responsabbli u l-awtorità kompetenti biex jiġi żgurat li ż-żewġ partijiet jibqgħu informati dwar il-kwistjonijiet sinifikanti kollha.

(c)

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza ma għandux jaqbeż l-24 xahar.

(d)

Minkejja l-punt (c), iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jiġi estiż għal 36 xahar jekk l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet li matul l-24 xahar preċedenti:

(1)

l-organizzazzjoni tkun uriet li hija kapaċi tidentifika b’mod effettiv il-perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni u tiġġestixxi r-riskji assoċjati;

(2)

l-organizzazzjoni tkun uriet kontinwament il-konformità mal-punt 145.A.85 u li għandha kontroll sħiħ fuq il-bidliet kollha;

(3)

ma tkun inħarġet l-ebda sejba tal-livell 1;

(4)

l-azzjonijiet korrettivi kollha jkunu ġew implimentati fil-perjodu ta’ żmien aċċettat jew estiż mill-awtorità kompetenti kif previst fil-punt 145.B.350.

Minkejja l-punt (c), iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jkompli jiġi estiż għal massimu ta’ 48 xahar jekk, minbarra l-kundizzjonijiet previsti fil-punti (d)(1) sa (4), l-organizzazzjoni tkun stabbiliet, u l-awtorità kompetenti tkun approvat, sistema kontinwa effettiva għar-rapportar lill-awtorità kompetenti dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza u l-konformità regolatorja tal-organizzazzjoni nnifisha.

(e)

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jitqassar jekk ikun hemm evidenza li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni tkun naqset.

(f)

Il-programm ta’ sorveljanza għandu jinkludi rekords tad-dati meta jkunu dovuti l-valutazzjonijiet, l-awditi, l-ispezzjonijiet u l-laqgħat, u meta l-valutazzjonijiet, l-awditi, l-ispezzjonijiet u l-laqgħat ikunu twettqu b’mod effettiv.

(g)

Mat-tlestija ta’ kull ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ rapport ta’ rakkomandazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-approvazzjoni, li jirrifletti r-riżultati tas-sorveljanza.

145.B.310   Proċedura ta’ ċertifikazzjoni inizjali

(a)

Malli tirċievi applikazzjoni minn organizzazzjoni għall-ħruġ inizjali ta’ ċertifikat, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti applikabbli.

(b)

Laqgħa mal-maniġer responsabbli tal-organizzazzjoni għandha tissejjaħ mill-inqas darba matul l-investigazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni inizjali biex jiġi żgurat li dik il-persuna tifhem ir-rwol u r-responsabbiltà tagħha.

(c)

L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra s-sejbiet maħruġa, l-azzjonijiet ta’ għeluq kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet kollha għall-ħruġ taċ-ċertifikat.

(d)

L-awtorità kompetenti għandha tikkonferma mal-organizzazzjoni bil-miktub is-sejbiet kollha indikati matul il-verifika. Għaċ-ċertifikazzjoni inizjali, is-sejbiet kollha jridu jiġu kkoreġuti għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti qabel ikun jista’ jinħareġ iċ-ċertifikat.

(e)

Meta tkun sodisfatta li l-organizzazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha:

(1)

toħroġ iċ-ċertifikat kif stabbilit fl-Appendiċi III “Formola 3-145 tal-EASA” f’konformità mas-sistema ta’ klassijiet u klassifikazzjonijiet prevista fl-Appendiċi II;

(2)

tapprova formalment l-MOE.

(f)

In-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat għandu jiġi inkluż fiċ-ċertifikat tal-Formola 3-145 tal-EASA b’mod speċifikat mill-Aġenzija.

(g)

Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ għal perjodu mhux limitat. Il-privileġġi u l-ambitu tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni tkun approvata li twettaq, inkluż kwalunkwe limitazzjoni kif ikun applikabbli, għandhom jiġu speċifikati fit-termini tal-approvazzjoni mehmuża maċ-ċertifikat.

