EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31975R1365

Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta’ Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta’ Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol

ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1–4 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/02/2019; Imħassar b' 32019R0127

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1975/1365/oj

31975R1365



Official Journal L 139 , 30/05/1975 P. 0001 - 0004
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0046
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0081
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 1 P. 0081
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0221
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0221


Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75

tas-26 ta' Mejju 1975

dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol

Il-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-problemi li jinħolqu bit-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol moderna huma dejjem aktar numerużi u kumplessi; billi importanti li azzjoni Komunitarja xierqa tkun mibnija fuq bażi xjentifika inter-dixxiplinari u fl-istess ħin l-impjegati u l-ħaddiema għandhom ikunu assoċjati fl-azzjoni li tittieħed;

Billi l-Komunità għadha m'hijiex f'posizzjoni li tidħol għal analiżi, studju u riċerka sistematikament u xjentifikament;

Billi l-programm ta' l-azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent [3] jistabbilixxi illi l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom iwaqqfu korp li jkun kapaċi jifli dawk l-elementi li, permezz ta' l-effetti kombinati tagħhom, jaffettwaw il-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, u li jagħmlu studju fit-tul ta' dawk il-fatturi li jistgħu ipoġġu fil-periklu il-kondizzjonijiet ta' l-eżistenza u dawk li jistgħu itejbuhom;

Billi ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 1974 [4] li tirrigwarda programm ta' azzjoni soċjali, tistabbilixxi inter alia programm ta' azzjoni għall-ħaddiema, bil-għan li jagħmlu umani il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja;

Billi it-twaqqif ta' Fondazzjoni huwa neċessarju biex l-għanijiet tal-Komunità għat-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja jintlaħqu;

Billi fit-Trattat m'hemmx provvediment għall-poteri meħtieġa għat-twaqqif ta' Fondazzjoni ta' dan it-tip;

Billi l-Fondazzjoni ser tkun stabbilita fil-qafas tal-Komunitajiet Ewropej u ser taħdem taħt il-liġi tal-Komunità; billi l-kondizzjonijiet li taħthom japplikaw ċertu dispożizzjonijiet għandhom ikunu definiti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, minn hawn ′il quddiem imsejħa "il-Fondazzjoni" qed tiġi hawnhekk imwaqqfa.

L-Artikolu 2

1. L-għan tal-Fondazzjoni għandu jkun li tikkontribwixxi għall-ippjanar u t-twaqqif ta' ħajja u kondizzjonijiet ta' xogħol aħjar permezz ta' azzjoni maħsuba biex iżżid u ixxerred għarfien li x'aktarx jassisti dan l-iżvilupp.

2. Permezz ta' dan il-għan, il-ħidma tal-Fondazzjoni tkun li tiżviluppa u timxi fuq ideat għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fuq medda ta' żmien medja u twila fid-dawl ta' esperjenza prattika biex tidentifika fatturi li jwasslu għall-bidla. Il-Fondazzjoni għandha tqis il-politika tal-Komunità fit-twettiq tal-ħidma tagħha. Hija għandha tagħti parir lill-istituzzjonijiet tal-Komunità fuq għanijiet u linji gwida billi tinoltra partikolarment informazzjoni xjentifika u data teknika.

3. F'dak li jirrigwarda t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja, hija għandha tindirizza aktar speċifikament dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li tiddetermina l-prijoritajiet li għandhom jiġu osservati:

- il-bniedem meta jkun fuq ix-xogħol,

- l-organizzazzjoni tax-xogħol u partikolarment id-disinn ta' l-impjieg,

- problemi li jirrigwardaw ċertu kategoriji ta' ħaddiema,

- aspetti fit-tul dwar it-titjib ta' l-ambjent,

- tqassim ta' attivitajiet umani fl-ispazju u fiż-żmien.

L-Artikolu 3

1. Biex tikseb l-għan tagħha, il-Fondazzjoni għandha ssaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza f'dawn l-oqsma u għandha tistabbilixxi, fejn ikun xieraq, sistema ta' informazzjoni u dokumentazzjoni. Tista', per eżempju:

(a) tiffaċilita l-kuntatt bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta' studju u riċerka, organizzazzjonijiet u amministrazzjonijiet soċjali u ekonomiċi u li tinkoraġġixxi azzjoni tagħhom ilkoll flimkien;

(b) twaqqaf gruppi ta' ħidma;

(ċ) tikkonkludi kuntratti ta' studju, tipparteċipa fi studji, tippromwovi u tipprovdi assistenza għall-proġetti piloti, u fejn meħtieġ, tagħmel ċerti studji hi;

(d) torganizza korsijiet, konferenzi u seminarji.

