This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R0592
Commission Delegated Regulation (EU) 2020/592 of 30 April 2020 on temporary exceptional measures derogating from certain provisions of Regulation (EU) No 1308/2013 of the European Parliament and of the Council to address the market disturbance in the fruit and vegetables and wine sectors caused by the COVID-19 pandemic and measures linked to it
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 tat-30 ta’ April 2020 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 tat-30 ta’ April 2020 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha
C/2020/2886
ĠU L 140, 4.5.2020, p. 6–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/10/2021
4.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/6 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/592
tat-30 ta’ April 2020
dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-pandemija tal-COVID-19 qed tikkawża tfixkil sinifikanti fis-swieq tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid madwar l-Unjoni. Il-miżuri li ħadu l-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet estensivi tal-moviment u l-miżuri ta’ tbegħid soċjali, ikkawżaw tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju ta’ stabbilimenti importanti ta’ prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u tas-settur tal-inbid, rispettivament, fil-livell bl-ingrossa u bl-imnut u fis-settur tal-catering, bħall-għeluq ta’ ristoranti, kafetteriji, bars u lukandi. Il-miżuri relatati mal-COVID-19 qed joħolqu wkoll diffikultajiet loġistiċi li qed jaffettwaw b’mod partikolari l-prodotti tal-frott u l-ħxejjex li jitħassru malajr u lis-settur tal-inbid Il-miżuri relatati mal-COVID-19 joħolqu wkoll diffikultajiet fil-ħsad tal-frott u l-ħxejjex u f’kull ħidma relatata mal-produzzjoni tal-inbid minħabba nuqqas ta’ ħaddiema u biex dawn il-prodotti jaslu għand il-konsumaturi, minħabba tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, diffikultajiet loġistiċi u l-għeluq temporanju ta’ stabbilimenti importanti. Dawn iċ-ċirkostanzi jfixklu b’mod sinifikanti lis-settur tal-frott u l-ħxejjex u lis-settur tal-inbid fl-Unjoni. Il-bdiewa f’dawn is-setturi jġarrbu diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ likwidità. |
(2) |
Minħabba t-tul taż-żmien tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-probabbiltà li dawn jkomplu fit-tul, it-tfixkil fit-tul fil-loġistika u fil-ktajjen tal-provvista, u l-impatt ekonomiku qawwi fuq l-istabbilimenti ewlenin ta’ prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u tas-settur tal-inbid, rispettivament fil-livell bl-ingrossa u bl-imnut, u fis-settur tal-catering, it-tfixkil serju fiż-żewġ swieq u l-effetti tiegħu aktarx li se jissoktaw u forsi jmorru għall-agħar ukoll. |
(3) |
Minħabba dan it-tfixkil fis-suq u l-kombinament ta’ ċirkostanzi bla preċedent, il-bdiewa fl-Istati Membri kollha ġarrbu diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fit-twettiq tal-iskemi tal-għajnuna stabbiliti fl-Artikoli 32 sa 38 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għas-settur tal-frott u l-ħxejjex u fl-Artikoli 39 sa 54 ta’ dak ir-Regolament għas-settur tal-inbid. Għaldaqstant dawn id-diffikultajiet jenħtieġ jittaffew b’deroga minn uħud minn dawk id-dispożizzjonijiet. |
(4) |
L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jistgħu jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet, bħala parti mill-programmi operazzjonali approvati tagħhom, fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid, bil-ħsieb li jżidu r-reżiljenza tagħhom għat-tfixkil fis-suq. Madankollu, f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet ma għandhomx jammontaw għal iżjed minn terz tan-nefqa permezz tal-programm operazzjonali. Biex tingħata aktar flessibbiltà lil dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u jkunu jistgħu jiffukaw ir-riżorsi permezz tal-programmi operazzjonali biex jindirizzaw it-tfixkil fis-suq li joħolqu l-miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19, dik ir-regola jenħtieġ ma tkunx tapplika fl-2020. |
(5) |
