Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1850

1850/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1850/2006 ta' l- 14 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-ħops u l-prodotti tal-ħops

ĠU L 355, 15.12.2006, p. 72–87 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 312M, 22.11.2008, p. 191–206 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2024; Imħassar b' 32024R0602

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1850/oj

22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

191


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1850/2006

ta' l-14 ta’ Diċembru 2006

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-ħops u l-prodotti tal-ħops

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1952/2005 tat-23 ta’ Novembru 2005 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħops u li jirrevoka r-Regolamenti (KEE) Nru 1696/71, (KEE) Nru 1037/72, (KEE) Nru 879/73 u (KEE) Nru 1981/82 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Billi,

(1)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1952/2005 jistipula li l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament, maħsuda jew ippreparati fil-Komunità għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

(2)

Regoli dettaljati għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħops huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1784/77 tad-19 ta’ Lulju 1977 dwar il-verifika tal-ħops (2) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 890/78 tat-28 ta’ April 1978 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-attestazzjoni tal-ħops (3). Billi għad iridu jsiru aktar emendi, ikun xieraq, għaċ-ċarezza, li jiġu rrevokati r-Regolamenti (KEE) Nru 1784/77 u (KEE) Nru 890/78 u jinbidlu b’Regolament wieħed.

(3)

Sabiex tkun żgurata applikazzjoni sostanzjalment uniformi tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni fl-Istati Membri, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-prodotti soġġetti għaċ-ċertifikazzjoni, l-attivitajiet involuti u l-informazzjoni li għandha tingħata dwar id-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti.

(4)

Minħabba n-natura speċjali tagħhom u l-użu tagħhom, ċerti prodotti għandhom jiġu esklużi mill-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

(5)

Biex ikun jista’ jiġi eżerċitat il-kontroll tal-koni tal-ħops, dikjarazzjoni ffirmata mill-produttur għandha takkumpanja l-koni tal-ħops ippreżentati għaċ-ċertifikazzjoni. Din id-dikjarazzjoni jrid ikun fiha informazzjoni li tagħmilha possibbli li jiġi identifikat il-ħops mill-waqt li jiġi ppreżentat għaċ-ċertifikazzjoni sa ma jinħareġ iċ-ċertifikat.

(6)

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1952/2005 jistipula li ċertifikati jistgħu jinħarġu biss għal prodotti li għandhom il-minimu tal-karatteristiċi tal-kwalità. Għaldaqstant għandu jsir provvediment li jiżgura li l-koni tal-ħops jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi tas-suq mill-istadju inizjali tal-kummerċjalizzazzjoni ’l quddiem.

(7)

Għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi tal-kwalità li għandu jkollu l-ħops, għandhom ikunu kkunsidrati l-kontenut ta’ mdewwa u l-kontenut ta’ sustanzi estranji. Minħabba r-reputazzjoni tal-kwalità li kiseb il-ħops Komunitarju, bħala bażi għandhom jittieħdu l-proċeduri konvenzjonali eżistenti fit-tranżazzjonijiet kummerċjali.

(8)

L-għażla tal-metodu biex jiġi ċċekkjat il-kontenut ta’ mdewwa fil-ħops għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri, bil-kundizzjoni li l-metodi adottati jagħtu riżultati komparabbli. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, għandu jintuża metodu Komunitarju.

(9)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli stretti li jirregolaw it-taħlitiet. Għaldaqstant it-taħlitiet tal-koni tal-ħops għandhom jiġu awtorizzati biss jekk ikunu jikkonsistu minn prodotti ċċertifikati ta’ l-istess varjetà li jkunu ġejjin mill-istess ħsad u l-istess żona ta’ produzzjoni. Ta’ min jispeċifika wkoll li t-taħlit għandu jsir taħt superviżjoni u li t-taħlitiet għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-komponenti tagħhom.

(10)

Minħabba l-ħtiġijiet ta’ l-utenti, fil-manifattura tat-trab u l-estratti tal-ħops għandu jkun permissibbli taħt ċerti kundizzjonijiet li jitħallat ħops iċċertifikat li ma jkunx ta’ l-istess varjetà u li ma jkunx ġej mill-istess żona ta’ produzzjoni.

(11)

L-istess ħops ippreparat minn ħops iċċertifikat bħala mhux ippreparat jista’ jiġi ċċertifikat biss jekk il-preparazzjoni ssir f’ċirkwit operazzjonali magħluq.

(12)

Biex tkun żgurata l-konformità mal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni fil-każ ta’ prodotti tal-ħops, għandu jsir provvediment għal sorveljanza skond regoli xierqa.

(13)

Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni sussegwenti għandha tiġi ssemplifikata wkoll għal prodotti tal-ħops fejn jinbidel il-pakkett ta’ prodott taħt sorveljanza uffiċjali u mingħajr ipproċessar.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti ċċertifikati jkunu jistgħu jiġu identifikati, għandhom jiġu stabbiliti regoli bir-riżultat li l-pakkett għandu juri l-entrati meħtieġa għal skopijiet ta’ sorveljanza uffiċjali u għall-informazzjoni tax-xerrejja.

(15)

Sabiex tiġi żgurata informazzjoni preċiża lill-konsumaturi dwar l-oriġini u l-karatteristiċi tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq, għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni dwar l-immarkar ta’ pakketti u l-innumerar taċ-ċertifikati.

(16)

Sabiex tiġi kkunsidrata l-prassi kummerċjali attwali f’ċerti reġjuni Komunitarji, il-ħops biż-żerriegħa u bla żerriegħa li jitqiegħed fis-suq għandu jkun iddefinit u jsir provvediment għal entrata adegwata fuq iċ-ċertifikat.

(17)

Razez sperimentali ta’ ħops fil-proċess ta’ l-iżvilupp jistgħu jkunu identifikati permezz ta’ isem jew numru.

(18)

Prodotti li jiġu esklużi mill-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi, biex ikun żgurat li dawk il-prodotti ma jkunux jistgħu jfixklu r-regola ta’ kummerċjalizzazzjoni normali tal-prodotti ċċertifikati u li jkunu addattati għall-użu ddikjarat tagħhom u jintużaw biss minn dawk li lilhom jiġu kkunsinjati.

(19)

L-Istati Membri għandhom jiċċertifikaw il-prodotti skond dan ir-Regolament permezz ta’ korpi awtorizzati maħtura speċjalment għal dak l-iskop. Il-listi ta’ dawk il-korpi għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

(20)

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu ż-żoni jew ir-reġjuni li għandhom jitqiesu bħala żoni għall-produzzjoni tal-ħops u jikkomunikaw il-lista tagħhom lill-Kummissjoni.

