This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007R0875
Commission Regulation (EC) No 875/2007 of 24 July 2007 on the application of Articles 87 and 88 of the EC Treaty to de minimis aid in the fisheries sector and amending Regulation (EC) No 1860/2004
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 ta’ l- 24 ta’ Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 ta’ l- 24 ta’ Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004
ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013
25.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 193/6 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 875/2007
ta’ l-24 ta’ Lulju 2007
dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,
Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 lill-Kummissjoni jagħtiha s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ regolament, massimu li taħtu l-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jkunux jilħqu l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għalhekk ma jkunux jaqgħu taħt il-proċedura ta’ notifika stipulata fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat. |
(2) |
Abbażi ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (3), li tistabbilixxi massimu ta’ EUR 100 000 għal kull benefiċjarju matul perjodu ta’ tliet snin. Oriġinarjament, dak ir-Regolament ma kienx japplika għas-setturi ta’ l-agrikoltura, is-sajd, l-akkwakultura u t-trasport, fid-dawl tar-regoli speċjali li japplikaw f’dawk is-setturi. |
(3) |
Fir-rigward tas-settur ta’ l-agrikoltura u s-sajd, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004 tas-6 ta’ Ottubru 2004 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna de minimis fis-settur ta’ l-agrikoltura u s-sajd (4) (traduzzjoni mhux uffiċjali) stabilixxa limitu speċifiku ta’ EUR 3 000 għal kull benefiċjarju għal kull perjodu ta’ tliet snin li għandu japplika għal dawk is-setturi, peress li fid-dawl ta’ l-esperjenza li kisbet il-Kummissjoni, seta’ jiġi affermat li livelli baxxi ħafna ta’ għajnuna mogħtija f’dawk is-setturi ma jilħqux il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, jekk kemm-il darba jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Dan huwa l-każ meta kemm l-ammont ta’ għajnuna li jirċievu l-produtturi individwali jibqa’ baxx, kif ukoll il-livell totali ta’ għajnuna mogħtija lil dawn is-setturi ma jaqbiżx perċentwal żgħir tal-valur ta’ produzzjoni. |
(4) |
Minħabba ċirkostanzi ekonomiċi li nbidlu, u fid-dawl ta’ l-esperjenza li nkisbet fl-applikazzjoni tar-regoli ġenerali eżistenti de minimis, tqies li huwa meħtieġ li dawk ir-regoli jinbidlu. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 tat-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna de minimis (5) (traduzzjoni mhux uffiċjali). Dak ir-regolament issostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 69/2001, għolla l-limitu de minimis ġenerali minn EUR 100 000 għal EUR 200 000, firex l-applikazzjoni tiegħu għas-settur ta’ l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli u introduċa limitu de minimis ġdid ta’ EUR 100 000 ta’ għajnuna mill-Istat għas-settur tat-trasport bit-triq. |
(5) |
L-esperjenza reċenti fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd, u partikolarment il-limitu de minimis stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 kif ukoll il-Linji ta’ Gwida għall-eżami ta’ l-għajnuna mill-Istat għas-sajd u l-akkwakultura (6) wrew li r-riskju ta’ tagħwiġ tal-kompetizzjoni minn għajnuna de minimis huwa fil-fatt aktar baxx milli kien previst fl-2004. |
(6) |
Fid-dawl ta’ l-esperjenza li kisbet il-Kummissjoni, l-għajnuna lill-impriżi fis-settur tas-sajd li ma taqbiżx it-EUR 30 000 kull benefiċjarju matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin tista’ titqies li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma tgħawwiġx jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni meta l-ammont totali ta’ għajnuna bħal din mogħtija lill-impriżi kollha fis-settur tas-sajd matul tliet snin taqa’ taħt il-limitu ta’ madwar 2,5 % tal-produzzjoni annwali mis-sajd. Huwa għalhekk xieraq li ngħidu li għajnuna bħal din ma taqax taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Is-snin li wieħed għandu jikkonsidra għal dan il-għan huma s-snin fiskali kif użati għal skopijiet fiskali fl-Istat Membru kkonċernat. Il-perjodu rilevanti ta’ tliet snin għandu jiġi vvalutat regolarment, u għalhekk jeħtieġ li għal kull għotja ġdida ta’ għajnuna de minimis, jiġi determinat l-ammont totali ta’ għajnuna bħal din fis-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll dak ta’ matul is-sentejn fiskali ta’ qabel. |
(7) |
Għajnuniet oħra mogħtija mill-Istati Membri ukoll għandhom jitqiesu f’konċessjonijiet ta’ għajnuna de minimis. |
(8) |
M’għandux ikun possibbli li miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jaqbżu l-limitu de minimis jinqasmu f’għadd ta’ partijiet iżgħar biex dawn il-partijiet jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. |
(9) |
F’konformità mal-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, għajnuna de minimis titqies li tkun ingħatat fil-mument li d-dritt legali li tintlaqa’ din l-għajnuna tingħata lill-benefiċjarju taħt ir-reġim nazzjonali applikabbli. |
