This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31999L0032
Council Directive 1999/32/EC of 26 April 1999 relating to a reduction in the sulphur content of certain liquid fuels and amending Directive 93/12/EEC
Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE
Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE
ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13–18
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 09/06/2016; Imħassar b' 32016L0802
Official Journal L 121 , 11/05/1999 P. 0013 - 0018
Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 130s(1) tiegħu, Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2], Filwaqt li jaġixxi b'mod konformi mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 189c tat-Trattat [3], (1) Billi l-għanijiet u l-prinċipji tal-politika ambjentali tal-Komunità kif stabbilita fil-programmi ta' azzjoni fuq l-ambjent u b'mod partikolari il-Ħames Programm Ambjentali [4] fuq il-bażi tal-prinċipji imdaħħla fl-Artikolu 130r tat-Trattat, jimmiraw b'mod partikolari biex jassiguraw il-protezzjoni effettiva tan-nies kollha mir-riskju rikonoxxut mill-emissjonijiet ta' djossidu tal-kubrit u biex jipproteġu l-ambjent billi jipprevjenu depożitu ta' kubrit li jeċċedi żidiet u livelli kritiċi; (2) Billi l-Artikolu 129 tat-Trattat jipprovdi li ħtiġijiet ta' protezzjoni għas-saħħa għandhom jifformaw parti konsistenti tal-politika l-oħra tal-Komunità; billi l-Artikolu 3(o) tat-Trattat jipprovdi wkoll li l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu kontribuzzjoni għall-ksib ta' livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa; (3) Billi emissjonijiet ta' dijossideu tal-kubrit jikkontribwixxi b'mod sinjifikanti għall-problema ta' aċidifikazzjoni fil-Komunità; billi d-dijossidu tal-kubrit għandu effett dirett fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent; (4) billi l-aċidifikazzjoni u d-dijossidu tal-kubrit atmosferiku jagħmlu ħsara lill-ekosistemi sensittivi, inaqqsu l-biodiversità u jnaqqsu l-valuri ambjentali kif ukoll jaffettwaw ħażin il-produzzjoni ta' l-uċuħ u t-tkabbir ta' foresti; billi xita aċida li tinżel fl-ibliet tista' tikkawża ħsarat sinjifikanti għall-bini u wirt arkitettoniku; billi tniġġiż ta' aċidu solforiku jista' wkoll ikollu effett sinjifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem, b'mod partikolari qalb dawk is-setturi tal-popolazzjoni li jsofru minn mard respiratorju; (5) Billi l-aċidifikazzjoni hija fenomenu li jaqsam il-fruntieri li jinħtieġ għaliha soluzzjonijiet tal-Komunità kif ukoll nazzjonali u lokali; (6) Billi emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' materja partikolari fl-atmosfera; (7) Billi l-Komunità u l-Istati Membri individwali huma Partijiet Kontrattwali tal-Konvenzjoni ta' l-UN-ECE fuq it-Tniġġiż ta' l-Arja li Jasal' l Bogħod u jaqsam il-Fruntieri; billi t-tieni Protokoll ta' l-UN-ECE fuq it-Tniġġiż li jaqsam il-Fruntieri bid-dijossidu tal-kubrit jipprevedi li l-Partijiet Kontrattwali għandhom inaqqsu l-emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit b'mod ugwali jew iżjed mit-30 % ta' tnaqqis speċifikat fl-ewwel Protokoll u billi it-tieni Protokoll ta' l-UN-ECE huwa bbażat fuq il-premessa li ż-żidiet u livelli kritiċi se jkomplu jkunu maqbuża f'ċerti żoni sensittivi; billi miżuri oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit jibqgħu jkunu meħtieġa jekk l-għanijiet tal-Ħames Programm ta' Azzjoni ta' l-Ambjent għandhom ikunu mħarsa; billi l-Partijiet Kontrattwali għandhom għalhekk jagħmlu aktar tnaqqis sinjifikanti fl-emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit; (8) Billi kubrit li huwa preżenti b'mod naturali fi kwantitajiet żgħar fiż-żejt u l-faħam ilu għal