Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009H0384

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ April 2009 dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2009/384/oj

    15.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 120/22


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-30 ta’ April 2009

    dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/384/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 211 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    It-teħid ta’ riskji eċċessivi fl-industrija tas-servizzi finanzjarji u b’mod partikolari f’banek u f’kumpaniji ta’ investiment ikkontribwixxa għall-falliment ta’ impriżi finanzjarji u għal problemi sistemiċi fl-Istati Membri u madwar id-dinja kollha. Dawn il-problema nfirxu anke fil-bqija tal-ekonomija u wasslu għal kost għoli għas-soċjetà.

    (2)

    Minkejja li ma kinux il-kawża ewlenija tal-kriżi finanzjarja li żviluppat fl-2007 u l-2008, hemm kunsens wiesa’ li xi prattiċi mhux xierqa ta’ rimunerazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji kkaġunaw ukoll it-teħid ta’ riskji eċċessivi u b’hekk ikkontribwixxew għal telf sinifikanti lil impriżi finanzjarji kbar.

    (3)

    Fil-biċċa l-kbira tal-industrija tas-servizzi finanzjarji, il-prattiċi ta’ rimunerazzjoni kienu qed jaħdmu kontra l-ġestjoni effettiva u għaqlija tar-riskji. Dawn il-prattiċi kellhom it-tendenza li jippreferu l-ksib ta’ profitt fi żmien qasir u joffru inċentivi lill-membri tal-persunal biex jagħżlu attivitajiet riskjużi li jroddu dħul ogħla fi żmien qasir filwaqt li jesponu lill-impriżi finanzjarji għal potenzjal ta’ telf akbar f’aktar tul ta’ żmien.

    (4)

    Fil-prinċipju, jekk is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskji jkunu b’saħħithom u effeikaċi ħafna, l-inċentivi għat-teħid ta’ riskji offruti mill-prattiċi ta’ rimunerazzjoni jkunu konsistenti mat-tolleranza tar-riskji tal-impriża finanzjarja. Madankollu, is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskji kollha għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom u, kif uriet il-kriżi finanzjarja, għandhom mnejn ma jirnexxilhomx jindirizzaw ir-riskji li jinħolqu mill-inċentivi ħżiena, minħabba li n-natura tar-riskji hija dejjem aktar kumplessa u li r-riskji jistgħu jittieħdu f’għadd kbir ta’ modi diversi. Konsegwentement, hu meħtieġ li ssir separazzjoni funzjonali sempliċi bejn l-unitajiet tan-negozju u l-persunal responsabbli għas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskji, anke jekk din weħidha ma għadhiex biżżejjed.

    (5)

    Il-ħolqien ta’ inċentivi adegwati fis-sistema ta’ rimunerazzjoni nnifisha għandu jnaqqas il-piż minn fuq il-ġestjoni tar-riskji u jżid il-probabbiltà li dawn is-sistemi jsiru effikaċi. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji għal politika ta’ rimunerazzjoni għaqlija.

    (6)

    Meta wieħed iqis il-pressjonijiet kompetittivi eżistenti fl-industrija tas-servizzi finanzjarji u l-fatt li bosta impriżi finanzjarji jwettqu kummerċ transkonfinali, huwa importanti li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha ta’ prinċipji għal politika ta’ rimunerazzjoni għaqlija. Madankollu, wieħed jirrikonoxxi li biex ikunu aktar effikaċi, il-prinċipji għal politika ta’ rimunerazzjoni għaqlija jkollhom jiġu implimentati madwar id-dinja kollha u b’mod konsistenti.

    (7)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew” (1), il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan tagħha biex terġa’ tiġi stabbilita u tinżamm sistema finanzjarja stabbli u affidabbli. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħabbret li se tiġi ppreżentata Rakkomandazzjoni ġdida dwar ir-remunerazzjoni fis-settur tas-servizzi soċjali biex ittejjeb il-ġestjoni tar-riskji fil-kumpaniji finanzjarji u ġġib l-inċentivi tal-ħlas fl-istess linja mal-prestazzjoni sostenibbli.

    (8)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tistipula prinċipji ġenerali applikabbli għall-politika ta’ remunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji u għandha tkun applikabbli għall-impriżi finanzjarji kollha li joperaw fl-industrija tas-servizzi finanzjarji.