(h)

Sabiex l-organizzazzjoni tkun tista’ timplimenta bidliet mingħajr approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt 145.A.85(c), l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-proċedura tal-MOE rilevanti li tistabbilixxi l-ambitu ta’ dawn il-bidliet u tiddeskrivi kif dawn il-bidliet se jiġu ġestiti u nnotifikati lill-awtorità kompetenti.

145.B.330   Bidliet — organizzazzjonijiet

(a)

Malli tirċievi applikazzjoni għal bidla li tkun tirrikjedi approvazzjoni minn qabel, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti applikabbli qabel toħroġ l-approvazzjoni.

(b)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-organizzazzjoni tkun tista’ topera matul il-bidla sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeterminax li ċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni jkun jeħtieġ li jiġi sospiż.

(c)

Meta tkun sodisfatta li l-organizzazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-bidla.

(d)

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura ta’ infurzar addizzjonali, jekk l-organizzazzjoni timplimenta bidliet li jkunu jirrikjedu approvazzjoni minn qabel mingħajr ma tkun irċeviet l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti skont il-punt (c), l-awtorità kompetenti għandha tqis il-ħtieġa li tissospendi, tillimita jew tirrevoka ċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni.

(e)

Għal bidliet li ma jkunux jirrikjedu approvazzjoni minn qabel, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi r-reviżjoni ta’ dawn il-bidliet fil-kontinwità tas-sorveljanza tagħha f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-punt 145.B.300. Jekk jinstab kwalunkwe nuqqas ta’ konformità, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-organizzazzjoni, titlob aktar bidliet, u taġixxi f’konformità mal-punt 145.B.350.

145.B.350   Sejbiet u azzjonijiet korrettivi; osservazzjonijiet

(a)

L-awtorità kompetenti għandu jkollha sistema fis-seħħ biex tanalizza s-sejbiet għas-sinifikat tas-sikurezza tagħhom.

(b)

Sejba tal-livell 1 għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti meta jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sinifikanti mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, mal-proċeduri u mal-manwali tal-organizzazzjoni, jew maċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni inklużi t-termini tal-approvazzjoni, li jnaqqas is-sikurezza jew jipperikola serjament is-sikurezza tat-titjira.

Is-sejbiet tal-livell 1 għandhom jinkludu wkoll:

(1)

kwalunkwe nuqqas ta’ għoti ta’ aċċess lill-awtorità kompetenti għall-faċilitajiet tal-organizzazzjoni msemmija fil-punt 145.A.140 matul il-ħinijiet tax-xogħol normali u wara żewġ talbiet bil-miktub;

(2)

il-kisba taċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni jew iż-żamma tal-validità tiegħu bil-falsifikazzjoni tal-evidenza dokumentarja mressqa;

(3)

kwalunkwe evidenza ta’ prattika ħażina jew ta’ użu frodulenti taċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni;

(4)

in-nuqqas ta’ maniġer responsabbli.

(c)

Sejba tal-livell 2 għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti meta jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, mal-proċeduri u mal-manwali tal-organizzazzjoni, jew maċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni inklużi t-termini tal-approvazzjoni, li ma tkunx ikklassifikata bħala sejba tal-livell 1.

(d)

Meta tinstab sejba matul is-sorveljanza jew bi kwalunkwe mezz ieħor, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni addizzjonali meħtieġa mir-Regolament (UE) 2018/1139 u mill-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, tikkomunika bil-miktub is-sejba lill-organizzazzjoni u titlob azzjoni korrettiva biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità identifikat. Jekk sejba tal-livell 1 tkun relatata direttament ma’ inġenju tal-ajru, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun irreġistrat l-inġenju tal-ajru.