(21)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħops,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-ħops u l-prodotti tal-ħops.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1952/2005 meta jinħasdu fil-Komunità;

(b)

prodotti mħejjija minn prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament li jkunu nħasdu fil-Komunità jew ġew importati minn pajjiżi terzi skond l-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

ħops maħsud fuq art proprjetà ta’ birrerija u użat minn dik il-birrerija fl-istat naturali jew ipproċessat;

(b)

prodotti derivati mill-ħops u pproċessati taħt kuntratt f’isem birrerija, bil-kundizzjoni li dawk il-prodotti jintużaw mill-birrerija stess;

(c)

ħops u prodotti derivati minn ħops imqiegħed f’pakketti żgħar li jinbiegħu lil individwi privati għall-użu personali tagħhom;

(d)

prodotti mmanifatturati minn prodotti tal-ħops iżomerizzati.

Madankollu, l-Artikolu 20 japplika għall-prodotti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu.

4.   Mingħajr preċudizzju għall-paragrafu 3(a), fil-manifattura ta’ prodotti li jinħadmu mill-ħops, jista’ jintuża biss ħops iċċertifikat, prodotti tal-ħops iċċertifikati mħejjija minn ħops iċċertifikat u ħops importat minn pajjiżi terzi skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1952/2005.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)

“ħops mhux ippreparat” tfisser ħops li jkun ġie soġġett biss għal tnixxif u ppakkjar preliminari;

(b)

“ħops ippreparat” tfisser ħops li jkun ġie soġġett għal tnixxif finali u ppakkjar finali;

(c)

“ħops biż-żerriegħa” tfisser ħops li jitqiegħed fis-suq b’kontenut ta’ żerriegħa li jaqbeż it-2 % tal-piż tiegħu;

(d)

“ħops bla żerriegħa” tfisser ħops li jkun tqiegħed fis-suq b’kontenut ta’ żerriegħa li ma jaqbiżx it-2 % tal-piż tiegħu;

(e)

“issiġillar” tfisser l-għeluq tal-pakkett taħt sorveljanza uffiċjali u b’tali mod li l-mezz ta’ l-għeluq issirlu l-ħsara meta jinfetaħ il-pakkett;

(f)

“ċirkwit operazzjonali magħluq” tfisser proċess għat-tħejjija jew l-ipproċessar tal-ħops eżegwit taħt sorveljanza uffiċjali u b’tali mod li ebda ħops jew prodotti pproċessati ma jkunu jistgħu jinżiedu jew jitneħħew matul l-attività. Iċ-ċirkwit operazzjonali magħluq jibda bil-ftuħ tal-pakkett issiġillat li jkun fih il-ħops jew il-prodotti tal-ħops biex jitħejjew jew jiġu pproċessati u jintemm bl-issiġillar tal-pakkett li jkun fih il-ħops ipproċessat jew il-prodott tal-ħops;

(g)

“kunsinna” tfisser għadd ta’ pakketti tal-ħops jew prodotti tal-ħops bl-istess karatteristiċi ppreżentati fl-istess waqt għaċ-ċertifikazzjoni mill-istess individwu jew produttur assoċjat jew mill-istess proċessur;

(h)

“żoni għall-produzzjoni tal-ħops” tfisser iż-żoni jew ir-reġjuni għall-produzzjoni fil-lista mħejjija mill-Istati Membri kkonċernati;

(i)

“trab tal-ħops ikkonċentrat” tfisser prodott miksub bl-azzjoni ta’ solvent fuq il-prodott miksub bit-tħin tal-ħops, li jkun fih l-elementi naturali kollha tiegħu;

(j)

“awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni” tfisser l-organu jew id-dipartiment awtorizzat mill-Istat Membru biex jeżegwixxi ċ-ċertifikazzjoni u japprova u jikkontrolla ċ-ċentri taċ-ċertifikazzjoni;

(k)

“immarkar” tfisser l-ittikkettar u l-identifikazzjoni;

(l)

“ċentru taċ-ċertifikazzjoni” tfisser imkien fejn tiġi eżegwita ċ-ċertifikazzjoni;

(m)

“rappreżentanti ta’ awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni” tfisser il-persunal fl-impjieg ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni, jew fl-impjieg ta’ parti terza u awtorizzat mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni li jeżegwixxi d-doveri ta’ ċertifikazzjoni;

(n)

“sorveljanza uffiċjali” tfisser superviżjoni ta’ attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni jew ir-rappreżentanti tagħha;

(o)

“prodott tal-ħops iżomerizzat” tfisser prodott tal-ħops li fih l-aċidi alfa jkunu ġew iżomerizzati kważi totalment.

KAPITOLU 2

ĦOPS

Artikolu 3

Ħops ippreżentat għaċ-ċertifikazzjoni

1.   Kull kunsinna ta’ ħops li tiġi ppreżentata għaċ-ċertifikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni bil-miktub iffirmata mill-produttur fejn jagħti d-dejta li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-produttur;

(b)

is-sena tal-ħsad;

(c)

il-varjetà;

(d)

il-post tal-produzzjoni;

(e)

ir-referenza tal-pakk fis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (IACS) stipulata fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (4), jew ir-referenza tar-reġistru ta’ l-artijiet jew l-ekwivalenti uffiċjali tagħhom;

(f)

l-għadd ta’ pakketti fil-kunsinna.

2.   Id-dikjarazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha takkumpanja l-kunsinna tal-ħops waqt l-attivitajiet kollha ta’ l-ipproċessar jew tat-taħlit u f’kull każ sa ma jinħareġ iċ-ċertifikat.

Artikolu 4

Ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni

1.   Biex jiġi ċċertifikat, il-ħops għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1952/2005 u r-rekwiżiti minimi tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

2.   Il-konformità mar-rekwiżiti minimi tal-kummerċjalizzazzjoni relatati mal-kontenut ta’ mdewwa fil-ħops għandha tiġi ċċekkjata mir-rappreżentanti ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni fejn jiġi applikat wieħed mill-metodi msemmija fl-Anness II(B).

Il-metodu msemmi fl-Anness II(B)(2) irid jiġi approvat mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni u għandu jagħti riżultati b’devjazzjoni standard li ma taqbiżx it-2.0. Fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ qbil, il-konformità għandha tiġi ċċekkata bil-metodu msemmi fl-Anness II(B)(1).

3.   Il-konformità mar-rekwiżiti minimi tal-kummerċjalizzazzjoni oħrajn barra l-kontenut ta’ mdewwa għandhom jiġu ċċekkjati skond il-prassi kummerċjali normali.

