EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2410

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2410 tal-20 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2007/25/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE rigward ċerti miżuri ta' salvagwardja b'rabta mal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja ħafna (notifikata bid-dokument C(2017) 8969) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/8969

ĠU L 342, 21.12.2017, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/07/2021; Imħassar b' 32020R0687

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2410/oj

21.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/13


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2410

tal-20 ta' Diċembru 2017

li temenda d-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2007/25/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE rigward ċerti miżuri ta' salvagwardja b'rabta mal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja ħafna

(notifikata bid-dokument C(2017) 8969)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (6), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/415/KE (7) u 2007/25/KE (8) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE (9) ġew adottati wara tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 bil-għan li jipproteġu s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem fl-Unjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2006/415/KE tistabbilixxi ċerti miżuri ta' protezzjoni li għandhom jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fil-pollam ta' Stat Membru, inkluż l-istabbiliment taż-żoni A u B wara suspett jew konferma ta' tifqigħa ta' dik il-marda.

(3)

Id-Deċiżjoni 2007/25/KE tistabbilixxi ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' għasafar domestiċi li jkunu akkumpanjati minn sidhom fl-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE tistipula li f'każ ta' sejba pożittiva tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 f'xi għasfur selvaġġ jew ta' tifqigħa ta' dik il-marda f'pollam fl-Iżvizzera, il-miżuri ta' protezzjoni tal-Unjoni jiġu applikati biss għal dawk il-partijiet tal-pajjiż terz fejn l-awtorità kompetenti ta' dak il-pajjiż terz tapplika miżuri ta' protezzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/415/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/563/KE (10).

(5)

Il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2007/25/KE u fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2017.

(6)

Matul dawn l-aħħar snin il-biċċa l-kbira tat-tifqigħat fl-Unjoni tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja fil-pollam u f'għasafar oħra miżmuma fil-magħluq, kif ukoll fil-każijiet ta' għasafar slavaġ, kienu aktar ikkawżati mis-sottotipi H5 milli mis-sottotip H5N1 ta' oriġini Asjatika. Madankollu, dik ir-razza tal-virus għadha tiċċirkola sew fil-pollam, f'għasafar oħra miżmuma fil-magħluq u fl-għasafar slavaġ f'diversi pajjiżi Asjatiċi u Afrikani u r-riskji għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem fl-Unjoni għadhom jippersistu.

(7)

Għalhekk jixraq li jkomplu jitnaqqsu r-riskji ta' dak il-virus bis-saħħa ta' ċerti miżuri ta' protezzjoni marbuta mat-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja fil-pollam u f'għasafar oħra miżmuma fil-magħluq fl-Unjoni u li jinżammu l-miżuri mmirati biex jimpedixxu l-introduzzjoni possibbli ta' viruses tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja fl-Unjoni bl-importazzjonijiet tal-prodotti tat-tjur, inkluża l-introduzzjoni tal-għasafar domestiċi.

(8)

L-introduzzjoni tal-għasafar domestiċi li jkunu akkumpanjati minn sidhom toħloq riskju aktar baxx għall-introduzzjoni tal-virus tal-influwenza tat-tjur fl-Unjoni, dejjem jekk jiġu rrispettati r-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2007/25/KE u li l-għasafar ikunu ddestinati għal dar privata jew għal residenza oħra tas-sid jew tal-persuna responsabbli. Madankollu, peress li r-rekwiżiti dwar id-destinazzjoni tal-għasafar domestiċi wara li jidħlu fl-Unjoni mhumiex stabbiliti b'mod suffiċjenti fid-Deċiżjoni 2007/25/KE, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-għasafar jiddaħħlu f'wirjiet, f'fieri, f'eżebizzjonijiet jew f'raggruppamenti oħra ta' għasafar fejn ir-riskju possibbli ta' tixrid ta' infezzjoni huwa ogħla. Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/25/KE tiġi emendata biex tistabbilixxi b'mod ċar ir-rekwiżit li dawk l-għasafar ma jistgħux jiddaħħlu f'dawn l-avvenimenti qabel ma jiskadi l-perjodu ta' 30 jum minn meta jidħlu fl-Unjoni.

(9)

Barra minn hekk, fl-14 ta' Settembru 2017 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adottat Opinjoni Xjentifika dwar l-influwenza tat-tjur (11) (l-Opinjoni tal-EFSA). Jenħtieġ li ssir reviżjoni tal-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2007/25/KE u fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE fid-dawl tas-sejbiet tal-Opinjoni tal-EFSA.