(1)

Jekk ikun hemm kwalunkwe sejba tal-livell 1, l-awtorità kompetenti għandha tieħu azzjoni immedjata u xierqa biex tipprojbixxi jew tillimita l-attivitajiet tal-organizzazzjoni involuta u, jekk ikun xieraq, din għandha tieħu azzjoni biex tirrevoka ċ-ċertifikat jew biex tillimitah jew tissospendih kompletament jew parzjalment, skont il-firxa tas-sejba tal-livell 1, sakemm tittieħed azzjoni korrettiva b’suċċess mill-organizzazzjoni.

(2)

Jekk ikun hemm kwalunkwe sejba tal-livell 2, l-awtorità kompetenti għandha:

(i)

tagħti lill-organizzazzjoni perjodu għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni korrettiva li jkun xieraq għan-natura tas-sejba, u li fi kwalunkwe każ inizjalment ma għandux ikun ta’ aktar minn 3 xhur. Il-perjodu għandu jibda mid-data tal-komunikazzjoni bil-miktub tas-sejba lill-organizzazzjoni li tkun qed titlob azzjoni korrettiva biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità identifikata. Fi tmiem dak il-perjodu, u soġġetta għan-natura tas-sejba, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu ta’ tliet xhur dment li jkun ġie miftiehem pjan ta’ azzjoni korrettiva mal-awtorità kompetenti;

(ii)

tivvaluta l-pjan ta’ azzjoni korrettiva u l-pjan ta’ implimentazzjoni proposti mill-organizzazzjoni, u jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li dawn ikunu biżżejjed biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità, taċċettahom.

(3)

Jekk l-organizzazzjoni tonqos milli tressaq pjan ta’ azzjoni korrettiva aċċettabbli, jew tonqos milli twettaq l-azzjoni korrettiva fil-perjodu ta’ żmien aċċettat jew estiż mill-awtorità kompetenti, is-sejba għandha tittella’ għal-livell 1 u għandha tittieħed azzjoni kif stabbilit fil-punt (d)(1).

(4)

L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra s-sejbiet kollha li din tkun indikat jew li jkunu ġew ikkomunikati lilha f’konformità mal-punt (e) u, meta jkun applikabbli, il-miżuri ta’ infurzar li din tkun applikat, kif ukoll l-azzjonijiet korrettivi kollha u d-dati tal-għeluq tal-azzjonijiet għas-sejbiet kollha.

(e)

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura ta’ infurzar addizzjonali, meta awtorità li tkun qed twettaq il-kompiti ta’ sorveljanza skont il-punt 145.B.300(d) tidentifika kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu minn organizzazzjoni ċċertifikata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija, din għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti u tagħti indikazzjoni tal-livell tas-sejba.

(f)

L-awtorità kompetenti tista’ toħroġ osservazzjonijiet għal kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li ma jkunux jirrikjedu sejbiet tal-livell 1 jew tal-livell 2:

(1)

għal kwalunkwe oġġett li l-prestazzjoni tiegħu tkun ġiet ivvalutata bħala ineffettiva;

(2)

meta jkun ġie identifikat li oġġett ikollu l-potenzjal li jikkawża nuqqas ta’ konformità skont il-punti (b) jew (c);

(3)

meta s-suġġerimenti jew it-titjib ikunu ta’ interess għall-prestazzjoni tas-sikurezza ġenerali tal-organizzazzjoni.

L-osservazzjonijiet maħruġa skont dan il-punt għandhom jiġu kkomunikati bil-miktub lill-organizzazzjoni u rreġistrati mill-awtorità kompetenti.