(10) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliet li, ladarba l-Komunità tkun illeġiżlat għat-twaqqif ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari ta’ l-agrikoltura, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jieħdu l-ebda miżura li tista’ timminah jew li toħloq eċċezzjonijiet għalih (7). Dan il-prinċipju japplika wkoll fis-settur tas-sajd. Għal din ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għajnuna, li l-ammont tagħha huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mqiegħda fis-suq. |
(11) |
Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għajnuna de minimis li tiffavorixxi prodotti nazzjonali fuq dawk importati. Barra minn hekk, dan ir-Regolament, m’għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni f’pajjiżi oħra. Għajnuna għall-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid normalment ma titqiesx li hija għajnuna għall-esportazzjoni. |
(12) |
Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal impriżi li jkunu f’diffikultà fl-ambitu tat-tifsira tal-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (8), fid-dawl tad-diffikultajiet marbuta mad-determinar ta’ l-ewkivalenti ta’ l-għotja grossa li tingħata lil dan it-tip ta’ impriżi. |
(13) |
Wara li jitqiesu l-għanijiet tal-politika komuni dwar is-sajd, l-għajnuna li sservi biex tiżdied il-kapaċità għas-sajd u għajnuna mogħtija għall-bini jew ix-xiri ta’ bastimenti tas-sajd m’għandhiex taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, ħlief għal għajnuna għall-immodernizzar ’il fuq mill-gverta, kif jissemma fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (9). |
(14) |
Għall-finijiet tat-trasparenza, it-trattament indaqs u l-applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis, huwa xieraq li l-Istati Membri japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu. Biex dan il-kalkolu jitħaffef u jkun skond skond ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006, huwa xieraq li l-ammonti ta’ l-għajnuna li ma jkunux taħt forma ta’ għotja ta’ flus ikunu konvertiti fl-ekwivalenti tagħhom bħala għotja grossa. Fil-kalkolu ta’ l-għotja ekwivalenti għal tipi trasparenti ta’ għajnuna barra minn għotjiet jew għajnuna li jkunu mħallsa bin-nifs, jeħtieġ li jintużaw ir-rati ta’ mgħax prevalenti fis-suq fil-mument li tingħata din l-għajnuna. Għall-finijiet ta’ applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, ir-rati tas-suq għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala r-rata ta’ referenza ffissata perjodikament mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea jew fuq l-Internet. Madankollu, jista’ jkun meħtieġ li jiżdiedu punti bażiċi addizzjonali fuq ir-rata bażika minħabba s-sigurtajiet pprovduti jew ir-riskju assoċjat mal-benefiċjarju. |
(15) |
Għall-finijiet tat-trasparenza, it-trattament ugwali u l-monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li tkun trasparenti. L-għajnuna trasparenti hija għajnuna li għaliha jkun possibbli li tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir analiżi tar-riskju. Kalkolu preċiż bħal dan jista’, pereżempju, isir fir-rigward ta’ għotjiet, sussidji fuq ir-rati ta’ interess u eżenzjonijiet limitati tat-taxxa. L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet tal-kapital ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma tkunx inqas mil-limitu de minimis. L-għajnuna inkluża fil-miżuri tal-kapital ta’ riskju msemmija fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trawwim ta’ l-investimenti f’kapital ta’ riskju f’impriżi żgħar u ta’ daqs medju (10), m’għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti sakemm l-iskema ta’ kapital ta’ riskju kkonċernata tipprovdi kapital biss sal-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira. L-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti meta l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rati ta’ interess prevalenti fis-suq fil-mument li ssir l-għotja. |
(16) |
Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura, adottata minn Stat Membru, tista’ ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat abbażi ta’ raġunijiet oħra barra minn dawk imsemmija f’dan ir-Regolament, pereżempju, fil-każ ta’ injezzjonijiet ta’ kapital, minħabba li miżura bħal din ġiet deċiża f’konformità mal-prinċipju ta’ investitur fis-suq. |
(17) |
Huwa neċessarju li tiġi pprovduta ċertezza ġuridika għal skemi ta’ garanzija li ma għandhomx il-potenzjal li jaffettwaw il-kummerċ u jgħawġu l-kompetizzjoni u li dwarhom hemm biżżejjed data biex jiġu vvalutati b’mod affidabbli kwalunkwe effetti potenzjali. Dan ir-Regolament għalhekk għandu jittrasponi l-limitu ġenerali de minimis ta’ EUR 30 000 għal kull benefiċjarju għal limitu speċifiku skond il-garanzija li jkun ibbażat fuq l-ammont totali garantit tas-self individwali li fuqu tkun ibbażata garanzija bħal din. Huwa xieraq li jiġi kkalkulat dan il-limitu speċifiku billi tintuża metodoloġija għall-analiżi ta’ l-ammont ta’ għajnuna Statali inkluż fl-iskemi ta’ garanzija li jkopru s-self favur impriżi vijabbli. Il-metodoloġija u d-data użati għal kalkolu ta’ dan il-limitu speċifiku ta’ garanzija għandhom jeskludu impriżi f’diffikultà kif imsemmi fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istati għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà. Dan il-limitu speċifiku għalhekk m’għandux japplika għall-għajnuna ad hoc individwali, mogħtija barra mill-ambitu ta’ l-iskema ta’ garanzija, għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà, jew għal garanziji għal tranżazzjonijiet ta’ sfond li ma jikkostitwixxux self, pereżempju garanziji fuq tranżazzjonijiet ta’ ishma. Il-limitu speċifiku għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-fatt li meta wieħed iqis ir-rata massima (net default rate) ta’ 13 %, li tirrappreżenta l-agħar xenarju possibbli għal skemi ta’ garanzija fil-Komunità, garanzija ekwivalenti għal EUR 225 000 tista’ titqies li għandha ekwivalenza ta’ l-għotja grossa identika għal-limitu ġenerali de minimis stabbilit f’dan ir-Regolament. Huma biss garanziji li jkopru sa 80 % tas-self fl-isfond li għandhom ikunu koperti b’dan il-limitu speċifiku |
(18) |
Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu rispettati, u b’mod partikolari li l-għajnuna li tingħata skond ir-regoli de minimis tikkonforma mal-kundizzjonijiet tagħhom. Skond l-Artikolu 10 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kisba ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-mekkaniżmu meħtieġ biex jiġi żgurat li l-ammont totali ta’ l-għajnuna, mogħtija skond ir-regoli de minimis, ma jaqbiżx il-limitu ta’ EUR 30 000 għal kull benefiċjarju jew il-limitu kumplessiv stabbilit mill-Kummissjoni abbażi tal-valur tal-produzzjoni mis-sajd għal kull Stat Membru matul perjodu ta’ tliet snin fiskali. Għal dak il-għan, huwa xieraq li meta l-Istati membri jagħtu għajnuna de minimis, huma għandhom jinfurmaw lill-impriża kkonċernata bl-ammont ta’ l-għajnuna u l-karattru de minimis tagħha, billi jirreferu għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din, l-Istat Membru għandu jikseb mingħand l-impriża dikjarazzjoni dwar għajnuna oħra de minimis li ngħatat matul is-sena fiskali kkonċernata u s-sentejn fiskali ta’ qabel, u jivverifika bir-reqqa li l-limitu de minimis ma jinqabiżx mill-għajnuna de minimis il-ġdida. Alternattivament, il-konformità mal-limiti massimi tista’ wkoll tiġi żgurata permezz ta’ reġistru ċentrali. |
(19) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza u peress li l-limitu għal għajnuna de minimis għas-settur tas-sajd b’hekk huwa differenti mil-limitu għal għajnuna de minimis għas-settur ta’ l-agrikoltura, regolament speċifiku applikabbli biss għas-settur tas-sajd għandu jiġi adottat u r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandu jiġi emendat kif jixraq. |
(20) |
Fid-dawl ta’ l-esperjenza tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-frekwenza li biha huwa ġeneralment meħtieġ li tiġi riveduta l-politika ta’ l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari billi jitqies il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1998/2006 u Nru 1860/2004, huwa xieraq li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun limitat sal-31 ta’ Diċembru 2013. F’każ li dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jiġi estiż, l-Istati Membri għandu jkollhom perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna de minimis koperta minnu. Għall-finijiet taċ-ċertezza ġuridika, huwa xieraq li jiġi ċċarat l-effett tar-Regolament fuq l-għajnuna li tingħata qabel ma jkun daħal fis-seħħ, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ambitu
Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lil impriżi fis-settur tas-sajd, ħlief għal:
(a) |
għajnuna, li l-ammont tagħha huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mqiegħda fis-suq; |
(b) |
għajnuna għal attivitajiet relatati ma’ l-esportazzjoni, l-aktar għajnuna marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati, għall-istabbiliment u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew infiq kurrenti ieħor marbut ma’ l-attività ta’ l-esportazzjoni; |
(c) |
għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti nazzjonali fuq dawk importati; |
(d) |
għajnuna biex tiżdied il-kapaċità tas-sajd, espressa f’termini ta’ tunnellati jew qawwa, kif definiti fl-Artikolu 3(n) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 sakemm ma tikkonċernax għajnuna għall-immodernizzar ’il fuq mill-gverta kif jissemma fl-Artikolu 11(5) ta’ dak ir-Regolament; |
(e) |
għajnuna għax-xiri jew il-bini ta’ bastimenti tas-sajd; |
(f) |
għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) |
“impriżi fis-settur tas-sajd” tfisser impriżi attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd; |
(b) |
“prodotti tas-sajd” tfisser il-prodotti definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (11); |
(c) |
“proċessar u tqegħid fis-suq” tfisser l-operazzjonijiet kollha, li jinkludu l-manipulazzjoni, t-trattament, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni li jsiru bejn il-ħin tal-ħatt l-art jew il-qbid u l-istadju tal-prodott aħħari. |
Artikolu 3
Għajnuna de minimis
1. Miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li ma jilħqux il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għandhom għalhekk ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, jekk dawn ikunu jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament.
