Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0954

Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Test b’revelanza għaż-ŻEE)

PE/26/2021/REV/1

ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2023: This act has been changed. Current consolidated version: 30/06/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/954/oj

15.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/24


REGOLAMENT (UE) 2021/954 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Ġunju 2021

dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19

(Test b’revelanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Skont l-acquis ta' Schengen, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri jistgħu jiċċaqilqu liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn kollha matul perijodu ta' 90 jum tul kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

(2)

Fit-30 ta' Jannar 2020, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika ta' rilevanza internazzjonali minħabba t-tifqigħa globali tal-coronavirus tas-sindromu respiratorju akut gravi 2 (SARS-CoV-2), li jikkawża l-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19). Fil-11 ta' Marzu 2020, id-WHO għamlet valutazzjoni li tikkaratterizza l-COVID-19 bħala pandemija.

(3)

Biex jillimitaw it-tixrid tas-SARS-CoV-2, l-Istati Membri adottaw xi miżuri, li kellhom impatt fuq l-ivvjaġġar lejn it-territorju tal-Istati Membri u l-ivvjaġġar fih, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti għal vjaġġaturi fruntaliera biex jagħmlu l-kwarantina jew l-awtoiżolament jew li jiġu ttestjati għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2. Tali restrizzjonijiet għandhom effetti negattivi fuq il-persuni u n-negozji, speċjalment persuni li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera u li jivvjaġġaw bejn il-fruntieri ta’ kuljum jew frekwenti għal skopijiet ta’ xogħol, negozju, edukazzjoni, familja, kura medika jew indukrar.

(4)

Fit-13 ta' Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 (2) li introduċiet approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

(5)

Fit-30 ta' Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1632 (3) li fiha rrakkomanda lill-Istati Membri li huma marbutin bl-acquis ta' Schengen biex japplikaw il-prinċipji ġenerali, il-kriterji komuni, il-livelli limitu komuni u l-qafas komuni ta' miżuri, inklużi rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-kommunikazzjoni kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475.

(6)

Ħafna Stati Membri nedew jew qed jippjanaw li jniedu inizjattivi għall-ħruġ ta' ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19. Madankollu, biex tali ċertifikati tat-tilqim jintużaw b'mod effettiv b'konnessjoni mal-ivvjaġġar transfruntier fl-Unjoni, huma jeħtieġ li jkunu kompletament interoperabbli, kompatibbli, siguri u verifikabbli. Fost l-Istati Membri hemm bżonn approċċ komuni dwar il-kontenut, il-format, il-prinċipji, l-istandards tekniċi u l-livell ta' sigurtà ta' tali ċertifikati tat-tilqim.

(7)

Qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bosta Stati Membri diġà eżentaw persuni mlaqqmin minn ċerti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Fejn l-Istati Membri jaċċettaw prova tat-tilqim biex jidderogaw mir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar fis-seħħ, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, għal-limitazzjoni tat-tixrid tas-SARS-CoV-2, pereżempju rekwiżit ta' kwarantina jew awtoiżolament jew tal-ittestjar għall-infezzjoni bis-SARS-CoV-2, jenħtieġ li dawn ikollhom jaċċettaw, bl-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġin minn Stati Membri oħra f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Jenħtieġ li tali aċċettazzjoni ssir bl-istess kundizzjonijiet, jiġifieri, pereżempju, jekk Stat Membru jqis li doża waħda ta' vaċċin amministrat tkun biżżejjed, jenħtieġ li jittratta bl-istess mod lid-detenturi ta' ċertifikat tat-tilqim li jindika doża waħda tal-istess vaċċin.

