This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32002R1030
Council Regulation (EC) No 1030/2002 of 13 June 2002 laying down a uniform format for residence permits for third-country nationals
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz
ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1–7
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/11/2017
Official Journal L 157 , 15/06/2002 P. 0001 - 0007
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment il-punt 3 ta' l-Artikolu 63 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Billi: (1) It-Trattat ta' Amsterdam jimmira li jistabbilixxi progressivament żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u jagħti dritt kondiviż ta' inizjattiva lill-Kummissjoni biex jittieħdu l-miżuri rilevanti fuq politika armonizzata ta' immigrazzjoni. (2) Il-paragrafu 38(ċ)(ii) tal-pjan ta' azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fuq kif l-aħjar ikunu mwettqa d-disposizzjonijiet tat-Trattat ta' Amsterdam fuq żona ta' ħelsien, sigurtà u ġustizzja [3] jipprovdi għall-preparazzjoni ta' regoli dwar il-proċeduri għall-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi fit-tul u permessi ta' residenza. (3) Il-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 saħaq il-ħtieġa għal din il-politika armonizzata ta' immigrazzjoni, partikolarment fid-dawl tad-disposizzjonijeit tat-Trattat dwar id-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. (4) Il-Kunsill ta' Azzjoni Konġunta 97/11/JHA [4] dwar format uniformi għall-permessi ta' residenza jikkonferma l-bżonn biex ikun armonizzat il-format tal-permessi ta' residenza maħruġa mill-Istati Membri ċittadini ta' pajjiżi terzi. Għalhekk, huwa xieraq li l-Azzjoni Konġunta 97/11/JHA għandha minn hawn 'il quddiem tinbidel b'att tal-Komunità. (5) Huwa essenzali li l-format uniformi għall-permessi ta' residenza għandu jkollu l-informazzjoni kollha meħtieġa u jilħaq standards għolja tekniċi, partikolarment fir-rigward ta' salvagwardji kontra il-falsifikazzjoni. Dan għandu jikkontribwixxi għall-oġġettiv li jkunu missielta l-immigrazzjoni illegali u r-residenza illegali. Il-format għandu jgħodd ukoll għall-użu mill-Istati Membri kollha u jkollu karatterisitiċi ta' sigurtà armonizzati rikonoxxuti universalment, li jintlemħu mad-daqqa t'għajn. (6) Biex tittejjeb il-protezzjoni tal-permessi ta' residenza kontra l-falsifikazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw f'intervalli regolari, skond l-iżviluppi teknoloġiċi, x'tibdiliet għandhom isiru għall-karatteristiċi ta' sigurtà magħdmula fil-permessi, speċjalment l-inkorporazzjoni u l-użu ta' karatterisitiċi bijometriċi ġodda. (7) Dan ir-Regolament jippreskrivi biss dawk l-ispeċifikazzjonijiet li m'humiex sigrieti. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiżdiedu b'aktar speċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jibqgħu mistura biex jipprevjenu r-riskju tal-falsifikazzjoni u li ma jistgħux jinkludu data personali jew referenzi għal din id-data. Għandhom jingħataw lill-Kummissjoni poteri biex ikunu adottati speċifikazzjonijiet oħra tekniċi, assistiti mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jippreskrivi format uniformi għall-viżi [5]. F'dan ir-rigward, għandu jkun żgurat li jkun evitat kull nuqqas ta' kontinwità fir-rigward tal-permessi ta' residenza li joħorġu mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 1997 u tat-8 ta' Ġunju 2001. (8) Biex ikun żgurat li ma tingħatax informazzjoni aktar milli hemm bżonn, huwa meħtieġ ukoll li kull Stat Membru jaħtar korp waħdieni għall-istampa tal-format uniformi għall-permessi ta' residenza, waqt li tinżamm il-possibbilità li dak il-korp jinbidel, jekk meħtieġ. Kull Stat Membru, għal raġunijiet ta' sigurtà, għandu jikkomunika l-isem tal-korp kompetenti lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra. (9) L-Istati Membri għandhom, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li l-ipproċessar tad-data personali jikkonforma mal-livell tal-protezzjoni msemmija fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 fuq