    (9)

    Fid-dawl ta’ regolamenti u prattiċi komuni attwali fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, dawn il-prinċipji ġenerali jistgħu jkunu aktar rilevanti għal ċerti kategoriji ta’ impriżi finanzjarji milli għal oħrajn. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati flimkien ma’ kwalunkwe regola jew regolament li jirregola settur finanzjarju speċifiku. B’mod partikolari, id-drittijiet jew kummissjonijiet li jirċievu intermedjarji jew fornituri ta’ servizzi esterni fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-għoti ta’ kuntratti lil entitajiet esterni ma għandhomx jiġu indirizzati, peress l-prattiċi ta’ kumpens relatati ma’ dawn id-drittijiet u kummissjonijiet diġà huma koperti parzjalment minn skemi speċifiċi, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (2) u d-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (3). Barra minn hekk, din ir-Rakkomandazzjoni hija bla ħsara għad-drittijiet, fejn applikabbli, tas-sħab soċjali fin-negozjati kollettivi.

    (10)

    Fir-rigward tal-impriżi finanzjarji li t-titoli tagħhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE fi Stat Membru wieħed jew aktar, din ir-Rakkomandazzjoni tapplika wkoll flimkien mar-Rakkomandazzjoni 2004/913/KE tal-14 ta’ Diċembru 2004 sabiex titkattar sistema xierqa għar-rimunerazzjoni ta’ diretturi ta’ kumpaniji kkwotati (4) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/385/KE tat-30 ta’ April 2009 li tikkumplimenta ir-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE kif jirigwardja is-sistema għar-rimunerazzjoni ta’ diretturi ta’ kumpaniji kkwotati (5).

    (11)

    Il-politika ta’ rimunerazzjoni ta’ impriża finanzjarja speċifika għandha tkun relatata wkoll mad-daqs tal-impriża finanzjarja konċernata, kif ukoll man-natura u l-komplessità tal-attivitajiet tagħha.

    (12)

    Għandha tiġi adottata politika ta’ rimunerazzjoni li tiffoka fuq ir-riskji, li tkun konsistenti mal-ġestjoni effettiva tar-riskji u li ma tinvolvix espożizzjoni għal riskji eċċessivi.

    (13)

    Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tkopri dawk il-kategoriji tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom iħallu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-impriża finanzjarja. Sabiex ma jingħatawx inċentivi għat-teħid ta’ riskji eċċessivi, għandhom jiġu adottati arranġamenti speċjali fir-rigward tar-rimunerazzjoni ta’ dawn il-kategoriji ta’ staff.

    (14)

    Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha jkollha l-għan li ġġib l-għanijiet personali tal-membri tal-persunal konsistenti mal-interessi fit-tul tal-impriża finanzjarja konċernata. Il-valutazzjoni tal-komponenti ta’ rimunerazzjoni li jiddependu mill-prestazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prestazzjoni aktar fit-tul u tqis ir-riskji pendenti assoċjati mal-prestazzjoni. Il-valutazzjoni tal-prestazzjoni għandha tifforma parti minn qafas ta’ diversi snin, pereżempju minn tliet snin sa ħames snin, sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-valutazzjoni jkun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul u li l-ħlas attwali tal-komponenti ta’ rimunerazzjoni li jiddependu mill-prestazzjoni jitqassam tul iċ-ċiklu ta’ negozju tal-kumpanija.

    (15)

    L-impriżi finanzjarji għandhom ikunu jistgħu jirkupraw il-komponenti varjabbli ta’ rimunerazzjoni li jkunu ngħataw għall-prestazzjoni abbażi ta’ dejta li sussegwentament jingħata prova li kienet manifestament iddikjarata ħażin.

    (16)

    Bħala prinċipju ġenerali, il-ħlasijiet relatati mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt li jingħataw fuq bażi kuntrattwali ma għandhomx iservu ta’ premju għall-falliment. Fil-każ ta’ diretturi ta’ impriżi finanzjarji kkwotati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħlasijiet għal terminazzjoni kif stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2009/385/KE.

    (17)

    Sabiex il-politika ta’ rimunerazzjoni tkun konsistenti mal-għanijiet, l-istrateġija ta’ negozjar, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-istituzzjoni finanzjarja, apparti mill-prestazzjoni finanzjarja għandhom jitqiesu fatturi oħra, bħall-konformità ma’ sistemi u kontrolli tal-istituzzjoni finanzjarja, kif ukoll il-konformità mal-istandards li jirregolaw ir-relazzjoni mal-klijenti u l-investituri.