2. Il-Fondazzjoni għandha tikkopera mill-qrib kemm jista' jkun ma' istituzzjonijiet speċjalizzati, Fondazzjonijiet u korpi ta' l-Istati Membri jew fuq livell internazzjonali.

L-Artikolu 4

1. Il-Fondazzjoni għandha tkun għal għanijiet mhux ta' profitt. Hija għandha tgawdi fl-Istati Membri kollha l-aktar personalità legali estensiva li tingħata lill-persuni legali.

2. Is-sede tal-Fondazzjoni għandu jkun l-Irlanda.

L-Artikolu 5

Il-Fondazzjoni għandha tkun magħmula minn:

- Bord Amministrattiv,

- Direttur u Deputat Direttur,

- Kumitat ta' Esperti.

L-Artikolu 6

1. Il-Bord Amministrativ għandu jkun magħmul minn 30 membru, li minnhom:

(a) disa' membri jirrappreżentaw lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri,

(b) disa' membri jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem,

(ċ) disa' membri jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema,

(d) tliet membri li jirrappreżentaw il-Kummissjoni.

2. Il-Membri imsemmija f'(a), (b) u (ċ) għandhom jiġu maħturin mill-Kunsill fuq il-bażi ta' membru wieħed għal kull Stat Membru u għal kull kategorija msemmija hawn fuq. Il-Kunsill fl-istess ħin għandu jaħtar taħt l-istess kondizzjonijiet bniedem li jattendi għal-laqgħat tal-Bord Amministrattiv fl-assenza biss tal-membru. Il-Kummissjoni għandha taħtar membru u alterni biex jirrappreżentawha.

3. It-tul ta' żmien li membru jista' jservi fuq il-Bord Amministrativ għandu jkun ta' tliet snin. Dan iż-żmien jista' jiġi mġedded. Meta jagħlaq dan iż-żmien jew fil-każ illi jirriżenjaw, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm il-kariga tiġi mġedda jew sakemm jiġu maħtura membri oħra flokhom.

4. Il-Bord Amministrattiv għandu jeleġġi l-president u tliet deputati presidenti tiegħu minn fost il-membri tiegħu biex iservu għal perjodu ta' sena.

5. Il-President għandu jsejjaħ il-Bord Amministrattiv għall-inqas darbtejn fis-sena u fuq it-talba ta' mill-anqas terz tal-membri tiegħu.

6. Deċiżjonijiet mill-Bord Amministrattiv għandhom jittieħdu b'maġġoranza assoluta tal-membri tagħha.

L-Artikolu 7

1. Il-Bord Amministrattiv għandu jmexxi l-Fondazzjoni li għaliha għandu jistabbilixxi l-linji gwida wara li jikkonsulta l-Kumitat ta' l-Esperti. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta programm ta' ħidma, wara ftehim mal-Kummissjoni fuq il-bażi ta' abbozz mogħti mid-direttur.

2. Il-Bord għandu jadotta ir-regoli ta' proċeduri li għandhom jidħlu fis-seħħ wara li jiġu approvati mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

3. Huwa għandu jiddeċiedi jekk jaċċettax jew le kwalunkwe legat, donazzjoni jew sussidju minn sorsi li m'humiex il-Komunità.

L-Artikolu 8

1. Id-direttur u d-deputat direttur tal-Fondazzjoni għandhom jiġu maħtura mill-Kummissjoni minn lista ta' kandidati mogħtijin mill-Bord Amministrattiv.

2. Id-direttur u d-deputat direttur għandhom ikunu magħżula fuq il-bażi tal-kompetenza tagħhom u fuq il-bażi li jkunu indubbjament indipendenti.

3. Id-direttur u d-deputat direttur għandhom ikunu maħtura fuq perjodu massimu ta' ħames snin. Il-perjodu tal-kariga tagħhom għandu jkun jista' jiġġedded.

L-Artikolu 9

1. Id-Direttur għandu jmexxi l-Fondazzjoni u jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv. Hu għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Fondazzjoni.