(10)

Sabiex jinżammu l-miżuri attwali ta' protezzjoni u biex tkun tista' ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-għażliet ta' politika għar-reviżjoni prevista tar-regoli tal-Unjoni bbażata fuq is-sejbiet tal-opinjoni tal-EFSA, jenħtieġ li l-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2007/25/KE u tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2018.

(11)

Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2007/25/KE, jixraq ukoll li jiġu aġġornati l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-għasafar domestiċi fl-Unjoni billi jiġi inkluż l-antiġen H7 tal-influwenza tat-tjur biex jintuża għat-testijiet dijanjostiċi u l-vaċċini.

(12)

Barra minn hekk, biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni inkluża ċ-ċertifikazzjoni għall-introduzzjoni tal-għasafar domestiċi fl-Unjoni, jenħtieġ li ċerti kontroreferenzi fid-Deċiżjoni 2007/25/KE jiġu aġġornati biex iqisu l-bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(13)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjonijiet 2006/415/KE u 2007/25/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE jiġu emendati skont dan.

(14)

Sabiex jiġi evitat kull tfixkil dwar l-introduzzjoni tal-għasafar domestiċi fl-Unjoni, jenħtieġ li l-użu taċ-ċertifikat veterinarju maħruġ skont id-Deċiżjoni 2007/25/KE qabel l-emendi introdotti minn din id-Deċiżjoni, jiġi awtorizzat matul perjodu tranżitorju li jkun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(15)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2006/415/KE, id-data “31 ta' Diċembru 2017” hija sostitwita bid-data “31 ta' Diċembru 2018”.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2007/25/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1)(b):

(a)

il-punti (ii), (iii) u (iv) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(ii)

jinżammu fi kwarantina għal 30 jum wara l-importazzjoni fl-Istat Membru destinatarju f'postijiet approvati skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2013 (*1), jew

(iii)

ikunu tlaqqmu fl-aħħar sitt xhur u sa mhux aktar tard minn 60 jum qabel it-tluq mill-pajjiż terz, u f'mill-inqas okkażjoni waħda jkunu tlaqqmu mill-ġdid kontra l-influwenza tat-tjur tas-sottotipi H5 u H7; il-vaċċini użati jridu jkunu approvati għall-ispeċi kkonċernata skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, jew

(iv)

ikunu nżammu f'iżolament għal mill-inqas 10 ijiem qabel l-esportazzjoni u jkun sarilhom test biex jiġi individwat l-antiġen jew il-ġenoma H5 u H7 tal-influwenza tat-tjur kif stabbilit fil-Kapitolu dwar l-influwenza tat-tjur tal-Manwal ta' Testijiet Dijanostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri, kif aġġornat b'mod regolari mill-OIE, imwettaq fuq kampjun meħud mhux qabel it-tielet jum ta' iżolament, u

(*1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2013 tas-7 ta' Jannar 2013 li jistipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta' ċerti għasafar fl-Unjoni u l-kondizzjonijiet ta' kwarantina tagħhom (ĠU L 47, 20.2.2013, p. 1).”"

(b)

jiżdied il-punt ġdid (v):

“(v)

jiġu ttrasferiti f'dar privata jew f'residenza oħra fl-Unjoni u fil-perjodu ta' 30 jum wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni ma jkunux jistgħu jiddaħħlu f'wirjiet, f'fieri, f'eżebizzjonijiet jew f'raggruppamenti oħra ta' għasafar, bl-eċċezzjoni tal-movimenti f'faċilità approvata għall-kwarantina wara l-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni kif imsemmi fil-punt (ii).”

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu (4) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Meta dawn il-kontrolli juru li l-annimali ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, għandu japplika l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).”"

(3)

Fl-Artikolu 6, id-data “31 ta' Diċembru 2017” hija sostiwita bid-data “31 ta' Diċembru 2018”.

(4)

Fl-Anness II, il-Parti II tal-mudell taċ-ċertifikat veterinarju hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“[3.