Madankollu, fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ qbil, għandu jintuża l-metodu msemmi fl-Anness II(C).

Artikolu 5

L-ikkampjunar

Għall-iskop tal-metodi ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3), għandhom jittieħdu kampjuni u jiġu ttrattati skond il-metodu msemmi fl-Anness II(A).

Għandhom jittieħdu kampjuni, minn kull kunsinna, minn ta’ l-anqas pakkett minn kull 10 u, f’kull każ, minn ta’ l-anqas żewġ pakketti f’kunsinna.

Artikolu 6

Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni

1.   Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandha tinkludi l-ħruġ ta’ ċertifikati u l-immarkar u l-issiġillar tal-pakketti.

2.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi eżegwita qabel ma l-prodott joħroġ għall-bejgħ u, f’kull eventwalità, qabel l-ipproċessar.

Din għandha ssir mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena wara s-sena tal-ħsad. L-Istati Membri jistgħu jiffissaw data aktar kmieni.

3.   L-immarkar għandu jsir skond l-Anness III, taħt sorveljanza uffiċjali u wara l-issiġillar, fuq l-unità ta’ ppakkjar li fih il-prodott ikun ser jitqiegħed fis-suq.

4.   Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandha tiġi eżegwita fil-farm jew fiċ-ċentri taċ-ċertifikazzjoni.

5.   Jekk, wara ċ-ċertifikazzjoni, jiġi mibdul l-ippakkjar tal-ħops, b’aktar ipproċessar jew mingħajru, il-ħops għandu jgħaddi minn proċedura ta’ ċertifikazzjoni ġdida.

Artikolu 7

It-taħlit

1.   Ħops iċċertifikat skond dan ir-Regolament jista’ jitħallat biss taħt sorveljanza uffiċjali f’ċentri taċ-ċertifikazzjoni.

2.   Il-ħops għat-taħlit għandu jkun ġej mill-istess żona għall-produzzjoni tal-ħops u l-istess ħsad u jkun ta’ l-istess varjetà.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, ħops iċċertifikat ta’ oriġini Komunitarja mill-istess ħsad imma ta’ varjetajiet differenti u minn żoni differenti għall-produzzjoni tal-ħops jista’ jitħallat fil-manifattura tat-trab u l-estratti tal-ħops bil-kundizzjoni li ċ-ċertifikat li jakkumpanja l-prodott jispeċifika:

(a)

il-varjetajiet użati, iż-żoni għall-produzzjoni tal-ħops u s-sena tal-ħsad;

(b)

il-piż perċentwali ta’ kull waħda mill-varjetajiet użati fit-taħlita; jekk ikunu ntużaw prodotti tal-ħops flimkien ma’ koni tal-ħops għall-manifattura ta’ prodotti tal-ħops, jew jekk ikunu ntużaw prodotti differenti tal-ħops, il-piż perċentwali ta’ kull waħda mill-varjetajiet fuq bażi tal-kwantità ta’ koni tal-ħops li jkunu intużaw fil-preparazzjoni tal-prodotti mitfugħa;

(c)

in-numri ta’ referenza taċ-ċertifikati maħruġa għall-ħops u l-prodotti tal-ħops użati.

Artikolu 8

Bejgħ ripetut

Fil-każ li l-ħops jerġa’ jinbiegħ fil-Komunità, wara li kunsinna ċċertifikata tkun ġiet isseparata, il-prodott għandu jkun akkumpanjat b’fattura jew dokument kummerċjali mħejji mill-bejjiegħ li jispeċifika n-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat.

Il-fattura jew id-dokument kummerċjali għandu juri fuqu l-informazzjoni li ġejja, meħuda miċ-ċertifikat:

(a)

l-isem tal-prodott;

(b)

il-piż gross u/jew nett;

(c)

il-post tal-produzzjoni;

(d)

is-sena tal-ħsad;

(e)

il-varjetà.

KAPITOLU 3

PRODOTTI TAL-ĦOPS

Artikolu 9

Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni

1.   Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandha tinkludi l-ħruġ ta’ ċertifikati u l-immarkar u ssiġillar tal-pakketti.

2.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi eżegwita qabel ma l-prodott jiġi ppreżentat għall-bejgħ.

3.   L-immarkar għandu jsir skond l-Anness III, taħt sorveljanza uffiċjali u wara l-issiġillar, fuq l-unità ta’ ppakkjar li fih il-prodott ikun ser jitqiegħed fis-suq.

4.   Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandha tiġi eżegwita fiċ-ċentri taċ-ċertifikazzjoni.

5.   Jekk, wara ċ-ċertifikazzjoni, jiġi mibdul l-ippakkjar tal-prodotti tal-ħops, b’aktar ipproċessar jew mingħajru, il-ħops għandu jgħaddi minn proċedura ta’ ċertifikazzjoni ġdida.

Artikolu 10

Il-proċess f’ċirkwit operazzjonali magħluq

1.   Ħops ippreparat minn ħops li jkun ġie ċċertifikat bħala mhux ippreparat jista’ ma jiġix iċċertifikat sakemm it-tħejjija ma ssirx f’ċirkwit operazzjonali magħluq.

L-ewwel sottoparagrafu japplika wkoll għal prodotti mħejjija mill-ħops kif jissemma fl-Artikolu 1(4).

2.   Jekk il-ħops jitħejja f’ċentru taċ-ċertifikazzjoni:

(a)

iċ-ċertifikat m’għandux jinħareġ jekk mhux wara t-tħejjija;

(b)

il-ħops oriġinali mhux ippreparat għandu jkun akkumpanjat mid-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1).

3.   Għandu jingħata numru ta’ identifikazzjoni lill-kunsinna tal-ħops oriġinali mhux ippreparat qabel it-tħejjija. Dan in-numru għandu jidher fuq iċ-ċertifikat li jinħareġ għall-ħops ippreparat.

4.   Bl-eċċezzjoni tas-sustanzi elenkati fl-Anness IV, jistgħu jidħlu biss fiċ-ċirkwit operazzjonali magħluq il-ħops u l-prodotti tal-ħops iċċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament. Jistgħu jidħlu biss fl-istat li fih ikunu ġew iċċertifikati.

5.   Jekk, matul il-produzzjoni ta’ estratti mmanifatturati bl-użu tad-dijossidu tal-karbonju, l-ipproċessar fiċ-ċirkwit operazzjonali magħluq ikollu jitwaqqaf għal raġunijiet tekniċi, ir-rappreżentanti ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw l-issiġillar tal-pakkett li jkun fih il-prodott intermedju fil-punt ta’ l-interruzzjoni. Is-siġilli jistgħu jinkisru biss mir-rappreżentanti ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni meta jerġa’ jibda l-ipproċessar.