    (18)

    Il-governanza effikaċi hija kundizzjoni neċessarja biex il-politika ta’ rimunerazzjoni tkun waħda għaqlija. Il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni ta’ impriża finanzjarja għandu jkun internament trasparenti u għandu jkun mfassal b’tali mod li jevita l-possibbiltà ta’ konflitti ta’ interess u jiżgura l-indipendenza tal-persuni involuti.

    (19)

    L-entità li tirregola l-impriża finanzjarja għandu jkollha r-resposabbiltà aħħarija li tistabbilixxi l-politika ta’ rimunerazzjoni għall-impriża finanzjarja kollha u li timmonitorja l-implimentazzjoni tagħha. Fil-proċess għandhom jiġu involuti funzjonijiet ta’ kontroll u, fejn xieraq, dipartimenti tar-riżorsi umani u esperti, biex jingħata l-għarfien espert meħtieġ. B’mod partikolari, il-funzjonijiet ta’ kontroll għandhom jiġu involuti wkoll fit-tfassil u l-analiżi tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni, u l-ħlas għal xogħolhom għandu jkun xieraq biex jiġu mħajrin jipparteċipaw individwi esperti u jiġi żgurat li dawn ikunu indipendenti mill-unitajiet ta’ negozju li jikkontrollaw. L-awditur statutorju, fil-limiti tad-doveri attwali ta’ rappurtar, għandu jirrapporta dwar in-nuqqasijiet materjali fl-analiżi tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni lill-bord (ta’ sorveljanza) jew lill-kumitat tal-verifika.

    (20)

    Il-kontroll tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni x’aktarx li jkun aktar effittiv jekk il-partijiet interessati tal-impriża finanzjarja, fosthom, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tal-impjegati, ikunu informati sew dwar il-proċess li bih tiġi stabbilita u mmonitorjata l-politika ta’ rimunerazzjoni u involuti fih. Għal dan l-għan, l-impriżi finanzjarji għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-partijiet interessati tagħhom.

    (21)

    L-implimentazzjoni tal-prinċipji stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni għandha tissaħħaħ permezz ta’ analiżi superviżorja fuq livell nazzjonali. Għalhekk, il-valutazzjoni superviżorja globali tas-saħħa tal-impriża finanzjarja għandha tinkludi l-valutazzjoni tal-konformità tal-politika ta’ rimunerazzjoni tal-impriża finanzjarja mal-prinċipji stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni.

    (22)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fergħat tal-impriżi finanzjarji li jkollhom l-uffiċju reġistrat tagħhom jew l-uffiċju prinċipali tagħhom f’pajjiż terz u li jwettqu kummerċ fit-territorju ta’ Stat Membru jiġu suġġetti għal prinċipji dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni simili għall-prinċipji applikabbli għal impriżi finanzjarji li jkollhom l-uffiċju reġistrat tagħhom jew l-uffiċju prinċipali tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru.

    (23)

    Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi applikata bla ħsara għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati minn Stati Membri fir-rigward ta’ politiki ta’ rimunerazzjoni ta’ impriżi finanzjarji li jibbenifikaw mill-għajnuna mill-Istat.

    (24)

    In-notifika ta’ miżuri minn Stati Membri skont din ir-Rakkomandazzjoni għandha tinkludi skeda ċara taż-żmien li fih l-impriżi finanzjarji għandhom jadottaw politiki ta’ rimunerazzjoni konsistenti mal-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

    B’DAN TIRRAKKOMANDA:

    TAQSIMA I

    Ambitu u definizzjonijiet

    1.   Ambitu

    1.1.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II, III u IV japplikaw għall-impriżi finanzjarji kollha li jkollhom l-uffiċju reġistrat tagħhom jew l-uffiċċju prinċipali tagħhom fit-territorju tagħhom.

    1.2.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II, III u IV japplikaw għar-rimunerazzjoni ta’ dawk il-kategoriji tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom iħallu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-impriża finanzjarja.

    1.3.

    Meta jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-impriżi finanzjarji jimplimentaw dawk il-prinċipji, l-Istati Membri għandhom iqisu n-natura, id-daqs, kif ukoll l-ambitu speċifiku tal-attivitajiet tal-impriżi finanzjarji konċernati.

    1.4.

    L-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II, III u IV għal impriżi finanzjarji fuq bażi individwali u fuq bażi konsolidata. Il-prinċipji għal politika ta’ rimunerazzjoni għaqlija għandhom jiġu applikati, fuq livell ta’ grupp, għall-impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, inkluż dawk stabbiliti f’ċentri finanzjarji offshore.

    1.5.

    Din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għal drittijiet u kummissjonijiet li jirċievu intermedjarji jew fornituri ta’ servizzi esterni fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-għoti ta’ kuntratti lil entitajiet esterni.