Hu stmat li l-għeluq tal-lukandi, tal-bars u tar-ristoranti jaffettwa direttament lil 30 % tal-volumi tal-inbid ikkunsmat fl-Unjoni, li jikkorrispondu għal 50 % tal-valur tagħhom. Hu osservat ukoll li l-konsum tal-inbid fid-djar mhux qed jikkumpensa għat-tnaqqis fil-konsum barra mid-djar. Minbarra dan, twaqqfu għalkollox ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet u l-attivitajiet tas-soltu li jinvolvu l-konsum tal-inbid, fosthom il-festini li jsiru meta wieħed jagħlaq sninu u l-btajjel nazzjonali. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li din is-sena jinqabżu l-attivitajiet tat-turiżmu staġunali tas-sajf u tal-enoturiżmu. Għalhekk fis-suq kulma jmur qed jiżdiedu l-eċċessi tal-inbid. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħaddiema, anki minħabba l-pandemija, u d-diffikultajiet loġistiċi kkawżati mill-pandemija qed jixħtu pressjoni fuq il-produtturi tal-inbid u fuq is-settur tal-inbid kollu. Il-produtturi tal-inbid qed iġarrbu aktar problemi għall-ħsad li jmiss: prezzijiet baxxi, tnaqqis fil-konsum, u diffikultajiet fit-trasport u fil-bejgħ. |
(6) |
Fl-istess waqt, is-suq tal-inbid tal-Unjoni diġà ġarrab kundizzjonijiet aggravanti tul l-2019 u l-ħażniet tal-inbid jinsabu fl-ogħla livell tagħhom mill-2009 ’l hawn. Dan l-iżvilupp hu dovut qabelxejn għal kombinament ta’ ħsad rekord fl-2018 u tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerka — is-suq ewlieni tal-esportazzjoni tal-inbid tal-Unjoni — imponew tariffi addizzjonali fuq l-importazzjoni tal-inbejjed mill-Unjoni ħalla impatt fuq l-esportazzjonijiet. Il-pandemija tal-COVID-19 tat daqqa ta’ ħarta oħra lil dan is-settur fraġli, tant li ma setax jibqa’ jikkummerċjalizza jew iqassam il-prodotti tiegħu b’mod effettiv, l-aktar minħabba l-għeluq tas-swieq maġġuri tal-esportazzjoni u l-miżuri li ttieħdu biex ikunu żgurati konfinament u lockdown xierqa, b’mod partikolari l-interruzzjoni tal-attivitajiet kollha tal-catering u l-waqfien tal-forniment lill-klijenti tas-soltu. Barra minn hekk, id-diffikultà fil-provvista ta’ elementi ewlenin bħall-fliexken u t-tappijiet tas-sufra meħtieġa għall-produzzjoni tal-inbid qed iżidu l-pressjoni fuq l-attivitajiet tal-operaturi fis-settur tal-inbid għax qed ixekkluhom milli jqiegħdu nbid lest għall-bejgħ fis-suq. |
(7) |
Jenħtieġ li t-tneħħija mis-suq tal-Unjoni ta’ wħud mill-kwantitajiet tal-inbid li mhux qed jiġu kkummerċjalizzati u li ma jistgħux jinħażnu, tgħin biex jiġi indirizzat it-tfixkil serju fis-suq għas-settur tal-inbid. Għalhekk, jenħtieġ tiddaħħal temporanjament id-distillazzjoni tal-inbid għal raġunijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19, bħala miżura eliġibbli għal appoġġ permezz tal-programmi ta’ appoġġ lis-settur tal-inbid ħalli tgħin biex titjieb il-prestazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-inbid. Biex tkun evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-użu tal-alkoħol miksub ikun eskluż għall-industrija tal-ikel u x-xorb, u jkun limitat għal skopijiet industrijali, fosthom skopijiet ta’ diżinfezzjoni u farmaċewtiċi, u għal skopijiet ta’ enerġija. |
(8) |
L-għajnuna għall-ħżin fi kriżi hi miżura oħra li temporanjament jenħtieġ tneħħi ċerti kwantitajiet tal-inbid mis-suq u tgħin biex progressivament nersqu lejn sitwazzjoni tas-suq li tkun aktar vijabbli ekonomikament. Għalhekk, l-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi jenħtieġ tkun eliġibbli temporanjament għal appoġġ permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid. Biex ikun evitat li jingħata appoġġ darbtejn għall-istess kwantità ta’ nbid irtirat mis-suq, jenħtieġ li l-benefiċjarji tal-għajnuna għall-ħżin fi kriżi la jkunu jistgħu jirċievu għajnuna għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid u lanqas pagamenti nazzjonali għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi. |
(9) |
Biex l-operaturi jiġu megħjuna jirrispondu għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali u jindirizzaw din is-sitwazzjoni imprevedibbli u prekarja, jixraq li tkun permessa flessibbiltà addizzjonali fl-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
(10) |
B’mod partikolari biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwieżnu lill-produtturi milquta serjament mill-kriżi, jeħtieġ tingħata deroga mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-miżura ta’ fondi mutwi kif imsemmi fl-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament li tippermetti li n-nefqa mġarrba b’operazzjonijiet implimentati fir-raba’ sena tagħhom fl-2020 tkun eliġibbli anke jekk tkun saret qabel is-sottomissjoni tal-abbozz tal-programm ta’ appoġġ rilevanti mill-Istat Membru. B’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu għajnuna addizzjonali għall-ispejjeż amministrattivi ta’ fondi mutwi diġà stabbiliti għal 12-il xahar ieħor tul is-sena finanzjarja 2020. Biex tipprovdi appoġġ adegwat ekonomikament u b’deroga mill-Artikolu 48(2), jenħtieġ li l-għajnuna mogħtija tkun nondigressiva u tammonta għall-finanzjament mogħti fit-tielet sena ta’ implimentazzjoni. |
