Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0081

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/81/KEE tad-29 ta' Settembru 1993 li tadatta d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

ĠU L 264, 23.10.1993, pp. 49–50 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/04/2009; Impliċitament imħassar minn 32007L0046

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/81/oj

31993L0081



Official Journal L 264 , 23/10/1993 P. 0049 - 0050
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0042
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0042


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/81/KEE

tad-29 ta' Settembru 1993

li tadatta d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/53/KEE [2], u partikolarment l-Artikolu 13(2) tagħha,

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 88/77/KEE tat-3 ta' Diċembru 1987 li tirrigwardja l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta' sustanzi li jniġġsu ta' gass mill-magni diesel għall-użu fil-vetturi [3], kif emendata bid-Direttiva 91/542/KEE [4],naqqset il-livelli ta' sustanzi li jniġġsu ta' gass mill-magni diesel għal vetturi ġodda mibjugħa, rreġistrati jew imdaħħla fis-servizz b'effett mill-1 ta' Ottubru 1993;

Billi l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 70/156/KEE jipprovdi għall-possibiltà li l-Istati Membri jagħtu għal perijodu limitat, u għal kwantitajiet żgħar, deroga għal vetturi "ta' l-aħħar tas-serje";

Billi din id-deroga hi limitata bis-saħħa ta' l-Anness XII B tad-Direttiva 70/156/KEE għall-vetturi tal-kategorija M1;

Billi hu previst li s-suq totali għal vetturi kummerċjali tqal fil-Komunità għall-1993 ser ikun 13 % anqas min-numru li kien mibjugħ fl-1992; billi dan jirrappreżenta tnaqqis ta' 25 % fin-numru ta' bejgħ tul perijodu ta' erba' snin;

Billi l-esperjenza wriet li, bħala konsegwenza tal-waqa' serja fis-suq Komunitarju għall-vetturi b'magni diesel koperti bd-Direttiva 88/77/KEE, x'aktarx li jkun hemm ċertu numru ta' vetturi li ngħatatilhom l-approvazzjoni tat-tip skond il-verżjoni preċedenti tad-Direttiva li ma jkunux ser ikunu mibjugħa qabel l-1 ta' Ottubru 1993;

Billi, fl-assenza ta' direttiva biex temenda l-Anness XII B, il-fabbrikanti ta' dawn il-vetturi, jew jitħallew b'ħażniet li ma jistgħux jinbiegħu ta' dawn il-vetturi, jew ikunu meħtieġa jieħu miżuri li mhumiex ekonomiċi biex jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva;

Billi riżultat bħal dan joħloq piż ekonomiku addizzjonali fuq il-produtturi u jhedded il-kapaċità tagħhom li jinvestu fi prodotti futuri teknikament avvanzati fi żmien meta s-suq Komunitarju għal dawn il-vetturi hu diġà f'waqa' serja;

Billi problema simili x'aktarx li titfaċċa fil-futur fir-rigward ta' vetturi kummerċjali ħfief bil-magni diesel minħabba l-evoluzzjoni mhux favorevoli ta' dan is-suq;

Billi huwa meħtieġ, sabiex ikunu rimedjati l-effetti kummerċjali mhux ekonomiċi msemmija hawn fuq, li tiġi emendata d-Direttiva 70/156/KEE billi tiġi estiża d-deroga ta' "l-aħħar tas-serje" sabiex tapplika għall-kategoriji kollha tal-vetturi u mhux biss għall-vetturi tal-kategorija M1;

Billi n-numru massimu ta' vetturi li jista' jibbenefika mill-limiti ta' "l-aħħar tas-serje" ma jistax jeċċedi l-10 % tal-vetturi tat-tipi kkonċernati mdaħħla fis-servizz f'dak l-Istat Membru tul is-sena preċedenti; billi l-impatt globali ta' din l-emenda fuq l-ambjent ikun ħafif u temporanju;

Billi l-operazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE dwar il-limiti ta' "l-aħħar tas-serje" għandha tkun aktar ikkjarifikata sabiex tinstab soluzzjoni definittiva adattata għall-bżonnijiet tal-kategoriji tal-vetturi kollha inklużi l-vetturi kostruwiti f'aktar minn fażi waħda; billi l-Kummissjoni ser teżamina din il-problema sal-31 Marzu 1994 u tagħmel proposti xierqa lill-Istati Membri sa dik id-data;

Billi d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Adattazzjoni għall-Progress Tekniku stabbilit bid-Direttiva 70/156/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Is-Sezzjoni B ta' l-Anness XII tad-Direttiva 70/156/KEE għandha tiġi emendata billi jitħassar il-kliem: "Fil-każ tal-kategorija M1,".

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Ottubru 1993. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikollhom magħhom din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Settembru 1993.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Viċi-President

[1] ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1.

[2] ĠU L 225, 10.8.1992, p. 1.

[3] ĠU L 36, 9.2.1988, p. 33.

[4] ĠU L 295, 25.10.1991, p. 1.

--------------------------------------------------

Top