Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0224

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal- 10 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/11/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/224/oj

    11.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 70/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 224/2014

    tal-10 ta’ Marzu 2014

    dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013) tal-5 ta’ Diċembru 2013 u l-UNSCR 2134 (2014) tat-28 ta’ Jannar 2014, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/125/PESK (2), tipprevedi embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni li huma involuti f'atti jew jappoġġjaw atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.

    (2)

    Ċerti miżuri previsti fil-UNSCR 2127 (2013) u fil-UNSCR 2134 (2014) jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, bil-għan, b'mod partikolari, li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

    (3)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari d-drittijiet għal rimedju effettiv, għal smigħ ġust u għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament jiġi applikat skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

    (4)

    Is-setgħa biex tiġi emendata l-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi internazzjonali u s-sigurtà fir-reġjun maħluqa bis-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emendar u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni 2014/125/PESK.

    (5)

    Il-proċedura għall-emendar tal-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tinkludi l-għoti lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ta' raġunijiet għall-elenkar tagħhom kif mibgħut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont il-paragrafu 57 tal-UNSCR 2127 (2013), sabiex tagħtihom opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, entità jew korp ikkonċernat skont dan.

    (6)

    Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fl-Unjoni, l-ismijiet u data oħra rilevanti li jikkonċernaw persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolamentgħandhom isiru pubbliċi. Kull ipproċessar ta’ data personali ta' persuni fiżiċi taħt dan ir-Regolament għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (7)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “servizzi ta' senserija” tfisser:

    (i)

    in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta’ beni u teknoloġija jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, minn pajjiż terz lil kull pajjiż terz ieħor; jew

    (ii)

    il-bejgħ jew ix-xiri ta’ beni u teknoloġija, jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, li jkunu f’pajjiż terz biex jiġu ttrasferiti lejn xi pajjiż terz ieħor;

    (b)

    “pretensjoni” tfisser kull talba, sew jekk asserita bi proċedimenti legali sew jekk le, magħmula qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont il-kuntratt jew b'rabta miegħu jew ma' tranżazzjoni, inklużi b'mod partikolari:

    (i)

    talba għat-twettiq ta' kull obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta ma' wieħed minnhom;

    (ii)

    talba għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, ta' garanzija finanzjarja jew ta' indennizz ta' kull forma;

    (iii)

    talba għal kumpens marbut ma' kuntratt jew tranżazzjoni;

    (iv)

    kontrotalba;

    (v)

    talba għall-għarfien jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, ta' deċiżjoni bl-arbitraġġ jew ta' deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

    (c)

    “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kull forma tranżazzjoni u tkun xi tkun il-liġi applikabbli għaliha, sew jekk tinkludi kuntratt wieħed jew aktar, jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew mhux, kif ukoll kull provvediment relatat li joriġina mit-tranżazzjoni jew ikun marbut magħha;

    (d)

    “awtoritajiet kompetenti” tfisser għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq il-websites elenkati fl-Anness II;

    (e)

    “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

    (f)

    “l-iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, beni jew servizzi bi kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

    (g)

    “l-iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew negozju b'fondi li b'kull mod jirriżulta fi xi bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f'bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġar ta' portafolji;

    (h)

    “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, li jinkludu, iżda mhux limitati għal:

    (i)

    flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet ta' flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

    (ii)

    depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

    (iii)

    titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

    (iv)

    imgħax, dividends jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jakkumula minnhom jew iġġenerat minnhom;

    (v)

    kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

    (vi)

    ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta' bejgħ; kif ukoll

    (vii)

    dokumenti li jagħtu prova ta’ interess f’fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

    (i)

    “Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ġie stabbilit skont il-paragrafu 57 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013);

    (j)

    “assistenza teknika” tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, immuntar, ittestjar, manutenzjoni, jew kull servizz tekniku ieħor, u tista’ tkun f'forma ta' struzzjoni, parir, taħriġ, trażmissjoni ta’ għarfien operazzjonali jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom verbali ta' assistenza;

    (k)

    “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom;

    Artikolu 2

    1. Huwa pprojbit il-forniment, direttament jew indirettament, ta':

    (a)

    għajnuna teknika jew ta' servizzi ta' senserija relatati mal-oġġetti u mat-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (5) (“Lista Militari Komuni”) jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tal-oġġetti inklużi f’din il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    (b)

    finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mal-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-merkanzija u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kwalunkwe forniment ta’ għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    (c)

    għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi ta’ trasport marbuta mal-forniment ta’ persunal merċenarju armat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    Artikolu 3

    B’deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew servizzi ta’ senserija maħsuba unikament għas-sostenn jew l-użu mill-Missjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MICOPAX), mill-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għall-Afrika fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MISCA), mill-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) u l-unità ta' gwardja tiegħu, mit-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (UA-RTF), u mill-Forzi Franċiżi stazzjonati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u mill-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA).