145.B.355   Sospensjoni, limitazzjoni u revoka

L-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tissospendi ċertifikat meta tqis li jkun hemm raġunijiet validi li din l-azzjoni tkun meħtieġa biex tiġi evitata theddida kredibbli għas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru;

(b)

tissospendi, tirrevoka jew tillimita ċertifikat jekk din l-azzjoni tkun meħtieġa skont il-punt 145.B.350;

(c)

tissospendi jew tillimita kompletament jew parzjalment ċertifikat jekk ċirkostanzi imprevedibbli barra mill-kontroll tal-awtorità kompetenti jipprevjenu lill-ispetturi tagħha milli jaqdu r-responsabbiltajiet ta’ sorveljanza tagħhom waqt iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza.”;

(31)

L-Appendiċi II huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Appendiċi II

Sistema ta’ klassijiet u klassifikazzjonijiet għat-termini tal-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni tal-Parti-145

(a)

Għajr kif iddikjarat mod ieħor għall-iżgħar organizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (m), it-tabella msemmija fil-punt (l) tipprovdi l-klassijiet u l-klassifikazzjonijiet possibbli li għandhom jintużaw biex jiġu stabbiliti t-termini tal-approvazzjoni taċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni approvat f’konformità mal-Anness II (Parti-145). Organizzazzjoni trid tingħata termini tal-approvazzjoni li jvarjaw minn klassi u klassifikazzjoni waħda b’limitazzjonijiet għall-klassijiet u l-klassifikazzjonijiet kollha b’limitazzjonijiet.

(b)

Minbarra t-tabella fil-punt (l), kull organizzazzjoni tal-manutenzjoni hija meħtieġa tindika l-ambitu tax-xogħol tagħha fl-MOE tagħha.

(c)

Fi ħdan il-klassi(jiet) u l-klassifikazzjoni(jiet) tal-approvazzjoni stabbiliti mill-awtorità kompetenti, l-ambitu tax-xogħol speċifikat fl-MOE jiddefinixxi l-limiti eżatti tal-approvazzjoni tagħha. Għalhekk huwa essenzjali li l-klassi(jiet) u l-klassifikazzjoni(jiet) tal-approvazzjoni u l-ambitu tax-xogħol tal-organizzazzjoni jaqblu.

(d)

Klassifikazzjoni tal-klassi fil-kategorija A tfisser li l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tista’ twettaq manutenzjoni fuq inġenji tal-ajru u komponenti (inkluż magni u/jew unitajiet ta’ potenza awżiljarji (APUs)), f’konformità mad-data tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru jew, jekk ikun miftiehem mill-awtorità kompetenti, f’konformità mad-data tal-manutenzjoni tal-komponenti, biss waqt li dawn il-komponenti jkunu mwaħħla mal-inġenju tal-ajru. Madankollu, din l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tal-klassi A tista’ temporanjament tneħħi komponent għall-manutenzjoni sabiex ittejjeb l-aċċess għal dak il-komponent, għajr meta t-tneħħija tiegħu tiġġenera l-ħtieġa ta’ manutenzjoni addizzjonali li l-organizzazzjoni ma tkunx approvata li twettaq. Din it-tneħħija ta’ komponent għall-manutenzjoni minn organizzazzjoni tal-manutenzjoni tal-klassi A għandha tkun soġġetta għal proċedura ta’ kontroll xierqa fl-MOE.

Il-kolonna tal-limitazzjoni trid tispeċifika l-ambitu ta’ din il-manutenzjoni, u b’hekk tindika t-termini tal-approvazzjoni.

(e)

Il-klassifikazzjonijiet tal-klassi fil-kategorija A huma suddiviżi fil-kategoriji tal-manutenzjoni “Bażi” jew “Linja”. Din l-organizzazzjoni tista’ tiġi approvata kemm għall-manutenzjoni “Bażi” kif ukoll bil-“Linja”, jew għat-tnejn. Jenħtieġ li jiġi nnotat li faċilità bil-“Linja” li tinsab f’faċilità bażi ewlenija tirrikjedi approvazzjoni tal-manutenzjoni bil-“Linja”.