    2.   Definizzjonijiet għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni

    2.1.

    “Impriża finanzjarja”, tfisser kwalunkwe impriża, ikun xi jkun l-istatus legali tagħha, kemm jekk regolata kif ukoll jekk mhix, li twettaq kwalunkwe waħda minn dawn l-attivitajiet fuq bażi professjonali:

    (a)

    Taċċetta depożiti u fondi oħra li jitħallsu lura;

    (b)

    Tipprovdi servizzi ta’ investiment u/jew twettaq attivitajiet ta’ investiment skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE;

    (ċ)

    Tkun involuta fin-negozju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

    (d)

    Twettaq attivitajiet ta’ negozju simili għal dawk stipulati fil-punti (a), (b) u (c).

    Impriża finanzjarja tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, istituzzjonijiet tal-kreditu, kumpaniji ta’ investiment, impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, fondi ta’ pensjonijiet u skemi kollettivi ta’ investiment.

    2.2.

    “Direttur”, tfisser kwalunkwe membru ta’ korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza ta’ impriża finanzjarja.

    2.3.

    “Funzjonijiet ta’ kontroll”, tfisser ġestjoni tar-riskji, kontroll intern u funzjonijiet simili li jitwettqu f’impriża finanzjarja.

    2.4.

    “Komponent varjabbli ta’ rimunerazzjoni”, tfisser komponent tad-dritt għar-rimunerazzjoni li jingħata abbażi tal-kriterji ta’ prestazzjoni, inkluż il-bonusijiet.

    TAQSIMA II

    Politika ta’ rimunerazzjoni

    3.   Ġenerali

    3.1.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi finanzjarji jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika ta’ rimunerazzjoni li tkun konsistenti u tippromwovi l-ġestjoni għaqlija u effettiva tar-riskji u li ma tikkaġunax it-teħid ta’ riskji eċċessivi.

    3.2.

    Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tkun konsistenti mal-istrateġija ta’ negozjar, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-impriża finanzjarja, bħall-prospetti ta’ tkabbir sostenibbli, u mal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tal-klijenti u l-investituri waqt il-forniment tas-servizzi.

    4.   Struttura tal-politika ta’ rimunerazzjoni.

    4.1.

    Meta r-rimunerazzjoni tinkludi xi komponent varjabbli jew xi bonus, il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tiġi strutturata b’bilanċ xieraq bejn il-komponenti ta’ rimunerazzjoni fissi u dawk varjabbli. Il-bilanċ xieraq ta’ komponenti ta’ rimunerazzjoni jista’ jvarja bejn il-membri tal-persunal, skont il-kundizzjonijiet tas-suq u l-kuntest speċifiku li l-impriża finanzjarja topera fih. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-politika ta’ rimunerazzjoni tal-impriża finanzjara tiffissa limitu massimu għall-komponent varjabbli.

    4.2.

    Il-komponent fiss tar-rimunerazzjoni għandu jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-rimunerazzjoni totali li jippermetti lill-impriża finanzjarja tħaddem politika ta’ bonus li tkun flessibbli għal kollox. B’mod partikolari, l-impriża finanzjarja għandha tkun tista’ tiċħad il-bonus għal kollox jew parzjalment f’każ li l-individwu konċernat, l-unità ta’ negozju konċernata jew l-impriża finanzjarja ma jissodisfawx il-kriterji ta’ prestazzjoni. L-impriża finanzjarja għandha tkun tista’ wkoll tiċħad il-bonus meta s-sitwazzjoni tagħha tmur għall-agħar b’mod sinifikanti, b’mod partikolari meta ma jkunx jista’ jiġi ggarantit li tista’ tkompli twettaq in-negozju tagħha bħala impriża li tfendi.

    4.3.

    Meta jingħata bonus sinifikanti, il-biċċa l-kbira tal-bonus għandu jiġi ddifferit b’perjodu minimu ta’ differiment. L-ammont tal-parti differita tal-bonus għandha tiġi ddeterminata skont l-ammont totali tal-bonus kif imqabbel mal-ammont totali tar-rimunerazzjoni.

    4.4.

    Fl-element differit tal-bonus għandhom jitqiesu r-riskji pendenti assoċjati mal-prestazzjoni li l-bonus jirrelata magħhom u dan l-element jista’ jkun magħmul minn ekwità, opzjonijiet, flus, jew fondi oħra li l-ħlas tagħhom jiġi pospost tul il-perjodu ta’ żmien tad-differiment. Il-kejl tal-prestazzjoni għall-ġejjieni li miegħu jiġi relatat l-element differit għandu jiġi aġġustat skont ir-riskju kif stipulat fil-punt 5.

