Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0501

    2009/501/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Jannar 2009 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim li jġedded il-Ftehim għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

    ĠU L 171, 1.7.2009, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/501/oj

    Related international agreement

    1.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 171/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ Jannar 2009

    dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim li jġedded il-Ftehim għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

    (2009/501/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi il-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari it-tieni paragrafu tal-Artikolu 170, flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1)

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 2002/648/KE (2), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”).

    (2)

    L-Artikolu 11(b) tal-Ftehim jipprevedi li l-Ftehim għandu jiġi finalizzat għal perjodu inizjali ta’ ħames snin u jista’ jiġġedded bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet wara evalwazzjoni matul l-aħħar sena ta’ kull perjodu suċċessiv.

    (3)

    Fil-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija għax-Xjenza u t-Teknoloġija KE-Indja li saret fi Brussell fil-15 u s-16 ta’ Novembru 2006, iż-żewġ Partijiet esprimew l-interess tagħhom għat-tiġdid tal-Ftehim għal ħames snin oħra.

    (4)

    Il-kontenut materjali tal-Ftehim imġedded huwa identiku għall-kontenut materjali tal-Ftehim li skada fl-14 ta’ Ottubru 2007. Il-partijiet jikkunsidraw li t-tiġdid rapidu tal-Ftehim ikun fl-interess taż-żewġ naħat.

    (5)

    Il-Ftehim huwa bbażat fuq il-prinċipji tas-sħubija għal benefiċċji reċiproċi bbilanċjati, reċiproċità, skambju f’waqtu tal-informazzjoni u protezzjoni adatta tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    (6)

    Il-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar is-sħubija u l-iżvilupp (3), iffirmat fl-20 ta’ Diċembru 1993, jipprevedi li l-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jistabbilixxu proċeduri adegwati li jiffaċilitaw l-akbar livell ta’ parteċipazzjoni mix-xjenzati u ċ-ċentri ta’ riċerka tagħhom f’koperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija.

    (7)

    Il-koperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija hija wkoll waħda mill-oqsma msemmija fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt ta’ Sħubija Strateġika tal-Indja-UE tas-7 ta’ Settembru 2005 li, fost l-oħrajn, ifittex li jżid il-mobbiltà, l-iskambji u l-aċċess tar-riċerkaturi bejn l-Indja u l-Ewropa.

    (8)

    Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill awtorizza l-iffirmar tal-Ftehim li jġedded il-Ftehim (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim imġedded”) f’isem il-Komunità.

    (9)

    Il-Ftehim imġedded ġie ffimat fit-30 ta’ Novembru 2007.

    (10)

    Il-Ftehim imġedded għandu jiġi approvat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim li jġedded il-Ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim imġedded huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem il-Komunità, jinnotifika lir-Repubblika tal-Indja bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim imġedded, konformement mal-Artikolu 11(a) tal-Ftehim (4).

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. GANDALOVIČ


    (1)  L-Opinjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 213, 9.8.2002, p. 29.

    (3)  ĠU L 223, 27.8.1994, p. 24.

    (4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim imġedded ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top

    1.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 171/19


    FTEHIM

    li jġedded il-ftehim ta’ koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem “il-Komunità”,

    minn naħa waħda, u

    IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA tal-INDJA, minn hawn ‘il quddiem “l-Indja”,

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn ‘il quddiem “il-Partijiet”,

    WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tax-xjenza u t-teknoloġija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom,

    B’RIKONOXXIMENT li l-Komunità u l-Indja għandhom objettivi komuni ta’ riċerka u teknoloġija komuni f’għadd ta’ oqsma ta’ interess komuni, u li jistgħu jinkisbu vantaġġi reċiproki jekk il-Partijiet jiffaċilitaw il-koperazzjoni,

    WAQT LI JINNOTAW li kien hemm koperazzjoni attiva u skambju ta’ informazzjoni f’għadd ta’ oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi taħt il-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità u l-Indja dwar Sħubija u Żvilupp iffirmat fl-20 ta’ Diċembru 1993,

    WAQT LI JIKKUNSIDRAW il-konklużjonijiet tas-Summit UE-Indja f’Ħelsinki f’Ottubru 2006, fejn ġie dikjarat: “Il-mexxejja huma ħerqana għat-tiġdid tal-ftehim Xjentifiku u Teknoloġiku UE-Indja fl-2007”,

