Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1061

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1061 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/4611

ĠU L 229, 29.6.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1061/oj

29.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1061

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku ferrovjarju minħabba tnaqqis sinifikanti fid-domanda u l-miżuri diretti meħuda mill-Istati Membri biex irażżnu l-pandemija.

(2)

Dawk iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tal-impriżi ferrovjarji, li kontinwament kellhom jiffaċċjaw problemi konsiderevoli ta’ likwidità, telf kbir u f’xi każijiet, qed jirriskjaw l-insolvenza.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu l-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġaw lill-impriżi ferrovjarji, ir-Regolament (UE) 2020/1429 jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-maniġers tal-infrastruttura biex inaqqsu, jirrinunzjaw jew jiddifferixxu l-imposti għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Dik il-possibbiltà kienet ingħatat mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u ġiet estiża mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2180 (2) sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu ta’ referenza”).

(4)

Il-limitazzjonijiet imposti fuq il-mobilità matul il-perjodu tal-pandemija kellhom impatt sinifikanti fuq l-użu tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri. Is-servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija ntlaqtu wkoll iżda b’mod aktar limitat. Abbażi tad-data pprovduta mill-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Unjoni, il-pandemija laqtet aktar ħażin lit-taqsima tas-servizz tal-passiġġieri u, b’mod partikolari t-taqsima tas-servizz tal-passiġġieri kummerċjali, bi tnaqqis sinifikanti fl-offerta tagħha madwar l-Istati Membri kollha, li għadu ma ġiex lura għal-livelli tal-2019 tagħha. Bejn Marzu 2020 u Frar 2021, is-servizzi tal-passiġġieri espressi f’km ta’ ferrovija naqsu bi 11,5 % meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2019-2020, filwaqt li s-servizzi tal-merkanzija naqsu b’6,1 %. Bejn Marzu 2020 u Frar 2021, is-servizzi tal-passiġġieri taħt l-obbligi tas-servizz pubbliku espressi f’km ta’ ferrovija naqsu b’5,9 % meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2019-2020, filwaqt li s-servizzi tal-passiġġieri kummerċjali naqsu bi 33,1 %. Fir-raba’ trimestru tal-2020, it-traffiku tal-passiġġieri f’kilometri tal-passiġġieri naqas b’56 % u l-għadd ta’ passiġġieri naqas bin-nofs meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Dik ix-xejra jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji tal-passiġġieri, ir-realizzazzjoni ta’ żona ferrovjarja Ewropea tassew unika u, fl-aħħar mill-aħħar, it-tranżizzjoni lejn settur tat-trasport aktar sostenibbli b’aktar persuni u merkanzija jiċċaqilqu bil-ferrovija. It-traffiku tal-merkanzija f’tunnellati-km żdied b’5 % fir-raba’ trimestru tal-2020 meta mqabbel mal-2019 u l-ammont ta’ tunnellati mċaqalqa bil-ferrovija żdied bi 3 %.

(5)

Id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa turi li l-għadd ta’ każijiet irreġistrati ta’ kuljum tal-COVID-19 fl-Ewropa għadu għoli ħafna peress li l-każijiet irrapportati fid-9 ta’ Mejju 2021 kienu fil-livell ta’ 107 253 f’dak il-jum biss.

(6)

Fl-aħħar ta’ April 2021, iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard enfasizza li “L-Ewropa tinsab f’mument kritiku fil-ġlieda tagħha kontra l-COVID-19. Ħafna pajjiżi bħalissa qed jillaxkaw ir-restrizzjonijiet, xi wħud fi sfond ta’ għadd dejjem akbar ta’ każijiet u b’varjanti ġodda li qed jitfaċċaw, filwaqt li għadhom qed iniedu programmi nazzjonali ta’ tilqim.

(7)

It-tnaqqis fil-livell tat-traffiku ferrovjarju meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fis-snin preċedenti għadu jippersisti u x’aktarx li jkompli tal-inqas sal-konklużjoni tal-proċess tat-tilqim. Li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19.

(8)

Għalhekk, huwa meħtieġ li l-perjodu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429 jiġi estiż sal-aħħar ta’ Diċembru 2021.

(9)

Kieku l-Parlament Ewropew u l-Kunsill kellhom jiskrutinizzaw dan ir-Regolament għall-perjodu sħiħ ta’ oġġezzjoni previst fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2020/1429, dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ biss wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza attwalment previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2020/1429, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/1429 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja kif stabbilit fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan japplika għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji għal servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti minn dik id-Direttiva, matul il-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (‘il-perjodu ta’ referenza’)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 333, 12.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2180 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 433, 22.12.2020, p. 37).


Top