EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0154

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/154 tat-30 ta' Jannar 2019 li tistabbilixxi regoli interni dwar ir-restrizzjoni fuq id-dritt ta' aċċess tas-suġġetti tad-data għall-fajls mediċi tagħhom

C/2019/627

ĠU L 27, 31.1.2019, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/154/oj

31.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/154

tat-30 ta' Jannar 2019

li tistabbilixxi regoli interni dwar ir-restrizzjoni fuq id-dritt ta' aċċess tas-suġġetti tad-data għall-fajls mediċi tagħhom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 16 u 91 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' ħaddiema oħra, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal għandhom id-dritt li jiffalimjarizzaw ruħhom mal-fajls mediċi tagħhom, skont l-arranġamenti li għandhom jitniżżlu mill-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonijiet.

(2)

Mill-2004, il-Konklużjoni 221/04 tal-Kapijiet tal-amministrazzjonijiet (1) irregolat l-aċċess għal fajls mediċi u ma tippermettix aċċess dirett ta' suġġett tad-data għad-dokumenti kollha ta' natura psikjatrika jew psikoloġika li jikkonċernawhom. Dik ir-restrizzjoni ġenerali ma tinvolvix analiżi każ b'każ.

(3)

Sabiex tkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal tali dokumenti applikati mill-Kummissjoni għandhom ikunu proporzjonati u jinvolvu analiżi każ b'każ.

(4)

Filwaqt li l-aċċess għall-fajls mediċi għandu jingħata sa fejn jista' jkun possibbli lis-suġġetti tad-data, restrizzjonijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 f'xi każijiet jistgħu jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-membru tal-persunal jew tal-interessi leġittimi ta' partijiet terzi. L-uffiċjal mediku, li jaġixxi f'isem il-Kummissjoni, għandu jagħti r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni bħal din u dawk ir-raġunijiet għandhom isiru parti mill-fajls mediċi tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

(5)

Id-data personali hija maħżuna f'ambjenti elettroniċi siguri li jimpedixxu l-aċċess illegali jew it-trasferiment ta' data lil persuni li m'għandhomx bżonn li jkunu jafu.

(6)

Il-perjodi ta' ħażna li japplikaw għall-ipproċessar ta' fajls mediċi huma stabbiliti fil-lista komuni ta' żamma fil-livell ta' Kummissjoni għal fajls tal-Kummissjoni Ewropea (3).

(7)

Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' din id-deċiżjoni.

(8)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Diċembru 2018.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), mingħajr ebda perjodu tranżitorju, mid-data tad-dħul fis-seħħ. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 ippreveda l-possibbiltà li jiġu applikati restrizzjonijiet għal ċerti drittijiet. Sabiex tevita li tipperikola d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tema u l-ambitu

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li bihom il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f'konformità mal-Artikolu 25(1)(h) ta' dak ir-Regolament.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-aċċess tad-data medika personali pproċessata mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 26a, 33, 59, 72, 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 1, 13 u 15 tal-Anness VIII tagħha, u l-Artikoli 13, 16, 28, 32, 33, 83, 91, 95, 100, 101 u 102 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.

Artikolu 2

Restrizzjonijiet applikabbli

1.   Soġġett għall-Artikoli 3 sa 5, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi, fuq bażi ta' każ b'każ, id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess dirett għal informazzjoni medika personali ta' natura psikjatrika jew psikoloġika li tikkonċernahom li tkun ipproċessata mill-Kummissjoni, fejn l-aċċess għal din id-data huwa probabbli li jirrappreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data. Din ir-restrizzjoni għandha tkun proporzjonata għal dak li huwa strettament neċessarju biex jiġi protett is-suġġett tad-data.

2.   L-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandu jingħata lit-tabib tal-għażla tas-suġġett tad-data.

3.   F'dawn il-każijiet, is-suġġett tad-data għandu, fuq talba, jiġi rrimborsat mis-Servizz Mediku ta' parti mill-ispiża ta' konsultazzjoni medika ta' tabib li rċieva aċċess għall-fajls mediċi li ma ġiex rimborsat mir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS). Ir-rimbors ma għandux jaqbeż id-differenza bejn il-limiti massimi previsti mid-Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni Ġenerali għar-rimbors ta' spejjeż mediċi (5) u l-ammont rimborsat għas-suġġett tad-data mir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard skont dawk ir-regoli.

4.   Tali rimbors mis-Servizz Mediku għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-aċċess ma jkunx diġà ġie mogħti għall-istess data.

5.   Suġġett għall-Artikoli 3 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' trażżan, fuq bażi ta' każ b'każ u skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data medika personali fil-pussess tagħha fejn l-eżerċizzju ta' dan id-dritt jista' jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew suġġetti oħra tad-data.

Artikolu 3

Dritt ta' aċċess skont is-suġġett tad-data

1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, b'mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta' aċċess għal data medika personali tas-suġġetti tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hi għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, bil-miktub, fir-risposta tagħha għat-talba għal aċċess mingħajr dewmien żejjed ta' restrizzjoni applikati u r-raġunijiet prinċipali. Il-Kummissjoni se tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-għoti ta' informazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jista' jiġi diferit, jitħalla barra jew miċħud sakemm jibqa' jimmina l-fini tar-restrizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tniżżel ir-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 5.

4.   Meta d-dritt ta' aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu jeżerċita d-dritt ta' aċċess tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, skont il-paragrafi 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 4

Irrekordjar u reġistrazzjoni ta' restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrekordja r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jindika kif l-eżerċizzju tad-dritt kieku jippreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data jew jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data oħrajn.

2.   Ir-reġistru u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati fil-fajl mediku rilevanti

Artikolu 5

Tul ta' żmien tar-restrizzjonijiet

1.   Restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni ma japplikawx aktar u s-suġġett tad-data reġa' saqsa għal aċċess għad-data medika personali kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni u tagħti r-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin, jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea

1.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jiġu ristretti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Fuq talba, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jingħata aċċess għar-reġistru u għal kwalunkwe dokument li fih elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti.

2.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista' jitlob rieżami tar-restrizzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-11 ta' Diċembru 2018.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Din il-konklużjoni ġiet approvata mill-Kapijiet tal-Amministrazzjoni matul il-236 laqgħa tagħhom fid-19 ta' Frar 2004.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(3)  Il-lista komuni ta' żamma fil-livell ta' Kummissjoni għal fajls tal-Kummissjoni Ewropea SEC (2007) 970 tal-4 ta' Lulju 2007 aġġornata u kompluta minn SEC (2012) 713 tas-17 ta' Diċembru 2012.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3195 tat-2 ta' Lulju 2007 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta' implimentazzjoni għar-rimbors ta' spejjeż mediċi.


Top