Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2314

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2314 tad-19 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

    ĠU L 345, 20.12.2016, p. 62–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/03/2020; Impliċitament imħassar minn 32020D0471

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2314/oj

    20.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 345/62


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2314

    tad-19 ta' Diċembru 2016

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 (1).

    (2)

    Fl-20 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/993 (2) li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 billi żiedet żewġ kompiti ta' sostenn mal-mandat tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, jiġifieri l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u t-taħriġ tal-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani, u kontribut għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja.

    (3)

    L-eżami ta' dawk bil-possibbiltà li jitħarrġu mill-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjana għandu jsir aktar effiċjenti billi jkun hemm skambju ta' informazzjoni mal-INTERPOL, mal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u mal-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll mal-Istati Membri, mal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL), mal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL) u mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta (Frontex).

    (4)

    L-iskambju ta' informazzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja għandu jkun awtorizzat sal-livell “SECRET UE/EU SECRET”.

    (5)

    Għandha tiġi introdotta l-possibbiltà li l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tiskambja informazzjoni mal-INTERPOL fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin jew tal-embargo fuq l-armi.

    (6)

    Barra minn hekk, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jingħata s-setgħa li jawtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) biex tiskambja l-informazzjoni ma' Stati terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kif meħtieġ biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA.

    (7)

    Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata biex tiddelega l-awtorizzazzjonijiet biex tiġi rilaxxata informazzjoni klassifikata u biex tikkonkludi l-arranġamenti għal dak l-għan imsemmija fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/778.

    (8)

    Għandha ssir enfasi fuq il-ħtieġa li l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tikkonforma mal-liġi applikabbli meta tiġbor, taħżen u tiskambja data personali u evidenza.

    (9)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   L-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tista' tiġbor u taħżen, f'konformità mad-dritt applikabbli, data personali li tikkonċerna l-persuni meħuda abbord bastimenti li jipparteċipaw fl-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA relattiva għall-karatteristiċi li x'aktarx jgħinu biex ikunu identifikati, inklużi marki tas-swaba', kif ukoll id-dettalji li ġejjin, bl-esklużjoni ta' data personali oħra: kunjom, kunjom ta' xebba, ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt; data u post tat-twelid, nazzjonalità, sess, post ta' residenza, professjoni u lokazzjoni; liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta' identifikazzjoni u data dwar il-passaport. Hija tista' tibgħat dik id-data u data dwar il-bastimenti u t-tagħmir użati minn tali persuni lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u/jew lill-korpi kompetenti tal-Unjoni.”;

    (2)

    Fl-Artikolu 2a, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b' dan li ġej:

    “5.   Sa fejn ikun meħtieġ għall-kompitu ta' sostenn imsemmi fil-paragrafu 1, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tista' tiġbor, taħżen u tiskambja ma' Stati Membri, korpi kompetenti tal-Unjoni, l-UNSMIL, l-EUROPOL, l-INTERPOL, il-Frontex, il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Istati Uniti tal-Amerika l-informazzjoni, inkluża data personali, miġbura għall-fini tal-proċeduri tal-eżami ta' dawk bil-possibbiltà li jitħarrġu, dment li dawn ikunu taw il-kunsens tagħhom bil-miktub. Barra minn hekk, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tista' tiġbor u taħżen l-informazzjoni medika u d-data bijometrika meħtieġa dwar dawk li jitħarrġu dment li huma taw il-kunsens tagħhom bil-miktub.”;

    (3)

    Fl-Artikolu 2b, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Bħala parti mill-kompitu ta' sostenn tagħha biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tiġbor u tiskambja informazzjoni ma' sħab u aġenziji rilevanti permezz tal-mekkaniżmi fid-dokumenti tal-ippjanar sabiex tikkontribwixxi għal għarfien komprensiv tas-sitwazzjoni marittima fiż-Żona tal-Operazzjoni miftiehma kif definita fid-dokumenti rilevanti tal-ippjanar. Fejn tali informazzjoni tkun ikklassifikata sa ‘SECRET UE/EU SECRET’, din tista' tiġi skambjata ma' sħab u aġenziji rilevanti f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (*1) u abbażi ta' arranġamenti konklużi fil-livell operazzjonali f'konformità mal-Artikolu 12(9) ta' din id-Deċiżjoni, u b'rispett sħiħ tal-prinċipji tar-reċiproċità u l-inklużività. L-informazzjoni klassifikata riċevuta għandha tiġi trattata mill-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA mingħajr ebda distinzjoni bejn il-persunal tagħha u unikament fuq il-bażi ta' rekwiżiti operazzjonali.

    (*1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).”;"

    (4)

    Fl-Artikolu 2b, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   F'konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-UNSCR 2292 (2016), l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tista', matul l-ispezzjonijiet imwettqa f'konformità mal-paragrafu 2, tiġbor u taħżen evidenza direttament relatata mal-ġarr ta' oġġetti pprojbiti taħt l-embargo tal-armi fuq il-Libja. Hija tista' tibgħat tali evidenza lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u/jew il-korpi kompetenti tal-Unjoni f'konformità mal-liġi applikabbli.”;

    (5)

    L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 12

    Rilaxx ta' informazzjoni

    1.   Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lil Stati terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji internazzjonali nominati, kif ikun meħtieġ u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li jkun kopert mill-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (*2). Il-KPS għandu jinnomina skont il-każ l-Istati terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji internazzjonali kkonċernati.

    2.   Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lil Stati terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji internazzjonali nominati, kif ikun meħtieġ u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, u bir-rispett sħiħ tal-prinċipji ta' reċiproċità u inklużività, informazzjoni kklassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-operazzjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE, kif ġej:

    (a)

    sal-livell previst mill-Ftehimiet applikabbli dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni u l-Istat terz konċernat; jew

    (b)

    sal-livell ‘CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL’ f'każijiet oħrajn.

    Il-KPS għandu jinnomina skont il-każ l-Istati terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji internazzjonali kkonċernati.

    3.   L-informazzjoni klassifikata riċevuta għandha tiġi trattata mill-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA mingħajr ebda distinzjoni bejn il-persunal tagħha u unikament fuq il-bażi ta' rekwiżiti operazzjonali.

    4.   Ir-RGħ hija awtorizzata wkoll li tgħaddi lin-NU, f'konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’ li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

    5.   Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-INTERPOL informazzjoni rilevanti, inkluża data personali, f'konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA.

    6.   Sa meta jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni u l-INTERPOL, l-EUNAVFOR MED operazzjoni Sophia tista' tiskambja tali informazzjoni mal-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali tal-INTERPOL tal-Istati Membri, f'konformità mal-arranġamenti li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-Kap tal-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali rilevanti.

    7.   F'każ ta' bżonn operazzjonali speċifiku, ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-awtoritajiet Libjani leġittimi kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’ iġġenerata għall-finijiet tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

    8.   Ir-RGħ hija awtorizzata tikkonkludi l-arranġamenti meħtieġa għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni f'din id-Deċiżjoni.

    9.   Ir-RGħ tista' tiddelega l-awtorizzazzjonijiet biex tiġi rilaxxata informazzjoni kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin f'din id-Deċiżjoni lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE f'konformità mat-taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

    (*2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).”."

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. SÓLYMOS


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/993 tal-20 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA (ĠU L 162, 21.6.2016, p. 18).


    Top