il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u fuq il-moviment liberu ta' din id-data [6]. (10) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7]. (11) Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-kompetenza ta' l-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent ta' l-Istati u l-entitajiet territorjali u l-passaporti, id-dokumenti ta' l-ivjaġġar u ta' l-identità maħuġa mill-awtoritajiet tagħhom. (12) Skond l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhux qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u li għalhekk lanqas mhix marbuta bih u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jimmira li jibni fuq l-acquis ta' Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-tielet parti tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta dan ir-Regolament jekk tittrasponihiex fil-liġi nazzjonali tagħha. (13) Fir-rigward tar-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jaqa' fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 fuq ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni bejn dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [8]. (14) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll fuq il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda, anness mat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit ta avviż b'ittra ta' l-4 ta' Diċembru 2001, tax-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. (15) Skond l-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Protokoll, l-Irlanda mhux qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi fuq, id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma japplikawx għall-Irlanda. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Permessi ta' residenza maħruġa mill-Istati Membri lil ċittadini ta' pajiż terz għandhom jitħejjew f'format uniformi u jipprovdu biżżejjed spazju għall-informazzjoni preskrit fl-Anness ta' hawnhekk. Il-format uniformi jista' jintuża bħala stiker fuq dokument waħdieni. Kull Stat Membru jista' jżid fl-ispazju rilevanti tal-format uniformi informazzjoni ta' importanza dwar in-natura tal-permess u l-istatus legali tal-persuna konċernata, partikolarment informazzjoni rigward jekk persuna tistax taħdem. 2. Għall-għan ta' dan ir-Regolament: (a) "permess ta' residenza" għandu jfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru li jħalli ċittadin ta' pajjiż terz li joqgħod legalment fit-territorju tiegħu, bl-eċċezzjoni ta': (i) viżi; (ii) permessi maħruġa fil-pendenza ta' eżami ta' applikazzjoni għal permess ta' residenza jew għall-ażil; (iii) awtorizzazzjonijiet maħruġa għal żjara li ma ddumx iżjed minn sitt xhur minn Stati Membri li ma japplikawx id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża fuq l-abolizzjoni gradwali ta' verifiki fil-fruntieri komuni tagħhom [9]; (b) "ċittadin ta' pajjiż terz" għandu jfisser kull persuna li mhix ċittadina ta' l-Unjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat. Artikolu 2 1. Għandhom ikunu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-format uniformi għall-permessi ta' residenza dwar li ġej skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2): (a) karatteristiċi addizjonali ta' sigurtà u ħtiġiet, inkluż standards aktar għoljin kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni; (b) proċessi tekniċi u regoli biex jimtela' l-permess uniformi ta' residenza; (ċ) regoli oħra li għandhom jitħarsu biex jimtela' l-permess uniformi ta' residenza. 2. Il-kuluri tal-permess uniformi ta' residenza jistgħu jinbidlu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2). Artikolu 3 L-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu sigrieti u m'għandomx ikunu ppubblikati. Għandhom ikunu disponibbli biss lill-korpi indikati mill-Istati Membri bħala risponsabbli għall-istampar u lill-persunu debitament awtorizzati mill-Istat Membru jew mill-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jindika korp wieħed li jkollu r-responsabbilità għall-istampar tal-permess uniformi tar-residenza. Għandu jikkomunika l-isem ta' dak il-korp lill-Kummissjoni u l-Istati Membri oħra. L-istess korp jista' jkun indikat minn