    ĦERQANA li jespandu l-koperazzjoni fir-riċerka xjentifika u teknoloġika bl-għan li jsaħħu t-twettiq ta’ attivitajiet koperattivi fl-oqsma ta’ interess komuni u l-inkoraġġiment għall-applikazzjoni tar-riżultati ta’ tali koperazzjoni għall-vantaġġi ekonomiċi u soċjali tagħhom,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Skop

    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw attivitajiet koperattivi ta’ riċerka u żvilupp fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi ta’ interess komuni bejn il-Komunità u l-Indja.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a)

    ‘attività koperattiva’ tfisser kwalunkwe attività li l-Partijiet iwettqu jew isostnu, skont dan il-Ftehim, u tinkludi riċerka konġunta;

    (b)

    ‘informazzjoni’ tfisser data xjentifika jew teknika, riżultati jew metodi ta’ riċerka u żvilupp derivanti minn riċerka konġunta mwettqa taħt dan il-Ftehim u kwalunkwe data oħra li l-parteċipanti jqisu ta’ ħtieġa għal attivitajiet koperattivi, inklużi, skont il-ħtieġa, dawk mill-Partijiet stess;

    (ċ)

    ‘proprjetà intellettwali’ għandha jkollha t-tifsira definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967;

    (d)

    ‘riċerka konġunta’ tfisser proġett ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku jew ta’ dimostrazzjoni li jkun implimentat bl-għajnuna finanzjarja minn waħda jew miż-żewġ Partijiet u li jinvolvi kollaborazzjoni bejn parteċipanti kemm mill-Komunità kif ukoll mill-Indja u li jkun denominat bil-miktub bħala riċerka konġunta mill-Partijiet jew mill-Aġenti Eżekuttivi. Fejn il-fondi jingħataw minn Parti waħda biss, id-denominazzjoni għandha ssir minn dik il-Parti u mill-parteċipant f’dak il-proġett;

    (e)

    ‘parteċipant’ jew ‘entitajiet ta’ riċerka’ tfisser kwalunkwe persuna, istituzzjoni akkademika, istitut tar-riċerka jew kwalunkwe entità ġuridika oħra jew impriża jew ditta stabbilita fil-Komunità jew fl-Indja involuta f’attivitajiet koperattivi inklużi l-Partijiet infushom.

    Artikolu 3

    Prinċipji

    Il-koperazzjoni għandha titmexxa fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    sħubija għal benefiċċji reċiproċi bilanċjati;

    (b)

    aċċess reċiproku għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku mwettqa minn kull Parti;

    (ċ)

    skambju f’waqtu ta’ informazzjoni li tista’ tinċidi fuq attivitajiet koperattivi;

    (d)

    protezzjoni adegwata ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

    Artikolu 4

    L-ambitu tal-koperazzjoni

    Il-koperazzjoni taħt dan il-Ftehim tista’ tkopri l-attivitajiet kollha ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni, minn hawn ‘il quddiem ‘RTD’, inklużi fil-programm qafas taħt l-Artikolu 164 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u kull attività simili tal-RTD fl-Indja fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi korrispondenti.

    Dan il-Ftehim ma għandux jinċidi fuq il-parteċipazzjoni tal-Indja f’attivitajiet oħra Komunitarji.

    Artikolu 5

    Forom ta’ koperazzjoni

    L-attivitajiet koperattivi jistgħu jieħdu l-forom li ġejjin:

    parteċipazzjoni ta’ entitajiet Indjani ta’ riċerka fil-proġetti tal-RTD taħt il-programm qafas u parteċipazzjoni reċiproka tal-entitajiet ta’ riċerka stabbiliti fil-Komunità fil-proġetti Indjani f’oqsma simili tal-RTD. Tali parteċipazzjoni hija suġġetta għar-regoli u l-proċeduri applikabbli f’kull Parti,

    proġetti konġunti tal-RTD; il-proġetti konġunti tal-RTD għandhom ikunu implimentati meta l-parteċipanti jkunu żviluppaw pjan ta’ amministrazzjoni tat-teknoloġija (dwar id-disseminazzjoni u l-użu tal-konoxxenza, kif ukoll id-drittijiet ta’ aċċess għaliha), kif indikat fl-Anness,

    l-akkomunament tal-proġetti tal-RTD diġà implementati skont il-proċeduri applikabbli fil-programmi tal-RTD ta’ kull Parti,