għaxriet ta' snin rikonoxxut bħala sors dominanti ta' emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit li hija waħda mill-kawżi prinċipali tax-"xita aċida" u waħda mill-kawżi maġġuri tat-tinġis ta' l-arja li tinstab f'ħafna żoni industrijali u ta' l-ibliet; (9) Billi l-Kummissjoni reċentement ippublikat komunikat fuq strateġija effettiva fl-infiq biex tikkumbatti l-aċidifikazzjoni fil-Komunità; billi l-kontroll ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit ġejjin mill-kombustjoni ta' ċerti karburanti likwidi kien identifikat bħala komponent integrali minn din l-istrategija sostenibbli; billi l-Komunità tirrikonoxxi l-ħtieġa għal miżuri li jirrigwardjaw il-karburanti l-oħra kollha; (10) Billi studji wrew li benefiċċji mit-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit bit-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit ta' karburanti spiss ikunu akbar sewwa mill-ispejjeż stmati għall-industrija f'din id-Direttiva u billi t-tekonoloġija teżisti u hija stabbbilità sewwa biex jitnaqqas il-livell ta' kubrit tal-karburanti likwidi; (11) Billi, b'mod konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-prinċipju ta' proporzjonalità imsemmija fl-Artikolu 3b Trattat, l-għanijiet tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-dijossidu tal-kubrit ġejjin mill-użu ta' ċerti karburanti likwidi ma jistax jinkiseb b'mod effettiv bl-Istati Membri jaġixxu individwalment; billi azzjoni mhix ippjanata ma toffri ebda garanzija li tikseb l-għanijiet mixtieqa, hija potenzjalment kontroproduttiva u tirriżulta f'inċertezza konsiderevoli fis-suq dawk il-prodotti tal-karburanti; billi in vista tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit fil-Komunità kollha, huwa għalhekk aktar effettiv li tittieħed azzjoni f'livell ta' Komunità; billi din id-Direttiva tillimita lilha nfisha għall-ħtiġijiet minimi neċessarji biex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa; (12) Billi fid-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-kontenut ta' kubrit ta' ċerti karburanti likwidi [5] il-Kummissjoni kienet tipproponi lill-Kunsill biex jippreskrivi limiti aktar baxxi għall-kontenut tas-kubrit fil-gasoil u limiti ġodda għall-pitrolju ta' l-avjazzjoni; billi kien ikun xieraq li jkunu stabbiliti limiti għall-kontenut tas-kubrit ta' karburanti likwidi oħra, b'mod partikolari żjut karburanti tqal, żjut karburanti tal-bunker, gasoil marittimu u gasoil, fuq il-bażi ta' studji ta' vijabilità; (13) Billi, b'mod konformi ma' l-Artikolu 130t tat-Trattat, din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti; billi miżuri simili għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat u għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni; (14) Billi Stati Membru, qabel ma jintroduċi miżuri ġodda, aktar stretti, għandu jinnotifika bl-abbozz tagħhom lill-Kummissjoni skond id — Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 li tistipula proċedura għall-provvediment ta' tagħrif fil-qasam ta' standards tekniċi u regolamenti [6]; (15) Billi, fir-rigward tal-limiti tal-kontenut ta' kubrit taż-żejt karburanti tqil, huwa xieraq li jkunu magħmula derogi fi Stati Membri u reġjuni fejn il-kondizzjonijiet ambjentali jippermettu; (16) Billi, fir-rigward tal-limitu fuq il-kontenut tal-kubrit ta' żejt karburanti tqil, huwa wkoll xieraq li jkunu magħmula derogi għall-użu tagħhom fl-impjanti ta' kombustjioni li jħarsu l-valuri limiti ta' l-emissjoni stabbilità fid-Direttiva tal-Kunsill 88/609/KEE ta' l-24 ta' Novembru 1988 [7] fuq il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti aġenti tat-tniġġiż fl-arja minn impjanti kbar ta' kombustjoni; billi fid-dawl tar-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva 88/609/KEE, jista' jkun meħtieġ li wieħed jirrevedi, u jekk xieraq jikkorreġi ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva; (17) Billi għal impjanti ta' kombustjoni tar-raffineriji esklużi mill-iskop ta' l-Artikolu 3(3)(i)(c) ta' din id-Direttiva l-emissjoni ta' dijossidu tal-kubrit bħala medja fuq impjanti simili m'għandhiex teċċedi il-limiti stipulati fid-Direttiva 88/609/KEE jew xi reviżjoni futura ta' dik id-Direttiva; billi, fit-tħaddim ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iżommu f'moħħhom li sostituzzjoni b'karburanti barra minn dawk skond l-Artikolu 2 m'għandhom jipproduċu żieda fl-emissjonijiet ta' aġenti ta' tniġġiż li jġibu l-aċidità; (18) Billi valur limitu ta' 0,2 % għall-kontenut tal-kubrit ta' gasoil diġa ġie stabbbilit skond id-Direttiva 93/12/KEE; billi dak il-valur limitu għandu jinbidel għal 0,1 % sa l-1 ta' Jannar 2008; (19) Billi, b'mod konformi ma' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994 l-Awstrija u l-Finlandja għandhom deroga għal perjodu ta' erba' snin mid-data ta' l-adeżjoni dwar id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 93/12/KEE dwar il-kontenut tal-kubrit tal-gasoil; (20) Billi l-valuri limiti ta' 0,2 % (mis-sena 2000) u ta' 0,1 % (mis-sena 2008) għall-kontenut tal-kubrit ta' gasoil maħsub għall-użu marittimu f'vapuri jistgħu jippreżentaw problemi tekniċi u ekonomiċi għall-Greċja fit-territorji tagħha kollha, għal Spanja fir-rigward tal-Gżejjer Canary, għal Franza fir-rigward tad-Dipartimenti 'l barra minn Franza, u għall-Portugall fir-rigward ta' l-Arċipelagi ta' Madejra u l-Azores; billi deroga għal Greċja, il-Gżejjer Canary, id-Dipartimenti Franċiżi 'l barra minn Franza u għall-Arċipelagi ta' Madejra u l-Ażores m'għandux ikollha effett negattiv fuq is-suq tal-gasoil maħsub għall-użu marittimu u billi l-esportazzjonijiet ta' gażojl għall-użu marittimu mill-Greċja', il-Gżejjer Canary, id-Dipartimenti Franċiżi 'l barra minn Franza u l-Arċipelagi ta' Madejra u l-Ażores lill-Istati Membri oħra għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri importaturi; billi l-Greċja, il-Gżejjer Canary, id-Dipartimenti Franċiżi 'l barra minn Franza u l-Arċipelagi ta' Madejra u l-Ażores għandhom għaldaqstant jingħataw deroga mill-valuri limiti ta' kubrit bil-piż għall-gasoil użat għal skopijiet marittimi; (21) Billi emissjonijiet ta' kubrit mill-bastimenti minħabba l-kombustjoni tal-karburanti tal-bunker b'kontenut għoli ta' kubritjikkontribwixxu għat-tniġġiż bid-dijissidu tal-kubrit problemi ta' aċidifikazzjoni; billi l-Komunità se tkun tinsisti għal protezzjoni aktar effettiva ta' żoni sensittivi għal emissjonijiet ta' SOx u t-tnaqqis fil-valur limitu normali għal karburanti tal-bunker (mill-4,5 % attwali) fin-negozjati li għadhom għaddejjin u tal-futur tal-Konvenzjoni MARPOL fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI); billi l-inizjattivi tal-Komunità biex ikollha l-Baħar tat-Tramuntana/l-Kanal dikjarati żona ta' kontroll ta' emissjoni baxxa speċjali ta' SOx għandhom jitkomplew; (22) Billi riċerka aktar approfondita fl-effetti ta' l-aċidifikazzjoni fuq l-ekosistemi u l-ġisem uman hija meħtieġa; billi l-Komunità qed tgħin riċerka simili taħt il-Ħames Qafas ta' Programm ta' Riċerka [8]; (23) Billi fil-każ ta' disgwid fil-forniment ta' żejt mhux maħdum, prodotti taż-żejt jew idrokarbuni oħra, il-Kummissjoni tista' tawtorizza l-użu ta' limitu ogħla ġewwa t-territorju ta' Stat Membru; (24) Billi l-Istati Membri jmisshom jistabbilixxu l-mekkaniżmi xierqa biex jissorveljaw konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva; billi rapporti fuq il-kontenut tal-kubrit tal-karburanti likwidi jmisshom jingħataw lill-Kummissjoni; (25) Billi, biex l-affarijiet ikunu ċari, ikun meħtieġ li tkun emendata d-Direttiva 93/12/KEE, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Għan u firxa ta' applikazzjoni 1. Il-għan ta' din id-Direttiva huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit li jirriżultaw mill-kombustjoni ta' ċerti tipi ta' karburanti likwidi u b'hekk jitnaqqsu l-effetti ħżiena ta' emissjonijiet simili fuq il-bniedem u l-ambjent. 