2. Taħt id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-persunal, id-direttur għandu jkollu awtorità fuq il-persunal tal-Fondazzjoni. Hu għandu jkun responsabbli għar-reklutaġġ u t-tkeċċija tagħhom u biex jistipula l-kwalifiki meħtieġa minnhom.

3. Id-Direttur għandu jipprepara l-attivitajiet tal-Bord Amministrattiv. Id-direttur, jew id-deputat direttur, jew it-tnejn għandhom jattendu l-laqgħat tal-Bord.

4. Id-direttur għandu jkun iwieġeb għall-Bord Amministrattiv fit-tmexxija tal-Fondazzjoni.

L-Artikolu 10

1. Il-Kumitat ta' Esperti għandu jkun jikkonsisti fi 12-il membru maħtur mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u jintgħażel minn oqsma xjentifiċi u minn oqsma oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-attivitajiet tal-Fondazzjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tqis meta tfassal il-proposta tagħha:

- il-bżonn li jinżamm bilanċ bejn l-aspetti komplimentari tal-Fondazzjoni — i.e. il-kondizzjoni tal-ħajja u tax-xogħol;

- il-ħtieġa ta' l-aħjar parir xjentifiku u tekniku possibbli;

- il-ħtieġa li jkun maħtur mill-inqas ċittadin wieħed minn kull Stat Membru.

3. It-tul ta' żmien li membru jista' jservi fuq il-Kumitat ta' l-Esperti għandu jkun ta' tliet snin u jkun jista' jiġi mġedded.

L-Artikolu 11

1. Ix-xogħol tal-Kumitat ta' l-Esperti għandu jkun li joħroġ opinjonijiet lill-organi l-oħra tal-Fondazzjoni fl-oqsma kollha li jaqgħu fil-kompetenza ta' l-aħħar, jew fuq talba tad-direttur jew fuq l-inizjattiva tagħha. L-opinjonijiet kollha tiegħu, li jinkludu wkoll it-tfassil ta' programm ta' ħidma (imsemmi fl-Artikolu 12), għandu jkun komunikat simultanjament lid-direttur u l-Bord Amministrattiv.

2. Il-Kumitat għandu jagħżel President minn fost il-Membri tiegħu u jfassal ir-regoli tiegħu ta' proċedura.

3. Il-Kumitat għandu jkun imsejjaħ mill-President tiegħu, bi qbil mad-direttur. Il-laqgħat għandhom isiru mill-inqas darbtejn fis-sena u fuq talba ta' għall-inqas sebgħa mill-membri tiegħu.

L-Artikolu 12

1. Id-direttur għandu jfassal programm annwali ta' ħidma qabel l-1 ta' Lulju ta' kull sena fuq il-bażi ta' linji gwida imsemmijin fl-Artikolu 7. Il-programm annwali għandu jkun parti minn programm kontinwu ta' erba' snin. Il-proġetti tal-programm annwali għandhom ikunu akkumpanjati bi stima tan-nefqa meħtieġa.

Meta jitfassal il-programm, id-direttur għandu jqis l-opinjonijiet tal-Kumitat ta' l-Esperti, kif ukoll dawk ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Għal dan il-għan, u bil-għan illi jevitaw l-irduppjar tax-xogħol, l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandhom jinformaw lill-Fondazzjoni dwar il-ħtiġijiet tagħhom u sakemm ikun possibbli dwar kull xogħol relevanti u studji li jkunu qed jagħmlu huma stess.

2. Id-direttur għandu jgħaddi l-programm ta' ħidma lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni.

L-Artikolu 13

1. Mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, id-direttur għandu jipprepara rapport ġenerali dwar l-attivitajiet, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-linji gwida għall-Fondazzjoni u jissottomettih lill-Bord Amministrattiv.

2. Wara li dana jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv, id-direttur għandu jibgħat ir-rapport ġenerali lill-Istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

L-Artikolu 14

Il-Bord Amministrattiv għandu jagħti rendikont bilanċjat tad-dħul u l-infiq kollu għal kull sena finanzjarja, li tkun l-istess bħas-sena kalendarja.

L-Artikolu 15

1. Il-Bord Amministrattiv, sa mhux aktar tard sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, għandu jibgħat lill-Kummissjoni stima ta' dħul u nfiq. Din l-istima, li għandha tkun tinkludi pjan ta' stabbiliment, għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Kunsill bl-abbozz preliminari ta' estimi tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-estimi tal-Komunitajiet Ewropej kull sena, taħt titolu speċifiku, għandhom jinkludi sussidju għall-Fondazzjoni.