    żjajjar u skambji ta’ xjenzati u esperti tekniċi,

    organizzazzjoni konġunta ta’ seminars xjentifiċi, konferenzi, simpożji u laqgħat ta’ ħidma (workshops), kif ukoll parteċipazzjoni ta’ esperti f’dawk l-attivitajiet,

    azzjonijiet miftiehma għad-disseminazzjoni ta’ riżultati/skambju ta’ esperjenzi fir-rigward ta’ proġetti konġunti tal-RTD li jkunu ġew finanzjati,

    skambji u kondiviżjoni ta’ tagħmir u materjali, inkluż l-użu kondiviż ta’ faċilitajiet ta’ riċerka avvanzata,

    skambji ta’ informazzjoni dwar il-prattika, il-liġijiet, ir-regolamenti u l-programmi rilevanti għall-koperazzjoni taħt dan il-Ftehim,

    kwalunkwe forma oħra rakkomandata mill-Kumitat ta’ Tmexxija u meqjusa konformi mal-linji politiċi u proċeduri applikabbli fiż-żewġ Partijiet.

    Artikolu 6

    Koordinazzjoni u faċilitazzjoni ta’ attivitajiet koperattivi

    (a)

    Il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ attivitajiet koperattivi taħt dan il-Ftehim għandhom isiru, f’isem l-Indja, mill-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija (Dipartiment tax-Xjenza u t-Teknoloġija) u, f’isem il-Komunità, mis-servizzi tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li jaġixxu bħala aġenti eżekuttivi.

    (b)

    L-aġenti eżekuttivi għandhom jistabbilixxu Kumitat ta’ Tmexxija għall-Koperazzjoni fix-Xjenza u t-Teknoloġija, minn hawn ‘il quddiem il-‘Kumitat ta’ Tmexxija’ għall-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim; dan il-Kumitat għandu jikkonsisti minn numru ugwali ta’ rappreżentanti uffiċjali ta’ kull Parti u għandu jkollu Ko-Presidenti mill-Partijiet; dan għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    (c)

    Il-funzjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jinkludu:

    (i)

    il-promozzjoni u s-sorveljanza tal-attivitajiet koperattivi differenti msemmija fl-Artikolu 4, kif ukoll ta’ dawk li għandhom jiġu implimentati fil-qafas ta’ attivitajiet Komunitarji oħra mhux koperti mill-programm qafas, iżda li jistgħu jinċidu fuq u jtejbu l-koperazzjoni taħt dan il-Ftehim;

    (ii)

    il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ proġetti konġunti tal-RTD, li għandhom jiġu sponsorjati fuq bażi ta’ kondiviżjoni ta’ spejjeż mill-Partijiet, riċevuti bi tweġiba għal test approvat ta’ Sejħa Konġunta għal Proposta maħruġa simultanjament mill-Aġenti Eżekuttivi. Il-proġetti konġunti għandhom jintgħażlu minn kull Parti skont il-proċess rispettiv ta’ għażla ta’ kull Parti bil-parteċipazzjoni possibbli ta’ esperti miż-żewġ naħat;

    (iii)

    l-indikazzjoni, għas-sena ta’ wara, skont l-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 5, fost is-setturi potenzjali għall-koperazzjoni fl-RTD, ta’ dawk is-setturi jew subsetturi prijoritarji ta’ interess reċiproku li fihom titfittex il-koperazzjoni;

    (iv)

    it-tressiq ta’ proposta, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 5, lill-parteċipanti taż-żewġ Partijiet għall-akkomunament tal-proġetti tagħhom li għandu jkun ta’ vantaġġ reċiproku u komplementari;

    (v)

    il-preżentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet skont ir-raba’ sat-tmien inċiżi tal-Artikolu 5;

    (vi)

    l-għoti ta’ pariri lill-Partijiet dwar metodi għat-tisħiħ u t-titjib tal-koperazzjoni konsistenti mal-prinċipji stabbiliti f’dan il-Ftehim;

    (vii)

    ir-reviżjoni tal-funzjonament u l-implimentazzjoni effikaċi ta’ dan il-Ftehim, inkluża tal-attivitajiet li jaqgħu taħtu;

    (viii)

    il-preżentazzjoni ta’ rapport kull sena lill-Partijiet dwar l-istatus, il-livell milħuq u l-effikaċja tal-koperazzjoni mwettqa taħt dan il-Ftehim. Dan ir-rapport għandu jkun trażmess lill-Kummissjoni Konġunta stabbilita fil-qafas tal-Ftehim għall-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Indja dwar Sħubija u Żvilupp.