(f)

Klassifikazzjoni tal-klassi fil-kategorija B tfisser li l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tista’ twettaq manutenzjoni fuq magni u/jew APUs mhux installati jew komponenti ta’ magni u/jew tal-APUs, f’konformità mad-data tal-manutenzjoni tal-magna u/jew l-APU jew, jekk ikun miftiehem mill-awtorità kompetenti, f’konformità mad-data tal-manutenzjoni tal-komponenti, biss waqt li dawn il-komponenti jkunu mwaħħla mal-magna u/jew mal-APU. Madankollu, din l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tal-klassi B tista’ temporanjament tneħħi komponent għall-manutenzjoni sabiex ittejjeb l-aċċess għal dak il-komponent, għajr meta t-tneħħija tiegħu tiġġenera l-ħtieġa ta’ manutenzjoni addizzjonali li l-organizzazzjoni ma tkunx approvata li twettaq.

Il-kolonna tal-limitazzjoni trid tispeċifika l-ambitu ta’ din il-manutenzjoni, u b’hekk tindika t-termini tal-approvazzjoni.

Organizzazzjoni tal-manutenzjoni li tkun approvata bi klassifikazzjoni tal-klassi fil-kategorija B tista’ twettaq ukoll manutenzjoni fuq magna installata matul il-manutenzjoni bażi u bil-linja tal-inġenji tal-ajru, dment li tkun ġiet approvata proċedura ta’ kontroll xierqa fl-MOE mill-awtorità kompetenti. L-ambitu tax-xogħol fl-MOE għandu jirrifletti dawk l-attivitajiet jekk dawn ikunu permessi mill-awtorità kompetenti.

(g)

Klassifikazzjoni tal-klassi fil-kategorija C tfisser li l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tista’ twettaq manutenzjoni fuq komponenti mhux installati (għajr magni u APUs kompluti) li jkunu maħsuba biex jitwaħħlu fuq l-inġenju tal-ajru jew fuq il-magna/APU.

Il-kolonna tal-limitazzjoni trid tispeċifika l-ambitu ta’ din il-manutenzjoni, u b’hekk tindika t-termini tal-approvazzjoni.

Organizzazzjoni tal-manutenzjoni li tkun approvata bi klassifikazzjoni tal-klassi fil-kategorija C tista’ twettaq ukoll manutenzjoni fuq komponent installat (għajr magna/APU sħiħa) matul il-manutenzjoni bażi u bil-linja tal-inġenji tal-ajru, jew f’faċilità tal-manutenzjoni tal-magna/APU, dment li tkun ġiet approvata proċedura ta’ kontroll xierqa fl-MOE mill-awtorità kompetenti. L-ambitu tax-xogħol fl-MOE għandu jirrifletti dawk l-attivitajiet jekk dawn ikunu permessi mill-awtorità kompetenti.

(h)

Klassifikazzjoni tal-klassi fil-kategorija D hija klassifikazzjoni tal-klassi awtonoma li mhijiex neċessarjament relatata ma’ inġenju tal-ajru, magna jew komponent speċifiċi. Il-klassifikazzjoni D1 — Ittestjar Mhux Distruttiv (NDT) hija meħtieġa biss għal organizzazzjoni tal-manutenzjoni li twettaq NDT bħala kompitu partikolari għal organizzazzjoni oħra. Organizzazzjoni tal-manutenzjoni li tkun approvata bi klassifikazzjoni tal-klassi fil-kategorija A, B jew C tista’ twettaq NDT fuq prodotti miżmuma minnha mingħajr il-ħtieġa ta’ klassifikazzjoni tal-klassi D1 dment li l-MOE jkun fih proċeduri xierqa ta’ NDT.

(i)

Il-kolonna tal-limitazzjoni hija maħsuba biex tagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-flessibbiltà li jadattaw approvazzjoni għal kwalunkwe organizzazzjoni partikolari. Il-klassifikazzjonijiet jistgħu jissemmew fuq l-approvazzjoni biss jekk dawn ikunu limitati kif xieraq. It-tabella fil-punt (l) tispeċifika t-tipi ta’ limitazzjonijiet li huma possibbli. Huwa aċċettabbli li fil-kolonna tal-limitazzjoni jiġi aċċennat il-kompitu ta’ manutenzjoni aktar milli t-tip jew il-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew tal-magna, jekk dak ikun aktar xieraq għall-organizzazzjoni (pereżempju installazzjonijiet ta’ sistemi avjoniċi u manutenzjoni relatata). Jekk dak jissemma fil-kolonna tal-limitazzjoni, dan jindika li l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tkun approvata biex twettaq manutenzjoni sa u inkluż dak it-tip/il-kompitu partikolari.

