EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0856

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/856 tal-25 ta’ Mejju 2021 li tiddetermina d-data minn meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu

C/2021/3763

ĠU L 188, 28.5.2021, p. 100–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/05/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/856/oj

28.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/100


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/856

tal-25 ta’ Mejju 2021

li tiddetermina d-data minn meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE għandu jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni mogħtija lilu b’dak ir-Regolament f’data li għandha tiġi determinata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq proposta tal-Kap Prosekutur Ewropew ladarba jiġi stabbilit l-UPPE.

(2)

Fis-7 ta’ April 2021, il-Kap Prosekutur Ewropew ippropona lill-Kummissjoni li jenħtieġ li l-UPPE jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2021.

(3)

L-UPPE huwa korp indiviżibbli tal-Unjoni li jopera bħala Uffiċċju uniku bi struttura deċentralizzata. Il-livell ċentrali jikkonsisti mill-Kulleġġ, l-Awli Permanenti, il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Ewropej u d-Direttur Amministrattiv. Il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Prosekuturi Ewropej, il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, u d-Direttur Amministrattiv tal-UPPE nħatru b’deċiżjonijiet adottati, rispettivament, fit-23 ta’ Ottubru 2019 (2), fis-27 ta’ Lulju 2020 (3), fil-11 ta’ Novembru 2020 (4), u fl-20 ta’ Jannar 2021 (5). Il-Kulleġġ ġie kkostitwit fit-28 ta’ Settembru 2020. F’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Kulleġġ adotta r-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE fit-12 ta’ Ottubru 2020. Il-Kulleġġ adotta, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ir-regoli dwar l-Awli Permanenti fil-25 ta’ Novembru 2020. Il-persunal tal-UPPE kif definit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939 qiegħed hemm.

(4)

Il-livell deċentralizzat tal-UPPE jikkonsisti fil-Prosekuturi Delegati Ewropej li jinsabu fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE (“Stati Membri”). Fid-29 ta’ Settembru 2020, il-Kulleġġ adotta r-regoli dwar ir-regoli tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Prosekuturi Delegati Ewropej skont l-Artikolu 114(c) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Jenħtieġ li jinħatru tal-inqas żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej għal kull Stat Membru qabel l-1 ta’ Ġunju 2021. Fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, l-UPPE kien diġà ħatar tal-inqas żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej għal kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-Finlandja u s-Slovenja (6). Il-perjodu raġonevoli għall-Istati Membri biex jinnominaw il-kandidati tagħhom għall-kariga ta’ Prosekutur Delegat Ewropew diġà skada. Jenħtieġ li din is-sitwazzjoni ma tipprevjenix il-bidu effettiv tal-operazzjonijiet tal-UPPE, b’kont meħud tal-possibbiltà li l-Prosekutur Ewropew tal-Istati Membri kkonċernati jwettaq l-investigazzjoni personalment f’dawk l-Istati Membri, bis-setgħat, ir-responsabbiltajiet u l-obbligi kollha ta’ Prosekutur Delegat Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939.

(5)

L-UPPE ngħata baġit awtonomu f’konformità mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (7) li jiggarantixxi l-awtonomija u l-indipendenza sħaħ tiegħu.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet tal-UPPE hija stabbilita u tiffunzjona f’livelli ċentrali u deċentralizzati. L-Anness ta’ dak ir-Regolament, introdott mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2153 (8), jelenka l-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi tal-fajls tal-każijiet mill-UPPE.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 78(5) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Kulleġġ adotta r-regoli li jikkonċernaw l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-UPPE fil-21 ta’ Ottubru 2020. Il-Kulleġġ adotta r-regoli li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali mill-UPPE fit-28 ta’ Ottubru 2020. F’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-Kulleġġ adotta r-regoli interni dwar ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali amministrattiva fil-qafas tal-attivitajiet imwettqa mill-UPPE fil-21 ta’ Ottubru 2020.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Kulleġġ adotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-UPPE fit-13 ta’ Jannar 2021.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 106(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kkonkludew Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali fis-27 ta’ Novembru 2020. Il-bini tal-Uffiċċju Ċentrali fil-Lussemburgu qiegħed għad-dispożizzjoni tal-UPPE.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 107(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Kulleġġ adotta l-arranġamenti lingwistiċi interni tal-UPPE fit-30 ta’ Settembru 2020.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 109(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Kulleġġ adotta r-regoli dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UPPE fil-21 ta’ Ottubru 2020.