L-għasfur (għasafar) jikkonforma(w) mill-inqas ma' waħda mill-kundizzjonijiet mniżżlin hawn taħt:

(1) jew

[jiġi/jiġu minn pajjiż terz elenkat fil-Parti 1 tal-Anness I jew fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 u ġie/ġew iżolat(i) fil-bini speċifikat fil-punt I.11 taħt superviżjoni uffiċjali għal mill-inqas 30 jum qabel id-data tad-dispaċċ u protett(i) b'mod effettiv mill-kuntatt ma' kwalunkwe għasfur ieħor;]

(1) jew

[tlaqqam/tlaqqmu fi … [jj/xx/ssss] u tlaqqam/tlaqqmu mill-ġdid fi … [jj/xx/ssss] kontra l-influwenza tat-tjur tas-sottotipi H5 u H7 fi żmien 6 xhur u mhux aktar tard minn 60 jum qabel id-data tad-dispaċċ, skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur. Il-vaċċin(i) użat(i) mhuwiex/mhumiex vaċċin(i) ħaj/ħajja u huwa/huma approvat(i) għall-ispeċi kkonċernata fil-pajjiż terz tad-dispaċċ jew mill-inqas fi Stat Membru wieħed tal-Unjoni Ewropea;]

(1) jew

[ġie/ġew iżolat(i) għal mill-inqas 10 ijiem qabel id-data tad-dispaċċ u jkun(u) ġie/ġew soġġett(i) għal test biex jiġi individwat l-antiġen jew jew il-ġenoma H5 u H7 tal-influwenza tat-tjur kif stabbilit fil-Kapitolu 2.3.4. dwar l-influwenza tat-tjur tal-Manwal ta' Testijiet Dijanostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-OIE, kif aġġornat b'mod regolari, imwettaq fuq kampjun meħud fi … [jj/xx/ssss], li ma jistax jittieħed qabel it-tielet jum ta' izolament;]

u

jiġi/jiġu ttrasferit(i) f'dar privata jew f'residenza oħra fl-Unjoni Ewropea u fil-perjodu ta' 30 jum wara d-dħul tiegħu/tagħhom fl-Unjoni ma jistax/jistgħux jiddaħħal/jiddaħħlu f'wirjiet, f'fieri, f'eżebizzjonijiet jew f'raggruppamenti oħra ta' għasafar.]

(1) jew

[3.

Is-sid/il-persuna responsabbli għall-għasfur (għasafar) iddikjara(t) li huwa/hija għamel (għamlet) l-arranġamenti għall-kwarantina ta' 30 jum ta' wara d-dħul fl-Unjoni Ewropea, f'faċilità jew f'ċentru ta' kwarantina approvat skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 139/2013”.

(b)

Il-punt 4.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.1.

L-għasfur (għasafar) huwa/huma “annimal(i) domestiku(ċi)” kif definit fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 maħsub għall-moviment mhux kummerċjali.”

(5)

Fl-Anness III jiżdied il-punt 5 li ġej:

“5.

L-għasfur (għasafar) irid(u) jiġi/jiġu ttrasferit(i) f'dar privata jew f'residenza oħra fl-Unjoni u fil-perjodu ta' 30 jum wara d-dħul tiegħu/tagħhom fl-Unjoni ma jistax/jistgħux jiddaħħal/jiddaħħlu f'wirjiet, f'fieri, f'eżebizzjonijiet jew f'raggruppamenti oħra ta' għasafar, bl-eċċezzjoni tal-movimenti f'faċilità approvata ta' kwarantina wara d-dħul tiegħu/tagħhom fl-Unjoni.”

Artikolu 3

Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/657/UE, id-data “31 ta' Diċembru 2017” hija sostitwita bid-data “31 ta' Diċembru 2018”.

Artikolu 4

Għal perjodu tranżitorju sal-1 ta' Marzu 2018, l-għasafar domestiċi li jkollhom ċertifikat veterinarju maħruġ qabel dik id-data u fi żmien il-perjodu tal-validità tiegħu skont il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness II u d-Dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/25/KE fil-verżjonijiet tagħhom qabel l-emendi introdotti fid-Deċiżjoni 2007/25/KE bl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni, jistgħu jibqgħu jiddaħħlu fl-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(4)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(5)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(6)  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta' patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 fir-rigward ta' ċerti miżuri ta' ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29).

(9)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/657/UE tat-12 ta' Novembru 2013 rigward ċerti miżuri ta' salvagwardja b'rabta mal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja ħafna tas-sottotip H5N1 li għandhom jiġu applikati fil-każ ta' tifqigħa ta' din il-marda fl-Iżvizzera u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2009/494/KE (ĠU L 305, 15.11.2013, p. 19).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/563/KE tal-11 ta' Awwissu 2006 dwar ċerti miżuri ta' ħarsien b'rabta mal-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna tas-sottotip H5N1 fi tjur slavaġ fil-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/115/KE (ĠU L 222, 15.8.2006, p. 11).

(11)  EFSA Journal 2017;15(10):4991.


Top