Artikolu 11

Is-sorveljanza uffiċjali matul il-produzzjoni tal-prodotti tal-ħops

1.   Fil-każ tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħops, ir-rappreżentanti ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni għandhom ikunu preżenti f’kull ħin waqt li jkun għaddej l-ipproċessar. Dawn għandhom jissorveljaw biżżejjed l-ipproċessar f’kull stadju, mill-ftuħ tal-pakkett issiġillat li jkun fih il-ħops jew il-prodott tal-ħops li jkun ser jiġi pproċessat sa ma jitlesta l-ippakkjar, l-issiġillar u l-immarkar tal-prodott tal-ħops. L-assenza tar-rappreżentanti ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni tkun permissibbli sakemm jista’ jiġi assigurat b’mezzi tekniċi, approvati mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni, li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma osservati.

2.   Qabel ma jgħaddu għal lott differenti f’sistema ta’ l-ipproċessar ir-rappreżentanti ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw b’sorveljanza uffiċjali li s-sistema ta’ l-ipproċessar tkun tbattlet, għall-anqas kemm ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li l-elementi taż-żewġ lottijiet differenti ma jistgħux jitħalltu.

Jekk xi ħops, prodotti tal-ħops, ħops użat jew kull prodott ieħor derivat mill-ħops jibqa’ f’xi partijiet tas-sistema ta’ l-ipproċessar bħall-kontenituri tat-taħlit jew tal-mili fil-laned waqt li l-ħops ta’ lott ieħor ikun qiegħed jiġi pproċessat, dawn il-partijiet għandhom jiġu skonnettjati mis-sistema ta’ l-ipproċessar b’mezzi tekniċi xierqa u taħt sorveljanza uffiċjali. Dawn jistgħu jerġgħu jiġu kkonnettjati mas-sistema ta’ l-ipproċessar taħt sorveljanza uffiċjali biss.

M’għandhiex tkun permessa konnessjoni fiżika bejn linja ta’ l-ipproċessar ta’ trab tal-ħops ikkonċentrat u oħra ta’ trab tal-ħops mhux ikkonċentrat waqt li waħda minnhom tkun qiegħda taħdem.

Artikolu 12

Informazzjoni u żamma ta’ rekords

1.   L-operaturi ta’ l-impjanti ta’ l-ipproċessar tal-ħops għandhom jipprovdu lir-rappreżentanti ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni l-informazzjoni kollha relatata mat-tqassim tekniku ta’ l-impjant ta’ l-ipproċessar.

2.   L-operaturi ta’ l-impjanti ta’ l-ipproċessar tal-ħops għandhom iżommu rekords preċiżi dwar il-kwantitajiet ta’ ħops ipproċessat. Għal kull lott ta’ ħops għall-ipproċessar għandhom jitniżżlu rekords bid-dettalji tal-piżijiet tal-prodott mitfugħ u l-prodott ipproċessat.

Fir-rigward tal-prodott mitfugħ, barra minn hekk ir-rekords għandu jkollhom in-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat għall-kunsinni kollha involuti tal-ħops u l-varjetà tal-ħops. Jekk tintuża aktar minn varjetà waħda fl-istess lott il-porzjonijiet rispettivi tal-piżijiet tagħhom għandhom jidhru fir-rekords.

Fir-rigward tal-prodott ipproċessat, fir-rekords għandha tidher ukoll il-varjetà, jew, jekk il-prodott ipproċessat ikun taħlita, il-kompożizzjoni skond il-varjetajiet.

Il-piżijiet kollha jistgħu jiġu aġġustati sa l-eqreb kilogramma.

3.   Ir-rekords tal-kwantitajiet għandhom jiġu rreġistrati taħt sorveljanza uffiċjali u ffirmati mir-rappreżentanti ta’ l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni malli jitlesta l-ipproċessar ta’ lott.

Dawn għandhom jinżammu mill-operatur ta’ l-impjant ta’ l-ipproċessar għal ta’ l-anqas tliet snin.

Artikolu 13

Bidla fl-ippakkjar

1.   Waqt li jkunu fiċ-ċirkulazzjoni, it-trab tal-ħops u l-estratti tal-ħops ma jistgħux jiġu soggetti għal xi bidla fl-ippakkjar b’aktar ipproċessar jew mingħajru, jekk dan ma jsirx taħt sorveljanza uffiċjali.

2.   Fejn issir xi bidla fl-ippakkjar mingħajr ebda pproċessar tal-prodott, il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ġdida għandha tikkomprendi biss:

(a)

l-immarkar ta’ l-ippakkjar il-ġdid;

(b)

l-entrata fiċ-ċertifikat oriġinali ta’ dan l-immarkar u l-bidla fl-ippakkjar.

Artikolu 14

It-taħlit

1.   Prodotti tal-ħops iċċertifikati skond dan ir-Regolament jistgħu jitħalltu biss taħt sorveljanza uffiċjali f’ċentri taċ-ċertifikazzjoni.

2.   Prodotti tal-ħops iċċertifikati ppreparati minn ħops iċċertifikat ta’ oriġini Komunitarja mill-istess ħsad imma ta’ varjetajiet differenti u minn żoni differenti għall-produzzjoni tal-ħops jistgħu jitħalltu fil-manifattura tat-trab u l-estratti tal-ħops bil-kundizzjoni li ċ-ċertifikat li jakkumpanja l-prodott jispeċifika:

(a)

il-varjetajiet użati, iż-żoni għall-produzzjoni tal-ħops u s-sena tal-ħsad;

(b)

il-piż perċentwali ta’ kull waħda mill-varjetajiet użati fit-taħlita; jekk ikunu ntużaw prodotti tal-ħops flimkien ma’ koni tal-ħops għall-manifattura ta’ prodotti tal-ħops, jew jekk ikunu ntużaw prodotti differenti tal-ħops, il-piż perċentwali ta’ kull waħda mill-varjetajiet fuq bażi tal-kwantità ta’ koni tal-ħops li jkunu intużaw fil-preparazzjoni tal-prodotti mitfugħa;

(c)

in-numri ta’ referenza taċ-ċertifikati maħruġa għall-ħops u l-prodotti tal-ħops użati.