    (d)

    Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu, bħala regola ġenerali, jiltaqa’ kull sena, preferibbilment qabel il-laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta stabbilita fil-qafas tal-Ftehim għall-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Indja dwar Sħubija u Żvilupp, u skont skeda miftiehma konġuntement; il-laqgħat għandhom isiru darba fil-Komunità u darba fl-Indja. Jistgħu jkunu organizzati laqgħat straordinarji fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

    (e)

    Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom isiru b’consensus. Għandhom jittieħdu il-minuti, li jinkludu rekord ta’ deċiżjonijiet u tal-punti prinċipali diskussi, f’kull laqgħa. Għandu jkun hemm qbil dwar dawn il-minuti mill-Ko-Presidenti nominati tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

    (f)

    Għal-Laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tal-parteċipanti għandhom jitħallsu mill-Partijiet li magħhom huma jkunu relatati. Kwalunkwe spiża oħra assoċjati mal-Laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandha titħallas mill-Parti ospitanti.

    Artikolu 7

    Finanzjament

    (a)

    L-attivitajiet koperattivi għandhom ikunu suġġetti għad-disponibbiltà ta’ fondi adegwati u għal-liġijiet u regolamenti (inklużi dawk dwar eżenzjonijiet fiskali u doganali) applikabbli fit-territorji ta’ kull Parti u skont il-linji politiċi u l-programmi tal-Partijiet.

    (b)

    L-ispejjeż li jintefqu fuq attivitajiet koperattivi magħżula għandhom jinqasmu mill-parteċipanti mingħajr ebda trasferiment ta’ fondi minn Parti għall-oħra.

    (c)

    Arranġament implimentattiv jispeċifika f’iżjed dettall il-modalitajiet amministrattivi u finanzjarji preċiżi għall-attivitajiet koperattivi.

    (d)

    Il-proġetti tal-RTD, li jinvolvu l-Indja, sponsorjati taħt attivitajiet Komunitarji li mhumiex koperti mill-programm qafas għandhom ikunu esklużi mid-dispożizzjonijiet speċifikati f’(b) u (c).

    Artikolu 8

    Dħul ta’ persunal u tagħmir

    Kull Parti għandha tieħu kull pass raġonevoli u tagħmel ħilitha kollha, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fit-territorji ta’ kull Parti, sabiex tiffaċilita d-dħul u l-permanenza fit-territorju tagħha, kif ukoll il-ħruġ minnha, ta’ persuni u tagħmir involuti jew użati f’attivitajiet koperattivi identifikati mill-Partijiet taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 9

    Tixrid u użu ta’ informazzjoni

    Id-disseminazzjoni u l-użu tal-informazzjoni, u l-amministrazzjoni, l-allokazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn riċerka konġunta taħt dan il-Ftehim għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti tal-Anness. Dan l-Anness għandu jkun parti integrali minn dan il-Ftehim.

    Artikolu 10

    Applikazzjoni territorjali

    Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fih it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikat u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, u min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Indja. Dan ma għandux jostakola t-twettiq ta’ azzjonijiet koperattivi fl-ibħra miftuħa, fl-ispazju barra mill-atmosfera tad-dinja, jew fit-territorju ta’ pajjiżi terzi, skont il-liġi internazzjonali.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ, terminazzjoni u riżoluzzjoni ta’ disputi

    (a)

    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-kitba li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ikunu twettqu kompletament.

    (b)

    Dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż għal perjodu inizjali ta’ ħames snin u jista’ jiġġedded bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet wara valutazzjoni matul l-aħħar sena tal-perjodu msemmi hawnhekk.

    (c)

    Dan il-Ftehim jista jiġi emendat bi ftehim bejn il-Partijiet. L-emendamenti għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-kitba li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għall-emendament ta’ dan il-Ftehim ikunu twettqu kompletament.

    (d)

    Dan il-Ftehim jista’ jiġi terminat fi kwalunkwe waqt minn kull waħda mill-Partijiet bi pre-avviż bil-miktub ta’ sitt xhur. L-iskadenza u t-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jinċidu fuq il-validità jew it-tul ta’ kwalunkwe arranġament li jkun sar taħtu, jew ta’ kwalunkwe dritt u obbligi speċifiċi li jkunu mmaturaw konformement mal-Anness.

    (e)

    Il-kwistjonijiet jew id-disputi kollha relatati mal-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti permezz ta’ ftehim reċiproku bejn il-Partijiet.