2. L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kwalunkwe impriża waħda m’għandhiex taqbeż EUR 30 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. Il-limitu għandu japplika irrispettivament mill-forma ta’ l-għajnuna jew l-għan aħħari. Il-perjodu għandu jiġi determinat b’referenza għas-snin fiskali li jintużaw fl-Istat Membru kkonċernat.
3. Meta ammont totali ta’ għajnuna jaqbeż dan il-limitu, dak l-ammont ta’ għajnuna ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anki għal frazzjoni li ma taqbiżx dak il-limitu. F’każ bħal dan, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintalab għal din il-miżura ta’ għajnuna, la fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, u lanqas f’xi żmien ieħor suċċessiv.
4. L-għajnuna totali de minimis mogħtija b’hekk lil impriżi diversi fis-settur tas-sajd m’għandhiex taqbeż il-valuri previsti għall-Istati Membri, kif jidhru mqassma fl-Anness matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali.
5. Il-limiti fil-paragrafi 2 u 4 għandhom ikunu espressi bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ tariffa oħra. Fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra barra minn għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti ta’ l-għajnuna bħala għotja grossa.
6. Għajnuna li titħallas f’diversi ħlasijiet għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument ta’ l-għotja. Ir-rata ta’ l-imgħax li għandha tintuża għalskopijiet ta’ skont u biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti gross għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument ta’ l-għotja.
7. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li jsir kalkolu preċiż tal-għotja grossa ekwivalenti ta’ l-għajnuna ex ante mingħajr il-bżonn ta’ analiżi ta’ riskju (“għajnuna trasparenti”). B’mod partikolari:
(a) |
L-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti meta l-għotja grossa ekwivalenti tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ rati ta’ interess tas-suq li jintużaw fil-mument li tkun ingħatat l-għajnuna. |
(b) |
L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital m’għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma jaqbiżx il-limitu de minimis. |
(c) |
L-għajnuna inkluża fil-miżuri ta’ kapital ta’ riskju m’għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-iskema ta’ kapital ta’ riskju kkonċernata tipprovdi kapital biss sal-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira. |
(d) |
L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital m’għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta’ avvanzi li għandhom jitħallsu lura jaqbeż il-limitu applikabbli skond dan ir-Regolament. |
(e) |
Għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ garanzija lill-impriżi li mhumiex impriżi f’diffikultà għandha titqies bħala għajnuna de minimis meta l-parti garantita tas-self fl-isfond ipprovdut taħt skema bħal din ma taqbiżx EUR 225 000 għal kull impriża. Jekk il-parti garantita tas-self tal-garanzija tapplika biss għal parti mogħtija ta’ dan il-limitu, l-ammont ta’ l-għajnuna bħala għotja grossa ta’ dik il-garanzija għandu jkun l-ekwivalenti għalistess proporzjon tal-limitu applikabbli stipulat fil-paragrafu 2. Il-garanzija ma għandhiex tkun aktar minn 80 % tas-self ta’ l-isfond. |
8. L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ l-għajnuna ta’ l-Istat fir-rigward ta’ l-istess spejjeż eliġibbli jekk din l-akkumulazzjoni tirriżulta f’intensità ta’ għajnuna li taqbeż dak iffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ f’regolament għall-eżenzjoni ġenerali jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.