Artikolu 15

Bejgħ ripetut

Fil-każ li l-prodotti tal-ħops jerġgħu jinbiegħu fil-Komunità, wara li kunsinna ċċertifikata tkun ġiet isseparata, il-prodott għandu jkun akkumpanjat b’fattura jew dokument kummerċjali mħejji mill-bejjiegħ li jispeċifika n-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat. Il-fattura jew id-dokument kummerċjali fuqu għandu juri wkoll l-informazzjoni li ġejja, meħuda miċ-ċertifikat:

(a)

l-isem tal-prodott;

(b)

il-piż gross u/jew nett;

(c)

il-post tal-produzzjoni;

(d)

is-sena tal-ħsad;

(e)

il-varjetà;

(f)

il-post u d-data ta’ l-ipproċessar.

KAPITOLU 4

IĊ-ĊERTIFIKAT U L-IMMARKAR

Artikolu 16

Iċ-ċertifikat

1.   Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni li għalih japplikaw ir-rekwiżiti minimi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

2.   Fil-każ tal-koni tal-ħops, iċ-ċertifikat għandu jinkludi ta’ l-anqas l-entrati li ġejjin:

(a)

id-deskrizzjoni tal-prodott;

(b)

in-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat;

(c)

il-piż nett u/jew gross;

(d)

iż-żona għall-produzzjoni tal-ħops jew il-post tal-produzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) (a) tar-Regolament (KE) Nru 1952/2005;

(e)

is-sena tal-ħsad;

(f)

il-varjetà;

(g)

it-tismija “ħops biż-żerriegħa” jew “ħops bla żerriegħa”, skond il-każ;

(h)

ta’ l-anqas waħda mill-entrati elenkati fl-Anness V, magħmula mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni.

3.   Fil-każ ta’ prodotti ppreparati mill-ħops, iċ-ċertifikat għandu jinkludi, flimkien ma’ l-entrati elenkati fil-paragrafu 2, il-post u d-data ta’ l-ipproċessar.

4.   In-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2(b) għandu jkun magħmul minn kodiċijiet li jindikaw, skond l-Anness VI, iċ-ċentru taċ-ċertifikazzjoni, l-Istat Membru, is-sena tal-ħsad u l-kunsinna rilevanti.

In-numru ta’ referenza għandu jkun l-istess għall-pakketti kollha f’kunsinna.

Artikolu 17

Informazzjoni fuq il-pakkett

Kull pakkett għandu juri fuqu ta’ l-anqas l-entrati li ġejjin f’waħda mil-lingwi Komunitarji:

(a)

id-deskrizzjoni tal-prodott, inklużi t-tismijiet “ħops biż-żerriegħa” jew “ħops bla żerriegħa”, skond il-każ, u “ħops ippreparat” jew “ħops mhux ippreparat”, skond xi jkun il-każ;

(b)

il-varjetà jew varjetajiet;

(c)

in-numru ta’referenza taċ-ċertifikat.

Dawn l-entrati għandhom jidhru b’karattri leġibbli, u indelibbli ta’ daqs wieħed.

Artikolu 18

Ħops minn razez sperimentali

Fil-każ ta’ ħops minn razez sperimentali tul il-kors ta’ l-iżvilupp u prodott minn istitut tar-riċerka fi stabbiliment tiegħu stess jew minn produttur f’isem dan l-istitut, l-entrati msemmija fl-Artikolu 16(2)(f) u l-Artikolu 17(b) jistgħu jiġu mibdula b’isem jew numru li jidentifika r-razza inkwistjoni.

Artikolu 19

Prova taċ-ċertifikazzjoni

L-entrati li jidhru fuq kull pakkett u ċ-ċertifikat li jakkumpanja l-prodott għandhom jikkostitwixxu prova taċ-ċertifikazzjoni.

KAPITOLU 5

EĊĊEZZJONIJIET

Artikolu 20

Rekwiżiti speċifiċi

1.   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 1(3)(a), dwar kull wieħed mill-uċuħ tar-raba’, il-birrier, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru ta’ kull sena, għandu jibgħat lill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni dikjarazzjoni tal-varjetajiet imkabbra, il-kwantitajiet maħsuda, il-postijiet tal-produzzjoni u ż-żoni miżrugħa, flimkien mar-referenzi ta’ l-IACS jew tar-reġistru ta’ l-artijiet jew l-ekwivalenti uffiċjali tagħhom.

Barra minn hekk, il-paragrafu 2(a) sa (d) u (f) għandu japplika mutatis mutandis, bl-eċċezzjoni fejn il-ħops huwa pproċessat jew użat fl-istat naturali tiegħu fil-birrerija stess.

2.   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 1(3)(b), l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni, meta l-ħops jidħol fl-istabbiliment fejn ikun ser jiġi pproċessat, għandha toħroġ dokument, fuq applikazzjoni mill-birrerija, li tul il-kors ta’ l-operat ta’ l-ipproċessar fuqu għandhom jitniżżlu ta’ l-anqas l-entrati li ġejjin:

(a)

referenza li tidentifika l-kuntratt;

(b)

il-birrerija riċevitriċi;

(c)

l-istabbiliment ta’ l-ipproċessar;

(d)

deskrizzjoni tal-prodott ipproċessat;

(e)

in-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat jew l-affermazzjoni ta’ l-ekwivalenza tal-ħops oriġinali;

(f)

il-piż tal-prodott ipproċessat.

Id-dokument imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu għandu jingħata numru ta’ referenza, li jrid jidher ukoll fuq l-ippakkjar.

Fil-każ ta’ taħlit ta’ ħops, fid-dokument u fuq il-pakkett għandha tiġi inkluża l-indikazzjoni addizzjonali li ġejja:

“Taħlita ta’ ħops għall-użu personali; ma tistax titqiegħed fis-suq”.

3.   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 1(3)(c), il-piż tal-pakkett ma jistax jaqbeż:

(a)

il-1 kg fil-każ ta’ koni jew trab;

(b)

it-300 g fil-każ ta’ estratt, trab u prodotti ġodda iżomerizzati;

Fuq il-pakkett għandhom jidhru deskrizzjoni tal-prodott u l-piż tiegħu.

KAPITOLU 6

KORPI TA’ ĊERTIFIKAZZJONI

Artikolu 21

Awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jappuntaw awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni u jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti l-kontrolli meħtieġa u l-manwali tal-proċeduri, bil-ħsieb li tkun iggarantita kwalità minimali tal-ħops u l-prodotti tal-ħops kif ukoll it-traċċabbiltà.

2.   L-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni, jew ir-rappreżentanti tagħha, għandha teżegwixxi ċ-ċertifikazzjoni. Din għandu jkollha r-riżorsi adegwati biex twettaq dmirijietha.