(11) |
Hu meħtieġ ukoll li, bħala miżura eċċezzjonali, tiġi prevista deroga mill-Artikoli 46(6), 47(1) u (3), 49(2) u 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u li tiżdied temporanjament il-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-miżuri ta’ “ristrutturar u konverżjoni tal-vinji”, “ħsad bikri”, “assigurazzjoni tal-ħsad” u “investimenti”. Dawn il-miżuri temporanji huma meħtieġa għax, minħabba raġunijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19, l-operaturi qed iġarrbu u se jibqgħu jġarrbu telf sinifikanti fl-introjtu u spejjeż addizzjonali kkawżati mit-tfixkil fis-suq u fil-produzzjoni tagħhom. Iż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-miżuri inkwistjoni u konsegwentement it-tnaqqis fil-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju se tkun qed twieżen finanzjarjament lill-benefiċjarji. |
(12) |
Il-flessibbiltà introdotta biż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-Unjoni tirrappreżenta forma ta’ appoġġ finanzjarju li, madankollu, ma jeħtieġx finanzjament addizzjonali min-naħa tal-Unjoni għax jibqgħu japplikaw il-limiti baġitarji għall-programmi nazzjonali ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jallokaw ammonti akbar għall-miżuri inkwistjoni biss fil-baġit annwali previst f’dak l-Anness. Għaldaqstant, il-miżura hi mmirata biex tipprovdi appoġġ lis-settur f’din is-sitwazzjoni instabbli tas-suq mingħajr ma jkun hemm bżonn jiġu mobilizzati iżjed fondi. |
(13) |
L-istrument preventiv tal-assigurazzjoni tal-ħsad hu eliġibbli għal appoġġ permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid biex jitħeġġeġ approċċ responsabbli għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi. L-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-appoġġ għall-assigurazzjoni tal-ħsad irid jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-introjti tal-produtturi meta jkun hemm telf minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi, mard jew infestazzjonijiet ta’ pesti. Fid-dawl tal-konsegwenzi drammatiċi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-introjti tal-produtturi tal-inbid, minħabba diffikultajiet fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid li xi minn daqqiet ma jkunux jistgħu jingħelbu, jixraq li l-appoġġ tal-Unjoni jiġi estiż għall-assigurazzjoni tal-ħsad meta jkun hemm telf minħabba pandemija tal-bniedem. Jixraq li temporanjament tiżdied ukoll ir-rata ta’ appoġġ tal-Unjoni sa 60 % f’dawn il-każijiet biex twieżen finanzjarjament lill-produtturi tal-inbid. |
(14) |
Il-ħsad bikri kif previst fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jintuża bħala miżura ta’ mmaniġġjar tas-suq meta tkun mistennija produzzjoni eċċessiva tal-għeneb. Dak l-Artikolu jeżiġi li jinqerdu jew jitneħħew għalkollox l-għenieqed tal-għeneb f’azjenda biex din tibbenefika mill-appoġġ tal-Unjoni. Fiċ-ċirkostanzi attwali, il-produtturi tal-inbid qed ikollhom diffikultajiet bla preċedent biex jimmobilizzaw il-forza tax-xogħol meħtieġa ħalli titwettaq din l-operazzjoni sħiħa. Għaldaqstant jixraq li tingħata deroga minn dan l-obbligu u titħalla l-qerda jew it-tneħħija tal-għenieqed tal-għeneb immaturi f’parti minn azjenda, diment li dan isir fi rqajja’ sħaħ tal-art. |
(15) |
Minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, b’mod partikolari meta wieħed iqis it-tfixkil kontinwu fis-suq, l-effetti tiegħu fuq is-settur tal-frott u l-ħxejjex u fuq is-settur tal-inbid, u l-fatt li dan se jissokta u forsi jmur għall-agħar, hemm bżonn tittieħed azzjoni immedjata u jiġu adottati miżuri urġenti li jtaffu l-effetti negattivi tiegħu. Il-posponiment ta’ azzjoni immedjata li tindirizza dan it-tfixkil fis-suq jhedded li jkompli jaggrava t-tfixkil fis-suq fiż-żewġ setturi u jkun ta’ detriment għall-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tas-suq fiż-żewġ setturi. Fid-dawl ta’ dan, dan ir-Regolament jenħtieġ jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 228 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
(16) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
IL-FROTT U L-ĦXEJJEX
Artikolu 1
Deroga temporanja mill-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
B’deroga mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-limitu ta’ terz tan-nefqa għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet permezz tal-programm operazzjonali msemmi f’dik id-dispożizzjoni ma għandux japplika fis-sena 2020.