2. Tnaqqis fl-emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit li jirriżulta mill-kombustjoni minn ċerti karburanti likwidi li ġejjin miż-żejt għandu jinkiseb billi jkunu mposti limiti fuq il-kontenut ta' kubrit ta' karburanti simili bħala kondizzjoni għall-użu tagħhom ġewwa t-territorju ta' l-Istati Membri. Il-limitazzjonijiet tal-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi ġejjin miż-żejt kif stabbiliti f'din id-Direttiva m'għandhomx, madankollu, japplikaw għal: (a) - karburanti likwidi ġejjin miż-żejt użati minn vapuri, minbarra dawk il-karburanti li huma definiti fl-Artikolu 2(3), - gasoil marittimu użat minn vapuri li jaqsmu frontiera bejn pajjiż li mhux membru u Stat Membru; (b) karburanti maħsuba għall-proċessar qabel il-kombustjoni finali; (ċ) karburanti li għandhom jiġu proċessati fl-industrija tar-raffinar. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-għan ta' dan id-Direttiva: 1. karburant tqil tfisser: - kull karburant likwidu ġej miż-żejt li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 27100071 sa 27100078, jew - kull karburant likwidu ġej miż-żejt, minbarra l-gasoil kif definit fil-punti 2 u 3, li, minħabba l-limiti ta' distillazzjoni tiegħu, jaqa' taħt il-kategorija ta' żjut tqal maħsuba għall-użu bħala karburanti u li minnu anqas minn 65 % bil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla f' 250 °C bil-metodu ASTM D86. Jekk id-distillazzjoni ma tistax tiġi stabbilità bil-metodu ASTM D86, il-prodott taż-żejt ikun bl-istess mod kategorizzat bħala żejt karburanti tqil; 2. gażojl tfisser: - kull karburant likwidu ġej miż-żejt li jaqa' taħt il-kodiċi NM 27100067 jew 27100068, jew - kull karburant likwidu ġej miż-żejt li, minħabba l-limitazzjonijiet tiegħu ta' distillazzjoni, jkun fil-kategorija ta' distillates tan-nofs maħsub għall-użu bħala karburant u li minnu ta' l-anqas 85 % bil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla fi 350 °C bil-metodu ASTM D86. Karburanti diesel kif definiti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 t' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karbutanti ta' petrol u diesel u li jemendaw id-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE [9] huma esklużi minn din id-definizzjoni. Karburanti użati f'makkinarju mobbli mhux tat-toroq u tratturi għall-agrikoltura huma wkoll esklużi minn din id-definizzjoni; 3. gasoil marittimu jfisser karburanti maħsuba għall-użu tal-baħar u li jaqbel mad-definizzjoni f'punt 2 jew li għandu viskożità jew densità li jaqgħu fil-kategoriji ta' viskożità u densità definiti għal distillates marittimi f' Tabella I ta' l-ISO 8217 (1996); 4. Il-metodu ASTM tfisser il-metodi stabbiliti mis-Soċjetà Amerikana għat-Testjar u Materjali fl-edizzjoni ta' l-1976 tad-definizzjonijiet ta' standards u speċifikazzjonijiet għal prodotti taż-żejt u lubrikanti; 5. impjant ta' kombustjoni tfisser kull apparat tekniku li fih il-karburanti jiġu ossidizzati biex tintuża s-sħana ġġenerata; 6. tagħbija kritika tfisser stima kwantitattiva ta' esposizzjoni għal materjal wieħed jew iżjed li jikkaġunaw it-tniġġiż li anqas minnha effetti dannużi sinjifikanti fuq elementi sensittivi ta' l-ambjent ma jiġrux skond it-tagħrif tal-lum. Artikolu 3 Kontenut massimu ta' kubrit taż- żejt karburanti tqal 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jassiguraw li mill-1 ta' Jannar 2003 ġewwa t-territorju tagħhom żjut karburanti tqal ma jintużawx jekk il-kontenut ta' kubrittagħhom jeċċedi l-1,00 % bil-massa. 