3.   L-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni hija responsabbli milli tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-permanenza jew il-frekwenza tal-kontroll tal-konformità għandha tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ analiżi tar-riskji mill-Istat Membru b’frekwenza minima ta’ darba fix-xahar. L-effettività tal-parametri ta’ l-analiżi tar-riskji użati fis-snin preċedenti għandha tiġi vvalutata fuq bażi annwali.

Artikolu 22

Approvazzjoni ta’ ċentri taċ-ċertifikazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni għandha tapprova ċ-ċentri taċ-ċertifikazzjoni, b’personalità legali jew kapaċità legali suffiċjenti biex ikunu soġġetti, skond leġiżlazzjoni nazzjonali, għal drittijiet u obbligi, u tiżgura li għandhom il-faċilitajiet adegwati biex iwettqu ħidmiet ta’ kkampjunar, analiżi, statistika u rekords.

Fuq bażi ta’ analiżi tar-riskji, imma ta’ l-anqas darbtejn kull sena kalendarja, l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni għandha tagħmel iċċekkjar għal għarrieda ta’ ċentri taċ-ċertifikazzjoni fuq il-post sabiex tivverifika l-konformità mas-sottoparagrafu preċedenti. L-effettività tal-parametri ta’ l-analiżi tar-riskji użati fis-snin preċedenti għandha tiġi vvalutata fuq bażi annwali.

2.   Jekk jirriżulta li fil-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ħops ikunu ntużaw komponenti mhux permessi, jew li l-komponenti użati ma jkunux jikkonformaw ma’ l-entrati fiċ-ċertifikat kif jistipula l-Artikolu 16, u jekk dan ikun attribwibbli għal xi azzjoni intenzjonata jew ħtija serja min-naħa taċ-ċentru taċ-ċertifikazzjoni kkonċernat, l-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni għandha tirtira l-approvazzjoni ta’ dak iċ-ċentru taċ-ċertifikazzjoni.

L-approvazzjoni m’għandhiex tiġi restitwita f’perjodu ta’ mill-anqas 12-il xahar wara d-data ta’ l-irtirar tagħha. Fuq talba taċ-ċentru taċ-ċertifikazzjoni li lilu tkun ġiet irtirata l-approvazzjoni, l-approvazzjoni għandha tiġi restitwita wara sentejn jew, f’każijiet serji, wara tliet snin mid-data ta’ l-irtirar tagħha.

KAPITOLU 7

KOMUNIKAZZJONIJIET U PUBBLIKAZZJONI TA’ LISTI

Artikolu 23

Komunikazzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2007:

(a)

l-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità kompetenti tagħhom taċ-ċertifikazzjoni;

(b)

il-miżuri li ttieħdu biex jiġi implimentat dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena:

(a)

lista taż-żoni għall-produzzjoni tal-ħops;

(b)

lista taċ-ċentri taċ-ċertifikazzjoni u l-kodiċi ta’ kull ċentru;

(c)

bdil li jikkonċerna l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-awtoritajiet kompetenti taċ-ċertifikazzjoni, li jkun sar fis-sena preċedenti.

Artikolu 24

Pubblikazzjoni ta’ listi

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista taż-żoni għall-produzzjoni tal-ħops u l-lista taċ-ċentri taċ-ċertifikazzjoni u n-numri tal-kodiċijiet tagħhom huma aġġornati kull sena u disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni (5).

KAPITOLU 8

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Revoka

Ir-Regolament (KEE) Nru 1784/77 u r-Regolament (KEE) Nru 890/78 huma rrevokati.

Referenzi għar-Regolamenti rrevokati għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VII.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ April 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 314, 30.11.2005, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 317, 3.12.2005, p. 29.

(2)  ĠU L 200, 8.8.1977, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003.

(3)  ĠU L 117, 29.4.1978, p. 43. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2125/2004 (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 8).

(4)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

(5)  http://ec.europa.eu


ANNESS I

IR-REKWIŻITI MINIMI TAL-KUMMERĊJALIZZAZZJONI GĦALL-KONI TAL-ĦOPS

(imsemmija fl-Artikolu 4)

Karatteristiċi

Deskrizzjoni

Kontenut massimu

(% tal-piż)

Ħops ippreparat

Ħops mhux ippreparat

(a)

Mdewwa

Kontenut ta’ ilma

12

14

(b)

Weraq u zkuk

Frammenti ta’ weraq minn rimi tal-friegħi, rimi tal-friegħi, żraġen tal-weraq jew tal-koni; biex jiġu kklassifikati bħala zkuk, iż-żraġen tal-koni jridu jkunu twal ta’ l-anqas 2,5 cm

6

6

(c)

Skart tal-ħops

Partikoli żgħar li jirriżultaw minn ħsad bil-makkinarju, ta’ lewn li jvarja bejn aħdar skur u iswed u li ġeneralment ma jkunux ġejjin mill-koni; il-kontenuti massimi indikati jistgħu jinkludu partikoli ta’ varjetajiet ta’ ħops ieħor barra dak li jkun irid jiġi ċċertifikat, li jkunu jammontaw sa 2 % tal-piż

3

4

(d)

Fil-każ ta’ “ħops bla żerriegħa”, żerriegħa

Frott misjur tal-koni

2

2


ANNESS II

Il-metodi msemmija fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5

A.   METODU TA’ KKAMPJUNAR

Il-proċedura li ġejja għandha tintuża biex jittieħdu kampjuni ta’ koni tal-ħops biex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ mdewwa u, fejn ikun applikabbli, il-kontenut ta’ sustanzi estranji:

1.   L-ikkampjunar

(a)   Ħops ippakkjat

Għandu jittieħed piż ta’ ħops proporzjonali għall-piż tal-pakkett mill-għadd ta’ pakketti speċifikat fl-Artikolu 5. Għandhom jittieħdu biżżejjed kampjuni biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed koni biex ikunu rappreżentattivi tal-pakkett.

(b)   Ħops f’munzell sfuż

Biex tikkostitwixxi kampjun ħu porzjonijiet indaqs minn ħames sa għaxar postijiet differenti fil-munzell kemm mill-wiċċ u kemm minn imkejjen ta’ fond varju. Qiegħed il-kampjun fil-kontenitur mill-aktar fis possibbli. Biex tevita li jkollok deterjorament veloċi, il-kwantità ta’ ħops trid tkun kbira biżżejjed li tiġi kkompressata sew meta jingħalaq il-kontenitur.

Il-kampjun irid ikun jiżen ta’ l-anqas 250 g.

2.   It-taħlita

Il-kampjuni għandhom jitħalltu bl-attenzjoni biex ikunu rappreżentattivi tal-kunsinna.