(j)

Meta ssir referenza għal serje, tip u grupp fil-kolonna tal-limitazzjoni tal-klassijiet A u B, din għandha tinftiehem kif ġej:

“serje” tfisser serje ta’ tip speċifiku bħall-Airbus 300, 310 jew 319, jew is-serje Boeing 737-300, is-serje RB211-524, iċ-Cessna 150 jew iċ-Cessna 172, is-serje Beech 55, is-serje kontinentali O-200, etc.;

“tip” tfisser tip jew mudell speċifiku bħat-tip Airbus 310-240, it-tip RB 211-524 B4, jew it-tip Cessna 172RG.

Jista’ jiġi kkwotat kwalunkwe numru ta’ serje jew tipi;

“grupp” tfisser, pereżempju, inġenju tal-ajru Cessna b’pistun wieħed jew magni bil-pistuni mhux pressurizzati Lycoming eċċ.

(k)

B’deroga mill-punt 145.A.85(a)(1), meta tintuża lista ta’ kompetenzi tal-komponent li tista’ tkun soġġetta għal emendi frekwenti, f’dak il-każ l-organizzazzjoni tista’ tipproponi li tinkludi dawn l-emendi fil-proċedura msemmija fil-punt 145.A.85(c) għal bidliet li ma jkunux jirrikjedu approvazzjoni minn qabel.

(l)

Tabella

KLASSI

KLASSIFIKAZZJONI

LIMITAZZJONI

BAŻI

LINJA

INĠENJI TAL-AJRU

A1

Ajruplani b’massa massima ta’ tluq (MTOM) ta’ aktar minn 5 700  kg

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew il-grupp jew is-serje tal-ajruplan jew it-tip u/jew il-kompiti ta’ manutenzjoni]

Eżempju: Serje Airbus A320

[IVA/LE]  (*1)

[IVA/LE]  (*1)

A2

Ajruplani b’MTOM ta’ 5 700  kg u inqas

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew il-grupp jew is-serje tal-ajruplan jew it-tip u/jew il-kompiti ta’ manutenzjoni]

Eżempju: Serje DHC-6 Twin Otter

Iddikjara jekk il-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà huwiex awtorizzat (possibbli biss għall-inġenji tal-ajru koperti mill-Anness Vb (Parti-ML))

[IVA/LE]  (*1)

[IVA/LE]  (*1)

A3

Ħelikopters

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew il-grupp jew is-serje jew it-tip tal-ħelikopter u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

Eżempju: Robinson R44

Iddikjara jekk il-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà huwiex awtorizzat (possibbli biss għall-inġenji tal-ajru koperti mill-Anness Vb (Parti-ML))

[IVA/LE]  (*1)

[IVA/LE]  (*1)

A4

Inġenji tal-ajru għajr inġenji tal-ajru A1, A2 u A3

[Għandha tiddikjara l-kategorija (sailplane, ballun tal-arja, ġifen tal-ajru, eċċ.), il-manifattur jew il-grupp jew is-serje jew it-tip tal-inġenju tal-ajru u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

Iddikjara jekk il-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà huwiex awtorizzat (possibbli biss għall-inġenji tal-ajru koperti mill-Anness Vb (Parti-ML))

[IVA/LE]  (*1)

[IVA/LE]  (*1)

MAGNI

B1

Turbina

[Għandha tiddikjara s-serje jew it-tip tal-magna u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

Eżempju: Serje PT6A

B2

Pistun

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew il-grupp jew is-serje jew it-tip tal-magna u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

B3

APU

[Għandha tiddikjara l-manifattur jew is-serje jew it-tip tal-magna u/jew il-kompitu/i ta’ manutenzjoni]

KOMPONENTI GĦAJR MAGNI KOMPLUTI JEW APUs

C1 Arja Kundizzjonata u Pressurizzazzjoni

[Għandha tiddikjara t-tip ta’ inġenju tal-ajru jew il-manifattur tal-inġenju tal-ajru jew il-manifattur tal-komponent jew il-komponent partikolari u/jew tagħmel kontroreferenza għal lista ta’ kompetenzi fl-espożizzjoni u/jew fil-kompitu/i ta’ manutenzjoni.]