(8)

Proċeduri armonizzati taħt ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jenħtieġ li ma jipprevjenux lill-Istati Membri milli jiddeċiedu li jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim maħruġin għal vaċċini oħra kontra l-COVID-19 li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru skont id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), vaċċini li d-distribuzzjoni tagħhom tkun ġiet awtorizzata temporanjament skont l-Artikolu 5(2) ta' dik id-Direttiva, u vaċċini li jkunu kkompletaw il-proċedura ta' elenkar għall-użu ta' emerġenza tad-WHO. Meta tali vaċċin kontra l-COVID-19 sussegwentement jingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004, l-obbligu li jiġu aċċettati ċertifikati tat-tilqim maħruġin taħt l-istess kundizzjonijiet ikun ikopri wkoll ċertifikati tat-tilqim maħruġin minn Stati Membru għal dak il-vaċċin kontra l-COVID-19, irrispettivament minn jekk iċ-ċertifikati tat-tilqim ikunux inħarġu qabel jew wara l-awtorizzazzjoni permezz tal-proċedura ċentralizzata. Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistabbilixxi qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19. Dan japplika għal ċittadini tal-Unjoni u ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni.

(9)

F'konformità mal-Artikoli 19, 20 u 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (7), iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jiċċaqilqu liberament fit-territorji tal-Istati Membri.

(10)

Mingħajr preġudizzju għar-regoli komuni dwar il-qsim tal-fruntieri interni minn persuni kif stipulat fir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u għall-fini li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar fit-territorji tal-Istati Membri minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma intitolati għall-ivvjaġġar ta' dan it-tip, jenħtieġ li l-qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/953 japplika wkoll għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dak ir-Regolament, sakemm ikunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju ta' Stat Membru u jkunu intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(11)

Dan ir-Regolament huwa maħsub biex jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' proporzjonalità u nondiskriminazzjoni fir-rigward tar-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jimmira lejn livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa jenħtieġ li ma jinftehimx bħala li jiffaċilita jew jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' restrizzjonijiet għall-moviment liberu, jew restrizzjonijiet għal drittijiet fundamentali oħra, b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, kwalunkwe rekwiżit ta' verifika taċ-ċertifikati stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/953 ma jiġġustifikax għaldaqstant ir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-kontrolli fil-fruntieri interni jibqgħu miżura tal-aħħar istanza, soġġetti għal regoli speċifiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399.

(12)

Peress li dan ir-Regolament japplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li diġà joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri, jenħtieġ li dan ma jinftehimx bħala li jagħti lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Stat Membru d-dritt għal Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE minn dak l-Istat Membru qabel jaslu fit-territorju tiegħu. Ma hemm ebda rekwiżit għall-Istati Membri li joħorġu ċertifikati tat-tilqim f'uffiċċji konsulari.

(13)

Fit-30 ta' Ġunju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 (9) dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Unjoni u t-tneħħija possibbli ta' tali restrizzjoni. Dan ir-Regolament ma jkoprix ir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Unjoni.

(14)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(15)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (10); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/953, ċertifikati COVID-19 maħruġin mill-Irlanda lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħha għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-ivvjaġġar fit-territorji tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Irlanda toħroġ lil dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ċertifikati COVID-19 li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Jenħtieġ li l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra jaċċettaw ċertifikati maħruġin lil ċittadini ta' pajjiżi terzi koperti minn dan ir-Regolament fuq bażi reċiproka.

(16)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li b'xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011 rispettivament.

(17)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (11), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt C, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (12).

(18)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (14).

(19)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (15), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (16).

(20)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 bl-istabbiliment ta' qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim ta' persuna kontra l-COVID-19, ir-riżultati tat-testijiet tagħha jew il-fejqan tagħha, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(21)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni relatata mal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f'konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u taw opinjoni konġunta fil-31 ta' Marzu 2021 (18),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, iżda li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li huma intitolati li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 2

Dment li l-Irlanda tkun innotifikat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li taċċetta ċ-ċertifikati COVID-19 imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 maħruġin mill-Istati Membri lil persuni koperti minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw, skont il-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/953, ċertifikati COVID-19 maħruġin mill-Irlanda fil-format li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-qafas ta ’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma intitolati li jivvjaġġaw liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil- jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. COSTA


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Ġunju 2021.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1632 tat-30 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fiż-żona Schengen (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 25).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).

(7)   ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (ĠU L 208 I, 1.7.2020, p. 1).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(11)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(13)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(15)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(18)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Top