2. Kemm-il darba l-i standards tal-kwalità ta' l-arja għad-dijossidu tal-kubrit stabbiliti fid-Direttiva 80/779/KEE [10] jew f'xi leġislazzjoni tal-Komunità li tħassar jew tibdel dawn l-istandards u dispożizzjonijiet oħra relevanti tal-Komunità jkunu mħarsa u l-emissjonijiet ma jwasslux biex it-tagħbijiet kritiċi jkun maqbuża f'xi Stat Membru, Stat Membru jista' jawtorizza żjut karburanti tqal b'kontenut ta' kubritta' bejn 1,00 u 3,00 % bil-massa li jintuża f'parti jew it-territorju tiegħu kollu. Awtorizzazzjoni simili għandha tgħodd biss waqt li emissjonijiet minn Stat Membru ma jikkontribwixxux biex tagħbijiet kritiċi jiġu maqbuża f'xi Stat Membru. 3. (i) Bla ħsara għal sorveljar xieraq ta' emissjonijiet minn awtoritajiet kompetenti l-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jgħoddu għal żjut lubrikanti tqal wżati: (a) f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu taħt l-iskop tad-Direttiva 88/609/KEE, li huma konsidrati impjanti ġodda skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(9) ta' dik id-Direttiva u li jħarsu l-limiti ta' emissjoni ta' oxide tal-kubrit għal impjanti simili stipulata fl-Artikolu 4 ta' u l-Anness IV ta' dik id-Direttiva; (b) f'impjanti ta' kombustjoni oħra, li ma jaqgħux taħt l-iskop ta' (a), fejn l-emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit mill-impjant huma anqas jew ugwali għal 1700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta; (ċ) għal kombustjoni ġo raffineriji, fejn il-medja ta' kull xahar ta' emissjonijiet ta' dijossidu tal-kubrit meta mkejla mal-medja ta' l-impjanti kollha fir-raffinerija (bl-esklużjoni ta' impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu taħt l-iskop ta' (a)), irrispetivament mit-tip ta' karburant jew kombustjoni ta' karburant użata, ikunu fil-limitu li għandu jiġi mwaqqfa minn kull Stat Membru, li m'għandux jeċċedi l-1700 mg/Nm3. (ii) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li kull impjant ta' kombustjoni li juża żejt karburanti tqil b'konċentrazzjoni ta' kubrit ogħla minn dik imsemmija fil-paragrafu 1 m'għandux jitħaddem mingħajr permess mogħti minn awtorità kompetenti, li tispeċifika l-limiti ta' emissjoni. 4. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom ikunu riveduti u, jekk xieraq, ikkoreġuti fid-dawl ta' xi reviżjoni fil-futur tad-Direttiva 88/609/KEE. 5. Jekk Stat Membru jagħmel użu mill-possibilitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu, ta' l-anqas tnax-il xahar qabel, jinforma lill-Kummissjoni u lill-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tingħata informazzjoni biżżejjed biex tagħmel stima jekk il-kriterji msemmija fil-paragrtafu 2 humiex imħarsa. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra. Fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tirċievi l-informazzjoni mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tifli l-miżuri maħsuba u, skond il-proċedura imwaqqfa fl-Artikolu 9, tieħu deċiżjoni li għandha tikkomunika lill-Istati Membri. Din id-deċiżjoni għandha tiġi riveduta kull tmien snin fuq il-bażi ta' informazzjoni li għandha tkun provduta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri kkonċernati skond il-proċedura mwaqqfa fl-Artikolu 9. Artikolu 4 Kontenut massimu ta' kubrit fil-gasoil 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-gasoil, inkluż il-gasoil marittimu, ma jintużax fit-territorju tagħhom minn: - Lulju 2000 jekk il-kontenut ta' kubrit tiegħu jeċċedi ż-0,20 % bil-massa, - l-1 ta' Jannar 2008 jekk il-kontenut ta' sulphur tiegħu jeċċedi ż− 0,10 % bil-massa. 