    Artikolu 4

    B’deroga mill-Artikolu 2, u dment li l-għoti ta’ din l-assistenza teknika jew dawn is-servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja jkunu ġew approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-projbizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw għall-forniment ta':

    (a)

    assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew bħala protezzjoni;

    (b)

    assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew għal kull forniment ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati;

    Artikolu 5

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom ikunu mqegħdin għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkati fl-Anness I.

    3.   L-Anness I jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

    (a)

    li jagħtu jew jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżitorji jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta’ tranżizzjoni politika, inkluża t-tranżizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jistigaw il-vjolenza;

    (b)

    li bl-aġir tagħhom jiksru l-embargo tal-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013), jew li direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jew li kienu rċevew armi jew xi materjal relatat, jew xi parir tekniku, taħriġ, jew assistenza, inklużi il-finanzjament u l-assistenza finanzjarja, marbutin mal-attivitajiet vjolenti ta’ gruppi armati jew ta' netwerks kriminali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    (c)

    li huma involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni jew fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi fuq d-drittijiet tal-bniedem jew il-ksur tagħhom fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki ta' natura etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u ċ-ċaqliq sfurzat;

    (d)

    li jirreklutaw jew jużaw it-tfal f’kunflitti armati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, bil-ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

    (e)

    li jipprovdu appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar illegali tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti kif ukoll l-annimali slavaġ u l-prodotti tagħhom, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    (f)

    li jostakolaw l-għoti ta' assistenza umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jew l-aċċess għaliha, jew id-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

    (g)

    li jippjanaw, jidderieġu, jisponsorjaw, jew iwettqu attakki kontra l-missjonijiet tan-NU jew il-preżenza tas-sigurtà internazzjonali, inklużi BINUCA, MISCA, EUFOR RCA u l-forzi l-oħra li jappoġġjawhom;

    (h)

    li jmexxu entità elenkata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li jkunu pprovdewha b'appoġġ, wettqu ħidma għaliha jew f'isimha jew taħt id-direzzjoni tagħha;

    (i)

    li jaġixxu f’isem persuni, entitajiet jew korpi, jew entitajiet tagħhom jew ikkontrollati minnhom, elenkati fil-punti minn (a) sa (h), jew li jkunu taħt id-direzzjoni tagħhom.

    Artikolu 6

    B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont kundizzjonijiet li jitqiesu xierqa, dejjem jekk jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet:

    (a)

    l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

    (i)

    meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuna fiżika jew ġuridikai, entità jew korp elenkati fl-Annessi I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, għall-kera jew għall-garanziji ipotekarji, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

    (ii)

    maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż marbutin mal-forniment ta’ servizzi legali; jew

    (iii)

    maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti fuq servizz ta' rutina għaż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; kif ukoll

    (b)

    l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bid-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti l-awtorizzazzjoni, u li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal din l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol min-notifika;

    Artikolu 7

    B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa minħabba spejjeż straordinarji, u dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'din id-deċiżjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approvaha.

    Artikolu 8

    Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 5 ikunu ġew elenkati fl-Anness I, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel din id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw pretensjonijiet assigurati b'tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

    (c)

    il-garanzija jew is-sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

    (d)

    ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma tmurx kontra l-politika pubblika tal-Istat Membru kkonċernat; kif ukoll

    (e)

    il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru bil-garanzija jew bis-sentenza.

    Artikolu 9

    1.B'deroga mill-Artikolu 5, u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew taħt obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kienu nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti ikkonċernata tkun iddeterminat li:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

    (b)

    il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 5(2); u

    (c)

    il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ġie nnotifikat mill-Istat Membru relevanti dwar l-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni, għaxart ijiem ta’ xogħol bil-quddiem.

    Artikolu 10

    1.   L-Artikolu 5(2) ma jwaqqafx l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, ta' entità jew ta' korp elenkati fl-Anness I, dejjem jekk kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu tinforma lill-awtoritajiet kompetenti relevanti dwar xi tranżazzjoni bħal din mingħajr dewmien.

    2.   L-Artikolu 5(2) ma japplikax meta l-kontijiet iffriżati jiżdiedu permezz ta':

    (a)

    imgħax jew qligħ ieħor dovut fuq dawn il-kontijiet;

    (b)

    pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 5 kienu nklużi fl-Anness I; jew

    (c)

    pagamenti dovuti taħt garanzija jew sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, kif imsemmi fl-Artikolu 8; u

    dejjem jekk kull imgħax, qligħ u pagament ieħor bħal dan ikun iffriżat skont l-Artikolu 5(1).