3.   Is-sottokampjunar

Wara t-taħlit ħu kampjun rappreżentattiv jew aktar u qegħedhom ġo kontenitur impermeabbli, li ma tgħaddix l-arja minnu bħal kaxxa tal-metall, vażett tal-ħġieġ jew borża tal-plastik, minbarra fejn il-kontenut ta’ sustanzi estranji biss ikun irid jiġi ċċekkjat.

4.   Il-ħażna

Minbarra waqt il-ġarr tagħhom, il-kampjuni għandhom jinħażnu f’post kiesaħ. Wieħed għandu joqgħod attent li jħalli l-kampjuni fil-kontenitur jerġgħu joqogħdu għat-temperatura tal-kamra qabel ma jinfetħu għal eżami jew analiżi.

B.   METODI TA’ L-IĊĊEKKJAR TAL-KONTENUT TA’ MDEWWA FIL-ĦOPS

1.   Metodu (i)

Il-kampjuni għall-kontenut ta’ mdewwa m’għandhomx jintaħnu. Huwa importanti li dawn jitħallew esposti għall-arja biss għall-ħin minimu meħtieġ biex jiġu ttrasferiti mill-kontenitur għar-reċipjent ta’ l-użin (li jrid ikun bl-għatu).

Apparat

Miżien b’sensittività ta’ 0.005 g.

Forn għat-tnixxif imsaħħan bl-elettriku u bit-termostat jaqta’ bejn 105 sa 107 °C (l-effikaċja tal-forn għandha tiġi ċċekkjata bit-test tal-kupru).

Dixxijiet tal-metall ta’ dijametru ta’ 70 sa 100 mm, 20 sa 30 mm fondi u mgħammra b’għotjien jagħlqu tajjeb.

Nixxiefa ordinarji, addattati biex jakkomodaw id-dixxijiet u li jkun fihom desikkant bħal ġell tas-silika indikatur.

Metodu

Ittrasferixxi minn 3 sa 5 g ħops f’dixx u għalaq bl-għatu qabel tiżen. Iżen kemm jista’ jkun malajr. Neħħi l-għatu u qiegħed id-dixx fil-forn għal siegħa bl-eżatt. Erġa’ poġġi l-għatu, qiegħed id-dixx f’nixxiefa biex jibred għal ta’ l-anqas 20 minuta u mbagħad iżen id-dixx.

Kalkolu

Ikkalkula t-telf tal-piż bħala perċentwali tal-piż oriġinali tal-ħops. Id-devjazzjoni massima ta’ stima individwali hija ta’ 1 %.

2.   Metodu (ii)

Metodu fejn jintuża miżien elettroniku li jnixxef il-ħops bir-raġġi infra-ħomor jew bl-arja sħuna, jew użin elettroniku, li jaqra fuq skala l-livell ta’ l-umdità tal-kampjun li jkun ittieħed.

C.   METODU TA’ L-IĊĊEKKJAR TAL-KONTENUT TA’ SUSTANZI ESTRANJI

1.   Determinar tal-kontenut ta’ weraq, zkuk u skart

Agħrbel ħames kampjuni ta’ 100 gramma (jew kampjun wieħed ta’ 250 gramma) billi tuża passatur ta’ 2 sa 3 mm. Iġbor il-lupulin, l-iskart u ż-żerriegħa u agħżel iż-żerriegħa bl-idejn. Itfa’ l-kampjuni f’ġenb minnhom. Ittrasferixxi l-kontenut tal-passatur ta’ 2 sa 3 mm għal ġo passatur ta’ 8 sa 10 mm u erġa’ għarbel.

Il-koni tal-ħops, il-weraq, iz-zkuk u s-sustanzi estranji jinġabru mill-passatur bl-idejn filwaqt li l-weraq tal-koni, iż-żerriegħa, l-iskart tal-lupulin u xi weraq u zkuk jibqgħu għaddejjin. Dan kollu jiġi magħżul bl-idejn u jitqassam fil-gruppi li ġejjin:

1.

weraq u zkuk,

2.

ħops (weraq tal-koni, koni tal-ħops u lupulin),

3.

skart,

4.

żerriegħa.

Filwaqt li huwa konsiderevolment diffiċli li tagħżel preċiżament l-iskart mil-lupulin huwa possibbli, bl-użu ta’ passatur b’xibka ta’ daqs ta’ 0,8 millimetri, li tiddetermina approssimattivament il-proporzjonijiet relattivi ta’ l-iskart u l-lupulin.

Meta jkun qed jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-lupulin, għandu jitqies li d-densità tal-lupulin hija erba’ darbiet akbar minn dik ta’ l-iskart.

Id-diversi gruppi jintiżnu u jiġi ddeterminat il-perċentwali li kull grupp jirrappreżenta fil-piż tal-kampjun oriġinali.

2.   Determinar tal-kontenut ta’ żerriegħa

Qiegħed kampjun ta’ 25 g f’kontenitur tal-metall bl-għatu u saħħnu f’forn għat-tnixxif għal sagħtejn f’115 °C sabiex tinnewtralizza r-reżina vixxida.

Geżwer il-kampjun imnixxef f’biċċa ħoxna tal-qoton u għorku vigorożament jew balltu sabiex taqla’ ż-żerriegħa minn mal-ħops. Agħżel il-ħops imnixxef u mfarrak irqiq miż-żerriegħa b’mitħna jew b’passatur tal-metall ta’ 1 mm.

Issepara kull oġġett li jibqa’ maż-żerriegħa billi tuża wiċċ ixaqleb miksi b’karta ta’ l-iżmerill jew kwalunkwe metodu ieħor li jagħti l-istess riżultat, jiġifieri li jżomm iz-zkuk u s-sustanzi l-oħra u jħalli ż-żerriegħa tirrombla għal isfel.

Iżen iż-żerriegħa u ddetermina l-perċentwali ta’ żerriegħa relattiva għall-piż tal-kampjun oriġinali.


ANNESS III

L-IMMARKAR TA’ PAKKI

(imsemmi fl-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(3))

Il-pakki għandhom jiġu mmarkati kif ġej, skond it-tip ta’ pakkett:

(a)

għal koni tal-ħops immontati f’balal jew qatet:

stampar fuq il-pakk, jew

stampar fuq l-istiker tas-siġill;

(b)

għal trab tal-ħops f’pakketti:

stampar fuq il-pakkett, jew

stampar fuq l-istiker tas-siġill;

(c)

għal trab tal-ħops jew estratt tal-ħops f’bottijiet tal-metall:

stampar fuq il-kaxxa, jew

stampar fuq l-istiker tas-siġill jew ittimbrar fuq il-metall;

(d)

għal pakki ssiġillati li jkun fihom kunsinna ta’ pakketti jew kaxex tat-trab jew estratt:

stampar fuq il-pakk issiġillat jew l-istiker tas-siġill, u

stampar fuq kull pakkett jew kaxxa tat-trab jew estratt fil-pakk issiġillat, jew fuq l-istiker tas-siġill tiegħu.