Il-proċedura viġenti għat-trasferiment ta' approprjazzjonijiet minn kapitolu għall-ieħor għandha tapplika għall-approprjazzjoni ta' dan is-sussidju.

L-Awtorita ta' l-Estimi għandha tfassal pjan tat-twaqqif tal-Fondazzjoni.

3. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta l-istima tad-dħul u l-infiq qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, filwaqt li jirranġaha għas-sussidju li jingħata mill-Awtorità ta' l-Estimi. L-istima li tkun ġiet adottata b'dan il-mod għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Awtorità ta' l-Estimi.

L-Artikolu 16

1. Id-dispożizzjonijiet finanzjarji li japplikaw għall-Fondazzjoni għandhom ikunu adottati taħt l-Artikolu 209 tat-Trattat.

2. Il-Bord Amministrattiv, mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu, jibgħat il-kontijiet tad-dħul u l-infiq kollu tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja preċedenti lill-Kummissjoni u l-Bord ta' Awdituri. Dan il-Bord għandu jeżaminahom skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 206 tat-Trattat.

3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-kontijiet u r-rapport tal-Bord ta' Awdituri, flimkien mal-kummenti tagħha stess, lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom jeħilsu lill-Bord Amministrattiv tal-Fondazzjoni taħt il-proċedura mfassla fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 206 tat-Trattat.

4. Il-kontrollatur finanzjarju tal-Kummissjoni għandu jkunu responsabbli biex jiċċekkja l-impenn u l-ħlas ta' l-ispiża u ż-żamma ta' rekordjar u d-dħul ta' kull introjtu tal-Fondazzjoni.

L-Artikolu 17

Il-Kunsill għandu jadotta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-persunal tal-Fondazzjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 18

Il-Membri tal-Bord Amministrattiv, id-direttur, id-deputat direttur, il-persunal u l-persuni l-oħra li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni għandu jkun jenħtieġ minnhom, anke wara li d-dmirijiet tagħhom ikunu waqfu, li ma jikxfux informazzjoni ta' kwalunkwe tip koperta bl-obbligazzjoni tas-sigriet professjonali.

L-Artikolu 19

Ir-regoli li jiggvernaw il-lingwi tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għall-Fondazzjoni.

L-Artikolu 20

Il-Protokoll tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għall-Fondazzjoni.

L-Artikolu 21

1. Ir-responsabbiltà kontrattwali tal-Fondazzjoni għandha tkun regolata taħt il-liġi li tkun tapplika għall-kuntratt inkwestjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq xi klawsola ta' arbitraġġ li tkun tinsab f'kuntratt konkluż mill-Fondazzjoni.

2. Fil-każ ta' responsabbiltà non-kontrattwali, il-Fondazzjoni, skond il-prinċipji komuni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mill-Fondazzjoni u mill-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni f'kawżi li jkunu relatati mal-kumpens ta' kull dannu ta' din ix-xorta.

3. Ir-responsabbiltà personali ta' l-impjegati lejn il-Fondazzjoni għandha tkun regolata mill-provvedimenti relevanti li japplikaw għall-persunal tal-Fondazzjoni.

L-Artikolu 22

L-Istati Membri, il-membri tal-Bord Amministrattiv u l-partijiet terżi direttament u personalment involuti jistgħu jirreferu lill-Kummissjoni kull att tal-Fondazzjoni, kemm jekk espress jew impliċitu, biex il-Kummissjoni teżamina l-legalità ta' dak l-att.

Din ir-referenza issir lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-jum li fih il-parti konċernata saret taf għall-ewwel darba bl-att inkwestjoni.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahar. Jekk l-ebda deċiżjoni ma tittieħed f'dan il-perjodu, il-każ għandu jkun meqjus bħala mitluq.

L-Artikolu 23

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Mejju 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

M.A. Clinton

[1] ĠU C 76, tat-3.7.1974, p. 33

[2] ĠU C 109, tad-19.9.1974, p. 37.

[3] ĠU C 112, ta' l-20.12.1973, p. 3.

[4] ĠU C 13, tat-12.2.1974, p. 1.

--------------------------------------------------

Top