    Artikolu 12

    Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża kif ukoll bil-Ħindi, b’kull test minn dawn ugwalment awtentiku.

    B’xiehda ta’ dan, dawk hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati għalhekk, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Съставено в Ню Делхи на тридесети ноември две хиляди и седма година.

    Hecho en Nueva Delhi, el treinta de noviembre de dos mil siete.

    V Dillí dne třicátého listopadu dva tisíce sedm.

    Udfærdiget i New Delhi den tredivte november to tusind og syv.

    Geschehen zu New Delhi am dreißigsten November zweitausendsieben.

    Kahe tuhande seitsmenda aasta novembrikuu kolmekümnendal päeval New Delhis.

    Έγινε στo Nέο Δελχί, στις τριάντα Νοεμβρίου δύο χιλιάδες επτά.

    Done at New Delhi on the thirtieth day of November in the year two thousand and seven.

    Fait à New Delhi, le trente novembre deux mille sept.

    Fatto a Nuova Delhi, addì trenta novembre duemilasette.

    Ņūdeli, divtūkstoš septītā gada trīsdesmitajā novembrī.

    Priimta du tūkstančiai septintųjų metų lapkričio trisdešimtą dieną Naujajame Delyje.

    Kelt Újdelhiben, a kétezer-hetedik év november harmincadik napján.

    Magħmul fi New Delhi, fit-tletin jum ta' Novembru tas-sena elfejn u sebgħa.

    Gedaan te New Delhi, de dertigste november tweeduizend zeven.

    Sporządzono w Nowym Delhi, dnia trzydziestego listopada roku dwa tysiące siódmego.

    Feito em Nova Delhi, em trinta de Novembro de dois mil e sete.

    Întocmit la New Delhi, la treizeci noiembrie două mii șapte.

    V Dillí tridsiateho novembra dvetisícsedem.

    V New Delhiju, dne tridesetega novembra leta dva tisoč sedem.

    Tehty New Delhissä kolmantenakymmenentenä päivänä marraskuuta vuonna kaksituhattaseitsemän.

    Som skedde i New Delhi den trettionde november țjugohundrasju.

    Image

    За Европейската общност

    Por la Comunidad Europea

    Za Evropské spolecenství

    På vegne af Det Europæiske Fællesskab

    Für die Europäische Gemeinschaft

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαïκή Κοινότητα

    For the European Community

    Pour la Communauté européenne

    Per la Comunità europea

    Eiropas Kopienas vārdā

    Europos Bendrijos vardu

    Az Európai Közösség részéről

    Gћall-Komunità Ewropea

    Voor de Europese Gemeenschap

    W imieniu Wspólnoty Europejskiej

    Pela Comunidade Europeia

    Pentru Comunitatea Europeană

    Za Európske spoločenstvo

    Za Evropsko skupnost

    Euroopan yhteisön puolesta

    För Europeiska gemenskapen

    Image

    Image

    За правителството на Република Индия

    Por el Gobierno de la República de la India

    Za vládu Indické republiky

    På vegne af regeringen for Republikken Indien

    Für die Regierung der Republik Indien

    India Vabariigi valitsuse nimel

    Για την κυβέρνηση της Δημοκρατίας της Ινδίας

    For the Government of the Republic of India

    Pour le gouvernement de la République de l'Inde

    Per il governo della Republica dell'India

    Indijas Republikas valdības vārdā

    Indijos Respublikos Vyriausybės vardu

    Az Indiai Köztársaság kormánya részéről

    Għall-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indja

    Voor de Regering van de Republiek India

    W imieniu Rządu Republiki Indii

    Pelo Governo da República Índia

    Pentru Guvernul Republicii India

    Za vládu Indickej republiky

    Za Vlado Republike Indije

    Intian tasavallan hallituksen puolesta

    För Republiken Indiens regering

    Image

    Image


    ANNESS

    DRITTIJIET TA’ PROPRJETÀ INTELLETTWALI

    Id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali maħluqa jew fornita taħt il-Ftehim għandhom ikunu allokati kif previst f’dan l-Anness.

    APPLIKAZZJONI

    Dan l-Anness huwa applikabbli għar-riċerka konġunta mwettqa skont il-Ftehim, ħlief jekk jiftiehmu diversament il-Partijiet.

    I.   Id-dritt ta’ proprjetà, allokazzjoni u eżerċizzju ta’ drittijiet

    1.

    Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, “proprjetà intellettwali” hija definita fl-Artikolu 2(c) tal-Ftehim.

    2.

    Dan l-Anness jindirizza l-allokazzjoni ta’ drittijiet u interesi tal-Partijiet u tal-parteċipanti tagħhom. Kull Parti u l-parteċipanti tagħha għandhom jiżguraw li l-Parti l-oħra u l-parteċipanti tagħha jkunu jistgħu jakkwistaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali allokati lilha skont dan l-Anness. Dan l-Anness la jbiddel u lanqas jippreġudika diversament l-allokazzjoni ta’ drittijiet, interessi u drittijiet tal-awtur bejn Parti u ċ-ċittadini jew parteċipanti tagħha, u r-regoli ta’ disseminazzjoni u użu tal-informazzjoni, li jkunu determinati mil-liġijiet u l-prassi ta’ kull Parti.

    3.

    Il-Partijiet għandhom ukoll ikunu ggwidati minn, u l-arranġamenti kontrattwali għandhom jipprovdu għal, dawn il-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li huma u/jew il-parteċipanti tagħhom jinnotifikaw lil xulxin fi żmien raġonevoli dwar il-ħolqien ta’ kwalunkwe proprjetà intellettwali li jsir taħt il-Ftehim jew arranġamenti tal-implimentazzjoni u li jfittxu protezzjoni għal tali proprjetà intellettwali f’waqtha;

    (b)

    l-isfruttament effettiv tar-riżultati, billi jittieħed kont tal-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet u l-parteċipanti tagħhom;

    (c)

    trattament mhux diskriminatorju tal-parteċipanti mill-Parti l-oħra meta mqabbel mat-trattament mogħti lill-parteċipanti proprji, fir-rigward tad-dritt ta’ proprjetà, użu u disseminazzjoni fir-rigward ta’ informazzjoni u fir-rigward tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u tal-allokazzjoni u eżerċizzju ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

    (d)

    protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju.

    4.

    Il-parteċipanti għandhom jiżviluppaw flimkien Pjan ta’ Amministrazzjoni tat-Teknoloġija (PAT). Il-PAT huwa ftehim speċifiku li għandu jiġi konkluż bejn il-parteċipanti tar-riċerka konġunta li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, inklużi dawk fir-rigward tad-dritt ta’ proprjetà u tal-użu, inkluża l-pubblikazzjoni, ta’ informazzjoni u proprjetà intellettwali li għandha tinħoloq matul riċerka konġunta. Fir-rigward ta’ proprjetà intellettwali (PI), il-PAT normalment ser jindirizza, fost affarijiet oħra, id-dritt ta’ proprjetà, protezzjoni, drittijiet tal-utent għall-finijiet ta’ riċerka u żvilupp, sfruttament u disseminazzjoni, inklużi arranġamenti għall-pubblikazzjoni konġunta, id-drittijiet u l-obbligi ta’ riċerkaturi fuq żjara u proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi. Il-PAT għandu wkoll jindirizza informazzjoni prominenti u ta’ sfond, l-għoti ta’ liċenzji u elementi kunsinnabbli. Il-PAT għandu jiġi żviluppat fi ħdan ir-regoli u r-regolamenti fis-seħħ f’kull Parti b’konsiderazzjoni għall-għanijiet tar-riċerka konġunta, il-kontributi finanzjarji jew kontributi oħra relattivi tal-Partijiet u l-parteċipanti, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għoti tal-liċenzji skont it-territorju jew l-oqsma tal-użu, ir-rekwiżiti imposti mil-liġijiet applikabbli, il-bżonn ta’ proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi u fatturi oħrajn meqjusa xierqa mill-parteċipanti. Id-drittijiet u l-obbligi li jikkonċernaw ir-riċerka ġenerata minn riċerkaturi fuq żjara (i.e. riċerkaturi li ma jkunux ġejjin minn Parti jew parteċipant) fir-rigward tal-PI għandhom ukoll ikunu indirizzati fil-pjanijiet teknoloġiċi konġunti ta’ tmexxija. Il-PAT għandu jiġi approvat mill-aġenzija responsabbli għall-għoti tal-fondi, jew mid-dipartiment tal-Parti involuta fil-finanzjament tar-riċerka, qabel il-konklużjoni tar-riċerka speċifika u tal-kuntratti ta’ koperazzjoni fl-iżvilupp li magħha huma jkunu mehmuża.

    5.