żewġ Stati Membri jew iżjed. Kull Stat Membru għandu jkun intitolat li jibdel il-korp indikat tiegħu. Għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra b'hekk. Artikolu 4 Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-protezzjoni tad-data, persuni li jinħarġilhom permess ta' residenza għall-formuli għandu jkollhom id-dritt li jivverifikaw id-dettalji personali kontenuti fil-permess ta' residenza u, meta xieraq, jitolbu li jkunu korretti jew mħassra. L-ebda informazzjoni f'forma li tinqara mill-magni m'għandha tkun inkluża fil-permess ta' residenza, sakemm ma jkunx ipprovdut fl-Anness ta' hawnhekk, jew sakemm ma tkunx imsemmija fid-dokument ta' l-ivjaġġjar rilevanti. Artikolu 5 Dan ir-Regolament m'għandux japplika għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz li huma: - membri tal-familji ta' ċittadini ta' l-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' moviment, - ċittadini ta' l-Istati Membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma parti fil-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea u membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà ta' moviment skond dak il-Ftehim, - ċittadini ta' terzi pajjiżi li huma eżenti mill-ħtieġa li jkollhom viża u li huma awtorizzata li jibqgħu fi Stat Membru għal perjodu ta' anqas minn tliet xhur. Artikolu 6 Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġi adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 7(2). Artikolu 7 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat msemmi fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1683/95. 2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom jgħoddu l-Artikoli 5 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-perijodu preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu tal-proċedura. Artikolu 8 Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa s-setgħat ta' l-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent ta' l-Istati u l-entitajiet territorjali u l-passaporti, id-dokumenti ta' l-ivjaġġar u ta' l-identità maħuġa mill-awtoritajiet tagħhom. Artikolu 9 L-Istati Membri għandhom joħorġu l-format uniformi għall-permessi ta' residenza mfissra fl-Artikolu 1 mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni ta' karatterisitiċi ta' sigurtà u ħtiġiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a). Minn dik id-data, dan ir-Regolament għandu, fl-Istati Membri konċernati, jieħu post l-Azzjoni Konġunta 97/11/JHA. L-integrazzjoni tar-ritratt provdut fil-punt 14 ta' l-Anness fuq il-permess ta' residenza ta' ċittadin ta' pajjiż terz fil-forma ta' stiker għandha tkun implimentata mhux aktar tard minn ħames snin wara l-adozzjoni tal-miżuri tekniċi provduti għall-adozzjoni ta' din il-miżura fl-Artikolu 2. Iżda, il-validità ta' l-awtorizzazzjonijiet mogħtija digà u maħruġa f'format ieħor ta' permess ta' residenza m'għandhom ikunu affettwati bl-introduzzjoni ta' format uniformi għall-permessi ta' residenza, sakemm l-Istat Membru konċernat jiddeċiedi mod ieħor. Artikolu 10 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Magħmul fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Ġunju 2002. Għall-Kunsill Il-President M. Rajoy Brey [1] ĠU C 180 E, tas-26.6.2001, p. 304. [2] Opinjoni mogħtija fit-12 ta' Diċembru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU C 19, tat-23.1.1999, p. 1. [4] ĠU L 7, ta' l-10.1.1997, p. 1. [5] ĠU L 164, ta' l-14.7.1995, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 334/2002 (ĠU L 53, tat-23.2.2002, p. 7). [6] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [8] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31. [9] ĠU L 239, tat-22.9.2000, p. 19. -------------------------------------------------- ANNESS (a) Deskrizzjoni Il-permess tar-residenza għandu jkun prodott jew bħala stiker, jekk possibbli fil-format ID 2, jew dokument waħdieni fil-format ID 1 jew ID 2. Għandu jkun ibbażat fuq speċifikazzjonijiet provduti fid-dokumenti ICAO fuq viżi li jinqraw bil-magna (dokument 9303, parti 2) jew fuq dokumenti ta' l-ivjaġġar li jinqara bil-magna (karti) (dokument 9303, parti 3). Għandu jkollu d-daħliet li ġejjin: 1. It-titolu tad-dokument (permess ta' residenza) għandu jidher fil-lingwa(i) ta' l-Istat Membru [1] li joħorġu. 