2. Bħala deroga mill-paragrafu 1, Spanja, għall-Gżejjer Canary, Franza, għad-Dipartimenti Franċiżi 'l barra minn Franza, il-Greċja, għal kollha kemm hi jew parti mit-territorju tagħha, u l-Portugall, għall-arċipelagi ta' Madejra u l-Ażores jistgħu jawtorizzaw l-użu ta' gasoil għall-użu marittimu b'kontenut ta' kubrit li jeċċedi l-limiti imwaqqfa fil-paragrafu 1. 3. Kemm-il darba l-i standards tal-kwalità ta' l-arja għad-dijossidu tal-kubrit imwaqqfa fid-Direttiva 80/779/KEE jew f'xi leġislazzjoni tal-Komunità li tħassar jew tibdel dawn l-istandards u dispożizzjonijiet oħra relevanti tal-Komunità ikunu mħarsa u l-emissjonijiet ma jwasslux biex it-tagħbijiet kritiċi jkun maqbuża f'xi Stat Membru, Stat Membru jista' jawtorizza l-gasoil b'kontenut ta' kubrit ta' bejn 0,10 u 0,20 % bil-massa li jintuża f'parti jew fit-territorju tiegħu kollu. Awtorizzazzjoni simili għandha tgħodd biss waqt li emissjonijiet minn Stat Membru ma jikkontribwixxux biex tagħbijiet kritiċi jiġu maqbuża f'xi Stat Membru u m'għandhom jestendu aktar mill-1 ta' Jannar 2013. 4. Jekk Stat Membru jagħmel użu mill-possibilitajiet imsemmija fil-paragrafu 3, huwa għandu, ta' l-anqas tnax-il xahar qabel, jinforma lill-Kummissjoni u lill-publiku. Il-Kummissjoni għandha tingħata informazzjoni biżżejjed biex tagħmel stima jekk il-kriterji msemmija fil-paragrtafu 3 humiex imħarsa. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra. Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tifli l-miżuri maħsuba u, skond il-proċedura imwaqqfa fl-Artikolu 9, tieħu deċiżjoni li għandha tikkomunika lill-Istati Membri. Artikolu 5 Bidla fil-forniment tal-karburanti Jekk, bħala riżultat ta' bidla f'daqqa fil-forniment ta' żejt mhux maħdum, prodotti taż-żejt jew idrokarburi oħra, isir diffiċli għal Stat Membru li japplika l-limiti tal-kontenut massimu ta' kubrit imsemmi fl-Artikoli 3 u 4, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni tista' tawtorizza limiti ogħla li jkun applikabbli ġewwa t-territorju ta' dak l-Istat Membru għal perjodu li ma jeċċedix sitt xhur; hija għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Istati Membri. Kull Stat Membru jista' jirriferi dik id-Deċiżjoni lill-Kunsill fi żmien xahar. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jadotta deċiżjoni differenti fi żmien xahrejn. Artikolu 6 Teħid ta' kampjuni u analiżi 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiċċekkjaw billi jieħdu kampjuni li l-kontenut ta' kubrit ta' karburanti huwa konformi ma' l-Artikoli 3 u 4. It-teħid ta' kampjuni għandu jibda fi żmien sitt xhur mid-data li fiha il-limiti relevanti għall-kontenut massimu ta' kubrit fil-karburant jidħol fis-seħħ. Dan għandu jsir spiss biżżejjed u b'tali mod li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi tal-karburant eżaminat. 2. Il-metodu ta' riferenza adottat biex ikun stabbilit il-kontenut tal-kubrit għandu jkun dak definit bil-: (a) metodu ISO 8754 (1992) u PrEN ISO 14596 għal żejt karburanti tqil u gasoil marittimu; (b) metodu EN 24260 (1987), ISO 8754 (1992) u PrEN ISO 14596 għall-gasoil. Il-metodu ta' arbitraġġ għandu jkun PrEN ISO 14596. L-interpretazzjoni statistika tal-verifikazzjoni tal-kontenut ta' kubrit tal-gasoil użat għandha ssir skond l-istandards ISO 4259 (1992). Artikolu 7 Rapportar u reviżjoni 1. Fuq il-bażi tar-riżultati tat-teħid ta' kampjuni u l-analisi magħmula skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom, sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena jagħtu lill-Kummissjoni rapport qasir fuq il-kontenut tal-kubrit tal-karburanti likwidi li jaqgħu taħt l-iskop ta' din id-Direttiva u wżati ġewwa t-territorji tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti. Dan ir-rapport għandu jinkludi sommarju tad-derogi mogħtija skond l-Artikolu 3(3). 