Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0386

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/386/PESK tat- 23 ta' Ġunju 2014 dwar restrizzjonijiet fuq oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol

    ĠU L 183, 24.6.2014, p. 70–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/06/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/386/oj

    24.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 183/70


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/386/PESK

    tat-23 ta' Ġunju 2014

    dwar restrizzjonijiet fuq oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol, minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fis-6 ta' Marzu 2014, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni kkundannaw bil-qawwa l-ksur mhux provokat tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa.

    (2)

    Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1) dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

    (3)

    Fil-laqgħa tiegħu tal-20-21 ta' Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa l-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea (“Krimea”) u l-belt ta' Sevastopol (“Sevastopol”) mal-Federazzjoni Russa u enfasizza li mhux ser jirrikonoxxiha. Il-Kunsill Ewropew qies li ċerti restrizzjonijiet ekonomiċi, tal-kummerċ u dawk finanzjarji rigward il-Krimea għandhom jiġu proposti għal implimentazzjoni rapida.

    (4)

    Fis-27 ta' Marzu 2014, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 68/262 dwar l-integrità territorjali tal-Ukraina, li terġa' tirriafferma l-impenn tagħha għas-sovranità, l-indipendenza politika, l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukraina fil-fruntieri rikonoxxuti b'mod internazzjonali, waqt li tissottolinja l-invalidità tar-referendum li sar fil-Krimea fis-16 ta' Marzu, u tappella lill-Istati kollha biex ma jirrikonoxxux xi tibdil li jsir lill-istatus tal-Krimea u Sevastopol.

    (5)

    F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kunsill jikkunsidra li l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol għandhom ikunu pprojbiti, bl-eċċezzjoni ta' oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol li jkunu ngħataw ċertifikat ta' oriġini mill-Gvern tal-Ukraina.

    (6)

    Sabiex ikun żgurat li l-miżuri provduti f'din id-Deċiżjoni jkunu effettivi, għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

    (7)

    Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-importazzjoni tal-oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol għandhom ikunu pprojbiti.

    2.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja, kif ukoll l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni ta' oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol.

    Artikolu 2

    Il-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 m'għandhomx japplikaw għall-oġġetti li joriġinaw fil-Krimea jew Sevastopol li kienu ġew disponibbli għal eżami, u jkunu ġew ikkontrollati mill-awtoritajiet tal-Ukraina u li ngħataw ċertifikat ta' oriġini mill-Gvern tal-Ukraina.

    Artikolu 3

    Il-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni sas-26 ta' Settembru 2014 ta' kuntratti konklużi qabel il-25 ta' Ġunju 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, li għandhom jiġu konklużi u eżegwiti mhux aktar tard mis-26 ta' Settembru 2014.

    Artikolu 4

    Il-parteċipazzjoni, konxjament u bi ħsieb, f'attivitajiet li għandhom l-għan li jevitaw il-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 għandha tiġi pprojbita.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-23 ta' Ġunju 2015.

    Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami permanenti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill ikun tal-fehma li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.


    Top