Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1116

Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1116 tal-10 ta' Awwissu 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

ST/11250/2018/INIT

ĠU L 204, 13.8.2018, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1116/oj

13.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/6


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1116

tal-10 ta' Awwissu 2018

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/735 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/740.

(2)

Fit-13 ta' Lulju 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2428 (2018), li fiha esprima tħassib serju dwar in-nuqqasijiet tal-mexxejja tas-Sudan t'Isfel biex itemmu l-ostilitajiet tal-pajjiż, ikkundanna l-ksur kontinwu u serju tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel tas-17 ta' Awwissu 2015, il-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet, il-Protezzjoni tal-Persuni Ċivili tal-21 ta' Diċembru 2017 u l-Aċċess Umanitarju, u d-Dikjarazzjoni ta' Kartum tas-27 ta' Ġunju 2018, u saħħaħ il-miżuri restrittivi għas-Sudan t'Isfel imposti mir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2206 (2015).

(3)

Fost l-oħrajn, il-KSNU jemenda l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi u l-assistenza teknika u finanzjarja relatata u jemenda l-kriterji ta' deżinjazzjoni għall-persuni u l-entitajiet soġġetti għall-iffriżar tal-assi.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1125 (3) emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 sabiex tagħti effett lill-miżuri imposti mir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2428 (2018).

(5)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b'mod partikolari biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/735 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2015/735 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Għandu jkun ipprojbit li jiġu pprovduti:

(1)

assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari jew il-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għalihom, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan t'Isfel jew għall-użu fis-Sudan t'Isfel;

(2)

finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan t'Isfel jew għall-użu fis-Sudan t'Isfel.

(3)

assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew servizzi ta' senserija relatati mal-forniment ta' persunal merċenarju armat fis-Sudan t'Isfel jew għall-użu fis-Sudan t'Isfel.”

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-projbizzjonijiet imsemija fl-Artikolu 2 ma għandhomx japplikaw għall-għoti ta' finanzjament u assistenza finanzjarja, assistenza teknika u servizzi ta' senserija relatati ma':

(a)

Armi u materjal relatat, maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu mill-persunal tan-NU, inkluż il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel (UNMISS) u l-Forza tas-Sigurtà Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti għal Abyei (UNISFA);

(b)

Ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Sudan t'Isfel mill-persunal tan-NU, mir-rappreżentanti tal-midja u mill-ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u mill-persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss.”.

(3)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta' finanzjament u assistenza finanzjarja, assistenza teknika u servizzi ta' senserija fir-rigward ta':

(a)

Tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, dment li l-Istat Membru jkun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 tar-RKSNU 2428 (2018);

(b)

Armi u materjal relatat li huma esportati temporanjament lejn is-Sudan t'Isfel mill-forzi ta' Stat li jkun qed jieħu azzjoni, skont il-liġi internazzjonali, unikament u direttament biex jiffaċilita l-protezzjoni jew l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tiegħu u ta' dawk li għalihom għandu r-responsabbiltà konsulari fis-Sudan t'Isfel, dment li l-Istat Membru jinnotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 tar-RKSNU 2428 (2018);

(c)

Armi u materjal relatat, għat-Task Force Reġjonali tal-Unjoni Afrikana jew biex jappoġġaha, maħsuba biss għal operazzjonijiet reġjonali biex tiġi miġġielda l-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur (LRA), dment li l-Istat Membru jkun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 tar-RKSNU 2428 (2018);

(d)

Armi u materjal relatat li jappoġġaw biss l-implimentazzjoni tat-termini tal-ftehim ta' paċi, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 tar-RKSNU 2428 (2018);

(e)

Bejgħ jew forniment ieħor ta' armi u materjal relatat, jew l-għoti ta' assistenza jew persunal, dment li l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 tar-RKSNU 2428 (2018);

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.”.

(4)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati. L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi identifikati mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stabbilit skont il-paragrafu 16 tar-RKSNU 2206 (2015) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) bħala responsabbli għal, jew kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, f'azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel, f'konformità mal-paragrafi 6, 7, 8 u 12 tar-RKSNU 2206 (2015) u l-paragrafu 14 tar-RKSNU 2428 (2018).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BLÜMEL


(1)  ĠU L 117, 8.5.2015, p. 52.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/735 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014 (ĠU L 117, 8.5.2015, p. 13).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1125 tal-10 ta' Awwissu 2018 li temenda id-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (ara paġna 48 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top