Eżempju: Kontroll tal-Fjuwil PT6A

C2 Titjira Awtomatika

C3 Komunikazzjonijiet u Navigazzjoni

C4 Bibien — Sportelli

C5 Potenza Elettrika u Dwal

C6 Tagħmir

C7 Magna — APU

C8 Kontrolli tat-Titjira

C9 Fjuwil

C10 Ħelikopter — Rotors

C11 Ħelikopter — Trażmissjoni

C12 Potenza Idrawlika

C13 Sistema ta’ indikazzjoni — reġistrazzjoni

C14 Tagħmir għall-Inżul

C15 Ossiġenu

C16 Skrejjen

C17 Pnewmatiku u Vakwu

C18 Protezzjoni mis-silġ/mix-xita/min-nar

C19 Twieqi

C20 Strutturali

C21 Saborra tal-ilma

C22 Awmentazzjoni tal-Propulsjoni

SERVIZZI SPEĊJALIZZATI

D1 Ittestjar Mhux Distruttiv

[Għandha tiddikjara metodu/i tal-NDT partikolari]

(m)

Organizzazzjoni tal-manutenzjoni li timpjega persuna waħda biss kemm biex tippjana kif ukoll biex twettaq l-attivitajiet ta’ manutenzjoni kollha tagħha jista’ jkollha biss termini tal-approvazzjoni limitati. Il-limiti massimi permissibbli huma kif ġej:

KLASSI

KLASSIFIKAZZJONI

LIMITAZZJONI

INĠENJI TAL-AJRU

A2

AJRUPLAN B’MAGNA BIL-PISTUNI B’MTOM TA’ 5 700  KG JEW INQAS

INĠENJI TAL-AJRU

A3

ĦELIKOPTER B’MAGNA B’PISTUN WIEĦED B’MTOM TA’ 3 175  KG JEW INQAS

INĠENJI TAL-AJRU

A4

EBDA LIMITAZZJONI

MAGNI

B2

INQAS MINN 450 HP

KOMPONENTI GĦAJR MAGNI KOMPLUTI JEW APUs

C1 SA C22

SKONT IL-LISTA TA’ KOMPETENZI

SERVIZZI SPEĊJALIZZATI

D1 NDT

METODU/I TAL-NDT LI GĦANDU/GĦANDHOM JIĠI/U SPEĊIFIKAT(I)

Jenħtieġ li jiġi nnotat li din l-organizzazzjoni tista’ tkompli tiġi limitata mill-awtorità kompetenti fit-termini tal-approvazzjoni skont il-kompetenzi tal-organizzazzjoni partikolari.


(*1)  Ħassar kif xieraq


ANNESS III

Fil-punt ML.A.906(a) tal-Anness Vb (Parti-ML), il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Meta ssir l-importazzjoni ta’ inġenju tal-ajru f’reġistru ta’ Stat Membru minn pajjiż terz jew minn sistema regolatorja fejn ir-Regolament (UE) 2018/1139 ma jkunx japplika, l-applikant għandu:”.


ANNESS IV

Fil-punt M.A.502(c) tal-Anness I (Parti-M), it-tielet sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Din l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni tal-magni tista’ temporanjament tneħħi l-komponent għall-manutenzjoni jekk dan ikun meħtieġ biex jittejjeb l-aċċess għall-komponent, għajr meta tkun meħtieġa manutenzjoni addizzjonali minħabba t-tneħħija.”.


Top