2. Fuq il-bażi inter alia tar-rapporti annwali mogħtija skond il-paragrafu 1 u x-xejriet osservati fil-kwalità ta' l-arja u l-aċidifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2006, tagħti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni tista' tagħti mar-rapport tagħha proposti immirati għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari il-valuri limiti stabbiliti għal kull kategorija ta' karburant u l-eċċezzjonijiet u d-derogi li hemm ipprovduti fl-Artikolu 3(2) u (3), u l-Artikolu 4(2) u (3). 3. Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra liema miżuri jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-kontribuzzjoni għall-aċidifikazzjoni tal-kombustjoni ta' karburanti marittimi barra minn dawk speċifikati fl-Artikolu 2(3) u, jekk xieraq, tagħmel proposta sa l-aħħar ta' l-2000. Artikolu 8 Emendi għad-Direttiva 93/12/KEE 1. Id-Direttiva 93/12/KEE hija emendata kif ġej: (a) fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1(a) u l-paragrafu 2 huma mħassra; (b) fil-Artikolu 2, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3 huma mħassra; (ċ) l-Artikoli 3 u 4 huma mħassra. 2. Il-paragrafu 1 għandu jgħodd mill-1 ta' Lulju 2000. Artikolu 9 Kumitat Konsultattiv Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn kumitat ta' natura konsultattiva magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presjedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-fehma tiegħu fuq dak l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ, jekk meħtieġ billi jittieħed vot. L-opinjoni għandha tkun rekordjata fil-minuti; barra minn dan, kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt jitlob li jkollu l-pożizzjoni tiegħu rekordjata fil-minuti. Il-Kummisjoni għandha tagħti l-akbar attenzjoni għall-opinjoni mogħtija mill-kumitat.. Hija għandha tinforma lill-kumitat dwar il-mod kif l-opinjoni tiegħu ġiet meqjusa. Artikolu 10 Transposizzjoni L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva qabel l-1 ta' Lulju 2000. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom riferenza simili fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal riferenza simili għandha tkun adottata mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 11 Pieni L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. Il-pieni stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi. Artikolu 12 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fl-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 13 Destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-26 ta' April 1999. Għall-Kunsill Il-President J. Fischer [1] ĠU C 190, tal-21.6.1997, p. 9, u ĠU C 259, tat-18.8.1998, p. 5. [2] ĠU C 355, tal-21.11.1997, p. 1. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 1998 (ĠU C 167, ta' l-1.6.1998, p. 111), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 t'Ottubru 1998 (ĠU C 364, 25.11.1998, p. 20) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad− 9 ta' Frar 1999 (għadha mhix publikata fl-Ġurnal Uffiċjali). [4] ĠU C 138, tas-17.5.1993, p. 5. [5] ĠU L 74, tas-27.3.1993, p. 81. [6] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/139/KE (ĠU L 32, ta' l-10.2.1996, p. 31). [7] ĠU L 336, tas-7.12.1988, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 94/66/EC (ĠU L 337, ta' l-24.12.1994, p. 83). [8] ĠU L 26, ta' l-1.2.1999, p. 1. [9] ĠU L 350, tat-28.12.1998, p. 58. [10] ĠU L 229, tat-30.8.1980, p. 30. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 91/692/EEC (ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48). --------------------------------------------------