    4.5.

    Il-ħlasijiet relatati mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt li jingħataw fuq bażi kuntrattwali għandhom ikunu relatati mal-prestazzjoni tul iż-żmien u mfassla b’tali mod li ma jservux biex jippremjaw il-falliment.

    4.6.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bord (ta’ sorveljanza) ta’ impriża finanzjarja jkun jista’ jġiegħel lil membri tal-staff iħallsu lura l-bonus kollu jew parti mill-bonus li jkun ingħata għall-prestazzjoni abbażi ta’ dejta li sussegwentament jingħata prova li kienet manifestament iddikjarata ħażin.

    4.7.

    L-istruttura tal-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tiġi aġġornata maż-żmien biex jiġi żgurat li tinbidel mas-sitwazzjoni tal-impriża finanzjarja konċernata.

    5.   Kejl tal-prestazzjoni

    5.1.

    Meta r-rimunerazzjoni tkun relata mal-prestazzjoni, l-ammont totali tagħha għandu jkun ibbażat fuq taħlita tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità ta’ negozju konċernata u tar-riżultati kumplessivi tal-impriża finanzjarja.

    5.2.

    Il-valutazzjoni tal-prestazzjoni għandha tifforma parti minn qafas ta’ diversi snin, sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-valutazzjoni jkun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul u li l-ħlas attwali tal-bonusijiet jitqassam tul iċ-ċiklu ta’ negozju tal-kumpanija.

    5.3.

    Il-kejl tal-prestazzjoni, bħala bażi għall-bonus jew għal fondi ta’ bonus, għandu jinkludi aġġustament għal riskji attwali u riskji fil-ġejjieni relatati mal-prestazzjoni bażi u għandu jqis il-kost tal-kapital li jintuża u l-likwidità meħtieġa.

    5.4.

    Fid-determinazzjoni tal-prestazzjoni individwali għandhom jitqiesu kriterji mhux finanzjarji, bħall-konformità mar-regoli u proċeduri interni, kif ukoll il-konformità mal-istandards li jirregolaw ir-relazzjoni mal-klijenti u l-investituri.

    6.   Governanza

    6.1.

    Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tinkludi miżuri li jevitaw il-possibbiltà ta’ konflitti ta’ interess. Il-proċeduri li jintużaw għad-determinazzjoni tar-rimunerazzjoni fl-impriża finanzjarja għandhom ikunu ċari u dokumentati, kif ukoll internament trasparenti.

    6.2.

    Il-bord (ta’ sorveljanza) għandu jiddetermina r-rimunerazzjoni tad-diretturi. Barra minn hekk, il-bord (ta’ sorveljanza) għandu jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ rimunerazzjoni tal-impriża finanzjarja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.

    6.3.

    Fit-tfassil tal-politika ta’ rinumerazzjoni għandhom jiġu involuti l-funzjonijiet ta’ kontroll u, fejn xieraq, dipartimenti tar-riżorsi umani u esperti esterni.

    6.4.

    Il-membri tal-bord (ta’ sorveljanza) responsabbli għall-politika ta’ rimunerazzjoni u l-membri tal-kumitati ta’ ruminerazzjoni u l-membri tal-persunal li huma involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni għandu jkollhom l-għarfien espert rilevanti u indipendenza funzjonali mill-unitajiet ta’ negozju li jikkontrollaw, u b’hekk ikunu jistgħu jiffurmaw ġudizzju indipendenti dwar is-sostenibbiltà tal-politika ta’ rimunerazzjoni, inkluż il-konsegwenzi għar-riskji u l-ġestjoni tar-riskji.

    6.5.

    Bla ħsara għar-responsabbiltà kumplessiva tal-bord (ta’ sorveljanza) kif stabbilita fil-punt 6.2, l-implimentazzjoni tal-politika ta’ rimunerazzjoni għandha, mill-anqas fuq bażi annwali, tiġi suġġetta għal analiżi interna ċentrali u indipendenti mill-funzjonijiet ta’ kontroll għall-konformità mal-politiki u l-proċeduri definiti mill-bord (ta’ sorveljanza). Il-funzjonijiet ta’ kontroll għandhom jirrapportaw lill-bord (ta’ sorveljanza) dwar ir-riżultat ta’ din l-analiżi.

    6.6.