Artikolu 4
Monitoraġġ
1. Meta Stat Membru jagħti għajnuna de minimis lil impriża, għandu jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont ta’ l-għajnuna espressa bħala ekwivalenti gross u dwar in-natura de minimis tagħha, billi jagħmel referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Meta l-għajnuna de minimis tingħata lil impriżi differenti fuq il-bażi ta’ l-iskema u ammonti differenti ta’ għajnuna individwali jingħataw lil dawk il-impriżi fl-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jonora dak l-obbligu billi jinforma lil-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi ma’ l-ammont massimu ta’ għajnuna li ser tingħata fl-iskema. F’każ bħal dan, is-somma fissa għandha tintuża biex jiġi determinat kwalunkwe wieħed mil-limiti previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ l-Artikolu 3 jintlaħqux. L-Istat Membru għandu wkoll jikseb, qabel l-għoti ta’ l-għajnuna, mill-impriża kkonċernata dikjarazzjoni bil-miktub jew f’forma elettronika dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun irċeviet matul is-sentejn fiskali preċedenti u s-sena fiskali kurrenti.
2. L-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis il-ġdida biss wara li jkun ivverifika li din ma tkunx se tgħolli l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis miksub mill-impriża matul il-perjodu li jkopri s-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll is-sentejn fiskali preċedenti f’dak l-Istat Membru għal livell ’il fuq mil-limiti stipulati fl-Artikolu 3(2) u (4).
3. Meta Stat Membru jkun stabbilixxa reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fi ħdan dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 ma jibqax japplika mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin fiskali.
4. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn ir-reġistri għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew osservati. Ir-reġistri dwar għajnuna de minimis individwali għandha tinżamm għal 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Ir-reġistri fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin mid-data li fiha kienet ingħatat l-aħħar għajnuna individwali taħt dik l-iskema. Fuq talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol, jew kwalunkwe perjodu itwal li jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis miksuba minn kwalunkwe impriża u mis-settur tas-sajd ta’ l-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1 sa 3 u, jekk ikun xieraq, fl-Artikolu 4. Kull għajnuna li ma tikkonformax ma’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni skond l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.
2. Kwalunkwe għajnuna de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 bħala applikabbli għas-settur tas-sajd sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.
3. Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ tkun implimentata b’mod validu għal perjodu ta’ sitt xhur.
Artikolu 6
Emendi
Ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandu jkun emendat kif ġej:
(a) |
Fit-titolu, il-kliem “u s-setturi tas-sajd” għandhom jinbidlu b’ “settur”. |
(b) |
Fl-Artikolu 1, il-kliem “is-setturi ta’ l-agrikoltura jew tas-sajd” għandhom jinbidlu bis-“settur ta’ l-agrikoltura”. |
(c) |
Fl-Artikolu 2:
|
(d) |
Fl-Artikolu 3(2), għandu jitħassar it-tieni subparagrafu. |
(e) |
Fl-Artikolu 4(2), il-kliem “u s-sajd, rispettivament” għandhom jitħassru. |
(f) |
Fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(3), il-kliem “jew sajd” għandhom jitħassru. |
(g) |
L-Anness II huwa mħassar. |
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u applikabilità
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2007.
Għall-Kummissjoni
Joe BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.
(2) ĠU C 276, 14.11.2006, p. 7.
(3) ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.
(4) ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4.
(5) ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.
(6) ĠU C 229, 14.9.2004, p. 5.
(7) Il-Kawża C-113/2000 Spanja v/il-Kummissjoni, [2002] ECR 2002 I-7601, punt 73.
(8) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(9) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.
(10) ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.
(11) ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.
ANNESS
Ammonti kumulattivi tas-sajd skond l-Istat Membru, kif jissemma fl-Artikolu 3(4)
(EUR) |
|
BE |
11 800 000 |
DK |
433 000 |
DE |
1 008 000 |
EL |
57 650 000 |
ES |
48 950 000 |
FR |
3 718 000 |
IE |
8 508 000 |
IT |
18 015 000 |
LU |
127 880 000 |
NL |
138 550 000 |
AT |
94 325 000 |
PT |
1 562 000 |
FI |
3 923 000 |
SE |
5 233 000 |
UK |
0 |
CZ |
740 000 |
EE |
255 000 |
CY |
35 875 000 |
LV |
620 000 |
LT |
21 125 000 |
HU |
15 688 000 |
MT |
524 000 |
PL |
338 000 |
SI |
1 133 000 |
SK |
7 075 000 |
BG |
11 153 000 |
RO |
102 725 000 |