(12)

L-Istati Membri kollha nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tal-miżuri għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ġeneralment daħħlu fis-seħħ miżuri xierqa oħrajn biex jiżguraw li l-UPPE jkun jista’ jibda l-ħidma operazzjonali tiegħu.

(13)

Billi l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939 huma b’hekk issodisfati, l-UPPE huwa stabbilit u lest jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi ddeterminata d-data ta’ meta l-UPPE jeħtieġlu jassumi dawk il-kompiti.

(14)

F'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, jenħtieġ li dik id-data ma tkunx qabel tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament. Billi r-Regolament (UE) 2017/1939 daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2017, jenħtieġ li dik id-data ma tkunx qabel l-20 ta’ Novembru 2020.

(15)

F’konformità mal-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE jeħtieġlu jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe reat li jaqa’ taħt il-kompetenza tiegħu mwettaq wara l-20 ta’ Novembru 2017 jew, għall-Istati Membri li ngħaqdu mal-kooperazzjoni msaħħa bis-saħħa ta’ deċiżjoni adottata f’konformità mal-Artikolu 331(1) TFUE, wara d-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni mogħtija lilu mir-Regolament (UE) 2017/1939 fl-1 ta’ Ġunju 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.

(2)  ĠU L 274 28.10.2019, p. 1.

(3)  ĠU L 244, 29.7.2020, p. 18.

(4)  Id-Deċiżjonijiet 010/2020 u 011/2020 tal-Kulleġġ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2020.

(5)  Id-Deċiżjoni 003/2021 tal-Kulleġġ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2021.

(6)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kulleġġ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew: 19/2020 tal-25 ta’ Novembru 2020 (ħatra ta’ għaxar Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja); 020/2020 tal-25 ta’ Novembru 2020 (ħatra ta’ erba’ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika Slovakka); 021/2020 tat-2 ta’ Diċembru 2020 (ħatra ta’ żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika tal-Estonja); 22/2020 tat-2 ta’ Diċembru 2020 (ħatra ta’ Prosekutur Delegat Ewropew wieħed fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja); 024/2020 tad-9 ta’ Diċembru 2020 (ħatra ta’ Prosekutur Delegat Ewropew fir-Repubblika Slovakka); 007/2021 tat-3 ta’ Frar 2021 (ħatra ta’ tliet Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika tal-Litwanja); 008/2021 tal-5 ta’ Frar 2021 (ħatra ta’ tliet Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika Ċeka); 009/2021 tal-10 ta’ Frar 2021 (ħatra ta’ sitt Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Rumanija); 010/2021 tal-10 ta’ Frar 2021 (ħatra ta’ żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Renju tan-Netherlands); 016/2021 tas-17 ta’ Marzu 2021 (ħatra ta’ Prosekutur Delegat Ewropew wieħed fir-Renju tal-Belġju); 022/2021 tas-7 ta’ April 2021 (ħatra ta’ tliet Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Renju tal-Bulgarija); 024/2021 tas-7 ta’ April 2021 (ħatra ta’ żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika tal-Kroazja); 025/2021 tas-7 ta’ April 2021 (ħatra ta’ żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika Ċeka); 026/2021 tal-21 ta’ April 2021 (ħatra ta’ erba’ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika Franċiża); 027/2021 tal-21 ta’ April 2021 (ħatra ta’ erba’ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika tal-Latvja); 031/2021 tat-28 ta’ April 2021 (ħatra ta’ seba’ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Renju ta’ Spanja); 032/2021 tat-28 ta’ April 2021 (ħatra ta’ Prosekutur Delegat Ewropew wieħed fir-Repubblika ta’ Malta); 034/2021 tat-3 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ ħmistax-il Prosekutur Delegat Ewropew fir-Repubblika Taljana); 035/2021 tat-3 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ erba’ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika Portugiża); 037/2021 tas-6 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ Prosekutur Delegat Ewropew wieħed fir-Repubblika tal-Bulgarija); 041/2021 tat-12 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ Prosekutur Delegat Ewropew wieħed fir-Repubblika ta’ Malta); 045/2021 tas-17 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ Prosekutur Delegat Ewropew wieħed fir-Renju tal-Belġju); 046/2021 tas-17 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika tal-Awstrija); 047/2021 tas-17 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ ħames Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika Ellenika); 048/2021 tad-19 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Repubblika ta’ Ċipru); 059/2021 tad-19 ta’ Mejju 2021 (ħatra ta’ żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu).

(7)  ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11.

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2153 tas-14 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 fir-rigward tal-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi tal-fajls tal-każijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 431, 21.12.2020, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).


Top