2. In-numru tad-dokument (b'karatteristiċi ta' siġurtà spċjali u preċedut b'ittra ta' identifikazzjoni). 3.1. Isem: kunjom u l-ewwel isem(ismijiet) f'dik l-ordni [2]. 4.2. "Validu sa" għandu jindika d-data rilevanti ta' skadenza jew, fejn xieraq, kelma biex tindika l-validità bla limitu. 5.3. Post ta' ħruġ u data ta' bidu ta' validità: il-post u d-data tal-ħruġ tal-permess tar-residenza [3]. 6.4. Tip ta' permess: it-tip speċifiku ta' permess ta' residenza maħruġ mill-Istat Membru lil ċittadin ta' pajjiz terz [4]. Il-permess ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li ma ezerċitax id-dritt ta' moviment liberu għandu jkollu d-diċitura "membru tal-familja". 7.5.-9. Rimarki: L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu d-dettalji u l-indikazzjonijiet għall-użu nazzjonali meħtieġa fid-dawl tad-disposizzjonijiet nazzjonali tagħhom fuq ċittadini ta' pajjiz terz, inkluz indikazzjonijiet dwar kull permess għax-xogħol [5]. 8. Data/firma/awtorizzazzjoni: fejn xieraq, il-firma u s-siġill ta' l-awtorità ta' ħruġ u/jew il-firma tad-detentur. 9. Il-parti stampata għandu jkollha l-emblema nazzjonali ta' l-Istat Membru biex jintgħaraf il-permess ta' residenza u jipprovdi salvagwardja ta' l-oriġini nazzjonali tagħha. 10. Parti li tista' tinqara bil-magna. Il-parti li tinqara bil-magna għandha tkun skond il-linji ta' gwida tal-ICAO. 11. Il-parti li tinqara bil-magna għandha jkollha test stampat li jindika esklussivament l-Istat Membru konċernat. Dan it-test jista' ma jaffettwax il-karatterisitċi tekniċi tal-parti li tinqara bil-magna. 12. F'din il-parti hemm xbieha latenti metallizzata, inkluż il-kodiċi tal-pajjiż ta' l-Istat Membru, jekk tintuża stiker. 13. OVD (element ottiku varjabbli) (kinegramma jew sinjal ekwivalenti) li jipprovdi kwalità ta' identifikazzjoni u livell ta' sigurtà mhux anqas mill-element użat fil-format uniformi kurrenti għall-viżi. 14. Jekk il-permess ta' residenza huwa prodott bħala dokument waħdieni, għandu jitwaħħal ritratt ta' identifikazzjoni f'dan l-ispazju u jinżamm f'postu billi jkun integrat fl-istruttura tal-karta jew permezz ta' laminat b'siġill bis-sħana, l-element ottiku varjabbli jkun inkorporat f'kull każ. Jekk il-permess ta' residenza huwa prodott bħala stiker, dan l-ispazju għandu jkollu ritratt prodott skond standards ta' sigurtà għoljin. 15. Il-kaxxi l-oħra li ġejjin għandhom ikunu provduti fuq wara fil-każ ta' dokument waħdieni: - data u post ta' twelid [6], - nazzjonalità [7], - sess [8], - rimarki [9]. L-indirizz tad-detentur tal-permess jista' jkun indikat ukoll [10]. (b) Kulur, proċess ta' l-istampar L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kulur u l-proċess ta' l-istampar skond il-format uniformi provdut f'dan l-Anness u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom ikunu stabbiliti skond l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament. (ċ) Materjal Il-karta użata għall-permess ta' residenza li jagħti data bijografiċi jew oħrajn għandhom iħarsu l-ħtiġiet li ġejjin: - l-ebda brighteners ottiċi, - filigrana bitonali, - reaġenti ta' sigurtà biex iħarsu kontra tentattivi ta' tbagħbis b'tħassir kimiku, - fibri kuluriti (parzjalment viżibbli, parzjalment flworixxenti taħt id-dawl UV), - pjanċi zgħar flworixxenti UV. L-ebda filigrani m'huma użati jekk il-permess ta' residenza joħroġ fil-forma ta' stiker. Jekk karta għal data biografiċi issir għal kollox mill-plastik, mhux possibbli s-soltu li jkunu inkorporati l-marki ta' l-awtentikazzjoni użati fil-karta. In-nuqqas ta' dawn il-marki għandhom għalhekk ikunu ikkumpensati bl-użu ta' tekniki ta' sigurtà fl-istampar, OVDs, jew tekniki ta' ħruġ li jmorru lil hinn mill-istandards ogħla ta' sigurtà li ġejjin. Il-karatteristiċi bażiċi ta' sigurtà tal-materjali użati għandhom ikunu ta' disinn uniformi. (d) Tekniki ta' l-istampar It-tekniki li ġejjin ta' l-istampar għandhom ikunu użati: - Stampar fl-isfond: arabeski b'żewġ kuluri, kulurazzjoni irridata