Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0164

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 164/2009 tas- 26 ta' Frar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-provi tal-wasla fid-destinazzjoni tagħhom ta' esportazzjonijiet barra mill-kwota fis-settur taz-zokkor

ĠU L 55, 27.2.2009, pp. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/12/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2835

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/164/oj

27.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 164/2009

tas-26 ta' Frar 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-provi tal-wasla fid-destinazzjoni tagħhom ta' esportazzjonijiet barra mill-kwota fis-settur taz-zokkor

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 192(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), jistipula wkoll regoli ddettaljati għall-esportazzjonijiet barra mill-kwota fis-settur taz-zokkor.

(2)

Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju tal-frodi u sabiex ma jitħalla jsir l-ebda abbuż assoċjat mal-importazzjoni mill-ġdid jew mad-dħul mill-ġdid fil-Komunità ta' zokkor jew isoglukożju barra mill-kwota, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 924/2008 tad-19 ta' Settembru 2008 li jiffissa l-livell kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2008/2009 (3), iħalli barra mid-destinazzjonijiet eliġibbli ċerti destinazzjonijiet fil-qrib.

(3)

L-Artikolu 4(c) tar-Regolament (KE) Nru 951/2006 isemmi d-dokumenti li jistgħu jintwerew bħala provi tal-wasla fid-destinazzjoni f'każ li ċerti destinazzjonijiet ikunu tħallew barra mill-esportazzjonijiet taz-zokkor u/jew tal-isoglukożju barra mill-kwota. Madanakollu, dak l-Artikolu ma jippermettix li jkunu aċċettati d-dokumenti tad-dwana msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta' April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (4), jew iċ-ċertifikati tal-ħatt, li għandhom ikunu d-dokumenti prinċipali li għandhom jitressqu bħala prova tal-importazzjoni f'pajjiż terz. Id-dokumenti mniżżlin fl-Artikolu 4(c) tar-Regolament (KE) Nru 951/2006 għandhom ikunu aċċettati biss f'każ li l-esportaturi ma jkunux jistgħu jiksbu d-dokumenti standard tad-dwana msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

(4)

L-esportazzjonijiet taz-zokkor għall-għanijiet ta' għajnuna umanitarja jibqgħu attività kummerċjali importanti għal xi esportaturi taz-zokkor tal-Komunità. Ħafna drabi, għal dawn it-tip ta' esportazzjonijiet, ma jkunux jistgħu jinkisbu d-dokumenti standard tad-dwana u jkun diffiċli li jintbagħtu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(c) tar-Regolament (KE) Nru 951/2006. Għaldaqstant jeħtieġ li tkun permessa dikjarazzjoni li l-kunsinna ġiet aċċettata maħruġa minn organizzazzjoni internazzjoniali approvata jew minn organizzazzjoni umanitarja u li għandha tkun aċċettata bħala l-prova tal-wasla fid-destinazzjoni skont l-Artikolu 16(2)(f) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

(5)

Il-komunikazzjoni tal-Istati Membri dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni maħruġin, kif mitlub mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006 għandha tinkludi wkoll il-kwantitajiet taz-zokkor u/jew ta' isoglukożju tal-kwota esportati mingħajr rifużjoni.

(6)

Il-kwantitajiet ta' zokkor importati skont l-arranġamenti ta' pproċessar intern għandhom ikunu mmonitorjati mill-qrib. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kwantitajiet rilevanti għandha sseħħ kull xahar.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 951/2006 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 951/2006 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(c) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikolu 4(c)

Il-provi tal-wasla fid-destinazzjoni

1.   Jekk ċerti destinazzjonijiet mhumiex eliġibbli għall-esportazzjonijiet ta' zokkor u/jew ta' isoglukożju barra mill-kwota, għandha tingħata prova li l-formalitajiet tad-dwana għall-importazzjoni lejn id-destinazzjonijiet eliġibbli tlestew billi jintwera wieħed mid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

2.   F'każ fejn l-esportatur ma jkunx jista' jikseb id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu wkoll wara li jkun ħa l-passi xierqa, il-prodotti għandhom jitqiesu li ġew impurtati f'pajjiż terz jekk jintwerew it-tliet dokumenti li ġejjin:

(a)

kopja tad-dokument tat-trasport;

(b)

dikjarazzjoni li l-prodott inħatt, magħmula minn awtorità uffiċjali tal-pajjiż terz ikkonċernat, mill-awtoritajiet uffiċjali ta' wieħed mill-Istati Membri stabbiliti fil-pajjiż tad-destinazzjoni, jew minn aġenzija internazzjonali ta' sorveljanza approvata skont l-Artikoli 16a sa 16f tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, li tiċċertifika li l-prodott ħalla l-post tal-ħatt jew talanqas li, sa fejn tkun taf l-awtorità jew l-aġenzija li tkun qed toħroġ id-dikjarazzjoni, il-prodott ma jkunx tgħabba mill-ġdid sussegwentement bil-għan li jerġa' jkun esportat;

(c)

dokument bankarju maħruġ minn intermedjarji approvati stabbiliti fil-Komunità li jiċċertifika li l-ħlas li jikkorrispondi mal-esportazzjoni kkonċernata jkun inħareġ mill-kont tal-esportatur li jkun infetaħ magħhom, jew evidenza li sar il-ħlas.

3.   F'każ ta' esportazzjonijiet taz-zokkor u/jew tal-isoglukożju barra mill-kwota bħala għajnuna tal-ikel għal organizzazzjoni internazzjonali jew organizzazzjoni umanitarja, il-prodotti għandhom jitqiesu li ġew impurtati f'pajjiż terz jekk tintwera dikjarazzjoni li l-kunsinna ġiet aċċettata maħruġa minn organizzazzjoni internazzjoniali jew minn organizzazzjoni umanitarja approvata mill-Istat Membru tal-esportazzjoni, f'każ fejn il-prodotti jikkostitwixxu għajnuna tal-ikel.”

(2)

Fl-Artikolu 17, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

il-kwantitajiet li għalihom inħarġu l-liċenzji skont l-Artikolu 7, imqassmin skont iz-zokkor u l-isoglukożju.”

(3)

Fl-Artikolu 19, il-punt 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.

Il-kwantitajiet ta' zokkor impurtati minn pajjiżi terzi u esportati bħala prodotti ta' kumpens skont l-arranġament ta' pproċessar intern imsemmija fl-Artikolu 116 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92; in-notifika għandha tirreferi għal kull xahar; u għandha titressaq sa mhux aktar tard minn tmiem it-tieni xahar kalendarju ta' wara x-xahar ikkonċernat.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) għandu jibda japplika sa mill-1 ta' Ottubru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)   ĠU L 252, 20.9.2008, p. 7.

(4)   ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11.


Top