KAPITOLU II
L-INBID
TAQSIMA 1
Miżuri ta’ appoġġ għall-kriżi
Artikolu 2
Deroga mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
B’deroga mill-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid tul is-sena finanzjarja 2020.
Artikolu 3
Distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi
1. Jista’ jingħata appoġġ għad-distillazzjoni tal-inbid skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Dan l-appoġġ għandu jkun proporzjonat.
2. L-alkoħol li jirriżulta mid-distillazzjoni appoġġata msemmija fil-paragrafu 1 għandu jintuża esklussivament għal skopijiet industrijali, inkluż skopijiet ta’ diżinfezzjoni jew farmaċewtiċi, jew għal skopijiet ta’ enerġija biex tkun evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.
3. Il-benefiċjarji tal-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu intrapriżi tal-inbid li jipproduċu jew li jikkummerċjalizzaw il-prodotti msemmija fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, assoċjazzjonijiet ta’ żewġ produtturi jew iżjed, organizzazzjonijiet interprofessjonali jew distillaturi tal-prodotti tad-dwieli.
4. L-ispejjeż tal-provvista tal-inbid lid-distillaturi u tad-distillazzjoni ta’ dan l-inbid biss għandhom ikunu eliġibbli għal appoġġ.
5. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji ta’ prijorità billi jindikawhom fil-programm ta’ appoġġ. Dawn il-kriterji ta’ prijorità għandhom ikunu bbażati fuq l-istrateġija u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-programm ta’ appoġġ u għandhom ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji.
6. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1, li għandhom jinkludu regoli dwar:
(a) |
il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet; |
(b) |
is-sottomissjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandhom jinkludu mill-inqas l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, għall-eżaminazzjoni tal-adegwatezza ta’ kull azzjoni proposta u għan-notifika tar-riżultati tal-proċedura tal-għażla għall-operaturi; |
(c) |
il-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-azzjonijiet eliġibbli u l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 4 u l-kriterji ta’ prijorità, meta dawn jiġu applikati; |
(d) |
l-għażla tal-applikazzjonijiet, li tal-inqas għandha tinkludi l-ponderazzjoni attribwita għal kull kriterju ta’ prijorità, meta dawn jiġu applikati; |
(e) |
arranġamenti għall-pagamenti bil-quddiem u għall-provvista ta’ titoli ta’ sigurtà. |
7. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont ta’ appoġġ lill-benefiċjarji abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.
8. B’deroga mill-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.
9. L-Artikoli 1 u 2, l-Artikolu 43, l-Artikoli 48 sa 54 u l-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (2) u l-Artikoli 1, 2 u 3, l-Artikoli 19 sa 23, l-Artikoli 25 sa 31, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 33 sa 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (3) jenħtieġ japplikaw mutatis mutandis għall-appoġġ għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi.
Artikolu 4
Għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi
1. L-għajnuna għall-ħżin fi kriżi tista’ tingħata għall-inbid skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Biex ikun evitat li jingħata appoġġ darbtejn għall-istess kwantità ta’ nbid irtirat mis-suq, il-benefiċjarji li jirċievu l-għajnuna għall-ħżin fi kriżi għal kwantità ta’ nbid, la għandhom ikunu jistgħu jirċievu għajnuna għal din l-istess kwantità ta’ nbid għad-distillazzjoni f’każ ta’ kriżi skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u lanqas pagamenti nazzjonali għad-distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi skont l-Artikolu 216 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
3. Il-benefiċjarji tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu intrapriżi tal-inbid li jipproduċu jew li jikkummerċjalizzaw il-prodotti msemmija fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-inbid, assoċjazzjonijiet ta’ żewġ produtturi jew iżjed jew organizzazzjonijiet interprofessjonali.