    Il-membri tal-persunal involuti fil-proċessi ta’ kontroll għandhom ikunu indipendenti mill-unitajiet ta’ negozju li huma jissorveljaw, ikollhom l-awtorità xierqa, u jiġu kkumpensati skont kemm jirnexxilhom jilħqu l-għanijiet relatati mal-funzjonijiet tagħhom, tkun xi tkun il-prestazzjoni tan-negozji li jikkontrollaw. B’mod partikolari, fir-rigward tal-impriżi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, il-funzjoni attwarja u l-attwarja responsabbli għandhom jiġu rrimunerati b’mod proporzjonat mar-rwol tagħha jew tiegħu fl-impriża ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni u mhux skont il-prestazzjoni tal-impriża konċernata.

    6.7.

    Il-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli għall-membri tal-persunal li huma applikabbli għalihom. Dawn il-membri tal-persunal għandhom jiġu informati bil-quddiem dwar il-kriterji li jkunu se jintużaw biex tiġi ddeterminata r-rimunerazzjoni tagħhom u dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni. Il-proċess ta’ evalwazzjoni u l-politika ta’ rimunerazzjoni għandhom jiġu ddokumentati kif xieraq u jkunu trasparenti għall-membri individwi tal-persunal konċernati.

    TAQSIMA III

    Żvelar

    7.

    Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-dejta, l-informazzjoni rilevanti dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni msemmija fit-Taqsima II u kwalunkwe aġġornamenti f’każ ta’ tibdil fil-politika għandhom jiġu żvelati mill-impriża finanzjarja b’mod ċar u li jinftihem faċilment lill-partijiet interessati rilevanti. Dan l-iżvelar jista’ jsir fil-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ politika ta’ rimunerazzjoni indipendenti, żvelar perjodiku f’dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew fi kwalunkwe forma oħra.

    8.

    Għandha tiġi żvelata din l-informazzjoni:

    (a)

    informazzjoni dwar il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jintuża biex tiġi ddeterminata l-politika ta’ rimunerazzjoni, inkluż, jekk applikabbli, informazzjoni dwar il-kompożizzjoni u l-mandat tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni, l-isem tal-konsulent estern li s-servizzi tiegħu jkunu ntużaw biex tiġi ddeterminata l-politika ta’ rimunerazzjoni u r-rwol tal-partijiet interessati rilevanti;

    (b)

    informazzjoni dwar ir-rabta ta’ bejn il-ħlas u l-prestazzjoni;

    (ċ)

    informazzjoni dwar il-kriterji użati għall-kejl tal-prestazzjoni u l-aġġustament għar-riskji;

    (d)

    informazzjoni dwar il-kriterji ta’ prestazzjoni li fuqhom huwa bbażat l-għoti ta’ drittijiet għal ishma, opzjonijiet u komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni;

    (e)

    il-parametri ewlenin u l-ġustifikazzjoni għal kwalunkwe skema ta’ bonus annwali u kwalunkwe benefiċċji oħra mhux f’forma ta’ flus.

    9.

    Meta jiġi ddeterminat il-livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata, l-Istati Membri għandhom iqisu n-natura, id-daqs, kif ukoll l-ambitu speċifiku tal-attivitajiet tal-impriżi finanzjarji konċernati.

    TAQSIMA IV

    Sorveljanza

    10.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, waqt il-monitoraġġ tagħhom dwar jekk humiex segwiti l-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II u III, iqisu d-daqs tal-impriża finanzjarja u n-natura u l-komplessità tal-attivitajiet tagħha.

    11.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi finanzjarji jkunu jistgħu jikkomunikaw il-politika ta’ rimunerazzjoni koperta minn din ir-Rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, fejn jinkludu indikazzjoni tal-konformità mal-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, fil-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ politika ta’ rimunerazzjoni suġġetta għal aġġornamenti xierqa.

    12.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu u jingħataw aċċess għall-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jevalwaw il-punt sa fejn jiġu segwiti l-prinċipji msemmija fit-Taqsimiet II u III.

    TAQSIMA V

    Dispożizzjonijiet finali

    13.

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippromwovu l-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009 u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jieħdu skont din ir-Rakkomandazzjoni, biex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib u, abbażi ta’ dan, tivvaluta l-ħtieġa għal aktar miżuri.

    14.

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 30 ta’ April 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Siim KALLAS

    Viċi President


    (1)  COM(2009) 114.

    (2)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3.

    (4)  ĠU L 385, 29.12.2004, p. 55. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 143.

    (5)  Ara paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top