ANNESS IV

Is-sustanzi msemmija fl-Artikolu 10(4)

Sustanzi permessi fl-istandardizzazzjoni ta’ estratti tal-ħops:

1.

ġuleppi tal-glukosju;

2.

estratt mill-misħun ippreparat mill-ħops.


ANNESS V

L-ENTRATI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 16(2)(h)

:

bil-Bulgaru

:

Сертифициран продукт – Регулация (ЕK) № 1850/2006,

:

bl-Ispanjol

:

Producto certificado — Reglamento (CE) no 1850/2006,

:

biċ-Ċek

:

Ověřený produkt – Nařízení (ES) č. 1850/2006,

:

bid-Daniż

:

Certificeret produkt — Forordning (EF) nr. 1850/2006,

:

bil-Ġermaniż

:

Zertifiziertes Erzeugnis — Verordnung (EG) Nr. 1850/2006,

:

bl-Estonjan

:

Sertifitseeritud Produkt – Määrus (EÜ) nr 1850/2006,

:

bil-Grieg

:

Πιστοποιημένο προϊόν — κανονισμός (ΕΚ) αριθ. 1850/2006,

:

bl-Ingliż

:

Certified product — Regulation (EC) No 1850/2006,

:

bil-Franċiż

:

Produit certifié — Règlement (CE) no 1850/2006,

:

bit-Taljan

:

Prodotto certificato — Regolamento (CE) n. 1850/2006,

:

bil-Latvjan

:

Sertificēts produkts – Regula (EK) Nr. 1850/2006,

:

bil-Litwan

:

Sertifikuotas produktas – Reglamentas (EB) Nr. 1850/2006,

:

bl-Ungeriż

:

Tanúsított termék – 2006/1850/EK rendelet,

:

bil-Malti

:

Prodott Iccertifikat — Regolament (KE) Nru 1850/2006,

:

bl-Olandiż

:

Gecertificeerd product — Verordening (EG) nr. 1850/2006,

:

bil-Pollakk

:

Produkt certyfikowany – Rozporządzenie (WE) nr 1850/2006,

:

bil-Portugiż

:

Produto certificado — Regulamento (CE) n.o 1850/2006,

:

bir-Rumen

:

Produs certificat – Regulamentul (CE) nr. 1850/2006,

:

bis-Slovakk

:

Certifikovaný výrobok – Nariadenie (ES) č. 1850/2006,

:

bis-Sloven

:

Certificiran pridelek – Uredba (ES) št. 1850/2006,

:

bil-Finlandiż

:

Varmennettu tuote – Asetus (EY) N:o 1850/2006,

:

bl-Iżvediż

:

Certifierad produkt – Förordning (EG) nr 1850/2006.


ANNESS VI

SEKWENZA TA’ L-IKKODIFIKAR U L-KOMPOŻIZZJONI TAN-NUMRI TA’ REFERENZA TAĊ-ĊERTIFIKATI

(imsemmija fl-Artikolu 16(4))

1.   ĊENTRU TAĊ-ĊERTIFIKAZZJONI

Numru bejn 0 u 100 kkomunikat mill-Istati Membri.

2.   STATI MEMBRI LI JEŻEGWIXXU Ċ-ĊERTIFIKAZZJONI

BE

għall-Belġju

BG

għall-Bulgarija

CZ

għar-Repubblika Ċeka

DK

għad-Danimarka

DE

għall-Ġermanja

EE

għall-Estonja

EL

għall-Greċja

ES

għal Spanja

FR

għal Franza

IE

għall-Irlanda

IT

għall-Italja

CY

għal Ċipru

LV

għal-Latvja

LT

għal-Litwanja

LU

għal-Lussemburgu

HU

għall-Ungerija

MT

għal Malta

NL

għall-Olanda

AT

għall-Awstrija

PL

għall-Polonja

PT

għall-Portugall

RO

għar-Rumanija

SI

għas-Slovenja

SK

għas-Slovakkja

FI

għall-Finlandja

SE

għall-Iżvezja

UK

għar-Renju Unit

3.   SENA TAL-ĦSAD

L-aħħar żewġ ċifri tas-sena tal-ħsad.

4.   IDENTIFIKAZZJONI TAL-KUNSINNA

In-numru mogħti lill-kunsinna mill-awtorità kompetenti taċ-ċertifikazzjoni (eż. 12 BE 77 170225).


ANNESS VII

Tabella ta’ korrelazzjoni (imsemmija fl-Artikolu 25)

Regolament (KEE) Nru 1784/77

Regolament (KEE) Nru 890/78

Dan ir-Regolament

 

 

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

 

Artikolu 1(2) u (3)

Artikolu 7

 

Artikolu 1(4)

Artikolu 6(1)

Artikolu 1

Artikolu 2

 

Artikolu 2

Artikolu 3

 

Artikolu 3

Artikolu 4

 

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 1(2) sa (5)

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

 

Artikolu 7

 

Artikolu 9a

Artikolu 8

Artikolu 1(2) sa (5)

Artikolu 7

Artikolu 9

 

Artikolu 8

Artikolu 10

 

Artikolu 8a(1), (2)

Artikolu 11

 

Artikolu 8a(3), (4), (5)

Artikolu 12

 

Artikolu 9

Artikolu 13

Artikolu 8

 

Artikolu 14

 

Artikolu 9a

Artikolu 15

Artikolu 2(1)

 

Artikolu 16(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5 u 5a

Artikolu 16(2)

Artikolu 5(2)

 

Artikolu 16(3)

 

Artikolu 6(1), (2)

Artikolu 16(4)

Artikolu 4

 

Artikolu 17

Artikolu 5a

 

Artikolu 18

Artikolu 3

 

Artikolu 19

 

Artikolu 10

Artikolu 20

Artikolu 1(6)

 

Artikolu 21

 

Artikolu 8a(8)

Artikolu 22

Artikolu 9

Artikoli 6(3) u 11

Artikolu 23

 

 

Artikolu 24

 

 

Artikolu 25

 

 

Artikolu 26

 

Anness I

Anness I

 

Anness II

Anness II

 

Anness IV

Anness III

 

Anness V

Anness IV

 

Anness IIA

Anness V

 

Anness III

Anness VI

 

 

Anness VII


Top