4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom jinkludu regoli dwar:
(a) |
il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet; |
(b) |
is-sottomissjoni u l-għażla tal-applikazzjonijiet, li għandhom jinkludu mill-inqas l-iskadenzi għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, għall-eżaminazzjoni tal-adegwatezza ta’ kull azzjoni proposta u għan-notifika tar-riżultati tal-proċedura tal-għażla għall-operaturi; |
(c) |
il-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-appoġġ stabbiliti f’dan l-Artikolu u d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji ta’ prijorità, meta dawn jiġu applikati; |
(d) |
l-għażla tal-applikazzjonijiet, li tal-inqas għandha tinkludi l-ponderazzjoni attribwita għal kull kriterju ta’ prijorità, meta dawn jiġu applikati; |
(e) |
arranġamenti għall-pagamenti bil-quddiem u għall-provvista ta’ titoli ta’ sigurtà. |
5. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji ta’ prijorità biex tingħata preferenza lil ċerti benefiċjarji billi jindikawhom fil-programm ta’ appoġġ. Dawn il-kriterji ta’ prijorità għandhom ikunu bbażati fuq l-istrateġija u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-programm ta’ appoġġ u għandhom ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji.
6. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet mad-deskrizzjoni dettaljata tal-azzjonijiet proposti mill-applikant u l-iskadenzi proposti għall-implimentazzjoni tagħhom.
7. B’deroga mill-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.
8. L-Artikoli 1 u 2, l-Artikolu 43, l-Artikoli 48 sa 54 u l-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 u l-Artikoli 1, 2 u 3, l-Artikoli 19 sa 23, l-Artikoli 25 sa 31, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 33 sa 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi.
TAQSIMA 2
Derogi minn miżuri ta’ appoġġ speċifiċi
Artikolu 5
Derogi mill-Artikoli 44(2) u 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
1. B’deroga mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fis-sena finanzjarja 2020, l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ fondi mutwi kif imsemmi fl-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament jista’ jingħata għan-nefqa mġarrba qabel is-sottomissjoni tal-abbozz tal-programmi ta’ appoġġ rilevanti b’rabta mal-operazzjonijiet li fl-2019 temmew it-tielet sena ta’ implimentazzjoni tagħhom.
2. B’deroga mill-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ fondi mutwi b’rabta mal-operazzjonijiet li fl-2019 temmew it-tielet sena ta’ implimentazzjoni tagħhom, jista’ jingħata fil-forma ta’ għajnuna nondigressiva biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi tal-fondi u għandhom ikunu daqs il-finanzjament mogħti fit-tielet sena ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 6
Deroga mill-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
B’deroga mill-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż reali ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji ma għandhiex tkun aktar minn 60 %. Fir-reġjuni inqas żviluppati, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż ta’ ristrutturar u konverżjoni ma għandhiex tkun aktar minn 80 %.
Artikolu 7
Derogi mill-Artikolu 47(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
1. B’deroga mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tul is-sena finanzjarja 2020, “ħsad bikri” tfisser il-qerda jew it-tneħħija totali tal-għenieqed tal-għeneb meta jkun għadhom fl-istadju immatur tagħhom, fl-azjenda kollha jew f’parti mill-azjenda, diment li l-ħsad bikri jsir fi rqajja’ sħaħ tal-art.
2. B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-appoġġ mogħti għall-ħsad bikri ma għandux ikun aktar minn 60 % tas-somma tal-ispejjeż diretti tal-qerda jew it-tneħħija tal-għenieqed tal-għeneb u t-telf tal-introjtu relatat ma’ qerda jew tneħħija bħal dawk.
Artikolu 8
Deroga mill-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
B’deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-appoġġ għall-assigurazzjoni tal-ħsad ma għandhiex tkun aktar minn 60 % tal-ispiża tal-primjums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi għall-assigurazzjoni:
(a) |
fir-rigward tat-telf imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fir-rigward ta’ telf ieħor ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi; |
(b) |
fir-rigward ta’ telf ikkawżat minn annimali, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti; |
(c) |
fir-rigward ta’ telf ikkawżat minn pandemiji tal-bniedem. |
Artikolu 9
Deroga mill-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
B’deroga mill-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-rati massimi ta’ għajnuna li ġejjin rigward l-ispejjeż eliġibbli ta’ investiment għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni:
(a) |
60 % fir-reġjuni inqas żviluppati; |
(b) |
50 % fir-reġjuni li mhumiex reġjuni inqas żviluppati; |
(c) |
80 % fir-reġjuni periferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE; |
(d) |
75 % fil-gżejjer minuri tal-Eġew kif definit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
Artikolu 10
Applikazzjoni taż-żieda temporanja fil-kontribuzzjoni tal-Unjoni
L-Artikoli 6, 7(2), 8 u 9 għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet magħżula mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2020.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190 15.7.2016, p. 23).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).