    Artikolu 11

    1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

    (a)

    ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 5 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu kwalinkwe tali informazzjoni, jew direttament jew permezz l-Istat Membru lill-Kummissjoni; u

    (b)

    jikkooperaw mal-awtorità kompetenti biex tali informazzjoni tiġi vverifikata b'kull mod.

    2.   Kull informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni tkun disponibbli għall-Istati Membri.

    3.   Kull informazzjoni li tingħata jew li tiġi riċevuta skont dan l-Artikolu tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet pprovduta jew riċevuta.

    Artikolu 12

    Il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri imsemmija fl-Artikli 2 u 5 hija pprojbita.

    Artikolu 13

    1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li dawn il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettqin bona fede abbażi li dawn l-azzjonijiet ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament, ma joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà fuq il-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, la għad-diretturi u lanqas għall-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma minħabba negliġenza.

    2.   Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi bl-ebda mod ma jkunu responsabbli għalihom jekk dawn ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-projbizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 14

    1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet milquta, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma tiġix issodisfata, jekk din issir minn:

    (a)

    il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi nnominati, elenkati fl-Anness I;

    (b)

    kull persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi jew li jaġixxu f’isimhom, msemmija fil-punt (a).

    2.   Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tat-talba mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta’ din il-pretensjoni.

    3.   Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 15

    1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni dwar:

    (a)

    il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 5 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 6, 7 u 8;

    (b)

    il-ksur, il-problemi ta' infurzar u s-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tista' taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 16

    Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

    Artikolu 17

    1.   Fejn il-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp u jkun ipprovda dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-elenakar, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni ta' raġunijiet lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, fejn dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    2.   Meta jitressqu osservazzjonijiet jew meta tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna, l-entità jew l-korp skont dan.

    3.   Fejn in-Nazzjonijiet Uniti jiddeċiedu li jneħħu mil-lista persuna, entità jew korp, jew li jemendaw id-data ta' identifikazzjoni ta' persuna, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I skont dan.

    Artikolu 18

    L-Anness I għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill ta' Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet neċessarja biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, inklużi psewdonomi, data u post tat-twelid, ċittadinanza, numru tal-passaport u numru tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, post u data ta' reġistrazzjoni, numru ta' reġistrazzjoni u post ta' negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data ta' elenkar mill-Kunsill ta' Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    Artikolu 19

    1.   L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti għalihom.

    Artikolu 20

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq il-websites elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil fl-indirizzi tal-websites tagħhom elenkati fl-Anness II.

    2.   L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

    3.   Meta dan ir-Regolament jippreżenta l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li għandha ssir xi komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni jkunu dawk indikati fl-Anness II.

    Artikolu 21

    Dan ir-Regolament japplika:

    (a)

    fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

    (b)

    abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

    (c)

    għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadin ta’ Stat Membru;

    (d)

    għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru;

    (e)

    għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

    Artikolu 22

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. VROUTSIS


    (1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/125/PESK ta' 10 ta’ Marzu 2014 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (Ara paġna 22 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (4)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    (5)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.


    ANNESS I

    Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 5

    A.

    Persuni

    B.

    Entitajiet


    ANNESS II

    Websites għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea għan-notifiki

    IL-BELĠJU

    http://www.diplomatie.be/eusanctions

    IL-BULGARIJA

    http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA

    http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

    ID-DANIMARKA

    http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

    IL-ĠERMANJA

    http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

    L-ESTONJA

    http://www.vm.ee/est/kat_622/

    L-IRLANDA

    http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

    IL-GREĊJA

    http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

    SPANJA

    http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

    FRANZA

    http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

    IL-KROAZJA

    http://www.mvep.hr/sankcije

    L-ITALJA

    http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

    ĊIPRU

    http://www.mfa.gov.cy/sanctions

    IL-LATVJA

    http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

    IL-LITWANJA

    http://www.urm.lt/sanctions

    IL-LUSSEMBURGU

    http://www.mae.lu/sanctions

    L-UNGERIJA

    http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

    MALTA

    http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

    IL-PAJJIŻI L-BAXXI

    www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

    L-AWSTRIJA

    http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

    IL-POLONJA

    http://www.msz.gov.pl

    IL-PORTUGALL

    http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

    IR-RUMANIJA

    http://www.mae.ro/node/1548

    IS-SLOVENJA

    http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

    IS-SLOVAKKJA

    http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

    IL-FINLANDJA

    http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

    L-ISVEZJA

    http://www.ud.se/sanktioner

    IR-RENJU UNIT

    https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

    L-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea għan-notifiki

    European Commission

    Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

    EEAS 02/309

    B-1049 Brussels

    Belgium

    Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu


    Top