flworixxenti, - stampar fuq ieħor flworixxenti UV, mottivi effettivi kontra l-falsifikazzjoni, għandhom jintużaw linek reaġenti fuq karti u stikers. Il-format ta' quddiem ta' karta għandha tintgħaraf min-naħa ta' wara tal-karta. - Stampar tal-formula: b'mikro stampar integrat (sakemm mhux diġà inkluż fl-istampar ta' l-isfond). - Enumerazzjoni stampati (fejn possibbli bi stil speċjali ta' figuri jew tipa u bil-linka flworixxenti UV) jew, fil-każ ta' karti, integrata, bl-użu ta' l-istess teknika bħad-data bijografika. Għall-istikers, għandha tintuża enumerazzjoni stampata bl-użu ta' linka flworixxenti u stil speċjali ta' figuri. Jekk jintużaw l-istikers, għandhom jintużaw ukoll stampar intaglio b'effett ta' xbieha latenti, mikro test u linka varjabbli ottikament. Elementi ta' ottika varjabbli ta' sigurtà oħra għandhom jintużaw fuq karti magħmula għal kollox tal-plastik, għall-anqas bl-użu ta' linka varjabbli ottikament jew miżuri ekwivalenti, Il-karatteristiċi bażiċi ta' l-istampar ta' sigurtà għandhom ikunu ta' disinn uniformi. (e) Protezzjoni kontra l-ikkuppjar OVD li tipprovdi kwalità ta' identifikazzjoni u livell ta' sigurtà mhux anqas mill-element użat fil-format uniformi kurrenti għall-viżi għandu jintuża fuq l-istiker tal-permess tar-residenza jew fuq il-quddiem tal-karta tal-permess tar-residenza. Dan l-OVD għandu jkun inkorporat fl-istruttura tal-karta, ġewwa l-laminat bis-siġill bis-sħana jew overlay OVD, jew fuq stikers, bħala OVD metallizzat (b'stampar fuq ieħor intaglio). (f) Teknika tal-ħruġ Biex ikun żgurat li d-data tal-permess ta' residenza ikunu imħarsa minn tentattivi ta' falsifikazzjoni, id-data bijografiċi inkluż ir-ritratt, il-firma tad-detentur u d-data l-oħrajn prinċipali għandhom fil-futur ikunu integrati fil-materjal bażiku tad-dokument. Metodi konvenzjonali kif jitwaħħal ritratt m'għandhomx jintużaw aktar. It-tekniki li ġejjin tal-ħruġ għandhom jintużaw: - stampar bil-lażer, - trasferiment bis-sħana, - stampar ink-jet, - fotografika, - inċiżjoni bil-lażer. Biex ikun żgurat li data bijografiċi maħruġa huma protetti adegwatament kontra tentattivi ta' tbagħbis, għandha tkun obbligatorja l-laminazzjoni bis-siġill bis-sħana bil-laminat tas-sigurtà OVD meta jintużaw it-tekniki ta' l-istampar bil-lażer, trasferiment bis-sħana, jew fotografiċi. Permessi ta' residenza fil-forma ta' karti għandhom ikunu laminati wkoll f'dan il-mod meta maħruġa bl-użu ta' stampar bl-ink-jet. Billi l-laminazzjoni bis-sigill multiplu ta' dokument ta' l-ivjaġġar mhix fattibbli meta l-permessi ta' residenza jitwaħħlu f'forma ta' stikkers, l-istampar bl-ink-jet tkun l-unika teknika possibbli għall-ħruġ ta' stikers. L-inċiżjoni bil-lażer għandha tintuża għall-karti tal-plastik (li jkunu kollha jew f'parti magħmula minn sintetiċi). (g) L-Istati Membri għandhom il-possibbilità, fir-rigward tal-punti (ċ), (d) u (e), li jintroduċu aktar karatteristiċi ta' sigurtà sakemm dawn huma konformi mad-deċizjonijiet meħuda diġà f'dawn il-kwistjonijiet. Il-ħtiġiet tekniċi u l-karatterisitiċi ta' sigurtà għandhom jikkorrespondu mal-ħtiġiet u speċifikazzjonijiet preskritti fir-Regolament (KE) Nru 1683/95 li jipprovdi format uniformi għall-viżi. Il-permess ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz f'forma ta' karta +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ Il-permess ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz f'forma ta' stiker +++++ TIFF +++++ [1] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [2] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [3] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [4] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [5] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [6] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [7] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [8] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [9] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. [10] Meta din l-informazzjoni tidher f'lingwa uffiċjali li tuża karattri mhux Latini, għandha tkun translitterata f'karattri Latini. --------------------------------------------------