    L-informazzjoni jew il-proprjetà intellettwali maħluqa matul riċerka konġunta u mhux indirizzati f’PAT tiġi allokata skont il-prinċipji stabbiliti fl-istess PAT. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil li ma jistax jissolva bil-proċedura miftiehma ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi, tali informazzjoni jew PI għandhom ikunu proprjetà tal-parteċipanti kollha konġuntement involuti fir-riċerka konġunta li minnha ħarġet l-informazzjoni jew il-PI. Kull parteċipant li għalih tapplika din id-dispożizzjoni għandu jkollu d-dritt li juża tali informazzjoni jew PI għall-isfruttament kummerċjali tiegħu stess mingħajr limitazzjoni ġeografika.

    6.

    Skont il-liġijiet applikabbli, kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra u l-parteċipanti tagħha jistgħu ikollhom id-drittijiet tal-PI allokati lilhom.

    7.

    Filwaqt li jżommu l-kundizzjoni ta’ kompetizzjoni fl-oqsma affetwati mill-Ftehim, kull Parti għandha tagħmel li tista’ sabiex tiżgura li d-drittijiet miksuba skont il-Ftehim, u arranġamenti magħmula taħtu, ikunu eżerċitati b’mod li jinkoraġġixxu, partikolarment

    (i)

    id-disseminazzjoni u l-użu ta’ informazzjoni maħluqa, żvelata jew b’xi mod ieħor magħmula disponibbli taħt dan il-Ftehim, u

    (ii)

    l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali.

    8.

    It-terminazzjoni jew l-iskadenza tal-Ftehim ma jaffettwawx drittijiet jew obbligi tal-parteċipanti fir-rigward tal-proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ proġetti kurrenti approvati skont dan l-Anness.

    II.   Xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur u xogħlijiet letterarji xjentifiċi

    Id-drittijiet tal-awtur li jkunu tal-Partijiet jew tal-parteċipanti tagħhom għandhom jingħataw trattament konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Berne (Att ta’ Pariġi 1971) u mal-Ftehim TRIPS. Bla ħsara għat-Taqsima III, u sakemm mhux miftiehem mod ieħor fil-PAT, ir-riżultati ta’ riċerka għandhom jiġu pubblikati konġuntement mill-Partijiet jew parteċipanti. Bla ħsara għal din ir-regola ġenerali msemmija, għandhom japplikaw l-proċeduri li ġejjin:

    1.

    Fil-każ ta’ pubblikazzjoni minn Parti jew entitajiet pubbliċi ta’ dik il-Parti ta’ ġurnali, artikoli, rapporti, kotba, inklużi video u software xjentifiċi u tekniċi li ġejjin minn riċerka konġunta skont il-Ftehim, il-Parti l-oħra tkun intitolata għal liċenza fid-dinja kollha, mhux esklussiva, irrevokabbli, mingħajr drittijiet tal-awtur sabiex tittraduċi, tirriproduċi, tadatta, tittrasmetti, u tqassam pubblikament tali xogħolijiet.

    2.

    Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jiddisseminaw xogħlijiet letterarji ta’ karattru xjentifiku li jkunu ġejjin mir-riċerka konġunta skont il-Ftehim u pubblikati minn pubblikaturi indipendenti bl-aktar mod mifrux possibbli.

    3.

    Il-kopji kollha ta’ xogħol bid-dritt tal-awtur li ser ikunu distribwiti pubblikament u preparati taħt din id-dispożizzjoni, għandhom juru l-isem/ismijiet tal-awtur(i) tax-xogħol sakemm l-awtur ma jkunx espliċitament jixtieq li jibqa’ anonimu. Il-kopji għandhom ukoll jillustraw rikonoxximent viżibbli b’mod ċar tal-appoġġ koperattiv tal-Partijiet.

    III.   Informazzjoni mhux żvelata

    A.   Informazzjoni dokumentata mhux żvelata

    1.

    Kull Parti, l-aġenziji tagħha jew il-parteċipanti tagħha, kif xieraq, għandhom jidentifikaw kmieni kemm jista’ jkun, u preferibbilment fil-PAT, l-informazzjoni li huma jixtiequ tibqa’ mhux żvelata fir-rigward tal-Ftehim, b’kont meħud inter alia tal-kriterji li ġejjin:

    (a)

    is-segretezza tal-informazzjoni fis-sens li ma tkunx, bħala entità jew fil-konfigurazzjoni preċiża jew fil-muntaġġ tal-komponenti tagħha, ġeneralment magħrufa fost, jew aċċessibbli fil-pront b’mezzi legali għal, esperti fl-oqsma;

    (b)

    il-valur kummerċjali attwali jew potenzjali tal-informazzjoni bis-saħħa tas-segretezza tagħha;

    (c)

    il-protezzjoni preċedenti tal-informazzjoni fis-sens li din kienet suġġetta għal passi li kienu raġonevoli fiċ-ċirkostanzi minn persuni leċitament fil-kontroll, sabiex jippreżervaw is-segretezza tagħha. Il-Partijiet u l-parteċipanti tagħhom jistgħu f’ċerti każijiet jaqblu li, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, xi partijiet tal-informazzjoni jew l-informazzjoni kollha provduta, skambjata jew maħluqa matul ir-riċerka konġunta skont il-Ftehim, ma tistax tiġi żvelata.

    2.

    Kull Parti għandha tiżgura li hija u l-parteċipanti tagħha jidentifikaw b’mod ċar l-informazzjoni mhux żvelata, per eżempju permezz ta’ marka adatta jew indikazzjoni restrittiva. Dan japplika wkoll għal xi riproduzzjoni tal-informazzjoni msemmija, fit-totalità jew parzjalment. Parti li qed tirċievi informazzjoni mhux żvelata skont il-Ftehim għandha tirrispetta n-natura privileġġata tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet għandhom awtomatikament jintemmu meta din l-informazzjoni tiġi żvelata mill-proprjetarju fid-dominju pubbliku.

    3.

    L-informazzjoni mhux żvelata komunikata taħt dan il-Ftehim tista’ tiġi disseminata mill-Parti riċeventi lil persuni fi ħdan jew impjegati mill-Parti riċeventi u dipartimenti oħra konċernati jew aġenziji tal-Parti riċeventi awtorizzati għall-finijiet speċifiċi ta’ riċerka konġunta kurrenti, sakemm kwalunkwe informazzjoni mhux żvelata disseminata b’dan il-mod għandha tkun skont ftehim bil-miktub ta’ kunfidenzalità u għandha tkun rikonoxxibbli fil-pront bħala tali, kif stabbilit hawn fuq.

    4.

    Bil-kunsens bil-miktub bil-quddiem tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni mhux żvelata permezz ta’ dan il-Ftehim, il-Parti riċeventi tista’ tiddissemina tali informazzjoni mhux żvelata b’mod aktar wiesa’ milli kif diversament permess fil-paragrafu 3. Il-Partijiet għandhom jikkoperaw fl-iżvilupp ta’ proċeduri għat-talba jew otteniment tal-kunsens miktub bil-quddiem għal tali dissiminazzjoni aktar wiesgħa, u kull Parti għandha tagħti tali approvazzjoni sal-limitu permissibbli skont il-politika, ir-regolamenti u l-liġijiet domestiċi tagħha.

    B.   Informazzjoni non-dokumentarja mhux żvelata

    L-informazzjoni non-dokumentarja mhux svelata jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tingħata f’konferenzi u laqgħat oħra li jsiru taħt il-Ftehim, jew l-informazzjoni li tinkiseb mis-sekondar ta’ persunal, mill-użu tal-faċilitajiet, jew minn proġetti konġunti għandhom jiġu trattati mill-Partijiet jew mill-parteċipanti tagħhom skont il-prinċipji speċifikati għall-informazzjoni dokumentarja fil-Ftehim; bil-kundizzjoni, madankollu, li r-riċevitur ta’ tali informazzjoni mhux żvelata jew informazzjoni oħra kunfidenzali jew privileġġata ikun ġie infurmat minn qabel u bil-miktub dwar in-natura kunfidenzali tal-informazzjoni li ser tkun komunikata.

    C.   Kontroll

    Kull Parti għandha tagħmel dak li tista’ sabiex tiżgura li informazzjoni mhux żvelata li tkun irċeviet taħt dan il-Ftehim tkun kontrollata kif previst hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir taf li hija sejra tkun, jew li raġonevolment hija mistennija li ssir, inkapaċi milli tissodisfa d-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu d-disseminazzjoni tat-Taqsimiet A u B, hija għandha immedjatament tinforma lill-Parti l-oħra. Il-Partijiet għandhom sussegwentement jikkonsultaw bejniethom sabiex jiddefinixxu l-azzjoni xierqa li għandha tittieħed.

    Top